SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla)
18 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet li jiddestabbilizzaw il-Moldova – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Listi tal-persuni, entitajiet u organi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi jew li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Organizzazzjoni u tmexxija ta’ manifestazzjonijiet vjolenti – Artikolu 1(1)(a)(ii) u Artikolu 2(1)(a)(ii) tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 u Artikolu 2(3)(a)(ii) tar-Regolament (UE) 2023/888 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Żball ta’ evalwazzjoni – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑489/23,
Ilan Mironovich Shor, residenti f’Caesarea (l-Iżrael), irrappreżentat minn T. Bontinck, L. Marchal, avukati, u C. Zatschler, SC,
rikorrent,
vs
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Boggio‑Tomasaz u E. Nadbath, bħala aġenti, assistiti minn E. Raoult, avukata,
konvenut,
sostnut minn
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus Carcea, L. Baumgart u T. Baumé, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u M. Stancu, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
|
– |
ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Awwissu 2023, |
|
– |
id-deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2023 li biha l-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-Kunsill; |
|
– |
in-nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Lulju 2024, |
wara s-seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Ilan Mironovich Shor, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1047 tat‑30 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (ĠU 2023, L 140 I, p. 9 u rettifika fil-ĠU L, 2023/90187), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1045 tat‑30 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/888 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (ĠU 2023, L 140 I, p. 1 u rettifika fil-ĠU L, 2023/90185) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali”), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1244, tas‑26 ta’ April 2024, li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L, 2024/1242), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1243 tas‑26 ta’ April 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/888 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L, 2024/1243) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernawh u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab wara l-adozzjoni tal-atti inizjali. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa negozjant u politiku ta’ nazzjonalità Moldovana u Iżraeljana. Huwa kien il-mexxej tal-partit politiku Moldovan ȘOR sax-xoljiment tiegħu fid‑19 ta’ Ġunju 2023. |
|
3 |
Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea, fuq talba tal-mexxejja attwali tar-Repubblika tal-Moldova, minħabba l-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni li qiegħed jaffaċċja dan il-pajjiż, azzjonijiet li intensifikaw sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina u li jheddu li jostakolaw l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni. |
|
4 |
Fit‑28 ta’ April 2023, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/891 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (ĠU 2023, L 114, p. 15). Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/888 tat‑28 ta’ April 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (ĠU 2023, L 114, p. 1 u rettifika fil-ĠU L, 2024/90730). |
|
5 |
L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2023/891 jipprevedi dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’:
|
|
6 |
L-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2023/891 jipprevedi li għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għal azzjonijiet jew politiki li jikkompromettu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, jew id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova, jew li jappoġġjaw jew jimplimentaw dawn l-azzjonijiet jew politiki permezz ta’ wieħed mit-tliet azzjonijiet imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. |
|
7 |
Permezz tal-atti inizjali, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi tal-persuni, entitajiet u korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2023/891 u fl-Anness I tar-Regolament 2023/888 (iktar ’il quddiem il-“listi inkwistjoni”), għar-raġunijiet li ġejjin: “Ilan Shor huwa politiku (Kap tal-Partit Politiku ŞOR) u negozjant mir-Repubbika tal-Moldova li huwa involut fil-finanzjament illegali tal-partiti politiċi fir-Repubblika tal-Moldova u fl-inċitament għall-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika. Il-Partit ŞoR, immexxi minn Ilan Shor, huwa involut fil-ħlas u t-taħriġ ta’ persuni biex jipprovokaw diżordni u inkwiet waqt il-protesti fir-Repubblika tal-Moldova. Permezz ta’ deċiżjoni datata t‑13 ta’ April 2023, il-Qorti tal-Appell ta’ Chisinau kkundannat lil Ilan Shor ħati ta’ frodi u ħasil tal-flus fil-każ ta’ ‘Frodi Bankarja’ għal 15‑il sena ħabs u l-konfiska ta’ assi għal valur ta’ EUR 254 miljun. Fondi minn din il-frodi bankarja fuq skala kbira u l-konnessjonijiet ma’ oligarki korrotti u entitajiet ibbażati f’Moska kienu u għadhom qed jintużaw, skont l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, biex joħolqu b’mod artifiċjali inkwiet politiku fil-pajjiż. L-azzjonijiet tiegħu diretti lejn l-imminar tad-demokrazija tar-Repubblika tal-Moldova jinkludu l-għoti ta’ finanzjament illegali biex tiġi appoġġata l-attività politika favur il-Kremlin fir-Repubblika tal-Moldova. Eżempju tal-użu ta’ tali fondi huwa l-organizzazzjoni ta’ protesti u manifestazzjonijiet vjolenti, primarjament fil-belt kapitali Chișinău, bl-għajnuna ta’ dimostranti mħallsa mix-ŞOR Party, matul l‑2022‑2023. Billi dderieġa u ppjana dimostrazzjonijiet vjolenti u permezz tal-imġiba finanzjarja ħażina serja tiegħu b’rabta ma’ fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, Ilan Shor huwa responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova.” |
|
8 |
Fil‑31 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2023/891, kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1047, u fir-Regolament 2023/888, implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/1045 (ĠU 2023, C 190, p. 5). Permezz ta’ dan l-avviż, il-persuni inkwistjoni ġew informati b’mod partikolari bil-fatt li jistgħu jibagħtu lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tal-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni. |
|
9 |
Fit‑8 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrent talab li jiġu kkomunikati l-provi li jissostanzjaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. |
|
10 |
Fl‑14 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent id-Dokument WK 6381/2023 REV 1 li jinkludi l-provi li jikkonċernawh (iktar ’il quddiem id-“Dokument WK 6381/2023”). |
Fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors
|
11 |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑27 ta’ Frar 2024, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ ismu. Il-Kunsill kkomunikalu wkoll id-Dokument WK 2428/2024 li jinkludi l-provi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“Dokument WK 2428/2024”) u informah bil-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet qabel it‑13 ta’ Marzu 2024. |
|
12 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2024, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fil-posta elettronika tas‑27 ta’ Frar 2024 u fid-Dokument WK 2428/2024. |
|
13 |
Fis‑26 ta’ April 2024, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma, li permezz tagħhom il-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent ġew estiżi sad‑29 ta’ April 2025. |
|
14 |
Fl-atti ta’ żamma, il-Kunsill iġġustifika l-estensjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent billi għamel żewġ emendi għall-motivi inizjali relatati mal-fatt li l-partit politiku tiegħu kien ġie ddikjarat antikostituzzjonali fix-xahar ta’ Ġunju 2023. Għalhekk, il-motivi tal-atti ta’ żamma jippreċiżaw li, minn naħa, “[q]abel ma l-Partit ȘOR, immexxi [mir-rikorrent] ġie ddikjarat bħala wieħed mhux kostituzzjonali f’Ġunju 2023, [ir-rikorrent] kien involut fil-ħlas u t-taħriġ ta’ persuni biex jipprovokaw diżordni u inkwiet waqt il-protesti fir-Repubblika tal-Moldova” u li, min-naħa l-oħra, “[w]ara li l-Partit [tar-rikorrent] ġie ddikjarat mhux kostituzzjonali, [huwa] kompla jiffaċilita l-influwenza Russa fix-xena politika tar-Repubblika tal-Moldova billi ffinanzja illegalment partiti oħra u pprova jxaħħam lill-politiċi”. |
|
15 |
Permezz ta’ posta elettronika tad‑29 ta’ April 2024, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni u bil-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet ġodda qabel l‑1 ta’ Novembru 2024. |
It-talbiet tal-partijiet
|
16 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
Il‑Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż. |
Id-dritt
Fuq it-talbiet għall-annullament tal-atti kkontestati
|
19 |
Mir-raġunijiet għall-inklużjoni u għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirriżulta espliċitament li dan huwa s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, peress li l-Kunsill qies li huwa kien responsabbli għal azzjonijiet li kienu jikkompromettu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà ta’ dan l-Istat minħabba tnejn mit-tliet atti msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2023/891. |
|
20 |
Minn naħa, il-Kunsill jikkritika lir-rikorrent talli mexxa u ppjana manifestazzjonijiet vjolenti fir-Repubblika tal-Moldova, fis-sens tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a)(ii) u fl-Artikolu 2(1)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2023/891 kif ukoll fl-Artikolu 2(3)(a)(ii) tar-Regolament 2023/888 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (ii)”). Min-naħa l-oħra, il-Kunsill iqis li r-rikorrent huwa responsabbli għal nuqqasijiet finanzjarji serji li jikkonċernaw fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, fis-sens tal-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(a)(iii) u fl-Artikolu 2(1)(a)(iii) tad-Deċiżjoni 2023/891 kif ukoll fl-Artikolu 2(3)(a)(iii) tar-Regolament 2023/888 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (iii)”). |
|
21 |
Fid-dawl tan-natura alternattiva tagħhom, huwa biżżejjed, sabiex l-atti kkontestati jkunu fondati fid-dritt, li wieħed miż-żewġ kriterji li l-Kunsill uża sabiex jinkludi u jżomm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni kien ġie ġustament użat, hekk kif barra minn hekk irrikonoxxew il-partijiet waqt is-seduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li l-ewwel teżamina l-motivi u l-argumenti tar-rikorrent li jikkritikaw il-legalità tal-atti kkontestati sa fejn dawn huma bbażati fuq il-kriterju (ii). |
|
22 |
F’dan ir-rigward, insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok, it-tielet, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u, ir-raba’, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
|
23 |
Ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati huma vvizzjati b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li tipprekludih milli jiddefendi ruħu u b’hekk jippreġudika d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
24 |
B’mod partikolari, sa fejn huwa akkużat li “mexxa u ppjana manifestazzjonijiet vjolenti”, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tippermettilhux jifhem liema aġir huwa konkretament akkużat bih. Il-motivi tal-atti kkontestati huma impreċiżi u l-elementi fattwali li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jikkunsidra li dan il-kriterju kien issodisfatt ma humiex identifikabbli. |
|
25 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
26 |
Skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma għandhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il-Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dan il-każ, il-bażijiet legali tal-atti kkontestati huma faċilment identifikabbli, peress li jirriżultaw espliċitament mill-motivi mfakkra fil-punti 7 u 14 iktar ’il fuq. |
|
29 |
Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-Kunsill qies li r-rikorrent kien responsabbli għal azzjonijiet li kienu jikkompromettu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà ta’ dan l-Istat minħabba tnejn mit-tliet atti msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2023/891 kif ukoll fl-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament 2023/888, jiġifieri l-kriterji (ii) u (iii). |
|
30 |
Fir-rigward tal-kriterju (ii), il-Kunsill espona b’mod li jinftiehem u inekwivoku r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa kkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-manifestazzjonijiet immexxija u organizzati mir-rikorrent kienu jrenduh responsabbli għal azzjonijiet li kienu jikkompromettu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà ta’ dan l-Istat. |
|
31 |
Fil-fatt, minn naħa, il-Kunsill indika li r-rikorrent kien involut f’inċitamenti għall-vjolenza kontra l-gvern attwali tar-Repubblika tal-Moldova. Min-naħa l-oħra, huwa jakkużah li jsostni attività politika favur ir-Russja f’dan il-pajjiż, b’mod partikolari billi jħallas lil persuni sabiex jipparteċipaw f’avvenimenti organizzati mill-partit tiegħu u billi jħarriġhom sabiex jikkawżaw b’mod artifiċjali inkwiet fil-pajjiż. |
|
32 |
Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-kuntest li fih ġew adottati l-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, mill-premessi 1 sa 12 tad-Deċiżjoni 2023/891 jirriżulta essenzjalment li l-Kunsill impenja ruħu li jsostni lir-Repubblika tal-Moldova quddiem l-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni mwettqa bl-għajnuna u fl-interess tal-Federazzjoni Russa bl-għan li tostakola l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni billi timmira b’mod partikolari l-persuni li, permezz ta’ atti ta’ vjolenza bħal dawk li bihom huwa akkużat ir-rikorrent, jirrappreżentaw theddida għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt kif ukoll għall-istabbiltà u għas-sigurtà tar-Repubblika tal-Moldova. |
|
33 |
Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, skont il-kriterju (ii), il-motivazzjoni tal-atti kkontestati kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jiddefendi ruħu u jifhem ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tagħhom. |
|
34 |
Barra minn hekk, sa fejn huma bbażati fuq il-kriterju (ii), għandu jiġi nnotat li l-atti kkontestati ma humiex ibbażati fuq id-deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2023 tal-Qorti tal-Appell ta’ Chișinău (il-Moldova), li għaliha jsir riferiment fl-atti kkontestati sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent biss abbażi tal-kriterju (iii). |
|
35 |
Għaldaqstant, sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jimmotiva l-adozzjoni tal-atti kkontestati skont il-kriterju (ii), il-Kunsill ma kienx obbligat li juri r-raġunijiet li għalihom huwa kien qies li din id-deċiżjoni ġudizzjarja kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif teżiġi l-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il-Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), kif barra minn hekk irrikonoxxa r-rikorrent waqt is-seduta. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument imqajjem kontra l-atti ta’ żamma, ibbażat fuq il-fatt li, fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kunsill iddikjara li isem ir-rikorrent kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni 2023/891, li jirrigwarda l-persuni li jostakolaw jew li jimminaw il-proċess politiku demokratiku fir-Repubblika tal-Moldova. Fil-fatt, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-kontenut tan-noti ppreżentati mill-Kunsill, u dan iktar u iktar peress li dan tal-aħħar irrikonoxxa li dawn in-noti kienu vvizzjati bi żball tal-pinna fuq dan il-punt. |
|
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888
|
38 |
L-ewwel motiv huwa, essenzjalment, maqsum f’ħames partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888, it-tieni, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-raba’, fuq użu ħażin ta’ poter u, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 21(1) TUE. |
– Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali
|
39 |
Il-Kunsill isostni li, permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara d-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888 inapplikabbli fl-intier tagħhom. Issa, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-opportunità tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK). |
|
40 |
Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
41 |
Ċertament, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, u lanqas fir-rigward tal-atti adottati abbażi tagħhom. |
|
42 |
Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi ppreżentati fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Din id-dispożizzjoni ma teskludix il-possibbiltà li tiġi kkontestata, b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, il-legalità ta’ att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra miżura restrittiva individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il-Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punt 62). |
|
43 |
Madankollu, peress li l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali favur kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il-Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk li fl-okkażjoni ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjonijiet tal-Kunsill li jimponu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-Qorti Ġenerali aċċettat li setgħet validament tkun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità d-dispożizzjoni tal-att ta’ portata ġenerali li tistabbilixxi l-kriterju li abbażi tiegħu isem il-persuna kkonċernata kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑348/14, EU:T:2016:508, punti 57 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan il-każ, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità limitata għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888 li jipprevedu l-kriterji (ii) u (iii), fatt li l-Kunsill barra minn hekk irrikonoxxa bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta. |
|
45 |
Fid-dawl tal-punt 21 iktar ’il fuq, hemm lok għalhekk li jsir eżami tal-ewwel motiv sa fejn dan huwa intiż li jikkontesta l-legalità tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-kriterju (ii). |
– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq użu ħażin ta’ poter, u l-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 21(1) TUE
|
46 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti, tar-raba’ parti u tal-ħames parti tal-ewwel motiv, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888 għandhom għanijiet differenti minn dawk li l-Kunsill huwa awtorizzat li jsegwi fil-kuntest tal-PESK. |
|
47 |
Skont ir-rikorrent, l-għan li jikkonsisti f’li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni ta’ Stat terz mal-Unjoni ma huwiex għan tal-PESK, peress li l-proċess ta’ adeżjoni huwa rregolat mill-Artikolu 49 TUE, li ma jinsabx f’kapitolu tat-Trattat dwar il-PESK. Barra minn hekk, il-Kunsill fir-realtà jsegwi l-għan li joħloq distorsjoni tal-proċess demokratiku intern ta’ pajjiż ġar, b’tali mod li l-użu tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jiġġustifika l-adozzjoni, rispettivament, tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888 jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter. Skont ir-rikorrent, dawn il-miżuri restrittivi għandhom biss l-għan li jimmiraw ċerti membri tal-oppożizzjoni politika, fuq talba tal-Gvern tal-Moldova, li jikkostitwixxi ndħil fil-proċess politiku demokratiku intern tar-Repubblika tal-Moldova bi ksur tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 21(1) TUE. |
|
48 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
49 |
F’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888 għandhom bħala bażi legali, rispettivament, l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215(2) TFUE, jiġifieri l-bażijiet legali rilevanti fil-qasam tal-PESK, li bħala tali ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent. L-argument ta’ dan tal-aħħar jimplika, fil-fatt, pjuttost li jiġi vverifikat jekk dawn l-atti jaqgħux effettivament fil-kuntest tal-PESK. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, minħabba l-portata wiesgħa tal-miri u tal-għanijiet tal-PESK, kif espressi fl-Artikolu 3(5) u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati magħha, b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 24 TUE, il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi lill-Kunsill marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxi s-suġġett tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il-Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Huwa fid-dawl ta’ elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm l-għan u l-kontenut tal-att inkwistjoni, li għandha tiġi mistħarrġa l-għażla tal-bażi legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
F’dan il-każ, skont il-premessa 11 tagħha, id-Deċiżjoni 2023/891 għandha l-għan li timponi restrizzjonijiet fuq il-moviment u miżuri ta’ ffriżar tal-assi kontra persuni responsabbli għal azzjonijiet jew politiki li jikkompromettu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà f’dan l-Istat, jew li jsostnu jew jimplimentaw dawn l-azzjonijiet jew politiki u persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom. |
|
53 |
Skont il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2023/891, dawn il-miżuri restrittivi jaqgħu fil-kuntest ta’ politika ta’ appoġġ għall-mexxejja attwali tar-Repubblika tal-Moldova, pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni, bl-għan li jissaħħu r-reżiljenza, is-sigurtà, l-istabbiltà, l-ekonomija u l-provvista tal-enerġija ta’ dan il-pajjiż fil-konfront tal-attivitajiet ta’ destabbilizzazzjoni mmexxija minn atturi esterni. |
|
54 |
Din il-politika ta’ appoġġ taqa’ hija stess fil-kuntest imfakkar fil-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2023/891, li jipprovdi li l-Gvern tal-Moldova għamel progress sinjifikattiv fit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt kif ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, iżda qiegħed jiffaċċja diversi kriżijiet u qed jiffaċċja dejjem iktar theddid dirett għall-istabbiltà tiegħu, li joriġina kemm minn gruppi interni b’interessi partikolari kif ukoll mill-Federazzjoni Russa, li spiss jikkontribwixxu għad-devjazzjoni tal-pajjiż mill-perkors ta’ riforma tiegħu. Mill-premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li, skont l-evalwazzjoni tal-Kunsill, tali azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni kienu jeħtieġu reazzjoni immedjata fid-dawl tal-importanza li kellha l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Moldova bħala pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni li tinsab fil-fruntieri tagħha. |
|
55 |
Huwa f’dan il-kuntest li, fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2023/891, il-Kunsill indika li l-persuni responsabbli għal atti ta’ vjolenza kienu jirrappreżentaw theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-Repubblika tal-Moldova. |
|
56 |
Fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2023/891, jidher għalhekk li din id-deċiżjoni hija direttament marbuta mal-għanijiet tal-PESK stabbiliti fl-Artikolu 21(2)(b)TUE, sa fejn din hija intiża, essenzjalment, li tikkonsolida u ssostni d-demokrazija u l-Istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova. |
|
57 |
F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-organizzazzjoni, it-tmexxija jew il-parteċipazzjoni f’manifestazzjonijiet vjolenti jew f’atti oħra ta’ vjolenza tista’ tiġġustifika azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK ibbażata fuq l-għan li d-demokrazija u l-istat tad-dritt jiġu kkonsolidati u sostnuti f’pajjiż terz. |
|
58 |
Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-manifestazzjonijiet paċifiċi, li huma komponent essenzjali tad-demokrazija fi stat tad-dritt, il-manifestazzjonijiet vjolenti jistgħu jippreġudikaw il-bażijiet legali u istituzzjonali tal-pajjiż ikkonċernat u ma jaqgħux taħt id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ għaqda paċifika ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u mill-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
59 |
Minn dan jirriżulta li l-kriterju (ii) seta’ jiġi introdott fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2023/891 u tar-Regolament 2023/888 ibbażati, rispettivament, fuq l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215(2) TFUE. |
|
60 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-rikorrent. |
|
61 |
Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument li, billi jfittex li jiffaċilita l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ pajjiż kandidat, il-Kunsill isegwi għan li ma għandux rabta mal-PESK. |
|
62 |
Fil-fatt, ir-rispett tal-istat tad-dritt, li huwa valur essenzjali li fuqu hija bbażata l-Unjoni, huwa prerekwiżit għall-adeżjoni mal-Unjoni u l-Artikolu 21(2)(b) TUE jawtorizza lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi sabiex isostni, b’mod partikolari, l-istat tad-dritt f’pajjiż terz. Għaldaqstant, il-Kunsill huwa kompetenti sabiex jadotta miżuri restrittivi intiżi li jsostnu l-istat tad-dritt f’pajjiż terz kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni. |
|
63 |
Sussegwentement, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Fil-fatt, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jekk, abbażi ta’ ħjiel oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ikun ittieħed esklużivament, jew tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom il-poter inkwistjoni ngħata jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattati sabiex jiffaċċjaw iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Issa, ir-rikorrent ma pprovdiex tali indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-Kunsill kellu għanijiet differenti minn dak li kien jirriżulta mid-Deċiżjoni 2023/891. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li l-Kunsill wieġeb pożittivament għal talba għal appoġġ tal-Unjoni fid-dawl tal-azzjonijiet li kienu jheddu li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova ma jfissirx li l-atti adottati f’dan ir-rigward huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter. Bl-istess mod, l-allegazzjoni li l-miżuri restrittivi kienu maħsuba “sabiex jimmiraw […] speċifikament lejn il-leaders prinċipali tal-oppożizzjoni” hija kontradetta mill-formulazzjoni ġenerali tal-kriterji ta’ inklużjoni inkwistjoni, formulazzjoni li tirrendihom applikabbli għal kategoriji oħra ta’ persuni li ma humiex personalitajiet politiċi. |
|
65 |
Fl-aħħar nett, peress li huwa stabbilit li l-Kunsill kien awtorizzat jadotta d-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888, b’mod partikolari sabiex isostni d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova konformement mal-Artikolu 21(2)(b) TUE, l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 21(1) ta’ dan it-trattat ma jistax jintlaqa’. |
|
66 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fin-nota ta’ adattament, it-talbiet preċedenti lanqas ma huma invalidati mill-fatt li l-Kunsill indika li huwa ma kellux dokumenti dwar it-talba għal appoġġ imressqa mir-Repubblika tal-Moldova, li għaliha jsir riferiment fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/891. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jispjegax kif l-assenza ta’ dokument dwar din it-talba tippermetti li jiġi stabbilit li d-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888 huma vvizzjati b’xi illegalità. |
|
68 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti, ir-raba’ parti u l-ħames parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
69 |
Ir-rikorrent isostni li l-interpretazzjoni li l-Kunsill jadotta tal-kriterju (ii) hija sproporzjonata u għandha bħala konsegwenza li ħafna rġiel u nisa politiċi fl-Unjoni jistgħu jissodisfawh. Fil-fehma tiegħu, fid-dawl tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ għaqda paċifika, huma biss il-manifestazzjonijiet organizzati b’mod intenzjonali bl-għan li jitwettqu atti ta’ vjolenza li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. |
|
70 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
71 |
F’dan id-dawl, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma li kienu jimplikaw min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom dan tal-aħħar kien mitlub jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Minn dan hija ddeduċiet li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti kellha l-intenzjoni li ssegwi, li setgħet taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostni essenzjalment ir-rikorrent, iċ-ċirku ta’ persuni potenzjalment suġġetti għal miżuri restrittivi bbażati fuq il-kriterju (ii) ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat. |
|
73 |
Fil-fatt, mill-kliem stess tal-Artikolu 1(1)(a)(ii) u tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2023/891 jirriżulta li kull organizzazzjoni, tmexxija jew parteċipazzjoni f’manifestazzjoni vjolenti jew f’atti oħra ta’ vjolenza ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. |
|
74 |
L-ewwel nett, sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi abbażi ta’ dan il-kriterju, l-azzjonijiet tal-persuna kkonċernata għandhom ikunu ta’ natura li jikkompromettu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, jew id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà f’dan l-Istat. Fi kliem ieħor, dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jimminaw il-bażi istituzzjonali u legali ta’ dan il-pajjiż (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punt 101). |
|
75 |
Sussegwentement, kif jirrileva r-rikorrent, l-użu tal-kliem “manifestazzjonijiet vjolenti” u “atti oħra ta’ vjolenza” jimplika neċessarjament li miżuri restrittivi ma jistgħux jiġu adottati kontra persuni responsabbli mill-organizzazzjoni, mit-tmexxija jew mill-parteċipazzjoni f’manifestazzjonijiet koperti mid-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika stabbilit fl-Artikolu 11 tal-KEDB u fl-Artikolu 12(1) tal-Karta. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 11 tal-KEDB, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tad-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika stabbilit fl-Artikolu 12(1) tagħha, jirriżulta li kull manifestazzjoni li fiha ġiet ikkonstatata vjolenza ma tistax tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-organizzaturi tagħha. |
|
77 |
Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika japplika għal-laqgħat kollha, ħlief għal dawk fejn l-organizzaturi jew il-parteċipanti jkunu mmexxija minn intenzjonijiet vjolenti, jinċitaw il-vjolenza jew b’xi mod ieħor jiċħdu l-pedamenti tas-soċjetà demokratika (ara l-Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Kudrevičius et vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2015:1015JUD003755305, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, persuna ma tieqafx milli tgawdi mid-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika minħabba atti ta’ vjolenza sporadiċi jew atti kundannabbli oħra mwettqa minn persuni oħra matul il-manifestazzjoni, sakemm l-intenzjonijiet jew l-aġir tal-persuna kkonċernata jibqgħu paċifiċi (ara l-Qorti EDB, 5 ta’ Jannar 2016, Frumkin vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2016:0105JUD007456812, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Fl-aħħar nett, teżisti relazzjoni raġonevoli bejn il-kriterju (ii) u l-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888. Fil-fatt, sa fejn il-Kunsill ried isostni, b’mod partikolari, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova billi jipprekludi li azzjonijiet destabbilizzanti mwettqa minn atturi esterni jheddu li jostakolaw l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ dan il-pajjiż, l-approċċ li jikkonsisti f’li jiġu mmirati l-persuni responsabbli mill-organizzazzjoni, mit-tmexxija jew mill-parteċipazzjoni f’manifestazzjonijiet vjolenti jew f’atti oħra ta’ vjolenza li jistgħu jikkompromettu din l-adeżjoni jissodisfa b’mod koerenti dawn l-għanijiet. |
|
79 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-kriterju (ii) ma jidhirx li huwa manifestament mhux xieraq fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Kunsill. |
|
80 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
– Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ċertezza legali
|
81 |
Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba li l-kriterji stabbiliti mid-Deċiżjoni 2023/891 u mir-Regolament 2023/888 kienu jirrendu impossibbli għal persuna kkonċernata li tevita l-miżuri restrittivi, ikun xi jkun l-aġir tagħha. F’dan ir-rigward, fit-tweġiba tiegħu tat‑13 ta’ Mejju 2024 għat-talba għal aċċess għad-dokumenti mressqa mir-rikorrent abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), il-Kunsill afferma li żvelar tal-atti preparatorji tal-atti kkontestati kien jirriskja li jċaħħad il-miżuri restrittivi mill-effett utli tagħhom billi juri kif il-persuni kkonċernati jistgħu b’mod iktar faċli jaħarbu mis-sistema ta’ miżuri restrittivi, li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
82 |
Barra minn hekk, il-kriterju (ii) huwa intiż li jimponi sanzjonijiet kriminali retroattivament minħabba aġir fil-passat u ma huwiex ċar biżżejjed. |
|
83 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
84 |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għal-liġi (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni suġġetti għal-liġi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom konsegwentement (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, ir-rikorrent ma identifikax l-aspetti tal-kriterju (ii) li, fil-fehma tiegħu, ma kinux ċari jew preċiżi. |
|
86 |
Sussegwentement, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li l-kriterju (ii) huwa intiż sabiex jissanzjona kriminalment ċerti persuni minħabba l-aġir passat tagħhom. |
|
87 |
Fil-fatt, b’mod ġenerali, il-miżuri restrittivi ma għandhomx in-natura ta’ sanzjoni kriminali, peress li l-fondi inkwistjoni huma ffriżati b’mod kawtelatorju u, għalhekk, provviżorji. |
|
88 |
F’dan il-każ, in-natura kawtelatorja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija kkonfermata mill-premessi 4 u 5 u 7 sa 10 tad-Deċiżjoni 2023/891, li minnhom jirriżulta li d-diversi kriterji ta’ inklużjoni li hija tipprevedi huma intiżi li jiġġieldu l-atti ta’ destabbilizzazzjoni li jirrappreżentaw “theddida” għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova. |
|
89 |
Fi kliem ieħor, il-persuni responsabbli għal tali azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni ma humiex issanzjonati minħabba l-aġir passat tagħhom, iżda huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi peress li l-Kunsill ikkunsidra li, minħabba l-aġir tagħhom, huma kienu jirrappreżentaw, fil-jum tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, theddida għad-demokrazija u għall-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż. |
|
90 |
F’dan, il-miżuri essenzjalment għandhom l-għan li jipprekludu atti bħal dawn jew ir-ripetizzjoni tagħhom, u huma iktar ibbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ theddida attwali jew futura milli fuq l-evalwazzjoni ta’ mġiba fil-passat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 110). Kull interpretazzjoni oħra jkollha l-konsegwenza li tobbliga lill-Kunsill jibbaża ruħu biss fuq aġir sussegwenti għall-istabbiliment tal-kriterji inkwistjoni, u b’hekk iċaħħad mill-effettività l-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 29 TUE u mill-Artikolu 215 TFUE. |
|
91 |
Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni li l-formulazzjoni ta’ dan il-kriterju twassal għall-impossibbiltà li jiġu evitati l-miżuri restrittivi ma tistax tintlaqa’. |
|
92 |
Fil-fatt, il-validità tal-miżuri restrittivi hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan assoċjat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn il-miżuri restrittivi, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista inkwistjoni jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq il-kontenut tar-risposta tal-Kunsill tat‑13 ta’ Mejju 2024 għat-talba konfermattiva għal aċċess li r-rappreżentanti tar-rikorrent ippreżentaw abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 lanqas ma jippermetti li jiġi stabbilit li d-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888 jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
94 |
Fil-fatt, dan l-argument huwa intiż, fir-realtà, sabiex jikkritika l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat‑13 ta’ Mejju 2024 li tirrifjuta parzjalment l-aċċess għal ċerti dokumenti. Peress li din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-illegalità tagħha fil-kuntest ta’ din il-proċedura (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
96 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni
|
97 |
Minn naħa, ir-rikorrent isostni li l-artikli fl-istampa li jinsabu fil-fajl tal-provi tal-Kunsill ma jistgħu jingħataw ebda saħħa probatorja, peress li l-istampa Moldovana ma hijiex indipendenti. Barra minn hekk, huwa biss meta l-Kunsill ma jkollux setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiż terz li huwa jista’ jibbaża ruħu fuq tali artikli tal-istampa. F’dan il-każ, id-delegazzjoni tal-Unjoni fir-Repubblika tal-Moldova kienet perfettament f’pożizzjoni li twettaq investigazzjonijiet fuq il-post. |
|
98 |
Min-naħa l-oħra, il-laqgħat tad‑19 ta’ Ġunju 2022 u tat‑12 ta’ Marzu 2023 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “vjolenti” fis-sens tal-kriterju (ii). |
|
99 |
Skont ir-rikorrent, dawn il-manifestazzjonijiet, li jirrigwardaw talbiet leġittimi kontra t-tnaqqis tal-livell ta’ għajxien fir-Repubblika tal-Moldova, seħħew b’mod paċifiku u ma għandhom ebda rabta ma’ tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni ta’ dan il-pajjiż. Għall-kuntrarju, dawn jirriflettu biss ix-xogħol tal-oppożizzjoni eletta demokratikament. Barra minn hekk, l-uniċi azzjonijiet vjolenti kkonstatati waqt dawn il-laqgħat huma imputabbli lill-pulizija li bblokkat l-aċċess tal-parteċipanti għall-postijiet tal-laqgħa u li żammet dimostranti mingħajr ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li persuni jiġu rremunerati sabiex jipparteċipaw fil-manifestazzjonijiet ma huwiex illegali. F’dan ir-rigward, il-finanzjament imsemmi mill-Kunsill kien intiż biss sabiex jiżgura t-trasport tad-dimostranti u sabiex joffrilhom ikel u tagħmir sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-manifestazzjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta li organizza “vjaġġi” fit-Turkija sabiex iħarreġ lil żgħażagħ Moldovani bit-tekniki li jippermettu li jiġi pprovokat inkwiet tal-massa waqt il-manifestazzjonijiet. Huwa jsostni li l-partit tiegħu, li għandu esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, għen biss lill-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tirriżerva lukanda fit-Turkija u torganizza attivitajiet. |
|
100 |
Fir-rigward tal-atti ta’ żamma, ir-rikorrent isostni li l-investigazzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji mibdija f’kuntest ta’ korruzzjoni qawwija u mingħajr ma jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma setgħux iservu sabiex isostnu ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa jżid li l-artikli li jinsabu fid-Dokument WK 6381/2023 għandhom iktar minn sena u li l-Kunsill ma spjegax kif, wara x-xoljiment tal-partit tiegħu fix-xahar ta’ Ġunju 2023, huwa kompla jorganizza manifestazzjonijiet vjolenti fis-sens tal-kriterju (ii). |
|
101 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
– Fuq il-provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill sabiex isostni l-evalwazzjoni li r-rikorrent organizza u mexxa manifestazzjonijiet vjolenti fis-sens tal-kriterju (ii)
|
102 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill setax jadotta l-atti kkontestati mingħajr ma jwettaq huwa stess verifiki fuq il-post, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni li jadottaw miżuri restrittivi għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, artikli tal-istampa jew sorsi oħra ta’ informazzjoni simili (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2024, Belshyna vs Il-Kunsill, T‑115/22, EU:T:2024:187, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
103 |
F’dan il-każ, il-fatt li l-Unjoni għandha delegazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova ma jimplikax li hija għandha setgħat ta’ investigazzjoni f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, din id-delega ma għandhiex il-kompetenza li twettaq investigazzjonijiet fit-territorju Moldovan sabiex tfittex il-provi li jistgħu jkunu l-bażi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi mill-Kunsill. |
|
104 |
Il-fatt li s-sistema ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet adottata b’risposta għal talba għal sostenn tar-Repubblika Moldovana kif ukoll il-fatt li dan huwa pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni ma jinvalidax il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni tal-Unjoni f’dan il-pajjiż terz. |
|
105 |
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq elementi ta’ informazzjoni pubblikament aċċessibbli, bħal links għal siti internet, artikli tal-istampa u ritratti tal-iskrin dwar il-manifestazzjonijiet organizzati mir-rikorrent u l-partit tiegħu. |
|
106 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-affidabbiltà tal-provi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jadotta l-atti kkontestati, għandu jitfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi li minnhom jirriżulta li, meta prova tkun inkisbet b’mod regolari, l-uniku kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata s-saħħa probatorja tal-provi prodotti regolarment jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
107 |
Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika bi preċiżjoni l-provi li jistgħu jqajmu dubji dwar l-affidabbiltà tagħhom (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2023, Assaad vs Il-Kunsill, T‑426/21, EU:T:2023:114, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
108 |
F’dan il-kuntest, fl-assenza ta’ argument speċifiku dwar il-provi li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-atti kkontestati abbażi tal-kriterju (ii), il-preżentazzjoni ġenerali mir-rikorrent tal-“pajsaġġ tal-media Moldovana” ma tistax tkun biżżejjed sabiex iċċaħħad mill-valur probatorju l-artikli tal-istampa li jinsabu f’dawn id-dokumenti, li joriġinaw, barra minn hekk, minn sorsi mhux biss Moldovani, iżda wkoll Rumeni, Ingliżi u Amerikani, li l-affidabbiltà tagħhom ma hijiex ikkontestata. |
|
109 |
Ċertament, bħala eżempji, ir-rikorrent ikkritika l-allegat nuqqas ta’ indipendenza tas-siti internet “antiticorupție.md” u “deschide.md”. |
|
110 |
Madankollu, minn naħa, id-Dokumenti WK 6381/2023 u WK 2428/2024 kull wieħed fihom artiklu wieħed tal-istampa li joriġina mis-sit internet “antiticorupție.md” u jikkonċernaw biss l-allegazzjonijiet ta’ finanzjament illegali ta’ partiti politiċi mir-rikorrent, li jirrendih responsabbli għal nuqqasijiet finanzjarji serji li jikkonċernaw fondi pubbliċi fis-sens tal-kriterju (iii). Għaldaqstant, dawn l-artikoli ma jsostnux l-evalwazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrent huwa responsabbli mill-organizzazzjoni u mit-tmexxija ta’ manifestazzjonijiet vjolenti fis-sens tal-kriterju (ii). Għaldaqstant, dawn huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti kkontestati sa fejn huma bbażati fuq il-kriterju (ii). |
|
111 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kritika intiża għas-sit internet “deschide.md”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fajls tal-provi tal-Kunsill ma jinkludu ebda artiklu tal-istampa li ġej minn dan is-sit. |
|
112 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ valur probatorju tal-provi li jinsabu fid-Dokumenti WK 6381/2023 u WK 2428/2024 għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
– Fuq il-fondatezza tal-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni skont il-kriterju (ii)
|
113 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jikkontestax li l-partit tiegħu organizza diversi manifestazzjonijiet f’Chișinău kontra l-Gvern fl‑2022 u fl‑2023. |
|
114 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 iktar ’il fuq, sabiex dawn il-manifestazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “vjolenti” fis-sens tal-kriterju (ii), għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill issodisfax l-oneru tal-prova impost fuqu billi semma’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ mexxej tal-partit li organizza l-manifestazzjonijiet inkwistjoni, kellu intenzjonijiet vjolenti jew kien inċita l-vjolenza jew b’xi mod ieħor ċaħħad il-pedamenti tas-soċjetà demokratika. |
|
115 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-provi Nri 9 u 17 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artikli li dehru, rispettivament, fis‑7 ta’ Marzu 2023 fuq is-sit internet “hotnews.ro” u fis‑17 ta’ April 2023 fuq is-sit internet tal-gazzetta Times, jirriżulta li, bejn it‑3 u s‑6 ta’ Marzu 2023, il-partit tar-rikorrent organizza vjaġġ lejn Belek (it-Turkija) intiż sabiex iħarreġ madwar 80 persuna għat-tekniki li jippermettu li jinħolqu problemi tal-massa waqt manifestazzjonijiet, b’mod partikolari billi inkoraġġixxa l-ġlied mal-pulizija billi jipprova jkisser l-ostakli u jitfa’ ġebel jew bombi tad-duħħan. |
|
116 |
Fuq dan il-punt, ir-rikorrent ma jiċħadx l-eżistenza ta’ vjaġġ fit-Turkija organizzat bl-għajnuna tal-partit tiegħu. Madankollu, huwa jsostni li dawn kienu l-vaganzi tal-membri ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ u li l-partit tiegħu għenhom biss fir-riżervazzjoni tal-lukanda u fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet, għaliex huwa kellu “iktar esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ avvenimenti”. |
|
117 |
Madankollu, din l-affermazzjoni mhija sostnuta minn ebda prova fil-proċess. |
|
118 |
B’mod partikolari, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tevalwa jekk l-involviment tal-partit tiegħu fil-ġestjoni ta’ dan il-vjaġġ kienx limitat għar-riżervazzjoni ta’ lukanda u għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet jew, b’mod iktar ġenerali, jekk il-partit tiegħu kienx organizza vjaġġi oħra ta’ dan it-tip fil-passat. F’dan ir-rigward, il-karta tal-partit tiegħu, prodotta fl-Anness A.7 tar-rikors, ma turix li dan għandu, pereżempju, bħala għan soċjali l-organizzazzjoni ta’ vaganzi barra mill-pajjiż, fatt li jċaħħad mill-kredibbiltà l-allegazzjoni li l-partit tiegħu għandu l-esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ avvenimenti. |
|
119 |
Minn dan isegwi li l-indikazzjoni fil-motivi tal-atti kkontestati li r-rikorrent ħa sehem fit-taħriġ ta’ persuni bl-għan li jipprovoka problemi u aġitazzjoni waqt il-manifestazzjonijiet fir-Repubblika tal-Moldova ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni. |
|
120 |
Fit-tieni lok, diversi provi juru b’mod konkret, preċiż u konkordanti li diversi persuni ntgħażlu u tħallsu mill-partit tar-rikorrent sabiex jipparteċipaw fil-manifestazzjonijiet inkwistjoni. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-intenzjoni tar-rikorrent kienet li f’dawn il-manifestazzjonijiet jiġu involuti ċerti persuni li għandhom profil partikolari li jistgħu jikkawżaw problemi u aġitazzjoni matul dawn il-manifestazzjonijiet, bl-għan li jintimidaw lill-gvern. |
|
121 |
F’dan ir-rigward, il-prova Nru 13 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artiklu li deher fit‑3 ta’ Ottubru 2022 fuq is-sit internet “Zdg.md”, tirreferi għal investigazzjoni mmexxija minn ġurnalisti li daħlu f’manifestazzjoni organizzata mill-partit tar-rikorrent. |
|
122 |
Qabel kollox, dan l-artikolu jenfasizza l-organizzazzjoni kumplessa tal-partit tar-rikorrent sabiex jagħżel persuni, jeħodhom fil-minibus fil-post tal-manifestazzjonijiet u jħallashom remunerazzjoni minn 200 sa 400 leu Moldovan (MDL) (madwar EUR 10 sa EUR 20) inkambju għal parteċipazzjoni ta’ ftit sigħat fil-manifestazzjonijiet. Skont dan l-artiklu, persuni oħra kienu mħallsa sa USD 200 (madwar EUR 185) sabiex jikkampjaw żewġ iljieli f’tined installati quddiem il-Parlament tal-Moldova. |
|
123 |
Sussegwentement, dan l-artikolu jiddeskrivi t-tekniki użati mir-rappreżentanti tal-partit sabiex jaħbu l-istrataġema tagħhom. Minn naħa, huma kienu jużaw lingwa kkodifikata bejniethom meta kienu jikkomunikaw dwar ir-remunerazzjoni mħallsa lill-persuni li huma kienu jirreklutaw. Min-naħa l-oħra, fl-eventwalità li jkunu ġew ikkontrollati mill-pulizija, huma kienu jagħtu lil kull persuna biljett tal-karozzi tal-linja b’tali mod li tkun tista’ tallega li hija kienet ippruvat tivvjaġġa għall-manifestazzjonijiet bil-mezzi tagħha stess u li l-minibus tal-partit tar-rikorrent kienet ġabritha lura fit-triq. |
|
124 |
Fl-aħħar nett, minn dan l-artiklu jirriżulta li r-rappreżentanti tal-partit tar-rikorrent kienu jagħtu istruzzjonijiet lill-persuni preżenti b’mod li huma jimmanifestaw ruħhom b’mod attiv. Dawk li kienu juru inqas entużjażmu kienu barra minn hekk issanzjonati. |
|
125 |
L-eżistenza ta’ remunerazzjoni mħallsa lill-persuni rreklutati sabiex jipparteċipaw fil-manifestazzjonijiet hija kkorroborata mill-prova Nru 20 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artiklu li deher fit‑28 ta’ Ottubru 2022 fuq is-sit internet tal-gazzetta Washington Post, li jsemmi l-arrest ta’ 24 persuna, inklużi membri tal-partit tar-rikorrent, kif ukoll il-qbid ta’ 20 basket mimlija b’biljetti għal total ta’ MDL 3.5 miljun (madwar EUR 183000) li kienu intiżi li jintużaw sabiex jiffinanzjaw l-avvenimenti. |
|
126 |
Il-fatt li parti mill-persuni preżenti għall-manifestazzjonijiet intgħażlet mill-partit tar-rikorrent huwa sostnut ukoll mill-provi Nri 18 u 19 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artikli li dehru fis‑17 ta’ Frar 2023 fuq is-sit internet tal-ġurnal Times. |
|
127 |
Fil-fatt, dawn l-artikli jispjegaw, billi jwasslu b’mod partikolari dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-ġurnalisti infiltrati fil-manifestazzjonijiet, li r-rikorrent kien jagħżel membri ta’ gruppi paramilitari u ta’ ex suldati u uffiċjali tal-pulizija sabiex jinħoloq aġir soċjali waqt dawn il-laqgħat. |
|
128 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-organizzazzjoni tal-avvenimenti kienet tmur lil hinn mis-sempliċi provvista ta’ mezzi ta’ trasport sabiex persuna tmur hemm. |
|
129 |
B’mod partikolari, il-provi prodotti mill-Kunsill juru li l-partit ifforma u għażel persuni li għandhom profil partikolari ħafna li jistgħu jikkawżaw vjolenza u jipparteċipaw f’manifestazzjonijiet għal raġunijiet parzjalment finanzjarji u għalhekk ma humiex relatati mas-suġġett ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li dawn il-persuni kellhom l-intenzjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ għaqda paċifika billi jipparteċipaw fil-manifestazzjonijiet organizzati mill-partit tar-rikorrent. Fil-fatt, huma pparteċipaw fiha għal remunerazzjoni u mhux sabiex jesprimu t-twemmin u l-opinjonijiet personali tagħhom. |
|
130 |
Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent u l-partit tiegħu ħallsu lil persuni sabiex jipparteċipaw fil-manifestazzjonijiet juri n-natura artifiċjali tal-problemi li kienu mfittxija li jseħħu. |
|
131 |
Minn dan isegwi li l-indikazzjoni fil-motivi tal-atti kkontestati li l-partit tar-rikorrent organizza manifestazzjonijiet u laqgħat vjolenti, prinċipalment fil-belt kapitali Chișinău, bl-għajnuna ta’ dimostranti mħallsa mill-partit tiegħu fl‑2022 u fl‑2023 ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni. |
|
132 |
Fit-tielet lok, diversi provi juru li, permezz tad-dikjarazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent inċita l-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika. |
|
133 |
F’dan is-sens, il-prova Nru 14 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri stqarrija għall-istampa ppubblikata fis-sit internet tal-partit tar-rikorrent, tipprovdi d-dikjarazzjoni li ġejja: “Fl-aħħar nett, din is-setgħa tipprova tikkonvinċini li r-raġuni għall-kriżijiet li għaddejjin minnhom hija l-kunflitt fl-Ukraina. Hija gidba. U sakemm faqqgħet din il-kriżi, il-poplu tal-Moldova kien qed jgħix dejjem aktar ħażin. Illum qed niddikjaraw il-gwerra sħiħa lir-reġim attwali u nappellaw lil kulħadd biex jiġġieled biex jitneħħa mill-poter. Illum aħna ngħidu stop. Il-messaġġ tagħna huwa dan li ġej: jew Maia Sandu titlaq min-naħa tagħha stess, bil-klikka kollha tagħha, jew nieħdu l-widnejn u nieħduhom fejn għandhom ikunu, fil-ħabs u fl-ażil tal-imġienen.” |
|
134 |
Il-kont Facebook tar-rikorrent jinkludi vidjos oħra tal-istess natura li jitolbu l-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika, kif jirriżulta mill-prova Nru 2 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artiklu li deher f’Jannar 2019 fuq is-sit internet “moldovacurata.md”, li jittrażmetti d-dikjarazzjoni segwenti dwar politiku ta’ partit differenti minn tiegħu: “Issa ejja nitkellmu fuq iċ-ċinturin tiegħi, għandu erba’ snin, marti tatuli, huwa ċ-ċinturin xxurtjat tiegħi, lbistu u se nilbsu u bil-bokkla tiegħu nbewsek ukoll lil Andrusa u lil omm[ok]. U filwaqt li l-ġurnalisti jistgħu jiktbu affarijiet oxxeni dwar in-nies meta ser nasal fil-poter, u dan ser ikun dalwaqt, se nikkastigak. Ieqaf jew se nweġgħek.” |
|
135 |
Fid-dawl tal-intenzjonijiet tar-rikorrent (ara l-punti 115 sa 131 iktar ’il fuq), id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess għandhom jiġu analizzati bħala appelli sabiex il-gvern jitwaqqa’ bl-użu tal-vjolenza. |
|
136 |
Minn dan isegwi li l-indikazzjoni fil-motivi tal-atti kkontestati li r-rikorrent huwa involut f’inċitament għall-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni. |
|
137 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill issodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu billi ppreżenta sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ mexxej tal-partit li organizza l-manifestazzjonijiet inkwistjoni, kellu intenzjonijiet vjolenti u kien inċita l-vjolenza, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq. |
|
138 |
Għalhekk għad irid jiġi evalwat jekk it-tmexxija u l-organizzazzjoni ta’ dawn il-manifestazzjonijiet vjolenti humiex biżżejjed sabiex ir-rikorrent jinżamm responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2023/891. |
|
139 |
Din l-evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
140 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-premessi 1 sa 7 tad-Deċiżjoni 2023/891 jirriżulta li r-Repubblika tal-Moldova qiegħda taffaċċja azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni li, minn naħa, huma intiżi li jostakolaw l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, joriġinaw minn atturi esterni, bħall-Federazzjoni Russa, li l-azzjonijiet tagħha intensifikaw sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. |
|
141 |
Il-provi Nri 5, 6 u 10 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artiklu tad‑19 ta’ Frar 2023 li deher fuq is-sit internet “rferl.org”, stqarrija għall-istampa tal-United States Department of the Treasury (Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti tal-Amerika) tas‑26 ta’ Ottubru 2022 u artiklu tal‑15 ta’ Marzu 2023 li deher fuq is-sit internet “G 4Media.ro”, juru li l-istrateġija tal-Federazzjoni Russa hija li jiġu sfruttati n-nuqqasijiet ta’ ċerti pajjiżi fil-mira sabiex jiġi stabbilit gvern pro-Russu li jingħaqad mal-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukraina. |
|
142 |
Fir-rigward tal-azzjonijiet destabbilizzanti mill-Federazzjoni Russa inkwistjoni f’din il-kawża, il-provi Nri 11, 18 u 20 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri artiklu tat‑3 ta’ Novembru 2022 li deher fuq is-sit internet “rferl.org”, artiklu tas‑17 ta’ Frar 2023 li deher fuq is-sit internet tal-gazzetta Times u artiklu tat‑28 ta’ Ottubru 2022 li deher fuq is-sit internet tal-gazzetta Washington Post, jispjegaw kif il-Federazzjoni Russa tipprova tisfrutta d-dipendenza tar-Repubblika tal-Moldova fuq il-gass Russu sabiex toħloq aġitazzjoni fost il-popolazzjoni u tintimida lill-Gvern attwali. |
|
143 |
Essenzjalment, dawn is-sorsi differenti ta’ informazzjoni jistabbilixxu li l-Federazzjoni Russa tfittex li toħloq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tħajjar l-iskuntentizza tal-popolazzjoni fir-rigward tal-Gvern tal-Moldova attwali bl-għan li twaqqafha, billi tqiegħed lill-pajjiż fi kriżi tal-enerġija. |
|
144 |
Fit-tieni lok, ir-rabtiet bejn il-Federazzjoni Russa u r-rikorrent huma sostnuti minn diversi dokumenti, bħall-artiklu tad‑19 ta’ Frar 2023 li deher fuq is-sit internet “rferl.org”, l-artiklu tas‑7 ta’ Marzu 2023 li deher fuq is-sit internet “hotNews.ro” jew ukoll l-artiklu tat‑12 ta’ April 2023 li deher fuq is-sit internet “romania.europalibera.org”. |
|
145 |
Fil-fatt, il-partit tar-rikorrent huwa deskritt bħala “favorevoli għar-Russi” jew “pro-Russu”. Huwa stess huwa deskritt f’diversi artikoli bħala li għandu rabtiet mill-qrib mal-Federazzjoni Russa, jew saħansitra bħala “fil-paga” tal-Uffiċċju Federali tas-Sigurtà Russu. |
|
146 |
Bħala eżempji, l-artiklu li deher fit‑3 ta’ Novembru 2022 fuq is-sit internet “rferl.org” u l-istqarrija għall-istampa tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti tas‑26 ta’ Ottubru 2022 jispjegaw li r-rikorrent ipprova joħloq alleanza ma’ Russi sabiex jikkontrolla l-Parlament Moldovan sabiex isostni fih abbozzi ta’ liġi favorevoli għall-interessi Russi u jikkomprometti l-vot fuq it-talba għall-għoti tal-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni. L-artiklu tat‑3 ta’ Novembru 2022 jindika wkoll li, fl-okkażjoni ta’ żjara ta’ membri tal-partit tar-rikorrent fir-Russja, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Internazzjonali tal-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (Duma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa) faħħar lir-rikorrent u lill-partit tiegħu bħala “msieħba affidabbli” tal-Federazzjoni Russa. Fl-istess sens, il-prova Nru 7 tad-Dokument WK 6381/2023, jiġifieri stqarrija għall-istampa ppubblikata fl‑14 ta’ April 2023 fuq is-sit internet tal-partit tar-rikorrent, issemmi l-appoġġ mogħti mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Internazzjonali tad-Duma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa lill-kandidat tal-partit tar-rikorrent għall-elezzjoni tal-Gvernatur ta’ Gagaouzie. |
|
147 |
Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet tagħha stess jirriżulta (ara l-punt 133 iktar ’il fuq) li r-rikorrent jipprova jpoġġi r-responsabbiltà għaż-żieda tal-ispiża tal-enerġija fuq il-Gvern tal-Moldova, u dan jikkontribwixxi sabiex jiġi attirat l-iskuntentizza tal-popolazzjoni bl-għan li jwaqqa’ lil dan il-gvern. |
|
148 |
Fit-tielet lok, diversi provi jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tentattivi tal-Federazzjoni Russa li tisfrutta l-manifestazzjonijiet organizzati mill-partit tar-rikorrent sabiex toħloq inkwiet u tiddestabbilizza l-Gvern Moldovan. |
|
149 |
F’dan ir-rigward, ir-rapport tad‑9 ta’ Marzu 2023 tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropea tal-Kummissjoni, intitolat “L-Ukraina/Moldova — il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina”, anness mad-dokument WK 6381/2023, jispjega li l-Federazzjoni Russa qiegħda tkompli t-tentattivi tagħha li tiddestabbilizza s-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Moldovana billi tirrikorri għal theddid ibridu differenti, b’mod partikolari manifestazzjonijiet organizzati mill-partit tar-rikorrent, li għalihom kienu preżenti dimostranti li ġejjin mir-Russja. |
|
150 |
B’mod iktar speċifiku, l-artikli li dehru, rispettivament, fil‑15 ta’ Marzu 2023 fuq is-sit internet “G 4Media.ro”, fit‑12 ta’ April 2023 fuq is-sit internet “romania.europalibera.org” u fis‑17 ta’ April 2023 fuq is-sit internet tal-ġurnal Times jiddeskrivu l-mod kif l-awtoritajiet Moldovani evitaw tentattiv ta’ diversi persuni sostnuti mill-Federazzjoni Russa li kienu tħarrġu sabiex jinċitaw il-vjolenza waqt il-manifestazzjonijiet organizzati mill-partit tar-rikorrent, li wassal għal seba’ arresti. |
|
151 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-manifestazzjonijiet vjolenti inkwistjoni ġew organizzati fl-interess u bl-għajnuna tal-Federazzjoni Russa, b’tali mod li dawn jaqgħu kompletament fil-kuntest tal-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni tal-Gvern Moldovan li għalihom il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi li jirrispondu. |
|
152 |
Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-manifestazzjonijiet vjolenti mmexxija u organizzati mir-rikorrent kienu jirrendu lil dan tal-aħħar responsabbli għal azzjonijiet li kienu jikkompromettu jew jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2023/891. |
|
153 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-fatt li l-partit tiegħu ġie ddikjarat antikostituzzjonali fix-xahar ta’ Ġunju 2023 ma għamilx obsoleti l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu. |
|
154 |
Fil-fatt, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, il-kwistjoni rilevanti waqt l-eżami taż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni hija dwar jekk, mill-inklużjoni ta’ isimha jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment ta’ din il-persuna f’attivitajiet immirati mill-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
155 |
Ċertament, il-fatt li l-partit tar-rikorrent ġie ddikjarat antikostituzzjonali u, konsegwentement, ixolji lil dan tal-aħħar minn ċerti faċilitajiet sabiex jorganizza manifestazzjonijiet vjolenti bħal dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. |
|
156 |
Madankollu, it-tkomplija ta’ tali azzjonijiet ma tiddependix bħala tali mill-eżistenza tal-partit politiku li tiegħu huwa kien il-President. |
|
157 |
Fil-fatt, l-involviment prominenti tar-rikorrent fl-organizzazzjoni tal-manifestazzjonijiet vjolenti — inkluż ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ persuni remunerati sabiex jieħdu sehem fihom — li wassal għall-inklużjoni tiegħu fil-listi inkwistjoni (ara l-punti 119, 120 u 127 iktar ’il fuq), il-fatt li dawn il-manifestazzjonijiet vjolenti jagħmlu parti mit-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni politika fir-Repubblika tal-Moldova (ara l-punti 149 sa 151 iktar ’il fuq) kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent u l-attività tiegħu fuq in-networks soċjali li jattestaw l-intenzjoni tiegħu li jqajjem problemi u aġitazzjoni fi ħdan il-popolazzjoni (ara l-punti 133, 134 u 147 iktar ’il fuq) setgħu jippermettu lill-Kunsill jikkunsidra b’mod validu li seta’ jorganizza, imexxi jew jipparteċipa, direttament jew indirettament, f’manifestazzjonijiet vjolenti jew f’atti oħra ta’ vjolenza. |
|
158 |
Barra minn hekk, il-fatt li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirreferu għal sitwazzjoni fattwali li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali u li ġiet emendata reċentement ħafna ma jimplikax neċessarjament l-obsolexxenza tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu mill-imsemmija atti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
159 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2023/891, li jipprovdi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati skont il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħhom ma ntlaħqux, u mill-Artikolu 13(4) tar-Regolament 2023/888, li jipprovdi li l-lista li tinsab fl-Anness I għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar. Taħt piena li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom, għandu jitqies li dawn jippermettu ż-żamma fil-listi inkwistjoni tal-ismijiet ta’ persuni u ta’ entitajiet li ma wettqu ebda att ta’ destabbilizzazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova matul il-perijodu ta’ qabel ir-reviżjoni, jekk din iż-żamma tibqa’ ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma jkunux intlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il-Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
160 |
Għalhekk, minkejja l-fatt li l-Kunsill ma pproduċiex il-prova li r-rikorrent kien organizza, mexxa jew ipparteċipa, direttament jew indirettament, f’manifestazzjonijiet vjolenti jew f’atti oħra ta’ vjolenza sa mill-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill qies fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2024/1244 li kienet għadha tippersisti t-theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-Repubblika tal-Moldova, is-sempliċi xoljiment tal-partit tar-rikorrent ma huwiex biżżejjed sabiex jirrendi obsoleti l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu. |
|
161 |
Barra minn hekk, il-prova Nru 3 tad-Dokument WK 2428/2024, jiġifieri artiklu tal-istampa li deher fil‑11 ta’ Ottubru 2023 fuq is-sit internet “hotnews.ro”, twassal b’mod partikolari dikjarazzjoni tar-rikorrent li jħabbar il-ħolqien ta’ formazzjoni politika ġdida msejħa “Ș.OR Bloc” u l-alleanza tiegħu lill-partit politiku “Chance” immedjatament wara x-xoljiment tal-partit tiegħu stess fix-xahar ta’ Ġunju 2023. Din l-informazzjoni hija kkorroborata mill-prova Nru 5 tad-Dokument WK 2428/2024, jiġifieri artiklu tal-istampa li deher fit‑3 ta’ Novembru 2023 fuq is-sit internet “moldova.europalibera.org”, li minnu jirriżulta, skont dikjarazzjoni oħra tar-rikorrent, li dan tal-aħħar jiffinanzja l-partit “Chance”. |
|
162 |
Barra minn hekk, il-prova Nru 1 tad-Dokument WK 2428/2024, jiġifieri artiklu tal-istampa li deher fit‑22 ta’ Settembru 2023 fuq is-sit internet “Zdg.md”, u l-artiklu tat‑3 ta’ Novembru 2023 ippubblikat fuq is-sit internet “moldova.europalibera.org” jaqblu dwar il-fatt li r-rabtiet bejn ir-rikorrent u l-Federazzjoni Russa, deskritti fil-punti 144 sa 147 iktar ’il fuq, ma sparixxewx minħabba s-sempliċi fatt tax-xoljiment tal-partit tiegħu fix-xahar ta’ Ġunju 2023. |
|
163 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kuntest li ġġustifika l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma evolviex b’tali mod li kien jipprekludi lill-Kunsill milli jżomm isem ir-rikorrent f’dawn il-listi skont il-kriterju (ii) billi jibbaża ruħu fuq l-istess provi bħal dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ ismu, kif ikkompletati b’dawk li jinsabu fid-dokument WK 2428/2024. |
|
164 |
Fuq dan il-punt, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-artikli li jinsabu fid-Dokument WK 6381/2023 għandhom iktar minn sena ma jistax iwassal għall-annullament tal-atti ta’ żamma. |
|
165 |
Fil-fatt, bl-eċċezzjoni ta’ artiklu ppubblikat fix-xahar ta’ Jannar 2019, il-provi kollha li jinsabu fid-Dokument WK 6381/2023 tqiegħdu online fuq l-internet bejn il‑21 ta’ Marzu 2022 u t‑18 ta’ April 2023. Iż-żmien li għadda bejn, minn naħa, il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ informazzjoni li servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma fis‑26 ta’ April 2024 ma jistax jiġi kklassifikat bħala sinjifikattiv. |
|
166 |
Dawn id-diversi provi għalhekk baqgħu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. |
|
167 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ motiv bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali
|
168 |
Ir-rikorrent jikkunsidra li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi individwali fil-konfront tiegħu hija sproporzjonata sa fejn tippreġudika l-libertà ta’ intrapriża tiegħu u d-dritt tiegħu għall-proprjetà. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka l-fatt li l-iffriżar tal-assi tiegħu jipprekludih milli jieħu azzjonijiet finanzjarji jew milli jwettaq tranżazzjonijiet mobbli u immobbli. Huwa impossibbli għalih li jirċievi donazzjonijiet jew li jagħmel spejjeż għall-finijiet ta’ kampanja elettorali u, għaldaqstant, li jipparteċipa fil-ħajja politika tal-Moldova. Skont ir-rikorrent, il-ksur tad-dritt għall-proprjetà tiegħu la huwa xieraq u lanqas neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2023/891. Barra minn hekk, dawn il-miżuri restrittivi jippreġudikaw id-dritt tiegħu għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għal-libertà ta’ espressjoni. L-għan li jikkonsisti fid-difiża tal-istat tad-dritt fil-Moldova ma jistax jintlaħaq bl-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni. |
|
169 |
Il-Kunsill iqis li dan il-motiv huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu. Fi kwalunkwe każ, bħall-Kummissjoni, huwa jqis li dan l-argument ma huwiex fondat. |
|
170 |
Peress li l-Kunsill kien f’pożizzjoni li jirrispondi fil-mertu għall-argumenti invokati insostenn ta’ dan il-motiv, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq allegat nuqqas ta’ ċarezza tas-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent tista’ biss tiġi miċħuda. |
|
171 |
Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali, bħal dawk invokati mir-rikorrent, ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, C‑600/16 P, EU:C:2018:966, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
172 |
Għalhekk, sabiex ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandu jkun previst mil-liġi, għandu josserva l-kontenut essenzjali tagħhom, għandu jkollu għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, u ma għandux ikun sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il-Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 222 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
173 |
F’dan il-każ, dawn l-erba’ kundizzjonijiet ġew issodisfatti. |
|
174 |
Fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll prevedibbiltà suffiċjenti. |
|
175 |
Fit-tieni lok, l-atti kkontestati japplikaw għal żmien determinat u huma s-suġġett ta’ sorveljanza kostanti, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2023/891. Peress li l-imsemmija miżuri huma temporanji u riversibbli, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tal-libertajiet invokati. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2023/891 u r-Regolament 2023/888 jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw derogi għall-miżuri restrittivi applikati. B’mod partikolari, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi, l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2023/891 u l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2023/888 jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew sabiex jiġu ssodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra ma jiġux iffriżati. |
|
176 |
Fit-tielet lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi. Fil-fatt, dawn huma intiżi li jagħtu appoġġ lill-awtoritajiet Moldovani quddiem l-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni li huma jaffaċċjaw u li jistgħu jostakolaw l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, billi jimmiraw, b’mod partikolari, il-persuni li, permezz tal-atti ta’ vjolenza tagħhom, jirrappreżentaw theddida għad-demokrazija u għall-Istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova. |
|
177 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura xierqa tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali hekk fundamentali bħal dawk imsemmija fil-punt 176 iktar ’il fuq, dawn ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma sostniex li miżuri inqas restrittivi kienu jippermettu li l-għanijiet imfittxija jintlaħqu b’mod daqstant effettiv. |
|
178 |
F’dan il-kuntest, l-inkonvenjenzi kkawżati lir-rikorrent ma jistgħux jitqiesu li huma sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-atti kkontestati. |
|
179 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ membri ta’ partiti politiċi ta’ oppożizzjoni ma tippermettix li jiġi sostnut l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma ġewx adottati minħabba li r-rikorrent kien membru ta’ partit politiku ta’ oppożizzjoni, iżda għaliex kien organizza manifestazzjonijiet vjolenti u inċentiva għall-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika, li kien jirrendih responsabbli għal azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà f’dan l-Istat. |
|
180 |
Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent ma jipprekludux irrimedjabbilment li huwa jkompli attività politika ta’ oppożizzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, jekk ikun il-każ billi jiġu organizzati manifestazzjonijiet kontra l-gvern attwali, sakemm dawn ikunu “paċifiċi” fis-sens tal-Artikolu 11 tal-KEDB u tal-Artikolu 12(1) tal-Karta u sakemm dawn ma jaqgħux fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni mwettqa minn atturi esterni, bħall-Federazzjoni Russa. |
|
181 |
Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it‑talbiet għad‑danni
|
182 |
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kunsill jikkumpensa d-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tiegħu minħabba l-adozzjoni tal-atti inizjali billi jħallsu somma fl-ammont ta’ EUR 100000 b’mod provviżorju. Ir-rikorrent jippreċiża li ismu issa huwa pubblikament assoċjat ma’ aġir li jitqies li jippreġudika l-paċi, is-sigurtà u l-proċess demokratiku fir-Repubblika tal-Moldova, li neċessarjament jikkawżalu dannu. |
|
183 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
184 |
Għandu jitfakkar li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament ġarrab dannu “reali u ċert” u, f’dan ir-rigward, hija l-persuna kkonċernata li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 61 u 62). |
|
185 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent illimita ruħu li jallega, fil-punt 267 tar-rikors u fil-punt 46 tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, li l-atti inizjali kienu ppreġudikaw ir-reputazzjoni tiegħu, mingħajr ma pproduċa ebda prova prima facie tal-eżistenza u tal-portata ta’ tali dannu. |
|
186 |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fatt li ismu issa huwa assoċjat ma’ aġir inkompatibbli mal-proċess demokratiku fir-Repubblika tal-Moldova, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju (ii) ma huma vvizzjati b’ebda illegalità. |
|
187 |
Għaldaqstant, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda. |
|
188 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-legalità tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju (iii) jew li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li huwa talab, peress li l-Qorti Ġenerali għandha biżżejjed informazzjoni mill-elementi inklużi fil-proċess sabiex tiddeċiedi l-kawża. |
Fuq l-ispejjeż
|
189 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
190 |
F’dan il-każ, billi r-rikorrent tilef, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati, min-naħa tagħha, l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Svenningsen Mac Eochaidh Stancu Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Diċembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.