SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

L-Att ta’ Adeżjoni

 

It-Trattat UE

 

It-Trattat FUE

 

Il-Karta

 

Id-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar il-primat [is-supremazija]

 

Id-dritt Pollakk

 

Il-Kostituzzjoni Pollakka

 

Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċeduri dwar il-ħatriet ta’ tliet imħallfin u tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

 

Il-proċedura dwar il-ħatra ta’ tliet imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fix-xahar ta’ Diċembru 2015

 

Il-proċedura dwar il-ħatra tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

 

Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑14 ta’ Lulju 2021 u tas‑7 ta’ Ottubru 2021

 

Is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021

 

Is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021

 

Il‑proċedura prekontenzjuża

 

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq ir-rikors

 

Fuq l-ewwel ilment

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment

 

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment

 

Fuq it-tieni lment

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq in-nuqqas allegat tal-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni

 

– Fuq in-nuqqas allegat tal-prinċipju ta’ effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tielet ilment

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet ilment

 

– Fuq it-tieni parti tat-tielet ilment

 

Fuq l-ispejjeż

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 2 TUE – Artikolu 4(3) TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE – Ċaħda mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ta’ dawn is-sentenzi u ta’ dawn il-miżuri provviżorji bħala ultra vires – Identità kostituzzjonali nazzjonali – Projbizzjoni magħmula mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fuq il-korpi kollha tal-awtoritajiet pubbliċi milli japplikaw l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Kompożizzjoni irregolari tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)”

Fil-Kawża C‑448/23,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis‑17 ta’ Lulju 2023,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, C. Ladenburger u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat inizjalment minn M. Jacobs, C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti, sussegwentement minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, J. M. Hoogveld u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata inizjalment minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, sussegwentement minn M.°B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President, F. Biltgen, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, I. Ziemele, J. Passer, O. Spineanu-Matei, M. Condinanzi u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, A. Kumin, N. Jääskinen, D. Gratsias, Z. Csehi u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Marzu 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tikkonstata, li fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Pollakka”) mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

–

tikkonstata, li fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll taħt il-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–

tikkonstata, li peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba ta’ irregolaritajiet fil-proċeduri għall-ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2015 u tal-Presidenta tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; u

–

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

L-Att ta’ Adeżjoni

2

L‑Artikolu 2 tal‑Att li jirrigwarda l‑kondizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni”) jiddisponi:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

3

L-Artikolu 10 tal-Att ta’ Adeżjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-applikazzjoni tat-Trattati oriġinali u ta’ l-atti adottati mill-istituzzjonijiet għandha, bħala miżura transitorja, tkun soġġetta għad-derogi kif provdut f’dan l-Att.”

It-Trattat UE

4

Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE:

“Permezz ta’ dan it-Trattat, Il-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA qegħdin jistabbilixxu bejniethom l-UNJONI EWROPEA, hawn iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-Unjoni’ li lilha l-Istati Membri jagħtu kompetenzi sabiex jiksbu għanijiet li għandhom komuni bejniethom.

Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.”

5

L-Artikolu 2 TUE jaqra kif ġej:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

6

L-Artikolu 4 TUE jistabbilixxi:

“1.   Skond l-Artikolu 5, il-kompetenzi kollha li m’humiex mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri.

2.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.

3.   Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’ periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni.”

7

L-Artikolu 5(1) u (2) TUE jipprevedi:

“1.   Il-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi. L-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi huwa regolat mill-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

2.   Skond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.”

8

L-Artikolu 13(2) TUE huwa fformulat kif ġej:

“Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali.”

9

L-Artikolu 19(1) TUE jiddisponi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

10

L-Artikolu 49 TUE jipprevedi:

“Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista’ japplika sabiex jsir membru ta’ l-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b’din l-applikazzjoni. L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta’ eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew.

Il-kondizzjonijiet tad-dħul u l-tibdil li jkollu jsir fit-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni, minħabba f’dan id-dħul għandhom ikunu miftiehma bejn l-Istati Membri u l-Istat applikant. Dan il-ftehim għandu jiġi ppreżentat għar-ratifika mill-Istati Kontraenti kollha skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.”

It-Trattat FUE

11

Skont l-Artikolu 267 TFUE:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)

l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b)

il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni;

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

[…]”

12

L-Artikolu 279 TFUE jipprevedi:

“Fil-kawżi miġjuba quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tordna kull miżura provviżorja.”

Il-Karta

13

It-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), intitolat “Ġustizzja”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

14

L-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta jipprevedi:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

Id-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar il-primat [is-supremazija]

15

Id-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar il-primat [is-supremazija], annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2012, C 326, p. 346), hija fformulata kif ġej:

“Il-Konferenza tfakkar li, skond każistika stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, it-Trattati u l-liġijiet adottati mill-Unjoni abbażi tat-Trattati għandhom il-primat fuq il-liġi ta’ l-Istati Membri, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-każistika msemmija.

Barra minn hekk, il-Konferenza ddeċidiet li tehmeż ma’ dan l-Att Finali bħala anness, l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-primat kif tidher fid-dokument 11197/07 (JUR 260):

‘Opinjoni tas-Servizzi Legali tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 2007:

Jirriżulta mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-primat tal-liġi tal-KE huwa prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja. Skond il-Qorti, dan il-prinċipju huwa inerenti għan-natura speċifika tal-Komunità Ewropea. Fiż-żmien ta’ l-ewwel sentenza ta’ din il-każistika stabbilita ([sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66)]) il-primat ma kienx jissemma fit-trattat. L-istess għadu llum. Il-fatt li l-prinċipju tal-primat ma jkunx inkluż fit-Trattat futur bl-ebda mod mhu ser ibiddel l-eżistenza tal-prinċipju jew il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.’”

Id-dritt Pollakk

Il-Kostituzzjoni Pollakka

16

L-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni Pollakka jistabbilixxi:

“Ir-Repubblika tal-Polonja hija Stat tad-dritt demokratiku, li jwettaq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali.”

17

L-Artikolu 4(1) ta’ din il-kostituzzjoni jiddisponi:

“Fir-Repubblika tal-Polonja, is-setgħa suprema tappartjeni lin-Nazzjon.”

18

L-Artikolu 7 tal-imsemmija kostituzzjoni jipprevedi li “[l]-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaġixxu bis-saħħa ta’ u fil-limiti tad-dritt”.

19

Skont l-Artikolu 8(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, “[i]l-Kostituzzjoni hija r-regola suprema tar-Repubblika tal-Polonja”.

20

L-Artikolu 90(1) tal-istess kostituzzjoni jiddisponi li, “[i]r-Repubblika tal-Polonja tista’ tittrasferixxi, bis-saħħa ta’ trattat, lil organizzazzjoni internazzjonali jew lil organu internazzjonali, il-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi fuq ċerti kwistjonijiet”.

21

L-Artikolu 91(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Pollakka jaqra kif ġej:

“1.   Wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja, trattat irratifikat jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku nazzjonali; huwa direttament applikabbli, sakemm l-applikazzjoni tiegħu ma tiddependix fuq il-promulgazzjoni ta’ liġi.

2.   Trattat irratifikat bis-saħħa ta’ liġi ta’ awtorizzazzjoni għandu awtorità ogħla minn dik tal-liġi meta din tkun inkompatibbli mat-trattat.”

22

L-Artikolu 144 tal-imsemmija kostituzzjoni jipprevedi:

“1.   Il-President tar-Repubblika [tal-Polonja] għandu joħroġ atti uffiċjali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi kostituzzjonali u legali tiegħu.

2.   Sabiex ikunu validi, l-atti uffiċjali tal-President tar-Repubblika [tal-Polonja] għandhom jiġu kontraffirmati mill-President tal-Kunsill tal-Ministri li b’hekk tiskatta r-responsabbiltà tiegħu quddiem is-Sejm [(il-Parlament, il-Polonja)].

3.   Id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ma humiex applikabbli fil-każijiet li ġejjin:

[…]

17.   il-ħatra ta’ mħallfin,

[…]”

23

L-Artikolu 178(1) ta’ din il-kostituzzjoni jiddisponi:

“Fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom, l-imħallfin għandhom ikunu indipendenti u suġġetti biss għall-[Kostituzzjoni Pollakka] u għal-liġijiet.”

24

L-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni Pollakka huwa fformulat kif ġej:

“L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika [tal-Polonja], fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) [(iktar ’il quddiem il-‘KRS’)], għal żmien indeterminat.”

25

Konformement mal-Artikolu 188 ta’ din il-kostituzzjoni:

“It-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandha tiddeċiedi dwar:

1.

il-konformità tal-liġijiet u tat-trattati mal-[Kostituzzjoni Pollakka],

2.

il-konformità tal-liġijiet mat-trattati rratifikati li r-ratifika tagħhom teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel minn liġi,

3.

il-konformità mal-[Kostituzzjoni Pollakka], mat-trattati rratifikati u mal-liġijiet, tal-atti normattivi maħruġa mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat,

4.

il-konformità mal-[Kostituzzjoni Pollakka] tal-għanijiet jew tal-attivitajiet tal-partiti politiċi,

5.

ir-rikors kostituzzjonali msemmi fl-Artikolu 79(1)”.

26

L-Artikolu 190 tal-Kostituzzjoni Pollakka jipprevedi:

“1.   Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] huma obbligatorji erga omnes u definittivi.

2.   Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] dwar il-kawżi msemmija fl-Artikolu 188 għandhom jiġu ppubblikati mingħajr dewmien fil-pubblikazzjoni uffiċjali fejn l-att normattiv ikun ġie ppubblikat. Jekk l-att ma jkunx ġie ppubblikat, is-sentenza għandha tiġi ppubblikata fid-Dziennik Urzędowy Rzeczypospolitej Polskiej ‘Monitor Polski’ [il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja].

3.   Is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha […].

[…]

5.   It-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] għandha tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti.”

27

L-Artikolu 193 tal-Kostituzzjoni Pollakka huwa fformulat kif ġej:

“Kull qorti tista’ tindirizza lit-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] kwistjoni legali dwar il-konformità ta’ att normattiv mal-[Kostituzzjoni Pollakka], mat-Trattati rratifikati jew mal-liġi, meta s-soluzzjoni ta’ kawża li hija adita biha tiddependi mit-tweġiba għal din il-mistoqsija.”

28

L-Artikolu 194 tal-Kostituzzjoni Pollakka jistabbilixxi:

“1.   It-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] hija komposta minn ħmistax‑il imħallef magħżula individwalment mis-Sejm [(il-Parlament, il-Polonja)] għal perijodu ta’ disa’ snin minn fost il-persuni li huma distinti mill-għarfien tagħhom tad-dritt. L-elezzjoni mill-ġdid tagħhom fit-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] ma hijiex awtorizzata.

2.   Il-President u l-Viċi President tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika [tal-Polonja] minn fost il-kandidati ppreżentati mill-assemblea ġenerali tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] [(iktar ’il quddiem l-‘assemblea ġenerali’)].”

29

Skont l-Artikolu 197 tal-Kostituzzjoni Pollakka, “[l]-organizzazzjoni tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] u l-proċedura quddiemha għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi”.

Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

30

Matul is-snin 2015 u 2016, is-Sejm (il-Parlament) adotta diversi liġijiet li jemendaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

31

Fil‑25 ta’ Ġunju 2015, is-Sejm (il-Parlament) adotta l-ustawa o Trybunale Konstytucyjnym (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali) (Dz. U. pożizzjoni 1064, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali”), li daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Awwissu 2015.

32

L-Artikolu 19(1) u (2) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“1.   L-Uffiċċju tas-Sejm [(il-Parlament)] u grupp magħmul minn mill-inqas minn 50 deputat għandhom jingħataw id-dritt li jippreżentaw kandidat għall-kariga ta’ mħallef fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

2.   Il-proposta għall-ħatra ta’ kandidat għall-pożizzjoni ta’ mħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandha tiġi indirizzata lill-President tas-Sejm [(il-Parlament)] mhux iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-mandat pendenti ta’ mħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)].”

33

Skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmija liġi, il-persuna eletta għall-pożizzjoni ta’ mħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kellha tieħu ġurament quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja skont il-formula stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

34

L-Artikolu 137 tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali kien jipprevedi, b’mod tranżitorju, dwar l-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li l-mandat tagħhom kien jiskadi matul is-sena 2015, li l-proposta msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ din il-liġi kellha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ 30 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi.

35

Fid‑19 ta’ Novembru 2015, is-Sejm (il-Parlament) adotta, fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza, l-ustawa o zmianie ustawy z dnia 25 czerwca 2015 r. o Trybunale Konstytucyjnym (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali) (Dz. U. pożizzjoni 1928, iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015”), li daħlet fis-seħħ fil‑5 ta’ Diċembru 2015.

36

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi emenda l-Artikolu 19(2) tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, li issa kien ifformulat kif ġej:

“Il-proposta għall-ħatra ta’ kandidat għall-pożizzjoni ta’ mħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] hija indirizzata lill-President tas-Sejm [(il-Parlament)] 30 jum qabel l-iskadenza tal-mandat ta’ mħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)].”

37

Il-punt 4(a) tal-Artikolu 1 tal-Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015 emenda l-Artikolu 21(1) tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, li issa huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuna eletta fil-pożizzjoni ta’ mħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] tieħu ġurament quddiem il-President tar-Repubblika [tal-Polonja] f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-elezzjoni tagħha […]”

38

L-Artikolu 1(4)(b) tal-Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015 daħħal, fil-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, Artikolu 21(1a), li huwa hekk ifformulat:

“It-teħid tal-ġurament jimmarka l-bidu tal-mandat tal-imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)].”

39

L-Artikolu 1 tal-Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015 ħassar, permezz tal-punt 5 tiegħu, l-Artikolu 137 tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali u daħħal, permezz tal-punt 6 tiegħu, f’din l-aħħar liġi, l-Artikolu 137a li jipprevedi, fir-rigward tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li l-mandat tagħhom kien jiskadi matul is-sena 2015, li l-proposta msemmija fl-Artikolu 19(2) kellha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sebat ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu 137a.

40

L-Artikolu 2 tal-Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015 jipprevedi dan li ġej:

“Il-mandat tal-President attwali u tal-Viċi President attwali tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] jiskadi tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi”.

41

Fit‑22 ta’ Lulju 2016, is-Sejm (il-Parlament) adotta l-ustawa o Trybunale Konstytucyjnym (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali) (Dz. U. pożizzjoni 1157, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali”), intiża sabiex tissostitwixxi l-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali u li kellha tidħol fis-seħħ fis‑16 ta’ Awwissu 2016.

42

L-Artikolu 16(4) u (7) tal-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali kien ifformulat kif ġej:

“4.   Il-parti tas-sessjoni tal-assemblea ġenerali dwar l-elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President jew ta’ Viċi President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandha tkun ippreseduta mill-imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] l-iktar anzjan li jipparteċipa fl-assemblea ġenerali.

[…]

7.   Il-kandidati għandhom jiġu eletti jekk mill-inqas għaxar imħallfin min-numru totali ta’ mħallfin [tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] kif iddefinit fl-Artikolu 194(1) tal-[Kostituzzjoni Pollakka] jipparteċipaw fl-assemblea ġenerali. Kull imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li jipparteċipa fil-proċedura ta’ elezzjoni għandu vot wieħed biss u jista’ jivvota biss għal kandidat wieħed.”

43

Skont l-Artikolu 90 tal-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali:

“Il-President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandu jinkludi fil-kulleġġi ġudikanti l-imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li jkunu ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika [tal-Polonja] iżda li jkunu għadhom ma bdewx jaqdu l-funzjonijiet tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u jassenjalhom kawżi.”

44

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 2016 (Kawża K 39/16), it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-Artikolu 90 tal-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali kienet inkompatibbli mal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

45

Fit‑13 ta’ Diċembru 2016, is-Sejm (il-Parlament) adotta l-ustawa przepisy wprowadzające ustawę o organizacji i trybie postępowania przed Trybunałem Konstytucyjnym oraz o statusie sędziów Trybunału Konstytucyjnego (il-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Proċeduri Quddiemha u tal-Liġi dwar l-Istatus tal-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali, Dz. U. pożizzjoni 2074, iktar ’il quddiem il-“Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi”), li daħlet fis-seħħ, għal uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, fl‑20 ta’ Diċembru 2016.

46

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi ħassar il-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali.

47

L-Artikolu 18 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi jipprevedi li l-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jafda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) lil imħallef ta’ dik il-qorti.

48

L-Artikolu 20 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“L-imħallef li jaġixxi bħala President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandu jmexxi, f’terminu ta’ xahar mill-jum ta’ wara d-data tal-promulgazzjoni ta’ din il-liġi, il-proċedura ta’ preżentazzjoni lill-President tar-Repubblika tal-Polonja tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21.”

49

L-Artikolu 21 tal-imsemmija liġi, li jistabbilixxi l-proċedura għall-ħatra tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fid-dawl tal-preżentazzjoni tagħhom lill-President tar-Repubblika tal-Polonja, jistabbilixxi:

“1.   L-imħallef li jaġixxi bħala President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandu jsejjaħ mingħajr dewmien laqgħa tal-assemblea ġenerali dwar il-preżentazzjoni lill-President tar-Repubblika tal-Polonja ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] u għandu jinnotifika lill-imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] bid-data ta’ din il-laqgħa.

2.   L-imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandhom jipparteċipaw fil-laqgħa msemmija fil-paragrafu 1. L-imħallef li jaġixxi bħala President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandu jistabbilixxi l-aġenda u jippresjedi s-seduta.

3.   L-assemblea ġenerali għandha tagħżel il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] permezz ta’ vot, konformement mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 4 sa 9.

4.   Kull imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] imsemmi fil-paragrafu 2 jista’ jressaq ismu għall-proċedura ta’ għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)]. L-imħallef li jaġixxi bħala President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandu jiġbor il-kandidaturi mill-jum tal-pubblikazzjoni tad-data tal-laqgħa tal-assemblea ġenerali msemmija fil-paragrafu 1 sal-ftuħ tal-imsemmija laqgħa.

5.   Il-kunjom u l-isem tal-imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] proposti konformement mal-paragrafu 4 għandhom jitniżżlu fuq il-karta tal-vot f’ordni alfabetiku. Il-kandidaturi proposti jiġu vvotati b’mod konġunt. Il-votazzjoni hija valida jekk is-sinjal “x” jew “+” (żewġ linji li jikkoinċidu) jidher fil-kaxxa prevista għal dan l-għan fuq il-karta tal-vot ħdejn l-isem ta’ mħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)]. Il-votazzjoni għandha ssir b’mod sigriet.

[…]

7.   L-assemblea ġenerali għandha tippreżenta bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)], fil-forma ta’ riżoluzzjoni, l-imħallfin kollha tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li kisbu mill-inqas ħames voti waqt il-vot imsemmi fil-paragrafu 5.

8.   Jekk in-numru ta’ voti meħtieġ imsemmi fil-paragrafu 7 inkiseb biss minn imħallef wieħed tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)], l-assemblea ġenerali għandha tippreżenta bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)], fil-forma ta’ riżoluzzjoni, l-imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li kiseb in-numru meħtieġ ta’ minimu ta’ ħames voti u l-imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li kiseb l-ikbar appoġġ minn fost l-imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li ma laħqux in-numru meħtieġ ta’ mill-inqas ħames voti.

9.   Meta, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 8, iktar minn imħallef wieħed tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] ikun kiseb l-ogħla appoġġ fost l-imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li ma jkunux kisbu n-numru ta’ voti meħtieġ konformement mal-paragrafu 7, l-assemblea ġenerali, inkluż l-imħallef tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li jkun kiseb mill-inqas ħames voti, tippreżenta bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)], fil-forma ta’ riżoluzzjoni, l-imħallfin kollha tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] li kisbu l-ogħla numru ta’ voti.

[…]

11.   Meta l-proċedura prevista fil-paragrafi 4 sa 9 ma tkunx wasslet għall-ħatra ta’ mill-inqas żewġ imħallfin tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] bħala kandidati tal-assemblea ġenerali għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)], l-imħallef li jaġixxi bħala President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] għandu jtemm is-seduta u jsejjaħ mill-ġdid lill-assemblea ġenerali għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)].

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċeduri dwar il-ħatriet ta’ tliet imħallfin u tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

Il-proċedura dwar il-ħatra ta’ tliet imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fix-xahar ta’ Diċembru 2015

50

Permezz ta’ riżoluzzjonijiet tat‑8 ta’ Ottubru 2015 adottati matul is-seba’ leġiżlatura tiegħu, is-Sejm (il-Parlament) eleġġa ħames persuni għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Tlieta minnhom, jiġifieri R.H., A.J. u K.Ś., kellhom jissostitwixxu mħallfin li l-mandat tagħhom kien jiskadi fis‑6 ta’ Novembru 2015, u tnejn minnhom kellhom jissostitwixxu lil imħallfin li l-mandat tagħhom kien jiskadi fix-xahar ta’ Diċembru 2015.

51

It-tmien leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament), wara l-elezzjonijiet parlamentari tal‑25 ta’ Ottubru 2015, żammet l-ewwel sessjoni tagħha fit‑12 ta’ Novembru 2015. Fil‑25 ta’ Novembru 2015, is-Sejm (il-Parlament) adotta ħames riżoluzzjonijiet li jikkonstataw l-“assenza ta’ effett legali” tar-riżoluzzjonijiet tat‑8 ta’ Ottubru 2015 u li jitolbu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja sabiex jastjeni milli jieħu l-ġurament tal-persuni eletti minn dawn l-aħħar riżoluzzjonijiet.

52

Permezz ta’ riżoluzzjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2015, is-Sejm (il-Parlament) eleġġa ħames persuni għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Tlieta minnhom, jiġifieri H.C., L.M. u M.M., kellhom jissostitwixxu lill-imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015, u tnejn minnhom kellhom jissostitwixxu lil imħallfin li l-mandat tagħhom kien jiskadi fix-xahar ta’ Diċembru 2015. Fit‑3 u fid‑9 ta’ Diċembru 2015, dawn il-ħames persuni ħadu ġurament quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja. Madankollu, fit‑3 ta’ Diċembru 2015, il-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) irrifjuta li erbgħa minn dawn l-imħallfin li ħadu l-ġurament jieħdu l-kariga sakemm tiġi ċċarata l-kwistjoni tal-validità tal-elezzjoni tagħhom mis-Sejm (il-Parlament).

53

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015 (Kawża K 34/15), it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet dwar rikors li jirrigwarda l-antikostituzzjonalità ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali. Dik il-qorti ddeċidiet, essenzjalment, li, konformement mal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, is-Sejm (il-Parlament) li kien qed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul il-leġiżlatura, li matulha l-mandat ta’ disa’ snin ta’ mħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kien skada li kellha teleġġi mħallef ġdid. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkonkludiet, fost l-oħrajn, li l-Artikolu 137 tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali kien kostituzzjonali sa fejn kien jikkonċerna l-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015, iżda antikostituzzjonali sa fejn kien jikkonċerna l-imħallfin ta’ dik il-qorti li l-mandat tagħhom kien jintemm fix-xahar ta’ Diċembru 2015.

54

Konsegwentement, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-elezzjoni, fit‑8 ta’ Ottubru 2015, matul is-seba’ leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament), ta’ tliet imħallfin intiżi sabiex jissostitwixxu l-imħallfin li l-mandat tagħhom kellu jintemm fis‑6 ta’ Novembru 2015 kienet valida. Barra minn hekk, dik il-qorti enfasizzat li l-President tar-Repubblika tal-Polonja kien obbligat jamministra t-teħid ta’ ġurament lil dawn it-tliet imħallfin, peress li dan ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Mill-banda l-oħra, l-imsemmija qorti enfasizzat li s-Sejm (il-Parlament) ma setax jipproċedi, matul is-seba’ leġiżlatura, bl-elezzjoni ta’ żewġ imħallfin sabiex jissostitwixxi lill-imħallfin li l-mandat tagħhom kellu jiskadi fix-xahar ta’ Diċembru 2015.

55

Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015 (Kawża K 35/15), it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat inkompatibbli mal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, il-punt 6 tal-Artikolu 1 tal-Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015, sa fejn, essenzjalment, l-Artikolu 137a li huwa kien daħħal fil-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali kien jipprevedi l-elezzjoni, fit-tmien leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament), ta’ mħallfin li jissostitwixxu lil dawk li l-mandat tagħhom kien skada matul is-seba’ leġiżlatura. Mill-banda l-oħra, dik il-qorti kkonfermat, bħal fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2015, il-konformità mal-Kostituzzjoni Pollakka tal-Artikolu 137 tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali bħala bażi legali tal-elezzjoni mis-Sejm (il-Parlament), matul is-seba’ leġiżlatura, ta’ tliet imħallfin li jissostitwixxu l-imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-elezzjoni, fit-tmien leġiżlatura, abbażi tal-Artikolu 137a tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, li tirriżulta mil-Liġi li Temenda tad‑19 ta’ Novembru 2015, ta’ tliet imħallfin intiżi sabiex jissostitwixxu lil dawk li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015 kellha l-effett li żżid għal tmintax in-numru ta’ mħallfin membri fi ħdan it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

56

Minkejja dawn iż-żewġ sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), l-ebda waħda mit-tliet persuni eletti fit‑8 ta’ Ottubru 2015 mis-Sejm (il-Parlament) sabiex jissostitwixxu l-imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015 ma ħadet ġurament quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja u assumiet il-kariga tagħha fi ħdan dik il-qorti.

57

Fit‑12 ta’ Jannar 2016, A.R., li dak iż-żmien kien il-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), awtorizza liż-żewġ persuni eletti mis-Sejm (il-Parlament) fit‑2 ta’ Diċembru 2015 sabiex jissostitwixxu ż-żewġ imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fix-xahar ta’ Diċembru 2015 sabiex iservu bħala membri fi ħdan it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

58

Fid‑19 ta’ Diċembru 2016, il-mandat ta’ A.R. bħala President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) intemm.

59

Fl‑20 ta’ Diċembru 2016, konformement mal-Artikolu 18 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi, il-President tar-Repubblika tal-Polonja fada l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) lill-imħallef J.P.. Fl-istess jum, J.P. awtorizzat lil H.C., L.M. u M.M., li kienu ġew eletti mis-Sejm (il-Parlament) fit‑2 ta’ Diċembru 2015 sabiex jissostitwixxu t-tliet imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015, sabiex iservu bħala membri fi ħdan it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

60

Peress li żewġ imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) mietu fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2017, is-Sejm (il-Parlament) eleġġa, sabiex jissostitwixxihom, fid‑19 ta’ Settembru 2017 u fit‑30 ta’ Jannar 2018, żewġ imħallfin ġodda. L-ebda wieħed minnhom ma kien wieħed mit-tliet imħallfin li kienu ġew eletti fit‑8 ta’ Ottubru 2015 sabiex jissostitwixxu lill-imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015.

61

Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0507JUD000490718, punti 290 u 291), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, adita minn kumpannija li r-rikors kostituzzjonali tagħha kien ġie miċħud mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), iddeċidiet li l-ħatra fi ħdan dik il-qorti ta’ M.M., wieħed mill-imħallfin li kien membru fil-kulleġġ ġudikanti li kien eżamina r-rikors kostituzzjonali tiegħu, kien ivvizzjat b’irregolaritajiet serji, bi ksur tal-essenza stess tad-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Dik il-qorti kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ġiet imċaħħda minn dan id-dritt minħabba l-parteċipazzjoni ta’ M.M. fil-proċedura quddiem it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

62

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li kien hemm ksur manifest tad-dritt Pollakk fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kemm mis-Sejm (il-Parlament) kif ukoll mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Hija enfasizzat li, fit‑2 ta’ Diċembru 2015, matul it-tmien leġiżlatura, is-Sejm (il-Parlament) kien eleġġa tliet persuni għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fosthom M.M., sabiex jissostitwixxu tliet imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015, filwaqt li dawn il-pożizzjonijiet kienu diġà mtlew minn tliet persuni eletti mis-Sejm (il-Parlament) fit‑8 ta’ Ottubru 2015, waqt is-seba’ leġiżlatura. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat li l-President tar-Repubblika tal-Polonja kien irrifjuta li jieħu l-ġurament tat-tliet persuni eletti fit‑8 ta’ Ottubru 2015, filwaqt li kien ħa l-ġurament lit-tliet persuni eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 (punti 261 sa 270 u 275).

63

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-ksur hekk imwettaq kien jikkonċerna regola fundamentali tad-dritt Pollakk applikabbli għall-elezzjoni tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), jiġifieri l-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, u li dan il-ksur kien ta’ gravità tali li kien jikkomprometti l-leġittimità tal-proċess elettorali u kien jippreġudika l-essenza stess tad-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” kif ukoll il-prinċipju tal-Istat tad-dritt (punti 276 sa 287).

Il-proċedura dwar il-ħatra tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

64

Fl‑20 ta’ Diċembru 2016 fid‑9:30, J.P., li kienet għadha kif ġiet fdata bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Presidenta tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), sejħet laqgħa tal-assemblea ġenerali fl-istess jum fis‑13:30, bl-għan li teleġġi l-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President ta’ dik il-qorti sabiex jiġu ppreżentati lill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Wieħed mill-imħallfin talab il-posponiment tal-assemblea ġenerali, billi spjega li, fid-dawl tat-terminu qasir għas-sejħa, l-imħallfin kollha ma kinux f’pożizzjoni li jipparteċipaw fl-assemblea ġenerali. J.P. ma laqgħetx din it-talba.

65

Mill-erbatax‑il imħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li kienu għalhekk preżenti waqt l-assemblea ġenerali, sitt imħallfin biss, fosthom H.C., L.M. u M.M., għalhekk aċċettaw li jipparteċipaw fl-elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tal-imsemmija qorti. Peress li J.P. kisbet ħames voti u M.M. ingħata vot wieħed, dawn ġew ippreżentati lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala kandidati għal din il-pożizzjoni.

66

Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ħatar lil J.P. bħala Presidenta tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑14 ta’ Lulju 2021 u tas‑7 ta’ Ottubru 2021

67

Fl‑14 ta’ Lulju 2021 u fis‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat żewġ sentenzi dwar il-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni Pollakka tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar b’mod partikolari l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva (iktar ’il quddiem is-“sentenzi kontenzjużi”).

Is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021

68

Fl‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat is-sentenza tagħha fil-Kawża P 7/20, li l-motivi tagħha ġew ippubblikati fis‑7 ta’ Ottubru 2021 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021”).

69

F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), adita mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”), eżaminat il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni Pollakka tal-miżuri provviżorji imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja permezz tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), b’mod partikolari dik li tobbligaha tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jafdaw lil din l-awla l-kompetenza fil-kawżi dixxiplinari dwar l-imħallfin.

70

It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li, “sa fejn il-[Qorti tal-Ġustizzja] imponiet obbligi ultra vires fuq ir-Repubblika tal-Polonja, billi adottat miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki u l-proċedura quddiem dawn il-qrati, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, kienu jmorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 90(1) moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-Kostituzzjoni [Pollakka], b’tali mod li ma jaqax taħt il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ applikazzjoni diretta stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni [Pollakka]”.

71

Fir-rigward tal-effetti tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li “r-regoli maħluqa […] mill-Qorti tal-Ġustizzja” li ġew adottati ultra vires kienu jmorru kontra l-Kostituzzjoni Pollakka. Barra minn hekk, dik il-qorti rrilevat dan li ġej:

“Konformement mal-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni [Pollakka], din is-sentenza, li tikkonstata l-inkompatibbiltà ġerarkika tar-regola kkontestata mal-Kostituzzjoni [Pollakka], hija definittiva u universalment vinkolanti. Is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] hija indirizzata lid-destinatarji kollha li japplikaw id-dritt [tal-Unjoni] fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja. […] Is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandha effetti ex tunc u hija applikabbli. Id-deċiżjoni li att tal-Unjoni jimponi obbligi ultra vires fuq ir-Repubblika tal-Polonja f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħha kif ukoll il-proċedura quddiemhom timplika li f’dan ir-rigward, ir-regola li dwarha tistaqsi l-qorti ma għandha ebda effett ġuridiku fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effett dirett (applikazzjoni diretta) u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġijiet nazzjonali, previsti fl-Artikolu 91(1) sa (3) tal-Kostituzzjoni [Pollakka], ma japplikawx għall-atti normattivi maħruġa ultra vires mill-korpi, mill-istituzzjonijiet u mill-entitajiet organizzattivi tal-Unjoni.”

Is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021

72

Fis‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), adita mill-President tal-Kunsill tal-Ministri u bis-seduta plenarja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tat is-sentenza tagħha fil-Kawża K 3/21 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021”), li l-motivi tagħha ġew ippubblikati fis‑16 ta’ Novembru 2022 u li d-dispożittiv tagħha, ippubblikat min-naħa tiegħu fit‑12 ta’ Ottubru 2021, jistabbilixxi:

“1. L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE […], sa fejn l-Unjoni Ewropea, stabbilita minn Stati ugwali u sovrani, toħloq ‘għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa’, li l-integrazzjoni tagħha, ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni [Ewropea] u l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-[Qorti tal-Ġustizzja], qiegħda tidħol fi ‘stadju ġdid’, li fih:

a)

il-korpi tal-Unjoni Ewropea jaġixxu barra mil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mir-Repubblika tal-Polonja fit-Trattati;

b)

il-Kostituzzjoni [Pollakka] ma hijiex ir-regola suprema tar-Repubblika tal-Polonja li tibbenefika minn supremazija ta’ validità u ta’ applikazzjoni;

c)

ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tiffunzjona bħala stat sovran u demokratiku,

imur kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 90(1) tal-Kostituzzjoni [Pollakka].

2. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], sa fejn, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jagħti lill-qrati nazzjonali (lill-qrati ordinarji, lill-qrati amministrattivi, lill-qrati militari u lis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)]) kompetenzi sabiex:

a)

jeskludu d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni [Pollakka] fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni tagħhom, imur kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 178(1) tal-Kostituzzjoni [Pollakka];

b)

jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq dispożizzjonijiet li, peress li tħassru mis-Sejm [(il-Parlament)] u/jew meqjusa kuntrarji għall-Kostituzzjoni [Pollakka] mit-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)], ma għadhomx fis-seħħ, imur kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1), l-Artikolu 178(1) u l-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni [Pollakka].

3. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 [TUE], sa fejn, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, dawn jagħtu lill-qrati nazzjonali (lill-qrati ordinarji, lill-qrati amministrattivi, lill-qrati militari u lis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] kompetenzi sabiex:

a)

jistħarrġu l-legalità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, inkluża l-legalità tal-att li permezz tiegħu l-President tar-Repubblika tal-Polonja jaħtar imħallef, imorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 179, flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni [Pollakka];

b)

jistħarrġu l-legalità ta’ riżoluzzjoni li permezz tagħha l-[KRS] jippreżenta lill-President tar-Repubblika [tal-Polonja] proposta għall-ħatra ta’ mħallef, imorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni [Pollakka];

c)

jiddeċiedu dwar in-natura vvizzjata tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef u, konsegwentement, jirrifjutaw li jirrikonoxxi l-istatus ta’ mħallef lil persuna maħtura għall-kariga ta’ mħallef konformement mal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni [Pollakka], imorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 179, flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni [Pollakka].”

Il‑proċedura prekontenzjuża

73

Fit‑22 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja.

74

F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li, minħabba l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), b’mod partikolari fis-sentenzi kontenzjużi, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u taħt il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll kisret l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni qieset ukoll li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u li, anki fuq dan il-punt, l-imsemmi Stat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

75

Fir-risposta tagħha tat‑18 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

76

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja u sostniet li din:

–

fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), b’mod partikolari fis-sentenzi kontenzjużi, kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

–

fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), b’mod partikolari fis-sentenzi kontenzjużi, kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u taħt il-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–

kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sa fejn, minħabba irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċeduri ta’ ħatra ta’ tliet imħallfin fix-xahar ta’ Diċembru 2015 u tal-president tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2016, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma kinitx għadha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

77

Fir-risposta tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li dawn l-ilmenti kollha kienu infondati.

78

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

79

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru 2023 u tas‑7 ta’ Novembru 2023 rispettivament, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

80

Ir-rikors tal-Kummissjoni jinkludi tliet ilmenti.

81

Permezz tal-ewwel u tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenzi kontenzjużi jiksru l-obbligi tar-Repubblika tal-Polonja skont, minn naħa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-tielet ilment huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE minħabba irregolaritajiet li vvizzjaw il-proċeduri ta’ ħatra ta’ tliet membri tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fix-xahar ta’ Diċembru 2015 u tal-President ta’ dik il-qorti fix-xahar ta’ Diċembru 2016.

82

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu. Madankollu, dan l-Istat Membru, fil-kontroreplika tiegħu, espliċitament irtira l-imsemmija risposta u ammetta b’mod sħiħ l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni, filwaqt li enfasizza li huwa kien jaqbel mal-argumenti mressqa minn din l-istituzzjoni.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatti li fuqhom huwa bbażat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat f’dan ir-rikors jistgħu jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Ġbir tal-ilma urban mormi), C‑587/22, EU:C:2023:963, punt 27).

84

Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata jekk l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jeżistix jew le, u dan anki jekk l-Istat ikkonċernat ma jikkontestax jew ma jikkontestax iktar dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑67/12, EU:C:2014:5, punt 30, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑320/15, EU:C:2017:678, punt 21).

Fuq l-ewwel ilment

L-argumenti tal-partijiet

85

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fiż-żewġ sentenzi kontenzjużi.

86

Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-inkompatibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021.

87

Skont din l-istituzzjoni, mill-punti 2 u 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ċaħdet l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE adottata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari f’dik li tirriżulta mis-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798).

88

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi l-limitazzjoni u, a fortiori, it-tneħħija tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ riżoluzzjonijiet bħal dawk meħuda mill-KRS fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-verifika tar-regolarità ta’ dawn il-proċeduri ta’ ħatra tagħmel parti integrali mir-rekwiżit, stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, b’tali mod li l-qrati nazzjonali jkunu awtorizzati, meta jevalwaw il-legalità ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, jivverifikaw il-legalità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef li jkun ta deċiżjoni kkontestata.

89

Issa, fl-ewwel lok, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fil-punt 2(b) u fil-punt 3(b) tad-dispożittiv kif ukoll fil-punti 6.2, 6.4, 6.5, 8.3 u 8.5 tal-motivi legali tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, iddeċidiet li huma inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 7, mal-Artikolu 8(1), mal-Artikolu 90(1), mal-Artikolu 178(1), mal-Artikolu 186(1) u mal-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, l-effetti li jirriżultaw mill-applikazzjoni mill-qrati nazzjonali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153). It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq l-interpretazzjoni tagħha stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ċaħdet il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni, minn naħa, sabiex tiddeċiedi t-tilwim abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li ma għadhomx fis-seħħ minħabba t-tħassir tagħhom mil-leġiżlatur nazzjonali jew mid-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tagħhom mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l-legalità ta’ riżoluzzjoni tal-KRS li tipproponi lill-President tar-Repubblika tal-Polonja jaħtar il-kandidati msemmija hemmhekk għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin.

90

Fit-tieni lok, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, fil-punt 3(a) u (c) tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, li hija inkompatibbli mal-Artikolu 2, mal-Artikolu 8(1), mal-Artikolu 90(1) u mal-Artikolu 179, moqrija flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sabiex tistħarreġ il-legalità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef, tiddeċiedi dwar in-natura difettuża tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef u tiddeċiedi bħala ineffettiva d-deċiżjoni mogħtija minn imħallef maħtur fil-kuntest ta’ tali proċedura.

91

F’dan ir-rigward, mill-punti 6.4 u 8.4 tal-motivi legali ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kien iddeċieda li kienet inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798), li tgħid li l-qrati nazzjonali huma, skont din id-dispożizzjoni, awtorizzati jivverifikaw, f’każijiet speċifiċi, ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw minnha.

92

Hawnhekk it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) reġgħet ibbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni tagħha stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod ġenerali, hija tikkontesta l-possibbiltà, għall-qrati nazzjonali, li jivverifikaw, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ir-regolarità ta’ proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Issa, il-fatt li tali possibbiltà hija, b’mod ġenerali, eskluża, hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ibbażata speċifikament fuq evalwazzjoni tal-legalità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, kif interpretata, b’mod partikolari, fis-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798).

93

Insostenn tat-tieni parti tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-inkompatibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021.

94

F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-miżuri provviżorji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 279 TFUE jistgħu biss, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, jiġu applikati direttament mill-korpi ta’ Stat Membru, b’mod partikolari mill-qrati, iżda biss jekk dawn il-miżuri jkunu koperti mill-“prinċipju ta’ delega ta’ kompetenzi lill-Unjoni” u josservaw l-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

95

Issa, f’dan il-każ, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), kien ikkunsidra li l-miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-qrati Pollakki u l-proċedura quddiemhom, previsti mid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), ġew adottati ultra vires, sa fejn it-Trattati ma kinux jagħtu kompetenza lill-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-kompetenzi tal-qrati Pollakki kif ukoll il-proċedura quddiem dawn il-qrati, li jirriflettu l-identità kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.

96

Barra minn hekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), kienet iddeċidiet li dawn il-miżuri provviżorji jiksru l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, peress li jinterferixxu b’mod sproporzjonat fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura Pollakka billi jċaħħdu lill-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari mill-possibbiltà li jiddeċiedu dwar kawżi dixxiplinari, li jmur kontra l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

97

Il-Kummissjoni tqis li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kisret b’mod manifest id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, billi qieset li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet ultra vires u billi b’hekk ikkontestat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tordna miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, meta dawn il-miżuri jirriżultaw neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi. L-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprekludi r-rikonoxximent tal-effett vinkolanti ta’ tali miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkostitwixxi ksur manifest tar-rekwiżiti previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

98

L-argument tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li jgħid li huwa sabiex tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura Pollakki li huwa jipprekludi l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-miżuri provviżorji tagħha intiżi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), il-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni kienu intiżi preċiżament sabiex jippreżervaw l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati Pollakki, u mhux li jdgħajfuha.

99

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-ewwel ilment huwa fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Qabel ma jinbeda l-eżami tal-ewwel ilment, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattati huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tagħhom, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji kollha. Għalhekk, nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu jista’, bħala prinċipju, jiġi kkonstatat taħt l-Artikolu 258 TFUE irrispettivament mill-korp ta’ dan l-Istat Membru li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu jkunu l-oriġini tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, u dan anki jekk dan ikun istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn), C‑416/17, EU:C:2018:811, punti 106 u 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta din tkun tista’ tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn dan l-Istat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment

102

Hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari t-twaqqif, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn l-Istati, dawn xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 2 u 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

B’mod iktar partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli li huma jistabbilixxu skont l-imsemmija kompetenza ma jiksrux ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 19 TUE u lanqas ma jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tagħhom.

104

Dan japplika, b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli nazzjonali relatati mal-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jaħtru l-imħallfin u, fejn applikabbli, ir-regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni, li tikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, tafda lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 217, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 39).

106

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li joħroġ mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Tali protezzjoni ġudizzjarja hija stabbilita wkoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, li s-sustanza tagħhom tikkorrispondi għall-Artikolu 47 tal-Karta. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 89, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Sabiex din il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi ggarantita, kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 220 u 221; tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40; u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108

B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jagħmlu parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt. Dawn ir-rekwiżiti previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 19 TUE jikkonkretizzaw għalhekk wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li jiddefinixxu l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni u li l-osservanza tagħhom hija imposta kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), punt 71; tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 94; kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius, C‑119/23, EU:C:2024:653, punti 46 u 47).

109

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-missjoni fdata lilha mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li għandha tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

110

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva u vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tippreċiża r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, fir-rigward tal-kriterji ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ stabbiliment minn qabel mil-liġi tal-qrati. Sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, kif meħtieġ mill-Artikolu 19(1) TUE, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiddependu mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u lanqas mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni adottata minn qorti nazzjonali, li ma tikkorrispondix għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi djalogu ġudizzjarju bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, bl-għan speċifiku li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 222 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Huwa għalhekk dan l-approċċ li qorti nazzjonali għandha tieħu meta jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali tagħha ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar.

113

Fir-rigward tal-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż, li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni f’dak li jirrigwarda l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni(sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 146).

114

Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dritt tal-Unjoni huma obbligati jiggarantixxu l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt u għalhekk ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), billi jekk ikun hemm bżonn ma japplikawx, minħabba l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni, kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 252 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115

Għalhekk, fil-każ ta’ ksur ipprovat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dritt tal-Unjoni ma japplikawx, fuq awtorità tagħhom stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kemm jekk dawn ikunu ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali, mingħajr ma jkollhom jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel tal-imsemmija dispożizzjonijiet permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 251, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

L-osservanza ta’ dan l-obbligu li tiġi applikata b’mod sħiħ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett għandha titqies li hija indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, kif meħtieġ mill-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 54).

117

Konsegwentement, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni billi tirrifjuta lill-qorti kompetenti sabiex tapplika dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li jkun neċessarju sabiex jitwarrbu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li potenzjalment ikunu ta’ ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 272 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

118

Huwa għalhekk li, fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153), il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS, iddeċidiet essenzjalment, fil-punti 128, 136 u 139 ta’ din is-sentenza, li din id-dispożizzjoni tipprekludi emendi leġiżlattivi nazzjonali li jċaħħdu l-effettività u sussegwentement ineħħu kompletament l-istħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet adottati minn korp ta’ dan it-tip fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, jekk tali korp ma joffrix garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-kandidati mhux magħżula, anki jekk tkun limitata għall-verifika tal-assenza ta’ eċċess jew ta’ użu ħażin ta’ poter, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, hija neċessarja sabiex jiġi ppreżervat il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin minn influwenzi diretti jew indiretti.

119

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fl-imsemmija sentenza, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ supremazija li kellhom il-qorti tar-rinviju fl-assenza ta’ indikazzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ qorti, li ma kinitx il-qorti tar-rinviju, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li hija mitluba, wara li tkun irċeviet risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li l-qorti tar-rinviju tkun għamlitilha, tiddeċiedi t-tilwim li din tal-aħħar kienet adita bihom. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 149 tal-istess sentenza, li, f’dan il-każ, l-uniku mod effettiv għall-qorti tar-rinviju li tirrimedja l-ksur tal-Artikolu 267 TFUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li kien jirriżulta mill-adozzjoni tal-liġi nazzjonali inkwistjoni, li essenzjalment ċaħħditha minn kull ġurisdizzjoni effettiva sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu f’dawn l-istess tilwimiet billi stħarrġet ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS, kienet tikkonsisti għal dik il-qorti li tkompli tassumi l-ġurisdizzjoni li abbażi tagħha hija kienet adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont ir-regoli nazzjonali applikabbli sa dak iż-żmien.

120

Barra minn hekk, fil-punti 154, 155 u 161 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-obbligi li għandha l-qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta dik il-qorti tasal għall-konklużjoni li mill-kundizzjonijiet u miċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef nazzjonali jirriżulta li din saret bi ksur manifest tar-regoli fundamentali li jagħmlu parti mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata u li l-integrità tar-riżultat li wassal għalih l-imsemmi proċess titqiegħed f’perikolu billi jinħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat. F’tali każ, mir-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li dik il-qorti nazzjonali għandha tieħu d-deċiżjoni inkwistjoni mogħtija minn dik il-qorti bħala ineżistenti, meta tali konsegwenza tkun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tkun tista’ topponiha.

121

F’dan il-każ, mis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) f’din is-sentenza tipprekludi li r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi msemmija b’mod partikolari fil-punti 118 sa 120 ta’ din is-sentenza, jista’ jkollhom l-effetti tagħhom fil-Polonja u jiżguraw l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni.

122

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punt 2(b) u mill-punt 3(b) tad-dispożittiv kif ukoll tal-punti 6.2, 6.4, 6.5, 8.3 u 8.5 tal-motivi legali tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tiċħad l-effetti li jirriżultaw, għall-qrati nazzjonali, mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi teskludi, b’mod ġenerali, il-kompetenza tagħhom sabiex jistħarrġu l-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu l-ħatra ta’ kandidati għal funzjonijiet ġudizzjarji.

123

Fit-tieni lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punt 3(a) u (c) tad-dispożittiv kif ukoll mill-punti 6.4 u 8.4 tal-motivi legali tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) teskludi, b’mod ġenerali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sabiex jistħarreġ, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-legalità tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin, inklużi l-atti ta’ ħatra, sabiex jiddeċiedu dwar in-natura difettuża tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef u, konsegwentement, sabiex iqisu bħala ineżistenti d-deċiżjoni mogħtija minn imħallef maħtur fil-kuntest ta’ tali proċedura, meta tali konsegwenza tkun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni.

124

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li qorti nazzjonali teżerċita l-kompiti fdati lilha mit-Trattati u tosserva l-obbligi li hija għandha bis-saħħa tagħhom, billi tagħti effett lil dispożizzjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jiġi pprojbit lilha (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

125

Għaldaqstant, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 tipprekludi lill-qrati Pollakki milli japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenzi msemmija fil-punti 118 sa 120 ta’ din is-sentenza, u jimplimentaw kull miżura neċessarja sabiex jiġi żgurat l-osservanza tad-dritt tal-partijiet f’kawża kkonċernati għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 hija, għalhekk, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 103, 104, 107, 110, 117 u 119 ta’ din is-sentenza, manifestament inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għal din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva u vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni.

126

Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

127

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandha tintlaqa’.

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment

128

It-tieni parti tal-ewwel ilment tikkonċerna s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, li permezz tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkontestat l-applikazzjoni diretta tal-miżuri provviżorji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 279 TFUE, fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277).

129

Konformement mal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu b’mod partikolari fil-punti 102 sa 104, 107, 109 u 110 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ tal-osservanza, mill-Istati Membri, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jaqa’ kompletament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari meta tiġi adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

130

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ deċiżjoni definittiva li għandha tingħata u sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, li hija inerenti għall-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u li fuqu hija bbażata l-Unjoni, l-Artikolu 279 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tippreskrivi, fuq talba ta’ parti ppreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, kull miżura provviżorja li hija tqis neċessarja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punti 94, 97 u 102).

131

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja jistgħu jkunu s-suġġett, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mhux biss ta’ stħarriġ fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iżda wkoll ta’ miżuri provviżorji, ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja u intiżi, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:593, punt 54).

132

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura provviżorja tista’ tingħata mill-imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħha huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti jew sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ miżuri provviżorji oħra diġà ordnati preċedentement, li din tiġi adottata u tipproduċi l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu, fejn l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu, jekk ikun il-każ, jibbilanċja l-interessi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punti 99 u 104, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 29).

133

Issa, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni titqiegħed inkwistjoni jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tkun tista’ tipprekludi r-rikonoxximent tal-effett vinkolanti ta’ miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 279 TFUE u tipprekludi, konsegwentement, lill-qorti nazzjonali adita b’tilwima rregolata mid-dritt tal-Unjoni milli tagħti effett lil dawn il-miżuri provviżorji sabiex tiġi ggarantita b’mod partikolari l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati taħt id-dritt tal-Unjoni.

134

Fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat, abbażi tal-Artikolu 279 TFUE, is-sospensjoni, sal-għoti tas-sentenza li għandha ttemm l-istanza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19), tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Pollakki li jagħtu lill-Awla Dixxiplinari l-kompetenza sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, fil-kawżi dixxiplinari dwar l-imħallfin. Barra minn hekk, f’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lir-Repubblika tal-Polonja tastjeni, sal-għoti ta’ din is-sentenza, milli tibgħat il-kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari lil kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

135

Fil-punt 77 tal-imsemmi digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ma setax, prima facie, jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tagħhom kienu jiksru l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiggarantixxi li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ordinarji jiġu mistħarrġa minn istanza li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza.

136

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 78 tal-istess digriet li, fid-dawl tal-punti ta’ fatt imressqa mill-Kummissjoni kif ukoll tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), u mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), l-argumenti mressqa minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel motiv tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19), li fuqha kienet ibbażata t-talba għal miżuri provviżorji li wasslu għall-adozzjoni ta’ dan id-digriet, kienu jidhru, prima facie, li ma kinux nieqsa minn bażi serja.

137

Kif jirriżulta mill-punt 53 tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), it-tieni lment tal-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx tiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari.

138

Il-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan id-digriet kienu għalhekk intiżi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata li ttemm l-istanza fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19), li tippermetti li tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

139

F’dan il-każ, fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), kienu ġew adottati ultra vires peress li t-Trattati ma jagħtux kompetenza lill-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-kompetenzi tal-qrati Pollakki kif ukoll il-proċedura quddiem dawn il-qrati. Skont din is-sentenza, dawn il-miżuri kienu inkompatibbli man-natura obbligatorja erga omnes u definittiva tas-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li tirriżulta mill-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

140

Għalhekk minn din is-sentenza jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkontestat il-prinċipju stess tal-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tosserva l-obbligi li jirriżultaw, għal din tal-aħħar, fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ikkonstatat b’mod partikolari fil-punti 102 sa 104 ta’ din is-sentenza. Permezz tal-imsemmija sentenza, dik il-qorti fuq kollox irrifjutat li tirrikonoxxi, b’mod ġenerali u bi ksur manifest ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 130 sa 132 ta’ din is-sentenza, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna, skont l-Artikolu 279 TFUE, miżuri provviżorji intiżi li jippreżervaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti fil-Polonja, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

141

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

142

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni hija fondata wkoll u li dan l-ilment għandu, konsegwentement, jintlaqa’ fit-totalità tiegħu.

Fuq it-tieni lment

L-argumenti tal-partijiet

143

Permezz tat-tieni lment tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan in-nuqqas jirriżulta mill-fatt li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenzi kontenzjużi, wettqet interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka li għandha l-effett li tiċħad unilateralment il-prinċipju ta’ supremazija u l-effettività ta’ dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattati bħall-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, u ordnat lill-korpi Pollakki kollha sabiex ma japplikawx dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprekludi lill-korpi nazzjonali milli japplikaw b’mod effettiv it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u milli jikkonformaw ruħhom mal-miżuri provviżorji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

144

Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tosserva li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, fis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), kienu inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka. Barra minn hekk, filwaqt li rreferiet għan-natura obbligatorja erga omnes u definittiva tas-sentenzi tagħha konformement mal-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ipprojbixxiet, fis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, lill-korpi kollha tal-awtoritajiet pubbliċi Pollakki, b’mod partikolari lill-qrati, milli japplikaw dawn ir-regoli tat-Trattat UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

145

Konsegwenza speċifika tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 tkun il-projbizzjoni fuq il-qrati Pollakki milli jiżguraw li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzatat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153), jagħmel użu mill-effetti kollha tiegħu, peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fil-fatt qieset li tali interpretazzjoni kienet inkompatibbli mal-Artikolu 8(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka sa fejn, skont l-imsemmija interpretazzjoni, dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) jeżiġi li r-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu l-ħatra ta’ kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

146

Barra minn hekk, il-qrati Pollakki huma obbligati jastjenu milli jiżguraw l-effettività tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompetenzi tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-istħarriġ tal-konformità ta’ qorti mar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, ta’ qorti indipendenti stabbilita minn qabel bil-liġi meta dan l-istħarriġ iwassal għall-evalwazzjoni tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef.

147

F’dan ir-rigward, mill-punti 8.3 sa 8.6 tal-motivi legali tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jirriżulta b’mod partikolari li l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tippermetti lill-qrati nazzjonali kompetenti jwettqu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS, billi minħabba f’hekk, jekk ikun il-każ, ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), kif ukoll għal evalwazzjoni tar-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef sabiex jiġi ppreżervat id-dritt tal-partijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ġie deċiż mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala ultra vires u bħala li jippreġudika illegalment l-identità kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.

148

Fil-fatt, minn naħa, il-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jistħarrġu r-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin twassal, skont it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), sabiex tillimita l-prerogattiva kostituzzjonali tal-President tar-Repubblika tal-Polonja li jaħtar persuna għal pożizzjoni ta’ mħallef fuq proposta tal-KRS. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni, mill-qrati Pollakki, tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, twassal sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-atti ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef maħruġa mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, minkejja li dawn l-atti ma jistgħux ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minħabba l-prerogattiva rrikonoxxuta lilha, u li t-tneħħija jew l-istħarriġ tal-ħatra tal-imħallfin ladarba din tiġi deċiża minn dan l-istess president, hija pprojbita, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 179 u tal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

149

Barra minn hekk, fil-punti 2.4 u 4.1 tal-motivi legali tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-Artikolu 4(2) TUE jiddefinixxi l-limiti tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-għan li tiġi osservata l-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri kif ukoll il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.

150

Fir-rigward tal-effetti ta’ din is-sentenza, mit-Taqsima 10 tal-motivi legali tagħha jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) mhux biss ipprojbixxiet lill-qrati Pollakki milli japplikaw b’mod effettiv it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE b’mod konformi mal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u milli jekk ikun hemm bżonn ma japplikawx, fuq inizjattiva tagħhom stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għal din l-interpretazzjoni, iżda qieset ukoll li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE kienet nieqsa minn effetti legali fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

151

Fl-aħħar nett, il-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza jinkludi affermazzjoni “ta’ tħassib serju ħafna” fir-rigward tal-aċċettazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja tal-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Madankollu, din l-affermazzjoni hija fformulata b’mod ambigwu, li jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġu dedotti konsegwenzi ġuridiċi preċiżi.

152

Minn naħa, l-imsemmija affermazzjoni tista’ tiġi interpretata bħala li tirrifletti kontestazzjoni mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), tal-validità attwali tad-dispożizzjonijiet l-iktar fundamentali tat-Trattati, jiġifieri l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE, peress li din il-kontestazzjoni hija għalhekk ibbażata fuq id-“dikjarazzjoni provokattiva” li l-integrazzjoni Ewropea ħadet stadju ġdid li fih il-korpi tal-Unjoni jaġixxu barra mil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom, bil-konsegwenza li l-Kostituzzjoni Pollakka ma hijiex ir-regola suprema tar-Repubblika tal-Polonja u li dan l-Istat Membru ma jistax jibqa’ jiffunzjona bħala Stat sovran u demokratiku. Tali pożizzjoni tikkostitwixxi attakk frontali kontra l-kunċett stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni għall-Istati Membri, ibbażat fuq il-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, u li fil-kuntest tiegħu kull azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni taqa’ u hija preżunta li hija konformi mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE.

153

Min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 tista’ wkoll tiġi pperċepita bħala li tirreferi għal sitwazzjoni li għadha ma seħħitx, u li fir-rigward tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ħarġet “riżerva” filwaqt li fakkret l-importanza li jiġi osservat il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi sabiex tinżamm l-integrazzjoni Ewropea fil-limiti ddefiniti mit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. L-“osservazzjonijiet finali” li jinsabu fit-Taqsima 11 tal-motivi legali ta’ din is-sentenza jidhru, sa ċertu punt, li jikkonfermaw tali interpretazzjoni, peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) issemmi l-possibbiltà li l-atti normattivi tal-Unjoni kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu suġġetti għal stħarriġ ta’ kostituzzjonalità fis-sitwazzjoni ipotetika futura fejn l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titqies li tidħol fuq il-kompetenzi esklużivi tal-Istat Pollakk.

154

Il-Kummissjoni żżid li s-siltiet tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li allegatament jaġixxu lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilhom u dwar in-natura inkundizzjonalment superjuri tal-Kostituzzjoni Pollakka sempliċement isaħħu t-tħassib serju tagħha dwar il-konsegwenzi ġenerali tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni. Sa fejn tali dikjarazzjonijiet ambigwi jikkontribwixxu sabiex jikkontestaw kemm l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 4(3) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija u l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni eżaminati f’din is-sentenza, dawn jaggravaw fi kwalunkwe każ il-ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

155

Permezz tat-tieni parti tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, injorat l-effett vinkolanti tal-miżuri provviżorji kollha ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 279 TFUE f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni, il-kompetenzi u l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki kif ukoll il-proċedura quddiem dawn il-qrati. Fil-fatt, fil-motivi legali ta’ din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), jiksru l-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi kif ukoll l-identità kostituzzjonali Pollakka, u huma inkompatibbli mal-prinċipju kostituzzjonali tal-Istat tad-dritt demokratiku, stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni Pollakka.

156

Barra minn hekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) affermat espliċitament is-supremazija tal-Kostituzzjoni Pollakka, bħala sors suprem tad-dritt fil-Polonja, fuq dan id-digriet u għalhekk irrifjutat li tirrikonoxxi li l-imsemmi digriet jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li enfasizzat f’dan ir-rigward li dan kien ġie adottat ultra vires u li kien imur kontra l-Kostituzzjoni Pollakka. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat ukoll mhux kostituzzjonali kull miżura provviżorja futura meħuda skont l-Artikolu 279 TFUE dwar is-sistema ġudizzjarja Pollakka, u b’hekk ċaħdet tali miżuri minn kull effett legali vinkolanti fil-Polonja, bi ksur tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

157

Mid-dispożittiv tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021 jirriżulta li l-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, huwa kkunsidrat mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala li jmur kontra diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Pollakka, jiġifieri l-Artikolu 2, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-Istat tad-dritt, l-Artikolu 7, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ legalità, l-Artikolu 8(1), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ supremazija tal-Kostituzzjoni Pollakka, l-Artikolu 90(1), li jirregola t-trasferiment tal-kompetenzi tal-Istat lil organizzazzjoni intergovernattiva, jew ukoll l-Artikolu 4(1), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ sovranità, minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja imponiet ultra vires fuq ir-Repubblika tal-Polonja miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki kif ukoll dwar il-proċedura quddiem dawn il-qrati.

158

Il-Kummissjoni tqis li din l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka tikser l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 279 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u li, konsegwentement, hija tikkontesta l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll in-natura awtonoma tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, billi tinjora n-natura legalment vinkolanti tal-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikolu 279 TFUE f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-qrati Pollakki, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkontesta n-natura legalment vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

159

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li t-tieni lment huwa fondat.

160

Dan l-Istat Membru jżid li, minkejja li l-Istati Membri jirregolaw b’mod differenti, fil-kostituzzjonijiet rispettivi tagħhom, ir-relazzjoni bejn id-dritt kostituzzjonali nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, l-effettività ta’ dan tal-aħħar ma tistax tvarja minn Stat Membru għal ieħor. It-twettiq tal-għanijiet tat-Trattati ma jkunx possibbli mingħajr applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li, bħala prinċipju stabbilit sew, tipprevali fuq id-dritt nazzjonali, inkluż dak ta’ livell kostituzzjonali. Barra minn hekk, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod vinkolanti. Barra minn hekk, minkejja li d-deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) huma definittivi, hija tista’ titbiegħed minn perspettiva li hija esprimiet preċedentement. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kompożizzjoni irregolari ta’ dik il-qorti u ta’ diversi ċirkustanzi fattwali oħra mqajma f’din il-kawża, id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu kkontestati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

161

Permezz taż-żewġ partijiet tat-tieni lment tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li s-sentenzi kontenzjużi jiksru l-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

162

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset, minn naħa, billi bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni tagħha stess tad-dritt tal-Unjoni, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll il-miżuri provviżorji ordnati minnha skont l-Artikolu 279 TFUE, kienu ta’ natura ultra vires, u qieset, min-naħa l-oħra, li din il-ġurisprudenza u dawn il-miżuri kienu jiksru, minħabba dan il-fatt, l-identità kostituzzjonali Pollakka kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Pollakka, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu s-supremazija tagħha. Billi ddeċidiet li l-imsemmija ġurisprudenza u l-imsemmija miżuri provviżorji ma kellhomx effetti legali fl-ordinament ġuridiku Pollakk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprekludi li l-korpi nazzjonali jkunu jistgħu japplikaw b’mod effettiv it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-istess miżuri provviżorji.

– Fuq in-nuqqas allegat tal-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni

163

Il-ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE (ara, fir-rigward tal-prinċipju ta’ supremazija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 271 u 287). Dawn il-prinċipji huma marbuta mill-qrib, b’tali mod li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

164

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita dwar it-Trattat KEE, dan, minkejja li ġie konkluż fil-forma ta’ ftehim internazzjonali, jikkostitwixxi l-karta kostituzzjonali ta’ komunità tad-dritt (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal‑14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punt 21).

165

Barra minn hekk u dejjem konformement ma’ din il-ġurisprudenza stabbilita, it-Trattati Komunitarji, b’differenza mit-trattati internazzjonali ordinarji, stabbilixxew ordinament ġuridiku speċifiku ġdid, integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri mad-dħul fis-seħħ tagħhom u li huwa vinkolanti għall-qrati tagħhom. L-Istati Membri llimitaw, għall-benefiċċju ta’ dan l-ordinament ġuridiku ġdid li għandu l-istituzzjonijiet tiegħu stess u li s-suġġetti tiegħu ma humiex biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom, fl-oqsma ddefiniti mit-Trattati, id-drittijiet sovrani tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend à Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 23, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

Dan l-ordinament ġuridiku hekk maħluq u żviluppat mit-Trattati sussegwenti, fl-aħħar lok mit-Trattat ta’ Lisbona, għandu qafas kostituzzjonali u prinċipji fundaturi li huma partikolari għalih, struttura istituzzjonali partikolarment elaborata kif ukoll ġabra kompleta ta’ regoli ġuridiċi li jiżguraw il-funzjonament tagħha u tgawdi minn awtonomija fir-rigward tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 158 u 170 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 143).

167

Ma’ dan jiżdiedu l-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni marbuta ma’ din in-natura awtonoma, bħas-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll l-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. L-imsemmija karatteristiċi essenzjali taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 166 u 167, kif ukoll l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA Unjoni‑Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 1158 sa 1160), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet dan il-prinċipju, mifhum bħala li jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt Komunitarju fuq id-dritt tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-istabbiliment mit-Trattat KEE ta’ ordinament ġuridiku tagħha, aċċettat mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ reċiproċità, għandu bħala korollarju li ma jistgħux iħallu li tipprevali miżura unilaterali sussegwenti kontra dan l-ordinament ġuridiku, u lanqas jopponu għad-dritt imnissel mit-Trattat KEE b’regoli tad-dritt nazzjonali jkunu li jkunu, mingħajr ma jtellfu lil dan id-dritt in-natura Komunitarja tiegħu u mingħajr ma jpoġġu fid-dubju l-bażi legali tal-Komunità nnifisha. Barra minn hekk, il-forza eżekuttiva tad-dritt Komunitarju ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor favur leġiżlazzjonijiet nazzjonali sussegwenti, mingħajr ma tiġi pperikolata l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat KEE, u mingħajr ma tiġi pprovokata diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità pprojbita minn dan it-Trattat (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 246).

169

Dawn il-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-importanza tar-rispett dovut lilu ġew, barra minn hekk, ikkonfermati mir-ratifika, mingħajr riżervi, tat-trattati li jemendaw it-Trattat KEE u, b’mod partikolari, tat-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, meta adottat dan l-aħħar Trattat, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri xtaqet tfakkar espressament, fid-Dikjarazzjoni Nru 17 tagħha dwar is-supremazija, li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattati u d-dritt adottat mill-Unjoni fuq il-bażi tat-Trattati jieħdu preċedenza fuq id-dritt tal-Istati Membri, fil-kundizzjonijiet iddefiniti minn din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 248, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, b’mod konsistenti, il-ġurisprudenza preċedenti dwar il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, prinċipju li jimponi fuq l-istanzi kollha tal-Istati Membri li jagħtu effett sħiħ lid-diversi regoli tal-Unjoni, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 250, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 50).

171

Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, inklużi ta’ natura kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan il-prinċipju (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 251, kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2024, Österreichische Datenschutzbehörde,C‑33/22, EU:C:2024:46, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172

Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 4(2) TUE jipprevedi li l-Unjoni tosserva l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati. Issa, l-Unjoni tista’ tosserva tali ugwaljanza biss jekk l-Istati Membri jkunu, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-impossibbiltà li jinvokaw, kontra l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, miżura unilaterali, tkun xi tkun (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 249).

173

Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi rekwiżit fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, tali rekwiżit huwa inerenti għall-eżistenza stess ta’ komunità ta’ dritt u huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

174

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, sabiex setgħet taderixxi mal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kellha tissodisfa kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-Istati kandidati għall-adeżjoni, kif huma stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen tal‑21 u tat‑22 ta’ Ġunju 1993. Dawn il-kriterji jeżiġu b’mod partikolari li l-Istat kandidat “jkollu istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, is-supremazija tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom” (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 104, u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 65).

175

B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħalma huwa l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, fost oħrajn, mill-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30, u tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 160 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

176

Id-dritt tal-Unjoni huwa għaldaqstant ibbażat fuq il-premessa fundamentali li tipprovdi li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħrajn kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa turi karatteristiċi speċifiċi u essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, relatati man-natura rispettiva tiegħu, li jirriżultaw mill-awtonomija li l-imsemmi dritt igawdi fil-konfront kemm tad-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li timplimentahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177

L-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix, konsegwentement, sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li huma parti integrali mill-istess identità tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fil-prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri. L-osservanza ta’ dawn il-valuri ma għandhiex tiġi ridotta għal obbligu li għandu jiġi osservat minn Stat kandidat sabiex jaderixxi mal-Unjoni u li huwa jista’ ma jkomplix josserva wara l-adeżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 126, 127 u 232, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 67 u 68).

178

Fil-fatt, l-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi l-possibbiltà għal kull Stat Ewropew li jitlob li jsir membru tal-Unjoni, jippreċiża li din tiġbor fi ħdanha Stati li aderixxew liberament u volontarjament mal-valuri komuni attwalment imsemmija fl-Artikolu 2 TUE, li josservaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 42, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 61).

179

Minn dan isegwi li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu, u lanqas il-ġurisprudenza tiegħu, b’mod li jwassal għal rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa kkonkretizzat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jiżguraw li jiġi evitat kull rigressjoni, fir-rigward ta’ dan il-valur, tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi jonqsu milli jadottaw regoli li jippreġudikaw l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 u 64, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Issa, għalkemm, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, b’tali mod li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li dan l-obbligu ta’ riżultat jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Fil-fatt, filwaqt li għandhom identitajiet nazzjonali distinti, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, li l-Unjoni tosserva, l-Istati Membri jaderixxu għal kunċett ta’ “Stat tad-dritt” li huma jikkondividu, bħala valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, u li huma impenjaw ruħhom li jirrispettaw b’mod kontinwu (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 233 u 234, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 73).

181

Minn dan isegwi li, fl-għażla tal-mudell kostituzzjonali rispettiv tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ġustizzja li jirriżulta mill-Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

182

Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata, b’mod partikolari, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, prinċipju li huwa wkoll imsemmi fit-tieni lment, huma għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u li jastjenu milli jieħdu miżuri li jiksru l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

183

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-Adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet u mill-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda u huma applikabbli f’dawn l-Istati Membri fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-Trattati u mill-Att tal-Adeżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn dan l-Artikolu 2 kif ukoll mill-Artikolu 10 ta’ dan l-att ta’ adeżjoni jirriżulta li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-Istat Membri l-ġodda u li huwa biss b’mod tranżitorju li huma ammessi derogi previsti espressament mid-dispożizzjonijiet tranżitorji (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑127/17, EU:C:2019:236, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184

Ir-Repubblika tal-Polonja hija għalhekk, sa mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004, marbuta mingħajr ebda riżerva mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju kif ukoll mill-atti adottati qabel l-adeżjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni derogatorja espressa f’dan ir-rigward.

185

Permezz tar-ratifika tal-Att ta’ Adeżjoni, dan l-Istat Membru b’hekk aċċetta l-kunċett stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni għall-Istati Membri, bil-karatteristiċi u l-ispeċifiċitajiet kollha deskritti fil-punti 163 sa 181 ta’ din is-sentenza, u aderixxa ma’ dan l-ordinament ġuridiku.

186

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija r-Repubblika tal-Polonja, b’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li għandha tiżgura, fit-territorju tagħha, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li għandha tieħu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, anki kostituzzjonali, ma jistgħux, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187

F’dan il-każ, fir-rigward tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, mill-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tagħha jirriżulta li l-interpretazzjoni li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet fiha lill-Kostituzzjoni Pollakka għandha l-konsegwenza li tipprekludi li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkollhom effetti legali fl-ordinament ġuridiku Pollakk. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-Taqsima 10 tal-motivi legali ta’ din is-sentenza, dik il-qorti ordnat lill-korpi kollha tal-awtoritajiet pubbliċi Pollakki, b’mod partikolari lill-qrati, jastjenu milli japplikaw dawn ir-regoli, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għan-natura obbligatorja erga omnes u definittiva tas-sentenzi tagħha.

188

Fl-aħħar nett, fl-imsemmija sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ipproċediet, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 1 tad-dispożittiv kif ukoll mill-punti 6.2 u 6.4 tal-motivi legali, għal interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka li tiċħad is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq ir-regoli kostituzzjonali Pollakki, kif spjegat, b’mod partikolari, fil-punti 167 sa 171 ta’ din is-sentenza.

189

Fir-rigward tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet essenzjalment, kif ġie kkonstatat fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, li kull miżura provviżorja ordnata mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 279 TFUE u intiża li tippreżerva d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti fil-Polonja, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ma għandhiex effett vinkolanti fl-ordinament ġuridiku Pollakk. B’mod partikolari, mill-punti 6.8 sa 6.10 tal-motivi legali ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ibbażat il-pożizzjoni tagħha fuq is-supremazija tal-Kostituzzjoni Pollakka bħala regola suprema tal-ordinament ġuridiku nazzjonali.

190

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jista’ jiġi dedott mill-motivi legali u mid-dispożittivi tas-sentenzi kontenzjużi, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tqis li, minn naħa, l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 279 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, imorru kontra diversi prinċipji stabbiliti fil-Kostituzzjoni Pollakka u jippreġudikaw l-identità kostituzzjonali Pollakka.

191

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu b’mod partikolari fil-punti 177 sa 180 u 186 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi validament sostnut li l-osservanza ta’ valuri u ta’ prinċipji bħall-Istat tad-dritt, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-indipendenza tal-ġustizzja, stabbiliti fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jikkundizzjonaw kemm l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu għall-funzjonament tagħha, tinkludi rekwiżiti li jistgħu jaffettwaw l-identità nazzjonali ta’ dan tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni, li għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet, tal-istess grad bħalha, bħal b’mod partikolari dan l-Artikolu 2 u dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), ma tistax teżenta lill-Istati Membri mill-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).

192

Tali konklużjoni tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, li huma intiżi li jiżguraw l-osservanza sħiħa u l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

193

Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li r-Repubblika tal-Polonja taħrab mill-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 2, mill-Artikolu 4(3), mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 279 TFUE billi tqis li r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-identità kostituzzjonali Pollakka, filwaqt li l-valuri u l-prinċipji li huma jistabbilixxu jaqgħu taħt l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni li dan l-Istat Membru aderixxa miegħu b’mod volontarju.

194

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi tippreġudika manifestament is-supremazija li minnha jibbenefikaw l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, dispożizzjonijiet li huma msemmija f’dawn is-sentenzi.

195

Barra minn hekk, billi jipprekludu unilateralment lill-awtoritajiet pubbliċi Pollakki milli japplikaw dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi kontenzjużi jiksru wkoll b’mod manifest il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

196

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

– Fuq in-nuqqas allegat tal-prinċipju ta’ effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

197

Mis-sentenzi kontenzjużi jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset, minn naħa, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u, min-naħa l-oħra, il-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 279 TFUE, intiżi sabiex jippreżervaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti fil-Polonja, jiksru l-identità kostituzzjonali Pollakka minħabba l-fatt li din il-ġurisprudenza u dawn il-miżuri provviżorji huma atti ultra vires.

198

Minn dawn is-sentenzi jirriżulta wkoll li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat li hija rriżervat id-dritt li tipproċedi fil-futur għal stħarriġ ultra vires tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproteġi din l-identità.

199

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 185 u 186 ta’ din is-sentenza japplikaw mingħajr ebda riżerva f’dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u, għaldaqstant, it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif jirriżulta mit-Trattati.

200

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li t-Trattati stabbilixxew, sabiex jiggarantixxu l-preżervazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi u tal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, sistema ġudizzjarja intiża sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 35, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201

F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, huma l-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mill-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 50, u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 128).

202

F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jagħti kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’titolu preliminari, kemm dwar l-interpretazzjoni tat-trattati u tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni kif ukoll fuq il-validità ta’ dawn l-atti.

203

Għalhekk, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni u li tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva u vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 52 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

204

Fir-rigward tar-rwol tal-qrati nazzjonali, l-Artikolu 267 TFUE jiddisponi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li dawn jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u, fit-tielet paragrafu tiegħu, li huma għandhom jagħmlu dan jekk id-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali.

205

Dan l-obbligu għall-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali jaqa’, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwaru numru ta’ drabi, fil-kuntest tal-kooperazzjoni, stabbilita sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom ta’ qrati responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, u l-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmi obbligu għandu bħala għan li jipprevjeni li jiġi stabbilit, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206

Barra minn hekk, l-obbligu għall-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari jikkostitwixxi l-korollarju tal-ġurisdizzjoni esklużiva li din tal-aħħar għandha sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tal-atti tal-Unjoni u sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva u vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni.

207

Din il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-Artikolu 344 TFUE li jipprovdi li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li ma jissuġġettawx tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal metodu ta’ soluzzjoni differenti minn dawk previsti minnhom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal‑14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punt 35).

208

Il-funzjonijiet u l-kompetenzi hekk attribwiti, rispettivament, lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja huma essenzjali għaż-żamma tan-natura stess tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 85, u s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 61).

209

Dawn huma intiżi sabiex jiżguraw li d-dritt tal-Unjoni jkollu f’kull ċirkustanza l-istess effett fl-Istati Membri kollha, u b’hekk jippermetti li tiġi ggarantita l-unità stess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 15; tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 73; kif ukoll tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 51).

210

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-qrati nazzjonali għandhomx id-dritt li jiddeċiedu dwar il-portata tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u dwar l-osservanza tal-limiti ta’ dawn il-kompetenzi, huwa minnu li l-Artikolu 5(2) TUE jistabbilixxi, minn naħa, li “[s]kond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati” u, min-naħa l-oħra, li “[l]-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri”. Dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 4(1) TUE.

211

Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti minnhom.

212

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jidher li tqis it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi, ir-regoli u l-prinċipji mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ma jawtorizzawx lill-qrati nazzjonali jiddeċiedu b’mod unilaterali u definittiv dwar il-portata tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u dwar l-osservanza tal-limiti ta’ dawn il-kompetenzi.

213

Fil-fatt, filwaqt li d-determinazzjoni tal-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni, l-istess bħall-istħarriġ tal-osservanza tal-limiti ta’ dawn il-kompetenzi, jimplikaw neċessarjament l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva u vinkolanti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, bl-istess mod tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tad-dritt tal-Unjoni.

214

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qrati nazzjonali jingħataw ġurisdizzjoni li tippermettilhom jiddeċiedu b’mod definittiv dwar il-portata tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u dwar l-osservanza tal-limiti ta’ dawn il-kompetenzi, dan ikun inkompatibbli man-natura tad-dritt tal-Unjoni f’diversi aspetti.

215

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-Trattati ma jagħtux lill-qrati nazzjonali, fis-sistema sħiħa ta’ rimedji li dawn it-trattati stabbilixxew, is-setgħa li jiddikjaraw invalidi l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u lanqas li jipprovdu interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216

It-tieni nett, l-awtonomija u l-effettività tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jipprekludu kwalunkwe stħarriġ estern tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod definittiv u vinkolanti u sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni.

217

It-tielet nett, il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni kif ukoll is-saħħa eżekuttiva tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Diverġenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri f’dan ir-rigward jistgħu jikkompromettu l-unità stess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattati u jippreġudikaw ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom quddiem id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li, essenzjalment, iddeċidiet it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi, il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-portata tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni f’qasam partikolari u sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-limiti ta’ dawn il-kompetenzi tappartjeni biss lill-qrati tal-Unjoni u mhux lill-qrati nazzjonali.

219

Barra minn hekk, il-possibbiltà, għall-qrati nazzjonali, li jiddeċiedu dwar il-portata tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni lanqas ma hija konċiljabbli mal-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati.

220

Ċertament, huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jinterpretaw il-kostituzzjoni tal-Istat Membru li jaqgħu taħtu u jiddeterminaw l-eventwali limiti li din il-kostituzzjoni timponi għall-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni, kif stabbilita mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE.

221

Madankollu, mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, Stat Membru huwa, kif jirriżulta mill-punt 184 ta’ din is-sentenza, marbut mingħajr ebda riżerva minbarra dawk eventwalment previsti mill-att ta’ adeżjoni mid-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt primarju kif ukoll mill-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni qabel l-adeżjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

222

Jekk qorti nazzjonali tistaqsi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, dwar il-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni f’qasam partikolari jew ikollha dubji dwar il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li dan imur lil hinn mill-isfera ta’ kompetenzi tal-Unjoni jew ukoll minħabba l-fatt li tikser ir-rekwiżit għall-Unjoni, skont l-Artikolu 4(2) TUE, li tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, li għandha tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva u vinkolanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni u li tikkonstata, jekk ikun il-każ, l-invalidità ta’ dan l-att.

223

Għalhekk, fid-dawl ta’ din il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, qorti ta’ Stat Membru ma tistax, abbażi tal-interpretazzjoni tagħha stess ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi b’mod validu li l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni li ma tosservax il-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni u lanqas ma tista’ tirrifjuta li tagħti segwitu għal din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 72) jew inkella tipprojbixxi lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru li taħtu dik il-qorti taqa’ milli jikkonformaw ruħhom mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew milli japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

224

Il-konstatazzjonijiet stabbiliti fiż-żewġ punti preċedenti japplikaw ukoll fis-sitwazzjoni fejn deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali jew ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru tirrifjuta, bħalma huwa l-każ tas-sentenzi kontenzjużi, li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha jew li dawn id-deċiżjonijiet ma josservawx l-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE.

225

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont l-Artikolu 13(2) TUE, taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom.

226

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-Artikolu 4(2) TUE, tintalab tivverifika li obbligu tad-dritt tal-Unjoni ma josservax l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227

Madankollu, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-identità nazzjonali rispettiva tagħhom, l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħtihom is-setgħa li jidderogaw unilateralment mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi jinvokaw din l-identità nazzjonali.

228

B’mod partikolari, l-awtonomija li jgawdi minnha d-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-Istati Membri timponi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-għanijiet tal-Unjoni, li tista’ tiġi żgurata biss jekk l-imsemmija interpretazzjoni tingħata b’osservanza tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 213 ta’ din is-sentenza.

229

Din id-dispożizzjoni la għandha l-għan u lanqas l-effett li tawtorizza qorti kostituzzjonali jew suprema ta’ Stat Membru, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huma imposti fuqha, li teskludi l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li din ir-regola ma tosservax l-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru kif iddefinita minn dik il-qorti kostituzzjonali jew suprema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 70).

230

Jekk qorti kostituzzjonali jew suprema ta’ Stat Membru tqis li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tikser l-obbligu li tiġi osservata l-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, dik il-qorti kostituzzjonali jew suprema għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 71).

231

Fir-rigward tad-dritt primarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) TUE fl-interpretazzjoni tal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 92, u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

232

Madankollu, meta qorti ta’ Stat Membru tqis li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju, mogħtija f’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) TUE, hija ma tistax, abbażi tal-interpretazzjoni tagħha stess tad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi b’mod validu li l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni li tmur lil hinn mill-isfera ta’ ġurisdizzjoni tagħha u, għaldaqstant, tirrifjuta li teżegwixxi din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 72). F’tali każ, hija għandha, jekk ikun il-każ, tindirizza talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-eventwali effett fuq l-imsemmija interpretazzjoni tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tiegħu.

233

B’mod iktar ġenerali, meta titqajjem quddiem qorti nazzjonali kwistjoni dwar il-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni jew dwar il-legalità ta’ att tad-dritt sekondarju, dik il-qorti għandha, meta din il-kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u irrispettivament mill-motiv ta’ invalidità invokat, tosserva l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkostitwixxi karatteristika fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni.

234

F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li jinsab fis-sentenzi kontenzjużi, kif imsemmi fil-punti 197 u 198 ta’ din is-sentenza, ibbażat fuq il-protezzjoni neċessarja tal-identità kostituzzjonali Pollakka, ma jistax jintlaqa’ b’mod validu.

235

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Polonja, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi, kisret l-effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

236

Minn dan isegwi li t-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu.

Fuq it-tielet ilment

L-argumenti tal-partijiet

237

Permezz tat-tielet ilment tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiżgura li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tissodisfa l-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

238

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), jirriżulta li irregolaritajiet fil-proċedura ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ mħallef jistgħu jwasslu għal ksur mhux biss tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iżda wkoll tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qorti. Skont din is-sentenza, dan huwa l-każ tal-ħatra ta’ mħallef li seħħet bi ksur manifest tar-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li tagħmel parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, li toħloq riskju reali ta’ perikolu għall-integrità tar-riżultat li wassal għalih il-proċess ta’ ħatra. Għalhekk, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, jinħolqu dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà ta’ dak l-imħallef fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi inkwistjoni, kif ukoll assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tiegħu li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

239

Skont il-Kummissjoni, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma għadhiex toffri l-garanziji ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba, minn naħa, irregolaritajiet evidenti fil-ħatra ta’ mħallfin fi ħdan dik il-qorti fix-xahar ta’ Diċembru 2015, bi ksur manifest tad-dritt kostituzzjonali Pollakk u, min-naħa l-oħra, irregolaritajiet serji fil-ħatra tal-Presidenta tal-imsemmija qorti fix-xahar ta’ Diċembru 2016. Kull waħda minn dawn l-irregolaritajiet toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, minħabba l-attività tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) komposta mill-persuni hekk maħtura, dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ dik il-qorti u l-impermeabbiltà tagħha fir-rigward ta’ elementi esterni.

240

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-elezzjoni ta’ H.C., ta’ L.M. u ta’ M.M. għall-funzjoni ta’ mħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) sabiex jiġu ssostitwiti mħallfin li l-mandat ta’ disa’ snin tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015 kif ukoll il-bidu tal-kariga tagħhom fi ħdan dik il-qorti jikkostitwixxu ksur manifest tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li jipprovdi li mħallef ġdid jista’ jiġi elett mis-Sejm (il-Parlament) biss matul il-leġiżlatura li matulha s-siġġu inkwistjoni sar vakanti. Kif ikkonfermaw, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑3 u tad‑9 ta’ Diċembru 2015, l-elezzjoni ta’ H.C., ta’ L.M. u ta’ M.M., fit‑2 ta’ Diċembru 2015 kif ukoll il-bidu tal-kariga tagħhom fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fl‑20 ta’ Diċembru 2016 kienu jmorru kontra din id-dispożizzjoni.

241

Is-Sejm (il-Parlament) kien eleġġa dawn it-tliet persuni fit‑2 ta’ Diċembru 2015, jew matul it-tmien leġiżlatura, minkejja li, fit‑8 ta’ Ottubru 2015, jew matul is-seba’ leġiżlatura, tliet persuni oħra, jiġifieri R.H., A.J. u K.Ś., kienu diġà ġew eletti mis-Sejm (il-Parlament) sabiex jissostitwixxu lill-imħallfin li l-mandat tagħhom ta’ disa’ snin kien jiskadi fis‑6 ta’ Novembru 2015. It-tliet persuni eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 ħadu ġurament fl-istess jum quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja u ġew awtorizzati sabiex iservu bħala membri fl‑20 ta’ Diċembru 2016 minn J.P., li dak iż-żmien kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ Presidenta tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Mill-banda l-oħra, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ma rċeviex il-ġurament tal-persuni eletti fit‑8 ta’ Ottubru 2015, b’tali mod li huma ma setgħux jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom.

242

Għalhekk, la fid-data tal-iskadenza tat-terminu għal risposta għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Lulju 2022 u lanqas fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑3 u tad‑9 ta’ Diċembru 2015 ma ġewx implimentati mir-Repubblika tal-Polonja.

243

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0507JUD000490718), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà ddeċidiet, abbażi tal-istess fatti, li kien hemm ksur ta’ regola nazzjonali fundamentali applikabbli għall-elezzjoni tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), peress li dan il-ksur twettaq b’mod partikolari mis-Sejm (il-Parlament) matul it-tmien leġiżlatura, u mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Billi rrikorriet għall-istħarriġ fi tliet stadji elaborat fil-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fl-imsemmija sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2021, li l-kumpannija rikorrenti kienet ġiet imċaħħda mid-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” previst fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB minħabba l-parteċipazzjoni ta’ M.M. fil-proċedura quddiem it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), peress li l-elezzjoni ta’ dak l-imħallef kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet serji li jiksru l-essenza stess ta’ dan id-dritt.

244

Permezz tat-tieni parti tat-tielet ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-ħatra ta’ J.P. fil-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fil‑21 ta’ Diċembru 2016, kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet serji, u b’hekk kisret il-garanziji neċessarji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

245

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li l-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għandu rwol fundamentali fil-funzjonament ta’ dan il-korp kostituzzjonali sa fejn huwa jmexxi x-xogħol ta’ dan tal-aħħar, jirrappreżentah u jeżerċita funzjonijiet oħra previsti mil-liġi. Skont ir-Regoli tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), il-President ta’ dik il-qorti jiddeċiedi wkoll dwar il-proċedura nazzjonali relatata mar-rikorsi, mal-kwistjonijiet legali u mar-rikorsi kostituzzjonali, u jaħtar il-kulleġġi ġudikanti, il-presidenti ta’ dawn il-kulleġġi ġudikanti kif ukoll l-imħallfin relaturi.

246

Fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għażla li wasslet għall-ħatra ta’ J.P., il-Kummissjoni tosserva li, fl-approċċ tal-iskadenza, fid‑19 ta’ Diċembru 2016, tal-mandat tal-President preċedenti tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), il-leġiżlatur Pollakk adotta sensiela ta’ liġijiet li jirrevedu l-proċedura ta’ għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ president ta’ dik il-qorti, li sa dak iż-żmien kienet prevista fl-Artikolu 16 tal-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, li l-konformità tagħha mal-Kostituzzjoni Pollakka kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tas‑7 ta’ Novembru 2016 (Kawża K 44/16).

247

Qabelxejn, is-Sejm (il-Parlament) adotta, fit‑30 ta’ Novembru 2016, l-ustawa o organizacji i trybie postępowania przed Trybunałem Konstytucyjnym (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Proċedura quddiem il-Qorti Kostituzzjonali) (Dz. U. pożizzjoni 2072). Sussegwentement, fit‑13 ta’ Diċembru 2016, is-Sejm (il-Parlament) adotta l-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi, li l-Artikolu 21 kien ser jipprevedi proċedura tranżitorja speċjali għall-għażla tal-kandidati li kellhom jiġu ppreżentati lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bil-ħsieb tal-ħatra tal-President il-ġdid tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Il-proċedura kellha titmexxa mill-“imħallef li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)]”, peress li din il-pożizzjoni l-ġdida ġiet stabbilita mill-Artikolu 18 ta’ din il-liġi.

248

Fl‑20 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 16 sa 22 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi u l-għada tal-irtirar ta’ A.R., sa dak iż-żmien President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), il-President tar-Repubblika tal-Polonja, konformement mal-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, ħatar lil J.P. fil-pożizzjoni l-ġdida ta’ “imħallef li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)]”, meta Viċi President ta’ dik il-qorti, jiġifieri S.B., kien fil-kariga. Issa, din il-pożizzjoni l-ġdida ma hijiex prevista fil-Kostituzzjoni Pollakka, peress li l-Artikolu 194(2) tagħha jsemmi biss il-President u l-Viċi President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Mill-bqija, il-liġijiet preċedenti li jirregolaw il-funzjonament ta’ dik il-qorti kienu jipprevedu li l-Viċi President tagħha jew, fil-każ ta’ impediment, kull imħallef ieħor maħtur mill-President, jew l-imħallef l-iktar anzjan għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ president fl-assenza tiegħu.

249

F’din l-istess data, J.P., maħtura mill-ġdid sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Presidenta tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), awtorizzat lit-tliet imħallfin eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 bi ksur tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka sabiex iservu bħala membri fi ħdan dik il-qorti wara li ħadu l-ġurament tagħhom quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, J.P. sejħet immedjatament l-assemblea ġenerali, li minnha kienu diġà jagħmlu parti dawn it-tliet persuni.

250

Mill-erbatax‑il imħallef preżenti waqt iż-żamma ta’ din l-assemblea ġenerali, tmienja rrifjutaw li jipparteċipaw fil-vot ta’ għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), u wieħed minnhom kien għal xejn talab li l-assemblea ġenerali tiġi posposta b’ġurnata sabiex l-imħallfin kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw f’din il-laqgħa.

251

Madankollu, u filwaqt li, konformement mal-Artikolu 20 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi, J.P. kellha xahar, mill‑20 ta’ Diċembru 2016, sabiex tmexxi l-proċedura ta’ preżentazzjoni lill-President tar-Repubblika tal-Polonja tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), skont il-modalitajiet iddefiniti fl-Artikolu 21 tal-imsemmija liġi, J.P. irrifjutat li tipposponi l-assemblea ġenerali.

252

Konsegwentement, l-assemblea ġenerali, fl‑20 ta’ Diċembru 2016, b’sitt voti fuq l-erbatax‑il imħallef preżenti, għażlet u ppreżentat lill-President tar-Repubblika tal-Polonja żewġ kandidati, jiġifieri, minn naħa, J.P., li kienet ibbenefikat minn ħames voti, u, min-naħa l-oħra, M.M., elett imħallef fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fit‑2 ta’ Diċembru 2015 bi ksur tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li kien ibbenefika minn vot wieħed. Il-President tar-Repubblika tal-Polonja għalhekk, fil‑21 ta’ Diċembru 2016, ħatar lil J.P. fil-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

253

Il-Kummissjoni tosserva li, minkejja li r-regoli u l-prinċipji tal-elezzjoni tal-President u tal-Viċi President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) jaqgħu fil-Polonja fil-qasam leġiżlattiv, il-leġiżlatur Pollakk huwa, konformement mal-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), obbligat li josserva l-prinċipji kostituzzjonali ta’ integrità u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet pubbliċi, ta’ separazzjoni u ta’ ekwilibriju tal-poteri kif ukoll tal-osservanza tal-kompetenzi ta’ dik il-qorti.

254

Il-proċedura ta’ għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) żvolġiet abbażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi, li emendaw b’mod fundamentali din il-proċedura ta’ għażla. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 16(4) tal-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, l-elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President jew ta’ Viċi President ta’ dik il-qorti kellha ssir matul sessjoni ppreseduta mill-imħallef l-iktar anzjan li jipparteċipa fl-assemblea ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(7) ta’ din il-liġi, l-elezzjoni tista’ ssir biss jekk jipparteċipaw mill-inqas għaxar imħallfin min-numru totali ta’ mħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fl-assemblea ġenerali.

255

L-Artikolu 21 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Diċembru 2016 u ġie applikat immedjatament mill-imħallef li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li nħatret Presidenta ta’ dik il-qorti l-għada.

256

Issa, fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Novembru 2016, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-preżentazzjoni lill-President tar-Repubblika tal-Polonja ta’ kandidati mhux sostnuti minn maġġoranza tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) jew li rċevew vot wieħed biss kienet tmur kontra l-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka. Fil-fatt, mill-punti 61 et seq. tal-motivi legali tal-imsemmija sentenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-persuni inkwistjoni jkunu kandidati tal-assemblea ġenerali, u mhux kandidati proposti minn gruppi minoritarji jew minn ċerti mħallfin.

257

Skont il-Kummissjoni, huwa għalhekk bi ksur tal-Kostituzzjoni Pollakka li J.P. ġiet eletta u ppreżentata lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala kandidata għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), peress li hija rċeviet biss ħames voti mill-erbatax‑il imħallef preżenti fl-assemblea ġenerali, u tlieta minn dawn il-voti joriġinaw barra minn hekk minn imħallfin maħtura fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bi ksur tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

258

Il-Kummissjoni tqis li l-ksur tal-Artikolu 194 tal-Kostituzzjoni Pollakka kien ivvizzjat mill-proċedura ta’ ħatra ta’ dawn it-tliet imħallfin kif ukoll tal-proċedura ta’ ħatra li seħħet f’diversi stadji tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) u dawn saru possibbli permezz ta’ sensiela ta’ emendi leġiżlattivi u ta’ deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika tal-Polonja li ħolqu sitwazzjoni li fiha s-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi setgħu jiġu pperċepiti bħala li influwenzaw direttament il-kompożizzjoni u l-funzjonament tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Din is-sekwenza ta’ avvenimenti tikkostitwixxi irregolaritajiet, peress li kull wieħed minnhom huwa ta’ natura u ta’ gravità tali li ħolqu riskju reali li l-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita fir-rigward tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li tipperikola l-integrità tar-riżultat li kellhom iwasslu għalih dawn il-proċeduri ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dik il-qorti.

259

Ir-Repubblika tal-Polonja tammetti l-fondatezza ta’ dan it-tielet ilment.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet ilment

260

Bħalma tfakkar fil-punti 105, 107 u 108 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-istanzi li jiġu msejħa, bħala qrati, sabiex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jippermettu li jiġi żgurat tali rispett, fosthom dak marbut mal-indipendenza u mal-imparzjalità ta’ dawn l-istanzi.

261

F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li taqa’, bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka tar-rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif jixhed, barra minn hekk, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mogħti minn dik il-qorti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174). Għalhekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

262

F’dan ir-rigward, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, b’mod partikolari l-garanziji relatati mal-elementi karatteristiċi essenzjali u mal-kompożizzjoni ta’ tali qorti, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika dwar jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, istanza tikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, meta fuq dan il-punt jinħoloq dubju serju, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti),C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

263

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 109, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

264

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 110, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

265

Barra minn hekk, ir-rekwiżit dwar il-“qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għandu l-għan li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tas-setgħa eżekuttiva u li jiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt nazzjonali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

266

Dan ir-rekwiżit, li huwa għalhekk marbut mill-qrib, b’mod partikolari, mar-rekwiżit ta’ indipendenza, jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti tiddependi, b’mod partikolari, mill-mod kif il-membri tagħha jkunu nħatru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius, C‑119/23, EU:C:2024:653, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

267

Ċertament, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li mhux kwalunkwe żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef huwa tali li jqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dak l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dak l-imħallef ikun membru (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 123).

268

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li irregolarità mwettqa fil-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit li qorti stabbilita minn qabel bil-liġi meta, b’mod partikolari din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru jew tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati. Dan huwa l-każ meta inkwistjoni jkun hemm l-applikazzjoni ta’ regoli fundamentali li jifformaw parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius, C‑119/23, EU:C:2024:653, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269

Konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u dwar il-konsegwenzi ta’ tali ksur kienet suġġetta għal evalwazzjoni globali ta’ ċertu numru ta’ elementi li, meqjusa flimkien, jikkontribwixxu sabiex joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

270

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-elementi fattwali u legali deskritti fil-punti 50 sa 56 u 59 ta’ din is-sentenza jwasslu għall-konklużjoni li l-elezzjoni ta’ H.C., ta’ L.M. u ta’ M.M., fit‑2 ta’ Diċembru 2015, waqt it-tmien leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament), għall-funzjoni ta’ mħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) sabiex tissostitwixxi l-imħallfin li l-mandat ta’ disa’ snin tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015 seħħet bi ksur manifest ta’ regola fundamentali li tirregola l-ħatra tal-imħallfin ta’ dik il-qorti, jiġifieri l-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, kif interpretata mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li jipprovdi li mħallef għandu jiġi elett matul il-leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament) li matulha s-siġġu ta’ mħallef inkwistjoni sar vakanti. Barra minn hekk, din l-elezzjoni kienet tikkonċerna s-siġġijiet ta’ mħallfin fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li kienu diġà mtlew legalment mit-tliet imħallfin eletti fit‑8 ta’ Ottubru 2015 matul is-seba’ leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament) (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2021:0507JUD000490718, punti 268, 275 u 277).

271

Skont ir-regola fundamentali dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt preċedenti, il-President tar-Repubblika tal-Polonja kellu jirċievi immedjatament il-ġurament tal-imħallfin eletti mis-Sejm (il-Parlament) fit‑8 ta’ Ottubru 2015 u ma kellu ebda kompetenza la sabiex jinterferixxi fl-għażla tal-imħallfin fi ħdan dik il-qorti li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-Sejm (il-Parlament) u lanqas li jirrifjuta li jieħu l-ġurament ta’ dawn it-tliet imħallfin. Għalhekk, dan ir-rifjut tal-President tar-Repubblika tal-Polonja li jieħu l-ġurament tat-tliet imħallfin eletti fit‑8 ta’ Ottubru 2015 u l-aċċettazzjoni tiegħu li jieħu l-ġurament tat-tliet imħallfin eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 kienu wkoll kuntrarji għar-regoli nazzjonali fundamentali li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2021:0507JUD000490718, punti 269, 270 u 278).

272

Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza mill-korpi leġiżlattivi u eżekuttivi Pollakki tas-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑3 u tad‑9 ta’ Diċembru 2015 dwar il-validità tal-elezzjoni tal-imħallfin ta’ dik il-qorti kien ippreġudika l-għan tar-rekwiżit dwar il-“qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” li tiġi protetta l-ġudikatura minn influwenza esterna illegali u li l-elezzjoni ta’ tliet imħallfin fit‑2 ta’ Diċembru 2015 kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet serji li jiksru l-essenza stess tad-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2021:0507JUD000490718, punti 281, 289 u 290, u l-Qorti EDB, 15 ta’ Marzu 2022, Grzęda vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2022:0315JUD00435721, punt 277).

273

Għalhekk, u bħall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-elementi fattwali u legali deskritti fil-punti 50 sa 56 u 59 ta’ din is-sentenza jwasslu għall-konklużjoni li l-ħatra ta’ H.C., ta’ L.M. u ta’ M.M. kif ukoll it-teħid tal-kariga ta’ dawn tal-aħħar seħħew bi ksur manifest tar-regoli fundamentali dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 268 ta’ din is-sentenza.

274

Dawn l-elementi jwasslu wkoll għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet li fihom saru l-ħatra u t-teħid tal-kariga ta’ H.C., ta’ L.M. u ta’ M.M. jikkaratterizzaw ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn ipperikolaw l-integrità tar-riżultat li wassal għalih il-proċess ta’ ħatra billi kkontribwixxa sabiex joħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà ta’ dawn l-imħallfin fir-rigward ta’ elementi esterni, għan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom kif ukoll għall-indipendenza u għall-imparzjalità tagħhom, peress li dawn id-dubji jistgħu jippreġudikaw il-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

275

Ċertament, huwa stabbilit li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, li hija d-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, fost it-tliet imħallfin eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 waqt it-tmien leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament), kien biss M.M. li kien għadu jokkupa l-funzjonijiet ta’ mħallef fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Madankollu, huwa stabbilit wkoll li, f’din id-data ta’ riferiment, it-tliet imħallfin eletti legalment fit‑8 ta’ Ottubru 2015 waqt is-seba’ leġiżlatura tas-Sejm (il-Parlament) ma kinux ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja u għalhekk ma setgħux jieħdu l-kariga tagħhom ta’ mħallef fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li fihom ipparteċipaw it-tliet imħallfin eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 komplew, fl-imsemmija data ta’ riferiment, jeżistu fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

276

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet li vvizzjaw il-proċeduri ta’ ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2015.

277

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet ilment tal-Kummissjoni għandha tintlaqa’.

– Fuq it-tieni parti tat-tielet ilment

278

Huwa stabbilit li l-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għandu rwol fundamentali fil-funzjonament ta’ dik il-qorti. Fil-fatt, skont ir-Regoli ta’ din tal-aħħar, huwa jiddeċiedi dwar il-proċedura interna relatata mar-rikorsi, il-kwistjonijiet legali u r-rikorsi kostituzzjonali, u jaħtar il-kulleġġi ġudikanti, il-presidenti ta’ dawn il-kulleġġi ġudikanti kif ukoll l-imħallfin relaturi. Barra minn hekk, huwa jmexxi x-xogħol tal-imsemmija qorti, jirrappreżentaha u jeżerċita funzjonijiet oħra previsti mil-liġi.

279

Peress li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ għalhekk teżerċita influwenza ċerta fuq l-attività ta’ dik il-qorti, huwa partikolarment importanti li hija taġixxi, waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, b’mod oġġettiv u imparzjali u li tkun, għal dan l-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna li tista’ tipperikola l-indipendenza tagħha. Għal dan l-għan, huwa neċessarju b’mod partikolari li r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra għal din il-pożizzjoni jitfasslu b’mod li ma jkunu jistgħu jqajmu ebda dubju leġittimu dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-president bħala strument ta’ influwenza fuq l-attività ġudizzjarja tal-imsemmija qorti jew inkella ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività u, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-istess qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha, kif teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 263 u 264 ta’ din is-sentenza.

280

Barra minn hekk, konformement ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 266 sa 269 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit dwar il-“qorti […] stabbilita minn qabel bil-liġi” u dak ta’ indipendenza jinkludu l-proċess ta’ ħatra tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) u jeħtieġu li r-regoli fundamentali dwar il-proċedura li tirregola l-ħatra tiegħu jiġu osservati.

281

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li r-regola li tinsab fl-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li għandha titqies li hija regola fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 268 ta’ din is-sentenza, teżiġi, konformement mal-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 256 ta’ din is-sentenza, li l-kandidati ppreżentati lill-President tar-Repubblika tal-Polonja għall-pożizzjoni ta’ President ta’ dik il-qorti jkunu ġew eletti mill-assemblea ġenerali. Din ir-regola, kif interpretata mill-imsemmija qorti, tfisser li l-preżentazzjoni ta’ kandidat li jkun irċieva vot wieħed biss jew anki kandidati proposti minn gruppi minoritarji jew minn ċerti mħallfin biss tmur kontra l-Kostituzzjoni Pollakka.

282

Issa, il-proċedura ta’ elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bl-għan tal-preżentazzjoni tagħhom lill-President tar-Repubblika tal-Polonja twettqet b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti mil-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi li ġiet adottata mil-leġiżlatur Pollakk fit‑13 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri qabel l-iskadenza, fid‑19 ta’ Diċembru 2016, tal-mandat tal-President ta’ dik il-qorti li kien għalhekk fil-funzjoni, u li emendat b’mod fundamentali l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura.

283

Għalhekk, il-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi tipprevedi, fl-Artikolu 18 tagħha, li l-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jafda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) lil imħallef ta’ dik il-qorti u, fl-Artikolu 20 tagħha, li l-proċedura ta’ preżentazzjoni lill-President tar-Repubblika tal-Polonja tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tal-imsemmija qorti titmexxa mill-“imħallef li jaġixxi bħala president” tagħha. Issa, ir-regoli preċedenti li jinsabu fl-Artikolu 16(4) tal-Liġi tat‑22 ta’ Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali kienu jipprevedu li s-sessjoni tal-assemblea ġenerali ddedikata għall-elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President jew ta’ Viċi President kellha tkun ippreseduta mill-imħallef l-iktar anzjan li jipparteċipa fl-assemblea ġenerali.

284

Barra minn hekk, l-Artikolu 21 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi jistabbilixxi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li l-assemblea ġenerali għandha tippreżenta bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) l-imħallfin ta’ dik il-qorti li jkunu kisbu mill-inqas ħames voti waqt il-vot, u jżid, fil-paragrafu 8 tiegħu, li, jekk dan in-numru ta’ voti meħtieġ ikun inkiseb biss minn imħallef wieħed, l-assemblea ġenerali għandha tippreżenta bħala kandidati lill-imħallef li kiseb in-numru meħtieġ ta’ minimu ta’ ħames voti u l-imħallef li kiseb l-ikbar appoġġ fost l-imħallfin li ma laħqux in-numru meħtieġ ta’ mill-inqas ħames voti.

285

F’dan il-każ, fl‑20 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri l-għada tal-irtirar tal-President preċedenti tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), il-President tar-Repubblika tal-Polonja, konformement mal-Artikolu 18 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi, ħatar lil J.P. fil-pożizzjoni hekk maħluqa bħala “imħallef li jaġixxi bħala President” ta’ dik il-qorti, meta Viċi President kien fil-kariga. Ukoll fl‑20 ta’ Diċembru 2016, J.P., li kienet awtorizzat it-tliet imħallfin eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015 bi ksur manifest tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka sabiex iservu bħala membri, sejħet, għall-istess jum, laqgħa tal-assemblea ġenerali fid-dawl tal-elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President ta’ dik il-qorti li għandhom jiġi ppreżentati lill-President tar-Repubblika tal-Polonja, kif jawtorizzaha tagħmel l-Artikolu 20 ta’ din il-liġi.

286

Wieħed mill-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), talab, minħabba fit-terminu qasir ta’ konvokazzjoni, li l-laqgħa tkun posposta sabiex l-imħallfin kollha jattendu għaliha. J.P., li kellha, skont l-Artikolu 20 tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi, xahar sabiex tmexxi l-proċedura ta’ elezzjoni, madankollu rrifjutat li tilqa’ din it-talba. Minħabba f’hekk, mill-erbatax‑il imħallef tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li kienu preżenti fil-laqgħa tal-assemblea ġenerali, sitt imħallfin biss, fosthom H.C., L.M. u M.M. li kienu ġew eletti mis-Sejm (il-Parlament) fit‑2 ta’ Diċembru 2015, aċċettaw li jipparteċipaw fil-votazzjoni. Wara l-votazzjoni, J.P. kisbet ħames voti u M.M. ingħata vot wieħed. Dawn iż-żewġ imħallfin imbagħad ġew ippreżentati lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, J.P., li kienet kisbet biss ħames voti minn fost l-erbatax‑il imħallef preżenti waqt l-assemblea ġenerali, inħatret fil-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) mill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

287

Huwa minnu li l-preżentazzjoni ta’ J.P. u ta’ M.M. lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tista’ tidher li saret konformement mal-Artikolu 21(7) u (8) tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi.

288

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li H.C., L.M. u M.M., li kienu ġew eletti fit‑2 ta’ Diċembru 2015, kienu fost is-sitt imħallfin li pparteċipaw, matul l-assemblea ġenerali tal‑20 ta’ Diċembru 2016, fl-elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Issa, il-fatt li l-elezzjoni ta’ dawn it-tliet imħallfin kienet ivvizzjata bi ksur manifest tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka u bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kien ta’ natura li jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni tagħhom fl-assemblea ġenerali kif ukoll il-voti li huma taw bl-għan tal-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li J.P. ma tistax titqies li kisbet b’mod regolari l-ħames voti meħtieġa mill-Artikolu 21(8) tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi.

289

Għalhekk jidher li l-preżentazzjoni ta’ J.P. u ta’ M.M. lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll il-ħatra ta’ J.P. f’din il-pożizzjoni minn dan tal-aħħar seħħew bi ksur tar-regola fundamentali dwar il-proċedura ta’ ħatra ta’ dan il-President, prevista fl-Artikolu 21(8) tal-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi.

290

Barra minn hekk u fuq kollox, il-ħatra ta’ J.P. seħħet bi ksur manifest tal-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka, peress li din id-dispożizzjoni fil-fatt tostakola, konformement ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 281 ta’ din is-sentenza, il-preżentazzjoni lill-President tar-Repubblika tal-Polonja ta’ kandidati proposti minn gruppi minoritarji jew minn ċerti mħallfin biss.

291

Għaldaqstant, l-irregolaritajiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti jistgħu jqajmu dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-użu minn J.P. tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet marbuta mal-funzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala strument ta’ influwenza fuq l-attività ġudizzjarja ta’ dik il-qorti jew inkella ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività u, għaldaqstant, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qorti.

292

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Introduttivi u li abbażi tagħhom tmexxiet il-proċedura ta’ elezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra msemmija fil-punti 285 u 286 ta’ din is-sentenza relatati ma’ din il-proċedura jissodisfawx, min-naħa tagħhom, ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 263 u 264 ta’ din is-sentenza.

293

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, J.P. kienet għadha tokkupa l-kariga ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Barra minn hekk, huwa stabbilit li d-deċiżjonijiet li hija pparteċipat fl-adozzjoni tagħhom baqgħu jeżistu, sa din id-data, fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

294

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet li vvizzjaw il-proċedura ta’ ħatra tal-President tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2016.

295

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet ilment tal-Kummissjoni hija wkoll fondata u li dan l-ilment għandu, konsegwentement, jintlaqa’ fit-totalità tiegħu.

296

Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha kemm huma, għandu jiġi kkonstatat li:

–

fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

–

fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Pollakka mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll taħt il-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

–

li peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet li vvizzjaw il-proċeduri għall-ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2015 u tal-Presidenta tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Fuq l-ispejjeż

297

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar essenzjalment tilfet dan ir-rikors, hemm lok li tiġi kkundannata minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

298

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

–

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

–

fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll taħt il-prinċipju ta’ effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

–

peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet li vvizzjaw il-proċeduri għall-ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2015 u tal-Presidenta tagħha fix-xahar ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)

Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.