|
9.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 203/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/924
tat-3 ta’ Ġunju 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali tal-Kawkaw fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010 (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/189/UE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2012. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 62(1) tal-Ftehim, il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2022, sakemm ma jiġix estiż. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali tal-Kawkaw tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kawkaw (il-“Kunsill tal-ICCO”) jeżerċita dawn is-setgħat kollha u jwettaq jew jirranġa għat-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet espliċiti tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 62(4) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-ICCO jista’ jadotta deċiżjoni li testendi l-Ftehim lil hinn mid-data ta’ skadenza attwali tiegħu għal żewġ perjodi li ma jaqbżux is-sentejn tal-kawkaw kull wieħed, jiġifieri sat-30 ta’ Settembru 2024 għall-ewwel perjodu u sat-30 ta’ Settembru 2026 għat-tieni perjodu. |
|
(4) |
Il-Kunsill tal-ICCO irid jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim wara l-103 sessjoni tiegħu fit-22 u t-23 ta’ April 2021. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICCO, minħabba li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-ICCO fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni. |
|
(6) |
Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jiġi estiż u li l-Unjoni tibqa’ parti għalih, meta titqies l-importanza tas-settur tal-kawkaw għal għadd ta’ Stati Membri u għall-ekonomija tal-Unjoni. |
|
(7) |
L-estensjoni tal-Ftehim għal massimu ta’ erba’ snin jenħtieġ li tagħti lill-membri tal-Kunsill ICCO ż-żmien xieraq biex iwettqu reviżjoni sostanzjali tal-Ftehim li tiffoka fuq il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali tal-Kawkaw tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kawkaw fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010 għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tiegħu għal żewġ perjodi li ma jaqbżux is-sentejn tal-kawkaw kull wieħed, jiġifieri sat-30 ta’ Settembru 2024 għall-ewwel perjodu u sat-30 ta’ Settembru 2026 għat-tieni perjodu.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lusemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
P. N. SANTOS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/189/UE of 26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw (ĠU L 102, 12.4.2012, p. 1).