European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/304

20.2.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/304

tal-31 ta’ Ottubru 2024

li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għan-notifika min-naħa ta’ ċerti entitajiet finanzjarji tal-intenzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi tal-kriptoassi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 60(14), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1114 jirrikjedi li jiġu stabbiliti formoli, mudelli u proċeduri standard komuni biex jiżguraw mekkaniżmu uniformi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jeżerċitaw b’mod effettiv is-setgħat tagħhom fir-rigward tan-notifiki li jirċievu minn entitajiet diġà regolati tal-intenzjoni tagħhom li jsiru fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi.

(2)

Sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn entità notifikanti u l-awtorità kompetenti rilevanti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt għall-proċess ta’ notifika u jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni ta’ kuntatt fuq is-sit web tagħhom.

(3)

Sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni ppreżentata u tiffaċilita l-kontroll kif ukoll l-aċċessibbiltà u l-analiżi futuri tagħha, jenħtieġ li n-notifika tiġi ppreżentata f’format diġitali (formola web) li awtomatikament tikkontrolla u twettaq verifiki preliminari fuq l-informazzjoni ppreżentata u mbagħad taħżinha meta tkun kompluta.

(4)

L-informazzjoni ppreżentata mill-entità notifikanti jenħtieġ li tkun preċiża, kompluta u aġġornata. Skont l-Artikolu 60(9) tar-Regolament (UE) 2023/1114, meta l-informazzjoni msemmija fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/303 (2) tkun ġiet sottomessa preċedentement lill-awtorità kompetenti, l-entità notifikanti għandha tiddikjara b’mod espliċitu li kwalunkwe informazzjoni li tkun ġiet sottomessa qabel tkun għadha aġġornata. Minħabba li xi informazzjoni tista’ tirreferi biss għall-futur, kwalunkwe data futura inkluża fl-informazzjoni jenħtieġ li tiġi identifikata speċifikament fl-applikazzjoni.

(5)

Sabiex jiġi żgurat trattament fil-pront u f’waqtu tan-notifiki mill-entitajiet finanzjarji, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonfermaw li rċevew in-notifika billi jibagħtu elettronikament, f’forma stampata, jew biż-żewġ formati, konferma tar-riċevuta lill-entità notifikanti. Dik il-konferma tar-riċevuta jenħtieġ li tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni jew tal-funzjonijiet responsabbli mit-trattament tan-notifika.

(6)

Sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tivvaluta jekk l-informazzjoni kollha meħtieġa ġietx ipprovduta fin-notifika f’konformità mal-Artikolu 60(8), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li l-entità notifikanti tikkomunika kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta mingħajr dewmien żejjed.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”, European Securities and Markets Authority) u żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea.

(8)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li huma l-bażi ta’ dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deżinjazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt biex jirċievu n-notifiki ppreżentati mill-entitajiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2023/1114. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu d-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat aġġornati u għandhom jippubblikaw dawk id-dettalji ta’ kuntatt fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 2

Preżentazzjoni tan-notifika

1.   L-entità notifikanti għandha tippreżenta n-notifika tagħha lill-awtorità kompetenti billi timla l-formola li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entità notifikanti għandha tippreżenta n-notifika b’tali mod li jippermetti l-ħażna ta’ informazzjoni b’mod aċċessibbli għal referenza futura u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna.

Artikolu 3

Riċevuta tan-notifika u konferma tar-riċevuta

Fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mir-riċevuta tan-notifika, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat elettronikament, f’forma stampata, jew biż-żewġ formati, konferma tar-riċevuta lill-entità notifikanti. Il-konferma tar-riċevuta għandha tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment, tal-funzjoni jew tal-membru tal-persunal tal-awtorità kompetenti li tkun qed tittratta n-notifika.

Artikolu 4

Notifika tal-bidliet

L-entità notifikanti għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fin-notifika mingħajr dewmien żejjed. L-entità notifikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni aġġornata billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/303 tal-31 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża minn ċerti entitajiet finanzjarji fin-notifika tal-intenzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi tal-kriptoassi (ĠU L, 2025/303, 20.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/303/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ANNESS

Formola għan-notifika ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn ċerti entitajiet finanzjarji

F’konformità mal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/304 tal-31 ta’ Ottubru 2024, li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għan-notifika ta’ ċerti entitajiet finanzjarji bl-intenzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi tal-kriptoassi, ara annessa n-notifika tagħna tal-intenzjoni tagħna li nipprovdu servizzi tal-kriptoassi (1).

Numru ta’ referenza (għandu jimtela mill-awtorità kompetenti):

Data:

MINN

Isem l-entità notifikanti:

Numru ta’ referenza nazzjonali:

Indirizz tal-entità notifikanti:

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna ta’ kuntatt deżinjata

Isem:

Telefown:

Email:

GĦAL

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità kompetenti:

Indirizz:

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat:

Isem:

Telefown:

Email:

[Aħna,] [l-entità notifikanti,] niddikjaraw li l-informazzjoni ppreżentata hija preċiża, kompluta u aġġornata. F’każ li xi informazzjoni tirreferi biss għal data futura, hija tkun identifikata espliċitament fin-notifika, nimpenjaw ruħna li ninnotifikaw lill-awtorità bil-miktub mingħajr dewmien jekk tali informazzjoni tirriżulta li ma tkunx preċiża, mhux kompluta jew qarrieqa. Barra minn hekk, aħna nimpenjaw ruħna li ninfurmaw lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-informazzjoni pprovduta f’din il-formola.

—

Il-persuna inkarigata mit-tħejjija tal-applikazzjoni:

Isem:

Status/pożizzjoni:

Telefown:

Email:

INFORMAZZJONI MEĦTIEĠA

Programm tal-operazzjonijiet

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Kontinwità tal-operat

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Individwazzjoni u prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Sistemi tal-ICT u arranġamenti tas-sigurtà relatati

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Segregazzjoni tal-kriptoassi u fondi tal-klijenti

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Politika ta’ kustodja u ta’ amministrazzjoni

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Regoli operattivi tal-pjattaforma ta’ negozjar u identifikazzjoni tal-abbuż tas-suq

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Skambju ta’ kriptoassi ma’ fondi jew ma’ kriptoassi oħrajn

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Politika ta’ eżekuzzjoni

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Għoti ta’ pariri jew immaniġġjar ta’ portafolli tal-kriptoassi

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

Servizzi ta’ trasferiment

…

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/303, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawnhekk jew tagħmel referenza għat-taqsimiet rilevanti tan-notifika.

[firma tar-rappreżentant legali]


(1)   ĠU L, 2025/304, 20.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/304/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/304/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)