IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.8.2020
COM(2020) 348 final
RIEŻAMI ANNWALI MILL-KUMMISSJONI
tar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Istati Membri dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.8.2020
COM(2020) 348 final
RIEŻAMI ANNWALI MILL-KUMMISSJONI
tar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Istati Membri dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011
1. Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE 1 jipprevedi fl-Anness I li l-Istati Membri jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, Rapport Annwali tal-Attività sabiex ikun hemm iktar trasparenza fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, hija obbligata li kull sena tipproduċi rieżami għall-Parlament Ewropew ibbażat fuq din l-informazzjoni.
Dan ir-rieżami annwali jkopri s-sena kalendarja 2017. L-eżerċizzju jikkonċerna l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, jiġifieri tranżazzjonijiet “ta’ żmien medju u twil” b’perjodu ta’ ħlas lura ta’ sentejn jew aktar. Dan ir-rieżami la jkopri tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni ta’ żmien qasir 2 u lanqas l-attivitajiet ta’ ċerti Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni (Export Credit Agencies, ECAs) lil hinn mill-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni (bħall-assigurazzjoni tal-investimenti). Wieħed irid jinnota wkoll li fil-każ ta’ xi Stati Membri, il-funzjoni ta’ aġenzija ta’ kreditu għall-esportazzjoni ssir minn kumpanija tal-assigurazzjoni li topera b'mandat pubbliku. L-attivitajiet tas-settur pubbliku biss ta’ dawn il-kumpaniji huma koperti minn dan ir-rieżami.
Il-Kummissjoni ħadet nota tar-Riżoluzzjoni adottata fit-2 ta’ Lulju 2013 mill-Parlament Ewropew dwar l-ewwel eżerċizzju ta’ rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 3 u ġibdet l-attenzjoni partikolari tal-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’din ir-Riżoluzzjoni – bħar-rakkomandazzjoni lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni u l-Kummissjoni biex jikkonsultaw mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-metodoloġija tar-rapportar. Fil-mument tal-kitba, l-Istati Membri qed janalizzaw aġġornament tal-metodoloġija tar-rapportar.
2. Rapporti Annwali tal-Attività li waslu għas-sena kalendarja 2017:
Waslu Rapporti Annwali tal-Attività mill-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
Is-seba’ Stati Membri l-oħra (Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u Malta), ma kellhomx programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni attivi fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 matul is-sena tar-rapportar.
3. Analiżi tar-Rapporti Annwali tal-Attività:
a) Informazzjoni ġenerali u finanzjarja:
Il-qafas regolatorju applikabbli (ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011) jistabbilixxi r-regoli ġenerali għal tranżazzjonijiet u programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Minkejja li bosta gvernijiet Ewropej waqqfu ECA, l-ambitu u t-tip ta’ programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni pprovduti, kif ukoll l-istruttura organizzattiva tal-aġenzija, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor.
F’xi Stati Membri, l-ECA hija dipartiment jew aġenzija governattiva. F’oħrajn, kif innutat hawn fuq, hija kumpanija tal-assigurazzjoni li twettaq din il-funzjoni abbażi ta’ mandat pubbliku u bis-superviżjoni tal-gvern. Mhix ħaġa rari li l-Istati Membri li joffru kategoriji differenti ta’ sostenn ta’ kreditu għall-esportazzjoni jkollhom aktar minn ECA waħda (pereż. aġenzija li tipprovdi sostenn uffiċjali fil-forma ta’ garanziji jew assigurazzjoni għas-self kummerċjali u aġenzija oħra li, pereżempju, issellef direttament jew tipprovdi sostenn għar-rata tal-imgħax).
Fl-2017, 21 Stat Membru tal-UE pprovdew programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011. Dawn il-programmi huma ġestiti minn total ta’ 29 aġenzija u dipartiment governattivi differenti.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri qed jespandu l-għodod tagħhom tal-programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Fir-rigward tat-tipi ta’ sostenn għall-kreditu għall-esportazzjoni li joffru ECAs Ewropej, l-aktar forma komuni tibqa’ l-“kopertura pura” (jiġifieri t-tranżazzjoni tal-esportazzjoni kkonċernata tkun iffinanzjata minn bank kummerċjali, li għaliha l-ECA tipprovdi garanzija jew kopertura tat-tip ta’ assigurazzjoni). Matul il-perjodu ta’ rapportar il-21 Stat Membru kollha li pprovdew krediti għall-esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 offrew dan it-tip ta’ appoġġ. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri offrew ukoll forom oħra ta’ appoġġ koperti mir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati, 4 bħal self jew finanzjament dirett (fejn il-finanzjament tipprovdih direttament l-ECA u mhux bank kummerċjali) 5 jew rifinanzjament 6 . Diversi Rapporti Annwali tal-Attività espliċitament isemmu wkoll il-finanzjament ta’ proġetti 7 , għajnuna marbuta 8 , u/jew self lill-SMEs 9 .
Ġeneralment, matul dawn l-aħħar snin evolva grad ogħla ta’ konformità hekk kif l-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati tal-OECD beda jkopri firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li d-differenzi segwenti jiġu kkunsidrati għaliex jagħmluha diffiċli li jsir tqabbil veru u proprju. L-ewwel nett, l-Istati Membri żviluppaw – fil-limitu tal-forom ġenerali tal-appoġġ tal-kreditu għall-esportazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti – varjetà wiesgħa ta’ programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, filwaqt li prodott partikolari jista’ jkun komuni għal diversi ECAs, il-patti u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu jistgħu ma jkunux l-istess. It-tieni, l-impatt ta’ programm ta’ kreditu għall-esportazzjoni ovvjament jiddependi wkoll fuq il-karatteristiċi tal-ekonomija nazzjonali u fuq il-kapaċitajiet tas-settur finanzjarju privat.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżervi, it-tabella ta’ hawn taħt li telenka l-iskopertura għar-riskju nominali aggregat fil-31 ta’ Diċembru 2017 tipprovdi mill-anqas idea ġenerali tad-daqs tal-akbar skemi ta’ kreditu għall-esportazzjoni tat-tip “kopertura pura” 10 .
|
Appoġġ uffiċjali fil-forma ta’ “kopertura pura” fl-2017 (f’biljuni ta’ euro) L-akbar fl-UE skont l-iskopertura għar-riskju nominali aggregat |
|
|
Il-Ġermanja |
85,8 |
|
Franza |
69,2 |
|
L-Iżvezja |
34,8 |
|
L-Italja |
25,6 |
|
In-Netherlands |
24,4 |
Kif diġà ssemma hawn fuq, l-ECAs Ewropej huma attivi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma lil hinn mill-ambitu tal-obbligu ta’ rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011. Dawn tal-aħħar essenzjalment ikopru attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni ta’ żmien medju u twil (kif definit skont l-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati tal-OECD). Madankollu, ħafna ECAs Ewropej joffru wkoll prodotti bħal krediti għall-esportazzjoni ta’ żmien qasir, garanziji abbażi ta’ ittra ta’ kreditu, garanziji ta’ riskju ta’ manifattura u prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni. Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li diversi Stati Membri żviluppaw prodotti ta’ kreditu għall-esportazzjoni speċifiċi għas-settur, pereżempju għall-manifattura tal-inġenji tal-ajru, il-bini tal-vapuri u l-infrastruttura ferrovjarja. Huwa utli li wieħed iżomm dan f’moħħu meta jivvaluta r-rwol ekonomiku usa’ tal-ECAs.
Fit-Taqsimiet II u IV tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar il-formola ta’ rapportar użata fir-Rapporti Annwali tal-Attività, kif ukoll fir-rapporti annwali ġenerali li bosta Stati Membri jirreferu espliċitament għalihom.
Kumplessivament, ir-Rapporti Annwali tal-Attività jipprovdu tagħrif finanzjarju rilevanti dwar il-programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni fl-2017. Madankollu, jenħtieġ li jkun enfasizzat, li skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011, dan ir-rapportar isir f’konformità mal-qafas leġiżlattiv nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv. Dan jirriżulta f’xi differenzi fil-preżentazzjoni. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda osservazzjonijiet speċifiċi dwar l-aspetti finanzjarji tar-Rapporti Annwali tal-Attività 11 .
b) Trattament ta’ “riskji ambjentali, li jistgħu jġibu magħhom riskji rilevanti oħrajn”:
Skont il-paragrafu 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 l-Istati Membri fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom “għandhom jiddeskrivu kif ir-riskji ambjentali, li jistgħu jwasslu għal riskji rilevanti oħra, qed jittieħed kont tagħhom fl-attivitajiet tal-kreditu għall-esportazzjoni b’sussidju uffiċjali tal-ECAs tagħhom.”
L-ECAs qed ikomplu jivvalutaw ir-riskji ambjentali u l-Istati Membri żviluppaw ulterjorment proċessi interni biex jevalwaw ir-riskji disponibbli. Fejn hu meqjus li r-riskji involuti huma inaċċettabbli jew sproporzjonati, ma tingħatax kopertura. 12 Fejn hu meqjus li r-riskji huma aċċettabbli, l-appoġġ tal-kreditu għall-esportazzjoni huwa tipikament subordinat u vinkolat b’miżuri ta’ mitigazzjoni u l-konformità ma’ ċerti standards. 13 Il-konverġenza fil-prassi tintwera, pereżempju, permezz tal-applikazzjoni ta’ proċeduri differenti ta’ valutazzjoni skont it-tip u l-kategorija tat-tranżazzjonijiet, kif deskritt b’mod espliċitu minn xi Stati Membri. 14
Il-paragrafu 2 tal-Anness I isemmi kemm ir-riskji ambjentali kif ukoll “riskji rilevanti oħra”. Kollox ma’ kollox, bħal fis-snin preċedenti, l-Istati Membri komplew jinterpretaw ir-riskji ambjentali u dawk assoċjati b’mod wiesa’.
It-tranżazzjonijiet huma vvalutati b’konsiderazzjonijiet mhux biss ambjentali iżda b’ħafna oħrajn. Pereżempju, ħafna Stati Membri jirreferu b’mod espliċitu għall-impatti soċjali 15 kif ukoll għad-drittijiet tal-bniedem 16 . Dawn ir-riskji jistgħu jiġu vvalutati minn esperti indipendenti esterni 17 jew, dejjem aktar, minn speċjalisti f’kull ECA 18 .
Barra minn hekk, kważi l-Istati Membri kollha jirreferu b’mod partikolari għall-proċeduri deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni għal Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u d-Diliġenza Dovuta Soċjali (l-“Approċċi Komuni”), li ġew aċċettati u kisbu forza normattiva anki lil hinn mis-sħubija tal-OECD.
Ħafna Stati Membri jirrapportaw li huma japplikaw l-Approċċi Komuni lil hinn mill-ambitu rrakkomandat sabiex jagħmlu aktar skrutinju lil saħansitra varjetà akbar ta’ tranżazzjonijiet. 19 L-Istati Membri jmorru wkoll lil hinn mill-Approċċi Komuni u jieħdu bħala punti ta’ riferiment standards internazzjonali oħra minbarra l-Approċċi Komuni. Dawn l-istandards jinkludu l-Politiki ta’ Salvagwardja tal-Bank Dinji, 20 il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, 21 il-Prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, 22 id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, 23 il-Prinċipji tal-Ekwatur, 24 l-Istandards ta’ Prestazzjoni Ambjentali u Soċjali tal-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, 25 u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali. 26 Xejra reċenti oħra hija l-inklużjoni ta’ inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima f’dan il-kuntest, inkluż referenza għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. 27 Fl-aħħar nett, xi Stati Membri semmew ukoll l-impenn kontinwu tagħhom biex itejbu u jiżviluppaw dixxiplini eżistenti. Il-Finlandja, pereżempju, innotat il-parteċipazzjoni tagħha fi gruppi ta’ ħidma inter-ECA li jfittxu approċċi komuni għal kwistjonijiet ambjentali u soċjali, kif ukoll sforzi internazzjonali usa’ biex jinħolqu regoli komuni li jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi.
c) Informazzjoni oħra fir-Rapporti Annwali tal-Attività
Minbarra l-informazzjoni diġà msemmija fit-Taqsimiet 3a) u b) hawn fuq, il-21 Rapport Annwali tal-Attività juru li l-Istati Membri żviluppaw politiki dwar il-krediti għall-esportazzjoni b’mod aktar ġenerali relatati mal-ambjent, kontra t-tixħim u s-self sostenibbli lil pajjiżi bi dħul baxx. It-tliet Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OECD 28 għandhom rwol ewlieni, iżda mhux esklużiv. Anki Stati Membri li mhumiex Membri tal-OECD japplikaw dawn l-istrumenti jew biħsiebhom japplikawhom. Pereżempju l-Bulgarija tapplika r-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-Tixħim. Ħafna Stati Membri jiddikjaraw b’mod partikolari li l-“Approċċi Komuni” huma applikati lil hinn mill-ambitu definit mill-OECD. 29 Barra minn hekk, il-politiki tal-Istati Membri huma msejsa fuq standards internazzjonali 30 u fuq l-acquis usa’ tal-UE. Ir-referenzi għall-“objettivi”, l-“istandards” u l-“linji gwida” tal-UE juru li jiġu kkunsidrati strumenti legali kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti u li l-ispirtu tal-liġi huwa importanti daqs il-kelma tagħha.
Barra minn hekk, għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri jinvokaw objettivi jew kunsiderazzjonijiet politiċi addizzjonali li jikkomplementaw dawk stabbiliti fl-Approċċi Komuni. Eżempji jinkludu s-sostenibbiltà soċjali 31 u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali. 32 F’bosta każijiet, l-ECAs ikkonċernati żviluppaw strumenti rilevanti huma stess. Eżempju ta’ dan jista’ jkun politika ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, 33 li tipikament tinvolvi mhux biss sforzi interni iżda wkoll djalogu mill-qrib mal-klijenti tal-ECA. 34
Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent, xejriet ġodda jinkludu enfasi fuq is-sostenibbiltà 35 u t-tnaqqis tal-emissjonijiet 36 . Bħal fl-eżerċizzji ta’ rappurtar preċedenti, bosta Stati Membri jenfasizzaw l-importanza partikolari tad-drittijiet tal-bniedem. Kważi r-rapporti kollha jkomplu jirriflettu s-sostenn għall-iżvilupp ta’ dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Approċċi Komuni l-ġodda.
B’mod ġenerali, il-politiki tal-Istati Membri dwar l-ECAs kellhom it-tendenza li jikkonverġu. Eżempju ta’ dan huma l-miżuri kontra t-tixħim. Ħafna Stati Membri jirrikjedu dikjarazzjoni ffirmata kontra l-korruzzjoni mill-partijiet involuti u jiddikjaraw espliċitament li l-kopertura tiġi awtomatikament invalidata jekk jiġi kkonstatat tixħim. 37 Għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri jsemmu wkoll l-importanza tal-monitoraġġ 38 u attivament jinkoraġġixxu lill-banek u lill-esportaturi biex jiżviluppaw miżuri proprji kontra t-tixħim. 39
Ħafna Stati Membri żviluppaw l-għodod speċifiċi tagħhom kontra t-tixħim u kontra l-korruzzjoni apparti l-konformità mal-Approċċi Komuni, bħal miżuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta. 40 Il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus huma wkoll dejjem aktar ikkwotati bħala prijorità, 41 flimkien mal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu. 42
Bl-istess mod, il-konverġenza turiha l-aderenza mill-qrib mar-rekwiżiti tal-Bank Dinji u tal-Fond Monetarju Internazzjonali msemmija minn bosta Stati Membri fir-rigward ta’ prattiki ta’ self sostenibbli lil pajjiżi bi dħul baxx. 43
L-Istati Membri huma wkoll attenti biex jiżguraw li l-ECAs joperaw bl-aktar mod trasparenti possibbli, filwaqt li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità li tista’ tkun meħtieġa għal tranżazzjonijiet kummerċjali. Diversi Stati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività fir-rigward tal-2017. 44
Abbażi tar-rappurtar tagħhom, jidher li l-Istati Membri integraw l-Approċċi Komuni tal-OECD fil-politiki tagħhom ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, kif juru diversi kunsiderazzjonijiet inklużi hawn fuq, l-Approċċi Komuni spiss jitqiesu bħala standard minimu. F’ħafna oqsma, l-Istati Membri japplikaw il-miżuri addizzjonali tagħhom stess sabiex jiżguraw li l-appoġġ ta’ kreditu għall-esportazzjoni jkun disponibbli biss għal tranżazzjonijiet li jissodisfaw sett strett ta’ standards li jvarjaw minn aspetti ambjentali sa dawk soċjali.
d) Konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni:
Sabiex tiżdied it-trasparenza fil-livell tal-UE, l-Istati Membri huma obbligati skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 li jippreżentaw lill-Kummissjoni, Rapport Annwali tal-Attivitajiet, li jirrapporta f’konformità mal-qafas leġiżlattiv nazzjonali tagħhom ċerta informazzjoni finanzjarja u operazzjonali dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ kreditu għall-esportazzjoni, li tinkludi wkoll informazzjoni dwar kif qed jindirizzaw ir-riskji ambjentali.
Skont il-Paragrafu 3 tal-Anness I “il-Kummissjoni għandha tipproduċi analiżi annwali għall-Parlament Ewropew ibbażata fuq din l-informazzjoni, inkluża evalwazzjoni rigward il-konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni.”.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jelenka l-objettivi ġenerali tal-Unjoni fl-Artikolu 3 45 u l-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 21 tiegħu.
Fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni tal-UE, hemm referenza għall-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 206 u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-Istati Membri kollha li qed jirrapportaw jipprovdu evidenza li għandhom fis-seħħ politiki biex jakkumpanjaw il-ġestjoni tal-programmi tagħhom ta’ kreditu għall-esportazzjoni li huma konformi mal-objettivi tal-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika speċifiċi rigward il-kreditu għall-esportazzjoni żviluppati mill-OECD – l-unika organizzazzjoni internazzjonali li żviluppat regoli speċjalizzati għal dan il-qasam ta’ politika sa issa – huma ġeneralment applikati, u f’ħafna każi l-attivitajiet tal-Istati Membri jmorru lil hinn minn dan il-livell.
Sabiex tkun tista’ tapprofondixxi l-kapaċità tagħha li tivvaluta aktar l-attivitajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u f’konsultazzjonijiet ma’ diversi partijiet ikkonċernati, ipproponiet lill-Istati Membri biex jestendu l-ambitu u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-Rapporti Annwali tal-Attività. Mudell rivedut u estiż għall-eżerċizzju ta’ rappurtar bħalissa qed jiġi diskuss mal-Istati Membri.
Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex toħroġ dikjarazzjoni dwar jekk l-Istati Membri humiex konformi mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni; il-Kummissjoni Ewropea wettqet l-analiżi annwali tagħha skont l-Anness 1. Bħala tali, l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq ir-Rapporti Annwali tal-Attività ppreżentati mill-Istati Membri, u ma tistax titqies bħala definittiva. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni li tinsab fir-Rapporti Annwali tal-Attività tipprovdi evidenza qawwija li l-ECAs huma f’konformità mal-Artikoli 3 u 21 tat-TUE u ma tipprovdix evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità minn xi Stat Membru. Naturalment, l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jixtiequ li jistabbilixxu b’mod konġunt miri politiċi aktar ambizzjużi. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tiffaċilita u tippromwovi djalogu interistituzzjonali f’dan ir-rigward iżda sadanittant trid twettaq l-evalwazzjoni tagħha f’konformità mal-Paragrafu 3 tal-Anness I.
Fir-rigward tal-konformità mal-obbligi internazzjonali u l-obbligi skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, ma kien hemm l-ebda tilwim fil-livell tad-WTO li jinvolvi programmi Ewropej ta’ kreditu għall-esportazzjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni Ewropea ma rċeviet ebda lment fl-2017 li jikkonċerna ksur potenzjali tad-dritt tal-UE li jinvolvi aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni.
ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45.
Għal tranżazzjonijiet bħal dawn tapplika l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat KE li tapplika l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għall-assigurazzjoni tal-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri (2012/2320 (INI).
L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati tal-OECD, kif inkorporat fid-dritt tal-Unjoni, huwa riprodott fl-Anness II tar-Regolament.
Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, Spanja u r-Renju Unit.
L-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvezja.
Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja u n-Netherlands.
L-Awstrija, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Polonja u Spanja.
Il-Bulgarija, id-Danimarka u r-Rumanija.
Osserva li r-Renju Unit elenka wkoll skopertura għar-riskju nominali aggregat ta’ £23.1 biljun fil-31 ta’ Marzu 2018.
Skont il-paragrafu 1 tal-Anness I, il-proċess ta’ rapportar preżenti huwa mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri li jeżerċitaw is-sorveljanza tal-programmi nazzjonali ta’ kreditu għall-esportazzjoni .
Pereż. il-Belġju, l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Lussemburgu u l-Portugall
Pereż. il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u s-Slovenja.
Pereż. il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja u r-Repubblika Slovakka.
Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, is-Slovenja u l-Iżvezja.
L-Awstrija, il-Ġermanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
Pereż. ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovakka.
Pereż. il-Belġju
L-Italja, il-Ġermanja, in-Netherlands u Spanja.
Ir-Repubblika Slovakka.
Id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Iżvezja.
L-Iżvezja.
Il-Finlandja u n-Netherlands.
Ir-Renju Unit.
In-Netherlands u r-Repubblika Slovakka.
L-Iżvezja.
Il-Finlandja.
1. Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni għal Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u d-Diliġenza Dovuta Soċjali (l-hekk imsejħa “Approċċi Komuni”) 2. Ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-Tixħim u l-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati. 3. Il-Prinċipji u Linji Gwida għall-Promozzjoni ta’ Prattiki ta’ Self Sostenibbli fid-dispożizzjoni tal-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjali lil Pajjiżi bi Dħul Baxx
Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvezja.
Għal aktar dettalji, ara l-lista ta’ hawn fuq, it-Taqsima 3b).
Id-Danimarka, il-Ġermanja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u Spanja.
L-Iżvezja.
L-Italja, in-Netherlands, is-Slovenja u l-Iżvezja.
Pereż. il-Belġju.
Pereż. ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja.
Il-Belġju u d-Danimarka.
Pereż. il-Bulgarija, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Rumanija.
Il-Belġju, l-Italja u r-Renju Unit.
Il-Belġju, id-Danimarka u l-Ġermanja.
Ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvezja.
L-Iżvezja.
L-Iżvezja.
Pereż. l-Ungerija, l-Italja u n-Netherlands.
L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvezja.
Fost l-oħrajn, skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 3 tat-TUE, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja l-Unjoni “għandha tikkontribwixxi għal [...] l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku fost il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”.