SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi ta’ trasport bil-kowċ u bix-xarabank – Regolament (KE) Nru 1073/2009 – Il-punti 4 u 7 tal-Artikolu 2, Artikolu 15(b) – Trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank fil-kuntest ta’ servizzi okkażjonali – Miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni li jintroduċu perjodu massimu ta’ sebat ijiem konsekuttivi fl-istess xahar kalendarju – Marġni ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑482/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fis‑26 ta’ Lulju 2023,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Messina u C. Vang, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn:
L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn M. Brathovde, K. Isaksen, M.-M. Joséphidès u I.O. Vilhjálmsdóttir, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn D. Elkan, J. F. Kronborg u C. Maertens, bħala aġenti, sussegwentement minn D. Elkan u C. Maertens, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
L-Islanda, irrappreżentata minn V. B. Eggertsdóttir, H. Jónsson, I. Óskarsdóttir u N. G. Sigurðardóttir, bħala aġenti,
Ir-Renju tan-Norveġja, irrappreżentat minn T. Aalia u E. Eikeland, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma awtorizzax it-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ jew bix-xarabank fil-kuntest ta’ servizzi okkażjonali sakemm dan it-trasport ma jseħħx f’perijodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi matul l-istess xahar kalendarju, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu imposti skont l-Artikolu 15(b) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU 2009, L 300, p. 88, rettifiki fil-ĠU 2015, L 272, p. 15 u fil-ĠU 2018, L 243, p. 21). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009
|
2 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […] ‘operazzjonijiet ta’ kabotaġġ’ tfisser trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament; […]” |
|
3 |
L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipju Ġenerali”, jipprevedi: “1. Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. 2. Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. L-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel. Fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi jistgħu jwettqu wħud mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jew kollha kemm huma, permessi taħt dak is-subparagrafu fi kwalunkwe Stat Membru bil-kondizzjoni li jkunu limitati għal operazzjoni ta’ kabotaġġ waħda għal kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mid-dħul mhux mgħobbi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. […]” |
Ir-Regolament Nru 1073/2009
|
4 |
Il-premessi 3, 4 u 10 tar-Regolament 1073/2009 jistipulaw:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1073/2009, intitolat “Ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Dan ir-regolament għandu japplika għas-servizzi nazzjonali bit-triq tal-passiġġieri bil-kiri jew b’kumpens fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti kif ipprovdut fil-Kapitolu V.” |
|
6 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
7 |
Il-Kapitolu V tal-imsemmi regolament, intitolat “Kabotaġġ”, jinkludi l-Artikoli 14 u 15 tiegħu. |
|
8 |
L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipju Ġenerali”, huwa fformulat kif ġej: “Kull trasportatur li jopera servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri b’kiri jew b’kumpens u li jkollu liċenzja tal-Komunità, għandu jitħalla, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu u bla diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post fejn ikun stabbilit it-trasportatur, jopera l-kabotaġġ kif speċifikat fl-Artikolu 15.” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1073/2009, intitolat “Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ awtorizzati”: “L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għandhom jiġu awtorizzati għal dawn is-servizzi: […] b) is-servizzi okkażjonali; […]” |
Id‑dritt Daniż
|
10 |
Mill‑1 ta’ Novembru 2019, ir-Renju tad-Danimarka japplika prassi amministrattiva li permezz tagħha l-awtoritajiet Daniżi jinterpretaw it-termini “fuq bażi temporanja”, użati fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ” li tinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/2009, fis-sens li ma jistgħux jindikaw perijodu ta’ iktar minn “sebat ijiem konsekuttivi matul l-istess xahar kalendarju” (iktar ’il quddiem il-“prassi amministrattiva kontenzjuża”). Din il-prassi hija deskritta fi stqarrija għall-istampa tal-Ministeru għat-Trasport tal‑11 ta’ Ottubru 2019, intitolata “Danmark strammer fortolkningen af EU’s regler om cabotage for busser” (“Id-Danimarka ddejjaq l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kabotaġġ bix-xarabank u bil-kowċ”). |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
11 |
Skont il-Kummissjoni, il-prassi amministrattiva kontenzjuża li tikkonsisti fil-limitazzjoni, għal trasportatur mhux residenti, tat-trasport b’kabotaġġ bix-xarabank jew bil-kowċ fit-territorju Daniż għal perijodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi matul l-istess xahar kalendarju, ma hijiex konformi mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1073/2009 u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
12 |
Wara kuntatti mal-Gvern Daniż, il-Kummissjoni, fid‑9 ta’ Ġunju 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tad-Danimarka, li fiha hija esponiet li, bl-applikazzjoni tal-prassi amministrattiva kontenzjuża, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 15(b) tar-Regolament Nru 1073/2009. |
|
13 |
Ir-Renju tad-Danimarka wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fit‑2 ta’ Awwissu 2021, fejn spjega li din il-prassi hija konformi mar-Regolament Nru 1073/2009. F’dan ir-rigward, qabelxejn, ma teżistix interpretazzjoni komuni tar-regoli ta’ kabotaġġ għat-trasport ta’ passiġġiera. Sussegwentement, l-imsemmija prassi hija konformi mal-għan ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-espressjoni “fuq bażi temporanja” li tinsab fir-Regolament Nru 1072/2009. Fl-aħħar nett, l-istess prassi hija proporzjonata. |
|
14 |
Fid‑19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tad-Danimarka opinjoni motivata, li għaliha dan l-Istat Membru wieġeb fl‑1 ta’ Lulju 2022. F’din it-tweġiba, l-imsemmi Stat Membru sostna li l-prassi amministrattiva kontenzjuża hija konformi mar-Regolament Nru 1073/2009. |
|
15 |
Peress li kkunsidrat li t-tweġiba tar-Renju tad-Danimarka ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
16 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tfakkar li r-Regolament Nru 1073/2009 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju, stabbilit mid-dritt primarju, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport tal-passiġġiera bil-kowċ u bix-xarabank. |
|
17 |
Konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, l-operaturi tat-trasport tal-Unjoni Ewropea huma liberi li jipprovdu servizzi okkażjonali ta’ trasport tal-passiġġiera bit-triq b’mod temporanju fl-Istati Membri li ma humiex l-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, bil-kundizzjoni biss li jkollhom liċenzja Komunitarja. |
|
18 |
Issa, il-prassi amministrattiva kontenzjuża timplika l-projbizzjoni għal trasportatur mhux residenti milli jwettaq żewġ istanzi ta’ trasport ta’ kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank fid-Danimarka matul l-istess xahar kalendarju jekk dan it-trasport iseħħ f’intervall ta’ iktar minn ġimgħa. Għalhekk, trasportatur li jiżgura trasport ta’ kabotaġġ fid-Danimarka fl-ewwel jum ta’ xahar, u sussegwentement mill-ġdid fl‑20 tal-istess xahar, iwettaq, skont din il-prassi, ksur tar-Regolament Nru 1073/2009, anki jekk dan it-trasport kien l-uniku trasport imwettaq minn dan it-trasportatur fid-Danimarka. |
|
19 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li, sa fejn jirregola l-kundizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġiera bil-kowċ u bix-xarabank, ir-Regolament Nru 1073/2009 u, b’mod iktar partikolari, l-espressjoni “fuq bażi temporanja” li tinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tiegħu, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
20 |
Filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 27), u tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C‑215/01, EU:C:2003:662, punti 31 u 32), hija tqis li la t-tul, la l-frekwenza, la l-perjodiċità u lanqas il-kontinwità ta’ attività ma jistgħu jintużaw bħala l-uniku kriterju sabiex jiġi stabbilit jekk din l-attività taqax taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-regoli li jirregolaw il-kabotaġġ li jinsabu fir-Regolament Nru 1073/2009. Minn dan isegwi li limitazzjoni awtomatika tat-trasport b’kabotaġġ għal perijodu ddeterminat minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-prassi amministrattiva kontenzjuża, hija kuntrarja għal dan ir-regolament. |
|
21 |
Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-imsemmi regolament, li tipprovdi li l-operaturi tat-trasport għandhom id-dritt li jwettqu trasport tal-passiġġiera bil-kowċ u bix-xarabank “fuq bażi temporanja” fi Stat Membru ospitanti timplika li għandu jiġi evalwat każ b’każ jekk l-attività tat-trasportatur ikkonċernat seħħitx fuq bażi temporanja. Regola bħal dik stabbilita mill-prassi amministrattiva kontenzjuża ma tistax għalhekk tissostitwixxi l-marġni ta’ evalwazzjoni li jirriżulta neċessarjament minn tali evalwazzjoni każ b’każ. |
|
22 |
Il-Kummissjoni żżid li r-Regolament Nru 1073/2009 ma jawtorizzax espressament lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tat-trasport b’kabotaġġ okkażjonali. Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, minkejja l-applikabbiltà diretta tagħhom fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri, din il-prassi ma tissodisfax, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti f’dan ir-rigward, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 41). |
|
23 |
Fil-fatt, l-ewwel, il-prassi amministrattiva kontenzjuża ma tippreċiżax sempliċement il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Istati Membri, iżda tillimita eċċessivament id-dritt tal-operaturi tat-trasport li jwettqu trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank fid-Danimarka. It-tieni, din il-prassi hija kuntrarja għall-għan tar-Regolament Nru 1073/2009, li jikkonsisti fil-liberalizzazzjoni tat-twettiq ta’ ċerti tipi ta’ trasport ta’ passiġġiera bit-triq u fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li fihom l-operaturi tat-trasport mhux residenti huma awtorizzati jwettqu trasport nazzjonali ta’ passiġġiera fi Stat Membru fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li l-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi bħala restrizzjoni għat-trasport b’kabotaġġ biss il-fatt li dan jitwettaq “fuq bażi temporanja”, ir-Renju tad-Danimarka, billi stabbilixxa sistema ġenerali kif issegwi mill-prassi amministrattiva kontenzjuża, ma jiggarantixxix il-marġni ta’ evalwazzjoni meħtieġ għall-evalwazzjoni każwali msemmija iktar ’il fuq. It-tielet, l-imsemmija prassi hija sproporzjonata. |
|
24 |
Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Renju tan-Norveġja, josserva, qabel kollox, li l-prassi amministrattiva kontenzjuża ġiet introdotta bi tweġiba għad-diffikultajiet, ikkonstatati mill-awtoritajiet Daniżi, li jiddeterminaw, f’każijiet konkreti, il-legalità jew le tal-kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank. |
|
25 |
Ir-Renju tad-Danimarka jgħid ukoll li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni sabiex jiċċaraw il-portata tal-Artikolu 15(b) tar-Regolament Nru 1073/2009. Fil-fatt, ma huwiex possibbli, abbażi tal-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament, tal-għan imfittex minnu jew tal-kuntest tal-imsemmi regolament, li jiġi ddeterminat xi tfisser eżattament l-espressjoni “fuq bażi temporanja”, imsemmija fl-Artikolu 15(b) tal-istess regolament, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Artikolu 2 tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli għal dawn l-Istati, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863), kif ukoll tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251), li jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni sabiex jikkjarifikaw il-portata tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. |
|
26 |
Skont ir-Renju tad-Danimarka, f’dan il-każ, il-prassi amministrattiva kontenzjuża kienet preċiżament tippermetti li jiġu identifikati l-każijiet li fihom l-attività fid-Danimarka ta’ impriża ta’ trasport barranija hija eżerċitata “fuq bażi temporanja”. Din hija konformi mal-għan tar-Regolament Nru 1073/2009 li jikkonsisti f’li jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport filwaqt li jiġi żgurat li t-trasport b’kabotaġġ ma jitwettqux b’mod li jikkostitwixxi attività permanenti jew kontinwa. |
|
27 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanza li din il-prassi hija bbażata fuq perijodu kkostitwit minn numru ta’ ġranet, pjuttost milli fuq numru ta’ istanzi ta’ trasport, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jippreċiża l-portata tal-kliem “fuq bażi temporanja”, li jinsab fir-Regolament Nru 1072/2009, dwar it-trasport b’kabotaġġ ta’ merkanzija, introduċa wkoll regola li tinkludi riferiment għal perijodu ta’ sebat ijiem. Issa, it-trasport b’kabotaġġ tal-merkanzija, minn naħa, u t-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank, min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq l-istess prinċipji. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, il-prassi amministrattiva kontenzjuża tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din il-prassi tikkostitwixxi miżura li tippermetti li jiġi ggarantit li l-kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank ma jseħħx b’mod kontinwu u b’tali mod li, fir-realtà, l-impriża mhux residenti toħroġ biss rarament, jew saħansitra ma toħroġ qatt, mit-territorju tal-Istat ospitanti, b’tali mod li l-attività titlef in-natura temporanja tagħha. |
|
29 |
Ir-Renju tan-Norveġja jżid li l-prassi amministrattiva kontenzjuża hija legalment ċara, prevedibbli u faċli li tiġi osservata. Barra minn hekk, il-kliem, il-kuntest, l-għan u l-oriġini tar-Regolament Nru 1073/2009 ma jipprekludux interpretazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit perijodu massimu fiss sabiex it-trasport b’kabotaġġ ikun jista’ jitqies bħala “fuq bażi temporanja”. Għall-kuntrarju, l-assenza ta’ dispożizzjonijiet preċiżi li jirregolaw il-portata tal-kunċett ta’ “trasport b’kabotaġġ” f’dan ir-regolament tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jadottaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni. |
|
30 |
Ir-Renju tan-Norveġja jsostni barra minn hekk li, mingħajr definizzjoni ċara tar-regoli li jirregolaw il-portata tat-trasport b’kabotaġġ imsemmija fil-punt 7 tal-Artikolu 2 u fl-Artikolu 15(b) tal-imsemmi regolament, l-effettività ta’ dan tal-aħħar tkun ostakolata fis-sens li ma jkunx possibbli li tiġi mistħarrġa u żgurata l-osservanza b’mod koerenti u prevedibbli tal-portata tat-trasport awtorizzat. |
|
31 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kliem “fuq bażi temporanja” li jinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, ir-Renju tan-Norveġja jiddubita li dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura temporanja tas-servizzi fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
32 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju tad-Danimarka li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 15(b) tar-Regolament Nru 1073/2009 billi ma awtorizzax it-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank fil-kuntest ta’ servizzi okkażjonali sakemm it-trasport ma jsirx f’terminu ta’ sebat ijiem konsekuttivi fl-istess xahar kalendarju. Fi kwalunkwe każ, il-prassi amministrattiva kontenzjuża ma hijiex konformi mal-għan segwit minn dan ir-regolament u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
33 |
Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ dan ir-rikors, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 288 TFUE u minħabba n-natura stess tar-regolamenti u tal-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2001, Monte Arcosu,C‑403/98, EU:C:2001:6, punt 26; u tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 27, u tat‑30 ta’ Mejju 2024, Expedia,C‑663/22, EU:C:2024:433, punt 40). |
|
34 |
Sa fejn l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament teżiġi dan, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni tiegħu jekk dawn ma jkunux jostakolaw l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jkunux jaħbu n-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk ikunu jippreċiżaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilhom mill-imsemmi regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter,C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 41; tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 28, u tat‑30 ta’ Mejju 2024, Expedia,C‑663/22, EU:C:2024:433, punt 41). |
|
35 |
F’dan ir-rigward, huwa billi jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament ikkonċernat, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, li għandu jiġi ddeterminat jekk dawn jipprojbixxux, jimponux obbligu jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter,C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 43; tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 29, u tat‑30 ta’ Mejju 2024, Expedia,C‑663/22, EU:C:2024:433, punt 42). |
|
36 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1073/2009, jiġifieri l-Artikolu 15(b) kif ukoll il-punti 4 u 7 tal-Artikolu 2 tiegħu, ma jawtorizzawx espliċitament lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni fir-rigward tat-trasport b’kabotaġġ. |
|
37 |
Madankollu, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet komparabbli dwar il-kunċett ta’ kabotaġġ fil-kuntest tat-trasport tal-merkanzija li jinsab fil-punt 6 tal-Artikolu 2 fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009, għandu jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri għandhomx marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jadottaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/2009 minkejja li dan ma jawtorizzahomx espressament li jagħmlu dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 34). |
|
38 |
Huwa importanti, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat, kif isostni r-Renju tad-Danimarka, jekk il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ kabotaġġ”, kif awtorizzat mir-Regolament Nru 1073/2009, fil-fatt huwiex nieqes minn preċiżjoni, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni intiżi sabiex jippreċiżaw il-portata ta’ dan il-kunċett tidher iġġustifikata. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, b’mod partikolari, bħala “servizzi bit-triq nazzjonali tal-passiġġieri għall-kiri u kumpens imwettqa fuq bażi temporanja minn trasportatur fi Stat Membru ospitanti”, mingħajr madankollu ma jispeċifika bl-ebda mod din il-kundizzjoni ta’ temporalità. |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi li t-trasport b’kabotaġġ huwa awtorizzat għas-“servizzi okkażjonali”. Madankollu, minkejja li l-kunċett ta’ “servizzi okkażjonali” huwa ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tiddelimita b’mod preċiż, la f’termini ta’ tul u lanqas ta’ numru, in-natura okkażjonali tas-servizzi awtorizzati. |
|
41 |
Issa, iċ-ċirkustanza li dispożizzjoni tkun ifformulata f’termini ġenerali jew mhux preċiżi tikkostitwixxi indikazzjoni tan-neċessità li jiġu adottati miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 39). |
|
42 |
Barra minn hekk, għalkemm l-għan tar-Regolament Nru 1073/2009 jikkonsisti, skont il-premessa 3 tiegħu, f’li jiġi offrut qafas koerenti għat-trasport internazzjonali tal-passiġġiera bil-kowċ u bix-xarabank fl-Unjoni kollha, dan l-għan ma huwiex ostakolu għall-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ ċerti miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kabotaġġ, il-premessa 10 tal-imsemmi regolament tippreċiża li, għalkemm l-operaturi tat-trasport mhux residenti għandhom ikunu awtorizzati jipprovdu servizzi ta’ trasport nazzjonali tal-passiġġiera bit-triq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċjali ta’ kull modalità ta’ servizz, peress li t-twettiq ta’ dan it-trasport b’kabotaġġ għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq u għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali fis-seħħ f’ċerti oqsma fl-Istat Membru ospitanti. |
|
43 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/2009 u, b’mod iktar partikolari, tal-punti 4 u 7 tal-Artikolu 2 kif ukoll tal-Artikolu 15(b) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ kabotaġġ”, fis-sens tal-imsemmi regolament. |
|
44 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament, huma għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa impost fuq l-awtoritajiet leġiżlattivi u regolatorji tagħhom meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-mezzi użati minn dispożizzjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter,C‑316/10, EU:C:2011:863, punti 50 sa 52; tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 50, u tat‑30 ta’ Mejju 2024, Expedia,C‑663/22, EU:C:2024:433, punt 43). |
|
45 |
Fir-rigward, l-ewwel, tan-natura xierqa tal-prassi amministrattiva kontenzjuża sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1073/2009, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li din il-prassi hija ta’ natura li tiggarantixxi l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport, filwaqt li tiżgura li t-trasport b’kabotaġġ ma jitwettaqx b’mod li tinħoloq attività permanenti jew kontinwa fi ħdan l-Istat Membru ospitanti. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, bħalma tiddikjara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 1073/2009, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-politika komuni tat-trasport u teżiġi li l-aċċess għas-swieq tat-trasport internazzjonali jkun iggarantit għall-operaturi tat-trasport tal-Istati Membri kollha, mingħajr diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ stabbiliment, konformement mal-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. |
|
47 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kemm l-Artikolu 1(4) kif ukoll il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/2009 jenfasizzaw in-natura temporanja tal-kabotaġġ. Il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tfakkar, barra minn hekk, li huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċjali ta’ kull modalità ta’ servizz li l-operaturi tat-trasport mhux residenti għandhom ikunu awtorizzati jipprovdu servizzi ta’ trasport nazzjonali tal-passiġġiera bit-triq. |
|
48 |
Issa, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tistabbilixxi limitu ta’ żmien għat-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank fit-territorju Daniż f’perijodu ta’ xahar kalendarju, il-prassi amministrattiva kontenzjuża tevita li din l-attività toħroġ mill-qafas ta’ attività temporanja u ssir permanenti u kontinwa. Għalhekk, hija adatta sabiex tiggarantixxi r-rekwiżit li tinżamm in-natura temporanja tal-kabotaġġ, kif ukoll il-prevedibbiltà u l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit. |
|
49 |
Minn dan isegwi li l-prassi amministrattiva kontenzjuża hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/2009 dwar il-kabotaġġ. |
|
50 |
Fir-rigward, it-tieni, tal-punt dwar jekk il-prassi amministrattiva kontenzjuża tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li din il-prassi tillimita t-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank għal perijodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi fl-istess xahar kalendarju. |
|
51 |
Minn dan isegwi li, għalkemm l-imsemmija prassi għandha l-konsegwenza li l-operatur tat-trasport ikkonċernat ikollu josserva perijodu ta’ stennija, li t-tul tiegħu jvarja skont il-mument tax-xahar kalendarju li fih jitwettaq dan it-trasport b’kabotaġġ, hija ma għandhiex l-għan li tipprojbixxi t-twettiq ta’ istanzi oħra ta’ trasport bil-kowċ u bix-xarabank, bħal trasport internazzjonali jew lejn l-Istat Membru ta’ stabbiliment, jew lejn Stati Membri oħra, segwiti, jekk ikun il-każ, minn trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank f’dawn l-Istati Membri l-oħra. L-operaturi tat-trasport jistgħu għalhekk, matul dan il-perijodu ta’ stennija, ikomplu jwettqu tali trasport (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 832, 833 u 852). |
|
52 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu ta’ stennija li jirriżulta mill-prassi amministrattiva kontenzjuża ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din il-prassi, li huwa li jiġi żgurat li t-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ u bix-xarabank ma jitwettqux b’mod li tinħoloq attività permanenti jew kontinwa fl-istess Stat Membru ospitanti. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li dan l-għan jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi minn dan il-perijodu ta’ stennija. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tispjegax fiex jikkonsistu dawn il-mezzi. |
|
54 |
Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr il-Kummissjoni ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 1982, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, 96/81, EU:C:1982:192, punt 6, tat‑21 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (Tul massimu ta’ parkeġġ), C‑167/22, EU:C:2023:1020, punt 47). |
|
55 |
Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-prassi amministrattiva kontenzjuża ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li, billi ma awtorizzax it-trasport b’kabotaġġ bil-kowċ jew bix-xarabank fil-kuntest ta’ servizzi okkażjonali sakemm dan it-trasport ma jseħħx f’perijodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi matul l-istess xahar kalendarju, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu imposti skont l-Artikolu 15(b) tar-Regolament Nru 1073/2009. |
|
57 |
Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju tad-Danimarka. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.