Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 5.Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0247 - 0259
5. PROTOKOLL DWAR L-ISTATUT TAL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, BIX-XEWQA li jistabbilixxu l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment previst fl-Artikolu III-393 tal-Kostituzzjoni, FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa: Artikolu 1 Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment previst fl-Artikolu III-393 tal-Kostituzzjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-"Bank") qed jiġi hawnhekk kostitwit; huwa għandu jaqdi dmirijietu u jwettaq l-attivitajiet tiegħu skond il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut. Artikolu 2 Il-kompitu tal-Bank għandu jkun dak definit fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni. Artikolu 3 Skond l-Artikolu III-393 tal-Kostituzzjoni, l-membri tal-Bank għandhom ikunu l-Istati Membri. Artikolu 4 1. Il-kapital tal-Bank għandu jkun ta' 163653737000 euro, sottoskritt mill-Istati Membri kif ġej: il-Ġermanja | 26649532500 | Franza | 26649532500 | l-Italja | 26649532500 | ir-Renju Unit | 26649532500 | Spanja | 15989719500 | il-Belġju | 7387065000 | l-Olanda | 7387065000 | l-Isvezja | 4900585500 | id-Danimarka | 3740283000 | l-Awstrija | 3666973500 | il-Polonja | 3411263500 | il-Finlandja | 2106816000 | il-Greċja | 2003725500 | il-Portugall | 1291287000 | ir-Repubblika Ċeka | 1258785500 | l-Ungerija | 1190868500 | l-Irlanda | 935070000 | is-Slovakkja | 428490500 | is-Slovenja | 397815000 | il-Litwanja | 249617500 | il-Lussemburgu | 187015500 | Ċipru | 183382000 | il-Latvja | 152335000 | l-Estonja | 117640000 | Malta | 69804000 | L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biss sas-somma ta' sehemhom mill-kapital sottoskritt iżda mhux imħallas. 2. L-ammissjoni ta' membru ġdid għandha ġġib magħha żieda fil-kapital sottoskritt daqs il-kapital li jġib il-membru l-ġdid. 3. Il-Bord tal-Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jżid il-kapital sottoskritt. 4. Is-sehem ta' membru fil-kapital sottoskritt ma jistgħax jiġi trasferit, imwiegħed jew impenjat. Artikolu 5 1. Il-kapital sottoskritt għandu jitħallas mill-Istati Membri sa medja ta' 5 % tas-somom stabbiliti fl-Artikolu 4(1). 2. Jekk ikun hemm żieda fil-kapital sottoskritt, il-Bord tal-Gvernaturi b'mod unanimu, għandu jiffissa l-perċentwali li għandha titħallas u l-arranġamenti għall-ħlas. Il-ħlas f'kontanti għandu jsir esklużivament f'euro. 3. Il-Bord tad-Diretturi jista' jitlob il-ħlas tal-bilanċ tal-kapital sottoskritt, f'ammont li jista' jkun meħtieġ biex il-Bank ikun jista' jaqdi l-obbligi tiegħu. Kull Stat Membru għandu jagħmel dan il-ħlas skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu tal-kapital sottoskritt. Artikolu 6 Il-Bank għandu jitmexxa minn Bord tal-Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat tat-Tmexxija. Artikolu 7 1. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun magħmul minn ministri maħtura mill-Istati Membri. 2. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi direttivi ġenerali għall-politika ta' kreditu tal-Bank, skond l-għanijiet ta' l-Unjoni. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jassigura li dawn id-direttivi jkunu mplimentati. 3. Minbarra dan, il-Bord tal-Gvernaturi għandu: a) jiddeċiedi jekk għandux iżid il-kapital sottoskritt skond l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5(2); b) għall-finijiet ta' l-Artikolu 9(1), jiffissa l-prinċipji applikabbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament li jkun daħal għalihom fil-qafas tal-kompitu tal-Bank, ċ) jeżerċita s-setgħat kif provdut fl-Artikoli 9 u 11 dwar il-ħatra u l-irtirar obbligatorju tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat tat-Tmexxija, u dawk il-kompetenzi provduti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1); d) jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzi għal investiment li jrid isir, parzjalment jew għal kollox, barra t-territorju ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 16(1); e) japprova r-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi; f) japprova l-karta tal-bilanċ annwali u l-kont ta' qligħ u telf; g) japprova r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank; h) jeżerċita s-setgħat konferiti b'dan l-Istatut. 4. Fil-qafas tal-Kostituzzjoni u ta' dan l-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi, b'mod unanimu, jista' jiddeċiedi dwar is-sospensjoni ta' l-operazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, l-istralċ, tal-Bank. Artikolu 8 1. Salv meta provdut mod ieħor f'dan l-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Din il-maġġoranza għandha tirrappreżenta mill-inqas 50 % tal-kapital sottoskritt. Maġġoranza kwalifikata għandha teħtieġ tmintax-il vot favur u 68 % tal-kapital sottoskritt. 2. L-astenzjoni mill-preżenza ta' membri jew tar-rappreżentati tagħhom m'għandhiex iżżomm milli sseħħ l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jeħtieġu l-unanimità. Artikolu 9 1. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' kreditu jew garanziji, u faċilitajiet ta' self; għandu jiffissa r-rati ta' imgħax fuq self mogħti u l-kummissjoni u piżijiet oħra. Jista', fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda b'maġġoranza kwalifikata, jiddelega xi wħud mill-funzjonijiet tiegħu lill-Kumitat tat-Tmexxija. Għandu jiffissa l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-delega u għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħha. Il-Bord tad-Diretturi għandu jassigura li l-Bank jitmexxa sewwa; għandu jassigura li l-Bank jitmexxa skond il-Kostituzzjoni, dan l-Istatut u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi. Fl-aħħar tas-sena finanzjarja l-Bord tad-Diretturi għandu jissottometti rapport lill-Bord tal-Gvernaturi u għandu jippubblikah wara li jiġi approvat. 2. Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun kompost minn sitta u għoxrin direttur u sittax-il direttur supplenti. Id-diretturi għandhom jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin, wieħed nominat minn kull Stat Membru. Wieħed għandu jkun nominat ukoll mill-Kummissjoni. Id-diretturi supplenti għandhom jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin kif ġej: - żewġ supplenti nominati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, - żewġ supplenti nominati mir-Repubblika Franċiża, - żewġ supplenti nominati mir-Repubblika Taljana, - żewġ supplenti nominati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, - supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża, - supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Renju tal-Belġju, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r- Renju ta' l-Olanda, - supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Ellenika u l-Irlanda, - supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja, u r-Renju ta' l-Isvezja, - tliet supplenti nominati bi qbil bejn ir-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika tal-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, - supplent wieħed nominat mill-Kommissjoni. Il-Bord tad-Diretturi għandu jaħtar b'għażla sitt esperti bla dritt ta' vot: tlieta bħala membri u tlieta bħala supplenti. Il-ħatriet tad-Diretturi u tas-supplenti jistgħu jiġġeddu. Ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u d-disposizzjonijiet applikabbli għas-supplenti u għall-esperti maħtura b'għażla. Il-President tal-Kumitat tat-Tmexxija jew, fl-assenza tiegħu, wieħed mill-Viċi-Presidenti, għandu jippresjedi l-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi iżda m'għandux jivvota. Il-Membri tal-Bord tad-Diretturi għandhom jintgħażlu minn fost persuni li dwar l-indipendenza u l-kompetenza tagħhom ma jkun hemm l-ebda dubju. Għandhom ikunu responsabbli biss lejn il-Bank. 3. Il-Bord tal-Gvernaturi jista' jobbliga direttur jirtira biss jekk dan ma jkunx iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu; Il-Bord għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Jekk ir-rapport annwali ma jiġix approvat, il-Bord tad-Diretturi għandu jirriżenja. 4. Kull post battal li jirriżulta wara mewt, riżenja volontarja, rtirar obbligat jew riżenja kollettiva għandu jimtela skond il-paragrafu 2. Membru għandu jiġi sostitwit għall-bqija tal-mandat tiegħu, ħlief fil-każ fejn ikun qed jiġi sostitwit il-Bord tad-Diretturi sħiħ. 5. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiffissa r-remunerazzjoni tal-membri tal-Bord tad-Diretturi. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu, jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompatibbli mad-doveri ta' direttur jew ta' supplent. Artikolu 10 1. Fil-Bord tad-Diretturi kull direttur għandu vot wieħed. Dan jista' jiddelega l-vot tiegħu fil-każijiet kollha, skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank. 2. Hlief kif provdut xort'oħra f'dan l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu minn għall-inqas terz tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot, li jirrappreżentaw mhux inqas minn 50 % tal-kapital sottoskritt. Maġġoranza kwalifikata teħtieġ tmintax-il vot u 68 % fil-mija tal-kapital sottoskritt. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank għandhom jistabbilixxu kemm hemm bżonn ta' membri tal-Bord tad-Diretturi biex ikun hemm il-quorum meħtieġ għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Artikolu 11 1. Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jkun kompost mill-President u tmien Viċi-Presidenti maħtura għal perjodu ta' sitt snin mill-Bord tal-Gvernaturi fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi. Dawn il-ħatriet jistgħu jiġġeddu. Il-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'unanimità, jista' jbiddel l-għadd tal-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija. 2. Fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi adottata b'maġġoranza kwalifikata, l-Bord tal-Gvernaturi li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jirtira membru tal-Kumitat tat-Tmexxija. 3. Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jkun responsabbli għax-xogħol kurrenti tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-sorveljanza tal-Bord tad-Diretturi. Huwa għandu jħejji d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, inklużi deċiżjonijiet dwar il-faċilitajiet ta' self u l-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self u garanziji. Għandu jassigura li dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati. 4. Il-Kumitat tat-Tmexxija, li jaġixxi b'maġġoranza, għandu jadotta opinjonijiet dwar proposti għal faċilitajiet ta' self jew għall-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self u garanziji. 5. Il-bord tal-Gvernaturi għandu jiffissa r-remunerazzjoni tal-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija u għandu jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompatibbli ma' dmirijiethom. 6. Il-President jew, f'każ ta' impediment, wieħed mill-Viċi-Presidenti għandu jirrappreżenta l-Bank f'materji ġudizzjarji u f'materji oħrajn. 7. L-impjegati tal-Bank għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-President. Huma jiġu impjegati u ssensjati minnu. Fl-għażla ta' l-impjegati, għandha tittieħed in konsiderazzjoni mhux biss il-kompetenza personali u l-kwalifiki iżda wkoll ir-rappreżentanza ekwa taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri. Ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jistabbilixxu liema organu hu kompetenti biex jadotta d-disposizzjonijiet applikabbli għall-impjegati. 8. Il-Kumitat tat-Tmexxija u l-impjegati tal-Bank għandhom ikunu responsabbli lejn il-Bank biss u għandhom ikunu indipendenti għal kollox fil-qadi ta' dmirijiethom. Artikolu 12 1. Kumitat magħmul minn sitt membri, maħtura fuq bażi tal-kompetenza tagħhom mill-Bord tal-Gvernaturi, għandu jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jaqblu ma' l-aħjar prattika bankarja, u għandu jkun responsabbli għall-verifika tal-kontijiet. 2. Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu, kull sena, jassigura li l-operazzjonijiet tal-Bank tmexxew u l-kotba tiegħu nżammu b'mod xieraq. Għal dan l-iskop, għandu jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank saru skond il-formalitajiet u l-proċeduri previsti minn dan l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura. 3. Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu jikkonferma li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kull informazzjoni finanzjarja oħra fil-kontijiet annwali mogħtija mill-Bord tad-Diretturi, jagħtu stampa vera u ġusta tal-posizzjoni finanzjarja tal-Bank f'dak li jirrigwarda l-attiv u l-passiv tiegħu, u f'dak li jirrigwarda r-riżultati ta' l-operazzjonijiet tiegħu u l-cash flows għas-sena finanzjarja kkonċernata. 4. Ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jispeċifikaw il-kwalifiki meħtieġa għall-membri tal-Kumitat u jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-attività tal-Kumitat. Artikolu 13 Il-Bank għandu jitratta ma' kull Stat Membru permezz ta' l-awtorità maħtura minn dak l-Istat. Fit-twettiq ta' l-operazzjonijiet finanzjarji l-Bank għandu jirrikorri għand il-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat jew għand kull istituzzjoni finanzjarja oħra approvata minn dak l-Istat. Artikolu 14 1. Il-Bank għandu jikkopera ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li joperaw f'oqsma bħal tiegħu. 2. Il-Bank għandu jfittex li jistabbilixxi kuntatti xierqa fl-interessi tal-koperazzjoni ma' istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji fil-pajjiżi li fihom jopera. Artikolu 15 Fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-Bord tal-Gvernaturi għandu, skond l-istess disposizzjonijiet li rregolaw l-adozzjoni tad-direttivi li stabbilixxa skond l-Artikolu 7, jinterpretahom jew jissupplimentahom. Artikolu 16 1. Fil-qafas tal-kompitu previst fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni, l-Bank għandu jagħti finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self u garanziji lill-membri tiegħu jew lil intrapriżi privati jew pubbliċi għal investimenti li għandhom jitwettqu fit-territorji ta' l-Istati Membri, sakemm ma jkunx hemm fondi disponibbli minn riżorsi oħra, b'kondizzjonijiet raġonevoli. Madankollu, b'deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi, l-Bank jista' jagħti finanzjament għal investimenti li għandhom jitwettqu, għal kollox jew parzjalment, barra t-territorji ta' l-Istati Membri. 2. Kemm jista' jkun, self għandu jingħata biss bil-kundizzjoni li jintużaw ukoll riżorsi oħra ta' finanzjament. 3. Meta jingħata self lil intrapriżi jew xi korp minbarra Stati Membri, l-Bank għandu jagħti s-self bil-kondizzjoni jew li jkun hemm garanzija minn Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment, jew b'garanzija xierqa, jew abbażi tal-posizzjoni finanzjarja soda tad-debitur. Barra minn hekk, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b), u meta l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet prevista fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni hekk titlob, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' kull operazzjoni finanzjarja li fiha riskju speċifiku li b'hekk tkun ikkunsidrata bħala attività speċjali. 4. Il-Bank jista' jiggarantixxi self meħud minn intrapriżi pubbliċi jew privati jew korpi oħra biex iwettqu proġetti previsti fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni. 5. Fi kwalunkwe żmien, l-ammont totali ta' self u garanziji mogħtija mill-Bank m'għandux jaqbeż il-250 % tal-kapital sottoskritt, tar-riservi, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-ammonti li jkunu in eċċess fil-kont ta' qligħ u telf tiegħu. Dan l-ammont totali għandu jitnaqqas b'ammont daqs l-ammont sottoskritt (imħallas jew mhux) ta' kull parteċipazzjoni fil-kapital mill-Bank. L-ammont tal-parteċipazzjonijiet fil-kapital mill-Bank imħallsa m'għandu qatt jaqbeż l-ammont imħallas tal-kapital sottoskritt, tar-riservi tiegħu, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-ammonti li jkunu in eċċess fil-kont ta' qligħ u telf. B'eċċezzjoni, għall-attivitajiet speċjali tal-Bank, kif deċiżi mill-Bord tal-Gvernaturi u l-Bord tad-Diretturi skond il-paragrafu 3 għandu jkun hemm allokazzjoni speċifika ta' riserva. Dan il-paragrafu japplika wkoll għall-kontijiet konsolidati tal-Bank. 6. Il-Bank għandu jipproteġi ruħu kontra riskji ta' kambju billi jinkludi l-klawżoli li jidhirlu xierqa fil-kuntratti ta' self u garanzija. Artikolu 17 1. Rati ta' imgħax fuq self li jingħata mill-Bank u kummissjoni u piżijiet oħra għandhom jiġu aġġustati skond il-kondizzjonijiet kurrenti fis-suq kapitali u għandhom jiġu kkalkolati b'mod li d-dħul minnhom jippermetti lill-Bank li jaqdi l-obbligi tiegħu, biex ikopri l-ispejjeż u r-riskji tiegħu u biex jibni fond ta' riserva kif provdut fl-Artikolu 22. 2. Il-Bank m'għandux jippermetti tnaqqis fir-rata ta' imgħax. Meta tnaqqis fir-rata ta' imgħax jidher desiderabbli minħabba n-natura ta' l-investiment li jkun qed jiġi ffinanzjat, l-Istat Membru kkonċernat jew xi aġenzija oħra tista' tagħti għajnuna għall-ħlas ta' l-imgħax sakemm dan ikun kompatibbli ma' l-Artikolu III-167 tal-Kostituzzjoni. Artikolu 18 Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, l-Bank għandu josserva l-prinċipji li ġejjin: 1. Għandu jassigura li l-fondi tiegħu jintużaw bl-iżjed mod razzjonali fl-interessi ta' l-Unjoni. a) meta l-imgħax u l-ammortizzament huma koperti, jew minn qligħ mill-istess negozju fil-każ ta' investimenti minn intrapriżi fis-settur tal-produzzjoni, jew fil-każ ta' investimenti oħra, minn impenn sottoskritt mill-Istat li fih isir l-investiment jew b'xi mod ieħor, u b) meta t-twettiq ta' l-investiment jikkontribwixxi għal żieda ġenerali tal-produttività ekonomika u jippromwovi l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern. 2. M'għandux jakkwista xi interess f'intrapriża u lanqas jassumi xi responsabbiltà fit-tmexxija tagħha ħlief meta dan ikun meħtieġ biex jissalvagwardja d-drittijiet tal-Bank billi jassigura li jinġabru l-fondi mislufin. Madankollu, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b), u meta l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet prevista fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni hekk titlob, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta' intrapriża kummerċjali, normalment bħala kompliment għal self jew garanzija, sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġi ffinanzjat investiment jew programm. 3. Jista' jiddisponi mill-pretensjonijiet tiegħu fis-suq tal-kapital u jista', għal dan l-iskop, jeħtieġ li d-debituri joħorġu bonds u titoli oħrajn. 4. La l-Bank u lanqas l-Istati Membri m'għandhom jimponu kondizzjonijiet li jeħtieġu li fondi mislufa mill-Bank jintnefqu fi Stat Membru speċifiku. 5. Il-Bank jista' jagħti self bil-kondizzjoni li jsiru arranġamenti biex jinħarġu talbiet għall-offerti internazzjonali. 6. Il-Bank m'għandux jiffinanzja, parzjalment jew għal kollox, xi investiment f'territorju ta' Stat li ma jkunx iridu. 7. Bħala kumpliment għall-attività ta' self tiegħu, l-Bank jista' jipprovdi servizzi ta' għajnuna teknika skond il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, u bi qbil ma' dan l-Istatut. Artikolu 19 1. Kull intrapriża jew entità pubblika jew privata tista' tapplika għal finanzjament direttament mingħand il-Bank. Applikazzjonijiet lill-Bank jistgħu jsiru wkoll jew permezz tal-Kummissjoni jew permezz ta' Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment. 2. Applikazzjonijiet magħmula permezz tal-Kummissjoni għandhom jiġu sottomessi għal opinjoni ta' l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment. Applikazzjonijiet magħmula permezz ta' Stat Membru għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni biex tagħti opinjoni. Applikazzjonijiet magħmula direttament minn intrapriża għandhom jiġu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien xahrejn. Jekk f'dan il-terminu ma tingħatax tweġiba, l-Bank jista' jassumi li m'hemmx oġġezzjoni għall-investiment in kwistjoni. 3. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar operazzjonijiet ta' finanzjament sottomessi lilu mill-Kumitat tat-Tmexxija. 4. Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jeżamina jekk operazzjonijiet ta' finanzjament sottomessi lilu jaqblux mad-dan l-Istatut, speċjalment ma' l-Artikoli 16 u 18. Meta l-Kumitat tat-Tmexxija jkun jaqbel ma' l-operazzjoni ta' finanzjament għandu jissottometti l-proposta kkonċernata lill-Bord tad-Diretturi. Il-Kumitat jista' jissoġġetta l-opinjoni favorevoli tiegħu għall-kondizzjonijiet li jidhirlu meħtieġa. Meta l-Kumitat tat-Tmexxija jkun kontra l-għoti ta' finanzjament għandu jissottometti d-dokumenti rilevanti flimkien ma' l-opinjoni tiegħu lill-Bord tad-Diretturi. 5. Meta l-Kumitat tat-Tmexxija jagħti opinjoni kuntrarja, l-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament kkonċernat ħlief jekk id-deċiżjoni tiegħu tkun unanima. 6. Meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni kuntrarja, l-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament kkonċernat ħlief jekk id-deċiżjoni tiegħu tkun unanima, u f'dan il-każ id-direttur innominat mill-Kummissjoni għandu jastjeni. 7. Meta kemm il-Kumitat tat-Tmexxija kif ukoll il-Kummissjoni jagħtu opinjoni kuntrarja, l-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament. 8. Meta operazzjoni ta' finanzjament li għandha x'taqsam ma' investiment approvat trid tiġi ristrutturata biex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi tal-Bank, il-Kumitat tat-Tmexxija għandu bla telf ta' żmien jieħu l-miżuri ta' emerġenza li jidhrulu xierqa, u għandu jirrapporta dan minnufih lill-Bord tad-Diretturi. Artikolu 20 1. Il-Bank għandu jissellef fis-swieq tal-kapital dawk il-fondi meħtieġa biex iwettaq il-kompitu tiegħu. 2. Il-Bank jista' jissellef fis-swieq tal-kapital ta' l-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet legali li japplikaw għal dawk is-swieq. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li jkollhom deroga skond it-tifsira ta' l-Artikolu III-197(1) tal-Kostituzzjoni jistgħu jopponu dan biss jekk ikun hemm biża ta' disturbi serji fis-swieq tal-kapital ta' dak l-Istat. Artikolu 21 1. Il-Bank jista' juża l-fondi kollha disponibbli li ma jkunx jeħtieġ immedjatament biex jaqdi l-obbligi tiegħu kif ġej: a) jista' jinvesti fis-swieq finanzjarji; b) bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18(2), jista' jixtri u jbiegħ titoli; ċ) jista' jwettaq kull operazzjoni finanzjarja oħra marbuta mal-miri tiegħu. 2. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 23, fl-amministrazzjoni ta' l-investimenti tiegħu, l-Bank m'għandux jidħol għal xi arbitraġġ ta' munita li ma jkunx meħtieġ direttament biex imexxi l-operazzjonijiet ta' self tiegħu jew biex jaqdi dmirijietu fejn għandhom x'jaqsmu l-faċilitajiet tas-self u l-garanziji mogħtija minnu. 3. Il-Bank għandu, fl-oqsma li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, jaġixxi bi qbil ma' l-awtoritajiet kompetenti jew mal-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 22 1. Fond ta' riżerva sa 10 % tal-kapital sottoskritt għandu jiġi maħluq progressivament. Il-Bord tad-Diretturi jista' jiddeċiedi li jwarrab riżervi addizzjonali, jekk ir-responsabbiltajiet tal-Bank jiġġustifikaw dan. Sakemm il-fond tar-riżerva jiġi maħluq kompletament, għandhom jidħlu fih: a) l-imgħax fuq self mogħti mill-Bank minn somom li jridu jitħallsu mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5; b) l-imgħax fuq self mogħti mill-Bank minn fondi ġejjin mill-ħlas lura tas-self previst f'(a), dan sakemm dan l-introjtu mhux meħtieġ biex jaqdi l-obbligi tal-bank jew biex ikopri l-ispejjeż tiegħu. 2. Ir-riżorsi tal-fond tar-riserva għandhom jiġu investiti b'mod li jkunu dejjem disponibbli biex jaqdu l-għan tal-fond. Artikolu 23 1. Il-Bank għandu jkun dejjem intitolat li jittrasferixxi l-assi tiegħu fil-munita ta' Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro biex iwettaq operazzjonijiet finanzjarji li jaqblu mal-kompitu previst fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni, waqt li jieħu in konsiderazzjoni d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 21 ta' dan l-Istatut. Il-Bank għandu, sa fejn possibbli, jevita li jagħmel dawn it-trasferimenti jekk jippossjedi flus jew assi likwidi fil-munita meħtieġa. 2. Il-Bank ma jistax jikkonverti l-assi tiegħu fil-munita ta' Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għall-munita ta' pajjiż terz mingħajr il-kunsens ta' l-Istat Membru kkonċernat. 3. Il-Bank jista' jiddisponi liberament minn dik il-parti tal-kapital tiegħu li tkun imħallsa u minn kull munita li jkun issellef fis-swieq barra mill-Unjoni. 4. L-Istati Membri jintrabtu li jqiegħdu għad-disposizzjoni tad-debituri tal-Bank il-munita meħtieġa biex iħallsu lura l-kapital u jħallsu l-imgħax fuq self jew kummissjoni fuq garanziji mogħtija mill-Bank għal investiment li għandu jsir fit-territorju tagħhom. Artikolu 24 Jekk Stat Membru jonqos milli jaqdi l-obbligi tas-sħubija li jinħolqu minn dan l-Istatut, speċjalment l-obbligu li jħallas sehmu tal-kapital sottoskritt, li jagħti self speċjali jew li jagħmel il-pagamenti fuq is-self tiegħu, l-għoti ta' self jew garanziji lill-dak l-Istat Membru jew liċ-ċittadini tiegħu jista' jiġi sospiż b'deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Din id-deċiżjoni ma teħles la lil dak l-Istat Membru u lanqas liċ-ċittadini tiegħu mill-obbligi tagħhom lejn il-Bank. Artikolu 25 1. Jekk il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi li jissospendi l-operazzjonijiet tal-Bank, l-attivitajiet tiegħu għandhom jieqfu minnufih, minbarra dawk meħtieġa biex jassiguraw li l-assi tiegħu jintużaw, u jkunu protetti u preservati u li d-djun jiġu mħallsa kif meħtieġ. 2. F'każ ta' stralċ, l-Bord tal-Gvernaturi għandu jaħtar l-istralċjarji u jagħtihom istruzzjonijiet biex iwettqu l-istralċ. Għandu jassigura li d-drittijiet ta' l-impjegati jiġu mħarsa. Artikolu 26 1. F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Bank għandu jgawdi l-kapaċita ġuridika l-iktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tiegħu. Jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti fi proċedimenti legali. 2. Il-proprjetà tal-Bank ma tistax tkun sottomessa għal xi forma ta' rekwisizzjoni jew esproprjazzjoni. Artikolu 27 1. Kwistjonijiet bejn il-Bank min-naħa l-waħda, u l-kredituri jew id-debituri tiegħu jew kull persuna oħra min-naħa l-oħra, għandhom ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, salv meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Bank jista' jipprovdi għall-arbitraġġ fi kwalunkwe kuntratt. 2. Il-Bank għandu jkollu indirizz uffiċjali f'kull Stat Membru. Madankollu, jista' jispeċifika indirizz partikolari tas-servizz fi kwalunkwe kuntratt. 3. Il-proprjetà u l-assi tal-Bank ma jistgħux jiġu ssekwestrati jew jinqabdu bħala riżultat ta' eżekuzzjoni furzata ħlief b'deċiżjoni ta' qorti. Artikolu 28 1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jistabbilixxi sussidjarji jew entitajiet oħra li għandu jkollhom personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja. 2. Il-Bord tal-Gvernaturi, b'mod unanimu, għandu jistabbilixxi l-istatuti tal-korpi previsti fil-paragrafu 1, u jiddefinixxi b'mod partikolari, l-għanijiet, l-istruttura, l-kapital, is-sħubija, s-sit tas-sede tagħhom, ir-riżorsi finanzjarji, l-mezzi ta' arranġamenti għall-intervent u l-kontroll, kif ukoll ir-relazzjoni tagħhom ma' l-organi tal-Bank. 3. Il-Bank jista' jieħu sehem fit-tmexxija ta' dawn il-korpi u jikkontribwixxi għall-kapital sottoskritt tagħhom sa ammont determinat mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'mod unanimu. 4. Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-korpi previsti fil-paragrafu 1 sakemm dawn ikunu inkorporati taħt il-liġi ta' l-Unjoni, għall-membri ta' l-organi tagħhom fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala tali u għall-impjegati tagħhom bil-modalitajiet u kondizzjonijiet identiċi għal dawk li japplikaw għall-Bank. Dawk id-dividendi, l-qligħ kapitali jew forom oħra ta' dħul li jiġu minn dawn il-korpi li għalihom il-membri, minbarra l-Unjoni Ewropea u l-Bank, huma ntitolati, għandhom madankollu jibqgħu suġġetti għad-disposizzjonijiet fiskali tal-leġislazzjoni applikabbli. 5. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tisma', fil-limiti stabbiliti hawn taħt, kwistjonijiet dwar miżuri adottati minn organi ta' xi korp inkorporat taħt id-dritt ta' l-Unjoni. Proċedimenti kontra dawn il-miżuri jistgħu jiġu istitwiti minn kull membru ta' korp tali fil-kapacità tiegħu bħala tali jew minn Stati Membri taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni. 6. Il-Bord tal-Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jdaħħal l-impjegati ta' korpi inkorporati taħt il-liġi ta' l-Unjoni fi skemi mal-Bank, skond il-proċeduri interni li għandhom x'jaqsmu magħhom. --------------------------------------------------