|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2608 |
23.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA
tal-25 ta’ Novembru 2025
dwar il-ġestjoni ta’ rekords u ta’ arkivji [2025/2608]
IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom - Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika) Nru 354/83 ta’ 1 ta’ Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003 (2) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/496 (3), b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 8 u 9(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (4), b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 25(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1700/2003 u bir-Regolament (UE) 2015/496, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma meħtieġa jistabbilixxu l-arkivji storiċi tagħhom, jiftħuhom għall-pubbliku wara tletin sena, u jadottaw regoli interni għall-applikazzjoni tar-Regolament. Dawn ir-regoli interni għandhom jinkludu regoli għall-preservazzjoni u l-ftuħ għall-pubbliku ta’ arkivji storiċi u dwar il-protezzjoni ta’ data personali li tinsab fihom. |
|
(2) |
Fl-opinjoni tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2012 dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPS”) enfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati regoli ta’ implimentazzjoni adegwati biex jiġi żgurat li t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data jiġi indirizzat b’mod effettiv fil-kuntest taż-żamma ta’ rekords leġittimi għal finijiet legali, finanzjarji, amministrattivi u ta’ arkivjar, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-rekords miżmuma mill-EDPS huma l-bażi tal-operazzjonijiet u l-ħidma ta’ kuljum tiegħu. Dawn huma parti mill-assi organizzazzjonali tal-EDPS, u huma sorsi importanti ta’ informazzjoni amministrattiva, evidenzjali u storika. Dawn huma essenzjali għall-organizzazzjoni fl-operazzjonijiet attwali u futuri tagħha, għall-finijiet ta’ responsabbiltà u trasparenza, u għal sensibilizzazzjoni u fehim tal-istorja u l-proċeduri tagħha. Għalhekk, dawn iridu jiġu ġestiti f’konformità mar-regoli effettivi applikabbli għas-servizzi u l-persunal kollha. |
|
(4) |
Ir-regoli interni dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji jenħtieġ li jqisu l-obbligi rilevanti tas-sigurtà tal-informazzjoni, kif stabbiliti b’mod partikolari fid-Deċiżjoni tal-EDPS tad-9 ta’ Marzu 2020 (adattata fil-11.11.2022) dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, kif ukoll l-azzjonijiet ta’ trasformazzjoni diġitali tal-EDPS. Jenħtieġ li jisfruttaw is-soluzzjonijiet diġitali eżistenti għall-ġestjoni tad-dokumenti u jinkorporaw l-aħħar avvanzi fl-integrità u l-arkivjar elettroniċi kif ukoll l-istandards internazzjonali u l-aħjar prattiki. |
|
(5) |
L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni huma mħeġġa jirrikonoxxu l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji koperti mir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għall-fini ta’ kooperazzjoni amministrattiva billi jikkapitalizzaw, b’mod partikolari, fuq il-prattika tajba eżistenti u r-riżultati ta’ proġetti li għaddejjin fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament. |
|
(6) |
Ir-rekords tal-EDPS għandhom ikunu elettroniċi b’mod awtomatiku, għalkemm huma possibbli eċċezzjonijiet. L-EDPS iżomm rekords li jinħolqu, jiġu riċevuti u ġestiti matul l-attivitajiet tiegħu. Ir-rekords kollha, irrispettivament mill-format u l-ambjent teknoloġiku li fih jinġabru, jinħolqu jew jiġu riċevuti, jinqabdu u jinżammu f’repożitorju elettroniku uffiċjali tar-rekords. |
|
(7) |
Ir-regoli interni dwar il-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji jenħtieġ li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja tar-rekords u jiżguraw l-awtentiċità, l-affidabbiltà, l-integrità u l-użabbiltà tar-rekords u tal-metadata tagħhom maż-żmien. |
|
(8) |
Ġestjoni effettiva u xierqa tar-rekords u tal-arkivji tippermetti lill-EDPS jiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat u effiċjenti; jimplimenta l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-azzjonijiet pubbliċi; jissodisfa l-obbligi ta’ trasparenza u jikkonforma mal-obbligi legali; jimmaniġġja r-riskji tan-negozju; jipproteġi d-drittijiet u l-obbligi tal-EDPS, jipprovdi appoġġ evidenzjarju fil-litigazzjoni; u jippreserva l-memorja istituzzjonali. |
|
(9) |
Ir-regoli interni dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandhom jiġu allinjati mal-obbligu li jiġi pprovdut aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-EDPS skont il-prinċipji, l-arranġamenti u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (6). |
|
(10) |
Ir-regoli interni dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandhom jikkonformaw ukoll mal-obbligi tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Skont dan ir-Regolament, l-EDPS huwa meħtieġ jipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 17 sa 24 tiegħu. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu bbilanċjati mal-objettivi ta’ finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku. |
|
(11) |
Il-membri kollha tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għall-ħolqien u l-ġestjoni korretta tar-rekords relatati mal-politiki, il-proċessi, il-proċeduri u l-azzjonijiet li huma responsabbli għalihom skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli. |
|
(12) |
Id-data u l-informazzjoni fi ħdan l-EDPS għandhom ikunu disponibbli u kondiviżi bl-aktar mod wiesa’ possibbli biex tiġi ffaċilitata l-ħidma kollaborattiva fost il-persunal tiegħu, jittejbu l-irkupru u l-użu mill-ġdid tad-data u l-informazzjoni, u tiġi promossa s-sinerġija tar-riżorsi biex tittejjeb l-effiċjenza ġenerali. |
|
(13) |
L-aċċess għad-data u għall-informazzjoni jista’ jkun ristrett meta informazzjoni sensittiva jew obbligi legali jeħtieġu li l-aċċess ikun limitat. B’mod partikolari, il-miżuri ta’ protezzjoni relatati mal-livell ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni, id-data personali, jew raġunijiet oħra definiti b’mod ċar jistgħu jirrikjedu aċċess aktar limitat u mmirat ibbażat fuq il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif. |
|
(14) |
Il-funzjonijiet indipendenti tal-EDPS tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Legali ġew ikkonsultati dwar il-miżuri meħuda f’din id-Deċiżjoni. |
|
(15) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-3 ta’ Ottubru 2025 (7). |
|
(16) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, il-politiki preċedenti tal-EDPS dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandhom jitħassru u jiġu sostitwiti b’din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji tal-EDPS f’format stampat jew elettroniku, u l-preservazzjoni u l-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji tal-EDPS.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għar-rekords miżmuma mill-EDPS u għall-arkivji tiegħu, irrispettivament mill-format, il-mezz, l-età jew il-post tagħhom.
3. Din id-Deċiżjoni hija applikabbli għall-membri kollha tal-persunal tal-EDPS koperti mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri uffiċjali, aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali. Din għandha tapplika wkoll għall-esperti nazzjonali sekondati u t-trainees.
4. Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPB”). Kif speċifikat fit-taqsima IV, il-paragrafu 2, il-punt (iv), tal-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (8), il-ġestjoni tar-rekords hija inkluża fil-lista ta’ kompiti li għandhom jitwettqu mis-Segretarjat tal-EDPB f’konformità mal-Artikolu 75(6) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“arkivji” tfisser rekords li għandhom jiġu ppreservati b’mod permanenti għall-valur amministrattiv, fiskali, legali, storiku jew informattiv tagħhom; |
|
(b) |
“awtentiċità” tfisser il-fatt li rekord jista’ jiġi ppruvat li huwa dak li huwa maħsub li huwa, li nħoloq jew intbagħat mill-persuna li allegatament ħolqitu jew bagħtitu u li nħoloq jew intbagħat fid-data allegata; |
|
(c) |
“dokument” tfisser kwalunkwe kontenut ikun xi jkun il-mezz tiegħu (miktub fuq karta jew maħżun f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni awdjo, viżwali jew awdjoviżiva) li jikkonċerna kwistjoni relatata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-isfera ta’ responsabbiltà tal-EDPS; |
|
(d) |
“EDPS” tfisser il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bħala korp tal-Unjoni; |
|
(e) |
“firma elettronika” tfisser data f’forma elettronika li hija mehmuża ma’ jew loġikament assoċjata ma’ data oħra f’forma elettronika u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma; |
|
(f) |
“timbru tal-ħin elettroniku” tfisser data fil-forma elettronika li torbot data oħra f’forma elettronika ma’ ħin partikolari u b’hekk tiġi stabbilita evidenza li din id-data tal-aħħar kienet teżisti f’dak il-ħin; |
|
(g) |
“Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ” jew “il-Kontrollur” tfisser il-persuna maħtura bħala Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2018/1725; |
|
(h) |
“fajl” tfisser sett ta’ rekords u dokumenti relatati oħra dwar attività speċifika, organizzati għall-fini ta’ valur evidenzjarju, akkontabilità jew informazzjoni u memorja istituzzjonali korporattiva biex tiġi appoġġata l-effiċjenza ta’ dik l-attività; |
|
(i) |
“pjan ta’ arkivjar” jew “skema ta’ klassifikazzjoni” tfisser l-għodda għall-irbit tar-rekords mal-kuntest tal-ħolqien tagħhom. Huwa ppreżentat bħala struttura ġerarkika ta’ livelli ta’ klassifikazzjoni u huwa bbażat fuq l-attivitajiet kummerċjali li jiġġeneraw rekords f’ambjent organizzazzjonali ta’ negozju speċifiku; |
|
(j) |
“integrità” tfisser il-fatt li rekord huwa komplut u mhux mibdul; |
|
(k) |
“metadata” tfisser informazzjoni strutturata jew semistrutturata, li tippermetti l-ħolqien, il-ġestjoni u l-użu ta’ rekords maż-żmien u fi ħdan u bejn id-dominji; |
|
(l) |
“repożitorju elettroniku uffiċjali tar-rekords” tfisser is-sistema/i ta’ rekords li fiha/fihom jinġabru u jiġu organizzati r-rekords miżmuma mill-EDPS biex jippermettu l-irkupru, id-distribuzzjoni, l-użu, ir-rimi jew il-preservazzjoni; |
|
(m) |
“preservazzjoni” tfisser il-proċessi u l-operazzjonijiet tekniċi li jagħmluha possibbli li jinżammu rekords maż-żmien, li jinżammu l-integrità u l-awtentiċità tagħhom u li jiġi ggarantit l-aċċess għall-kontenut tagħhom; |
|
(n) |
“siġill elettroniku kwalifikat” tfisser siġill elettroniku avvanzat, li jinħoloq minn apparat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati, u li jkun ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku; |
|
(o) |
“firma elettronika kwalifikata” tfisser firma elettronika avvanzata li tinħoloq permezz ta’ apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi; |
|
(p) |
“rekord(s)” tfisser informazzjoni, irrispettivament mill-forma jew mill-mezz, maħluqa, riċevuta u miżmuma bħala evidenza u bħala assi mill-EDPS, fl-insegwiment ta’ obbligi legali jew matul in-negozju; |
|
(q) |
“sistema ta’ rekords” jew “sistema ta’ ġestjoni tar-rekords” tfisser sistema ta’ informazzjoni li taqbad, timmaniġġja u tipprovdi aċċess għar-rekords matul iż-żmien. Sistema ta’ rekords tista’ tikkonsisti minn elementi tekniċi, bħal software, u elementi mhux tekniċi, inklużi l-politika, il-proċeduri, in-nies u aġenti oħra, u r-responsabbiltajiet assenjati; |
|
(r) |
“reġistrazzjoni” tfisser l-att tal-ġbir ta’ rekord flimkien mal-metadata rilevanti f’sistema ta’ rekords; li jiġi stabbilit li dan huwa komplut u kkostitwit kif xieraq minn perspettiva amministrattiva u/jew legali; li jiġi ċċertifikat li ntbagħat minn awtur lil destinatarju f’data partikolari u/jew li ġie inkorporat f’wieħed mir-repożitorji uffiċjali tal-EDPS; |
|
(s) |
“affidabbiltà” tfisser il-fatt li l-kontenut ta’ rekord jista’ jiġi fdat bħala rappreżentazzjoni sħiħa u preċiża tat-tranżazzjonijiet, tal-attivitajiet u tal-fatti li dawn jattestaw u li wieħed jista’ jiddependi fuq ir-rekord matul it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet sussegwenti; |
|
(t) |
“skeda ta’ żamma” tfisser struzzjoni komprensiva li tkopri d-dispożizzjoni tar-rekords biex jiġi żgurat li jinżammu sakemm ikun meħtieġ abbażi tal-valur amministrattiv, fiskali, legali, storiku jew informattiv tagħhom; |
|
(u) |
“użabbiltà” tfisser il-fatt li rekord jista’ jiġi lokalizzat, irkuprat, ippreżentat u interpretat f’perjodu ta’ żmien meqjus raġonevoli mill-partijiet ikkonċernati. |
KAPITOLU II
ĠESTJONI TAR-REKORDS
Artikolu 3
Ħolqien ta’ rekords
1. Ir-rekords tal-EDPS għandhom jinħolqu bħala rekords elettroniċi u għandhom jinżammu fir-repożitorji elettroniċi uffiċjali tiegħu. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, - bħal pereżempju minħabba obbligi legali jew ta’ protokoll; meta ma jkunx possibbli li jiġi diġitalizzat dokument minħabba l-format/id-daqs; jew għall-valur speċifiku u uniku tal-verżjoni analoga - jistgħu jinħolqu rekords f’mezz differenti jew jinżammu f’format differenti.
2. Ir-rekords f’format analogu maħluqa jew riċevuti mill-EDPS għandhom jiġu diġitalizzati b’mod sistematiku u jinqabdu f’repożitorju elettroniku uffiċjali. Il-verżjoni elettronika diġitalizzata li tirriżulta tissostitwixxi l-validità tal-format analogu minn dak il-mument ’il quddiem.
3. Is-servizzi tal-EDPS għandhom jiżguraw li r-rekords tal-posta elettronika li jipprovdu evidenza tal-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet tagħhom u informazzjoni dwarhom jiġu identifikati, ġestiti u ppreservati f’konformità mar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
4. Ir-rekords kollha maħluqa jew riċevuti minn membru tal-persunal b’rabta ma’, jew bħala riżultat tal-ħidma uffiċjali tal-EDPS, huma l-proprjetà tal-EDPS.
Artikolu 4
Qbid tar-rekords
1. Is-servizzi tal-EDPS għandhom jirrieżaminaw regolarment it-tipi ta’ informazzjoni maħluqa jew riċevuta matul l-attivitajiet rispettivi tagħhom, biex jidentifikaw liema għandhom jinqabdu f’repożitorju elettroniku uffiċjali u, b’kont meħud tal-kuntest li fih ikunu ġew prodotti, biex jorganizzaw il-ġestjoni tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
2. Ir-rekords maqbuda ma għandhomx jinbidlu. Dawn jistgħu jitneħħew jew jiġu sostitwiti b’verżjonijiet sussegwenti sakemm jingħalaq il-fajl li jappartjenu għalih.
Artikolu 5
Ir-reġistrazzjoni tad-dokumenti
1. Id-dokumenti mfassla jew riċevuti mill-EDPS għandhom jiġu rreġistrati f’waħda mis-sistemi ta’ ġestjoni tar-rekords jekk ikun fihom informazzjoni importanti, li ma tkunx għal żmien qasir, jew jekk jistgħu jinvolvu azzjoni jew segwitu mis-servizzi tal-EDPS.
2. Kwalunkwe dokument jew kontenut minn pjattaformi ta’ ħidma kollaborattivi li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 irid jiġi rreġistrat f’waħda mis-sistemi uffiċjali ta’ ġestjoni tar-rekords tal-EDPS.
3. Is-sistemi tar-rekords għandhom jiġġeneraw identifikaturi uniċi għar-rekords irreġistrati.
4. Id-dokumenti klassifikati għandhom jiġu rreġistrati biss f’sistemi ta’ żamma tar-rekords approvati mfassla għat-trattament ta’ dokumenti tal-livell ta’ klassifikazzjoni rilevanti.
Artikolu 6
Pjan ta’ arkivjar
1. L-EDPS għandu juża u jżomm pjan ta’ arkivjar li jirrifletti l-attivitajiet tiegħu.
2. Ir-rekords irreġistrati huma organizzati f’fajls u dawn il-fajls huma marbuta mal-parti tal-pjan ta’ arkivjar li tiddeskrivi l-attivitajiet fil-kuntest tal-ħolqien tagħhom.
3. Għandu jiġi stabbilit fajl uffiċjali uniku għal kull kwistjoni li taqa’ taħt il-mandat ta’ servizz partikolari tal-EDPS. Kull fajl uffiċjali jrid jimtela b’rekords maħluqa jew riċevuti b’rabta mal-kwistjoni relatata.
Artikolu 7
Sistemi u proċessi elettroniċi
Is-servizzi tal-EDPS għandhom iżommu u jimmaniġġjaw ir-rekords tagħhom permezz ta’ proċessi elettroniċi u sistemi u strutturi elettroniċi b’interfaċċi biex jiżguraw il-ħżin tar-rekords, l-aċċess għalihom u l-irkupru tagħhom, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor mir-regoli applikabbli tal-EDPS.
Artikolu 8
Validità ta’ dokumenti u proċeduri
1. Dokument maħluq jew riċevut mill-EDPS għandu jitqies validu jew ammissibbli għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
tiġi identifikata l-persuna li joriġina minnha; |
|
(b) |
il-kuntest li fih ġie prodott id-dokument huwa affidabbli u d-dokument jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-integrità tiegħu; |
|
(c) |
id-dokument jikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli; |
|
(d) |
fil-każ ta’ dokument elettroniku, id-dokument jinħoloq b’mod li jiggarantixxi l-integrità, l-affidabbiltà u l-użabbiltà tal-kontenut tiegħu u tal-metadata li takkumpanjah. |
2. Rendizzjoni elettronika maħluqa mid-diġitalizzazzjoni ta’ dokument analogu maħluq jew riċevut mill-EDPS għandha titqies valida jew ammissibbli għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-ebda firma ma tkun meħtieġa minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz ikkonċernat; |
|
(b) |
il-format tiegħu joffri garanziji ta’ integrità, affidabbiltà, durabbiltà, leġġibbiltà maż-żmien u faċilità ta’ aċċess għall-informazzjoni li fih. |
Meta dokument analogu ffirmat ma jkunx meħtieġ, tali rendizzjoni elettronika tista’ tintuża għal kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni u għal kwalunkwe proċedura fi ħdan l-EDPS.
3. Fejn dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali teħtieġ oriġinal iffirmat ta’ dokument, dokument imfassal jew riċevut mill-EDPS għandu jissodisfa dak ir-rekwiżit jekk id-dokument ikun fih xi wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
firma waħda jew aktar miktuba bl-idejn jew elettronika kwalifikata; |
|
(b) |
firma elettronika waħda jew aktar, mhux kwalifikata, li tipprovdi biżżejjed garanziji dwar l-identifikazzjoni tal-firmatarju u l-espressjoni tar-rieda tiegħu fid-dokument iffirmat. |
4. Fejn proċedura speċifika għall-EDPS teħtieġ il-firma ta’ persuna awtorizzata, jew l-approvazzjoni ta’ persuna fi stadju wieħed jew aktar tal-proċedura, il-proċedura tista’ tiġi ġestita minn sistemi tal-kompjuter, dment li kull persuna tkun identifikata b’mod ċar u mhux ambigwu u li s-sistema inkwistjoni tipprovdi garanziji li l-kontenut ma jinbidilx matul il-proċedura.
Artikolu 9
Firem elettroniċi, siġilli, kronogrammi
1. Meta proċedura tinvolvi l-EDPS u entitajiet oħra, u teħtieġ il-firma ta’ persuna awtorizzata jew l-approvazzjoni ta’ persuna fi stadju wieħed jew aktar tal-proċedura, il-proċedura tista’ tiġi ġestita minn sistemi tal-IT fejn il-kundizzjonijiet tal-użu u l-garanziji tekniċi jiġu ddeterminati bi qbil tal-partijiet involuti.
2. Il-firem elettroniċi, sempliċi, avvanzati jew kwalifikati, għandhom jissostitwixxu l-firem bl-idejn kull fejn ikun possibbli.
3. L-EDPS għandu jiddetermina, minbarra r-rekwiżit legali eżistenti, il-kategoriji ta’ dokumenti li jistgħu jeħtieġu firma avvanzata jew kwalifikata.
4. Firma elettronika kwalifikata għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti ta’ firma miktuba bl-idejn.
5. Siġill elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni ta’ integrità tad-data u ta’ korrettezza tal-oriġini tad-data li huwa marbut magħha.
6. Kronogramma elettronika kwalifikata għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-preċiżjoni tad-data u l-ħin li tindika u l-integrità tad-data li magħha jkunu marbutin id-data u l-ħin.
7. Fl-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu u artikoli oħra relatati mal-firma elettronika, l-EDPS għandu japplika r-Regolament (UE) Nru 910/2014 kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1183.
Artikolu 10
Sigurtà u protezzjoni tal-informazzjoni
1. Ir-rekords, il-fajls, is-sistemi ta’ informazzjoni u l-arkivji għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-politika dwar is-sigurtà tal-informazzjoni tal-EDPS u l-politiki applikabbli assoċjati.
2. L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi pproċessata skont ir-regoli applikabbli tal-EDPS.
KAPITOLU III
PRESERVAZZJONI TA’ REKORDS U ARKIVJI STORIĊI
Artikolu 11
Kriterji ta’ żamma u ħżin
1. Il-perjodu ta’ żamma għad-diversi kategoriji ta’ fajls għandu jiġi stabbilit għall-EDPS permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħall-iskedi ta’ żamma mfassla abbażi tal-kuntest organizzattiv, il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-obbligi legali tal-EDPS.
2. Il-ħażna u l-preservazzjoni tar-rekords, għat-tul ta’ żmien meħtieġ, għandhom isiru skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ir-rekords għandhom jinħażnu fil-forma li fiha jkunu nħolqu, intbagħtu jew ġew riċevuti jew f’forma li tippriserva l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tal-kontenut tagħhom u tal-metadata li takkumpanjahom; |
|
(b) |
il-kontenut tar-rekords u l-metadata rilevanti tagħhom iridu jkunu jistgħu jinqraw matul il-perjodu kollu tal-ħażna tagħhom minn kwalunkwe persuna awtorizzata li jkollha aċċess għalihom; |
|
(c) |
fejn ir-rekords jintbagħtu jew jiġu riċevuti b’mod elettroniku, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-oriġini jew id-destinazzjoni tar-rekord u d-data u l-ħin tal-qbid jew tar-reġistrazzjoni, għandha tkun parti mill-metadata minima li għandha tinħażen; |
|
(d) |
fir-rigward tal-proċeduri elettroniċi ġestiti mis-sistemi tal-IT, l-informazzjoni dwar l-istadji formali tal-proċedura u l-flussi tax-xogħol tal-approvazzjoni tagħha għandhom jinħażnu f’tali kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li dawk l-istadji u l-awturi u l-parteċipanti jkunu jistgħu jiġu identifikati sakemm ikun meħtieġ mir-rekwiżiti finanzjarji, legali u amministrattivi applikabbli. |
Artikolu 12
Strateġija ta’ preżervazzjoni diġitali
L-EDPS għandu jistabbilixxi u jimplimenta strateġija ta’ preservazzjoni diġitali biex jiżgura aċċess fit-tul għar-rekords elettroniċi abbażi tal-iskedi ta’ żamma msemmija fl-Artikolu 11(1). L-EDPS għandu jiżgura li jkun hemm fis-seħħ proċessi, għodod u riżorsi biex jiggarantixxu l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tar-rekords u l-aċċessibbiltà tagħhom għaż-żmien meħtieġ.
Artikolu 13
Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjoni tar-rekords u l-fajls tal-EDPS għandha titwettaq fuq bażi regolari, biex jiġi vvalutat jekk dawn għandhomx jiġu trasferiti fl-arkivji jew jiġu eliminati.
2. Sett ta’ metadata dwar rekords u fajls evalwati għandu jinżamm fir-repożitorju elettroniku uffiċjali bħala evidenza ta’ tali rekords u fajls u t-trasferiment tagħhom għall-arkivji jew l-eliminazzjoni, u biex ikunu jistgħu jwieġbu għal talbiet ta’ tiftix interni jew esterni.
3. Ir-rekords u l-fajls meqjusa ta’ valur storiku għandhom jitħejjew għall-preservazzjoni permanenti u għat-trasferiment fl-arkivji storiċi.
4. Ir-responsabbiltà ta’ servizz għall-kontenut intellettwali ta’ kwalunkwe rekord jew fajl tkompli wara t-trasferiment lejn l-Arkivji tal-EDPS.
Artikolu 14
L-ipproċessar ta’ data personali li tinsab fl-arkivji tal-EDPS
1. Meta jipproċessa data personali għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, l-EDPS għandu jimplimenta salvagwardji xierqa biex jiżgura l-konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dawk is-salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:
|
(a) |
l-għażla tar-rekords u l-fajls għat-trasferiment lejn l-arkivji storiċi għandha ssir abbażi tal-iskedi ta’ żamma tal-EDPS. Qabel l-għeluq u t-trasferiment ta’ kwalunkwe rekord jew fajl, id-dipartiment responsabbli għandu jivvaluta, bħala parti mill-proċedura amministrattiva tal-għeluq, li tinżamm biss id-data personali meħtieġa u proporzjonata għall-finijiet ta’ arkivjar storiku. Din il-valutazzjoni għandha titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ, f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data. Il-modalitajiet u l-kriterji ta’ din il-valutazzjoni għandhom jiġu speċifikati aktar fir-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-fajls l-oħra kollha, inklużi fajls strutturati ta’ data personali, bħal rekords personali u mediċi, jew dawk imsemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-UE u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra (10), ma għandhomx jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi, iżda għandhom jiġu eliminati fi tmiem il-perjodu ta’ żamma amministrattiva tagħhom, kif determinat fir-regoli applikabbli rilevanti u skont ir-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni; |
|
(b) |
l-iskedi ta’ żamma tal-EDPS għandhom jawtorizzaw l-eliminazzjoni amministrattiva ta’ tipi speċifiċi ta’ rekords, identifikati fihom, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ żamma amministrattiva applikabbli għall-fajls korrispondenti. Konsegwentement, dawn it-tipi ta’ rekords għandhom jiġu esklużi mill-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku; |
|
(c) |
qabel ma jevalwaw il-fajls meqjusa li ġew ittrasferiti lill-arkivji tal-EDPS, is-servizzi tal-EDPS għandhom jivvalutaw il-preżenza potenzjali ta’ rekords li fihom kategoriji speċjali ta’ data personali (kif definit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725). Barra minn hekk, huma għandhom jevalwaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, u jikkonsultaw mas-servizz tal-arkivji tal-EDPS biex jiddeterminaw il-miżuri speċifiċi xierqa li għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-Artikolu 10(2)(j). |
2. F’konformità mal-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-EDPS jista’ japplika derogi mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data msemmija fl-Artikoli 17 (Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data), 18 (Dritt għal rettifika), 20 (Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar), 21 (Obbligu ta’ notifika rigward rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar u 23 (Dritt ta’ oġġezzjoni) tar-Regolament (UE) 2018/1725, soġġett għal kundizzjonijiet u salvagwardji xierqa kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sa fejn l-applikazzjoni ta’ deroga tkun meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u biex tiġi ppreservata l-integrità tal-arkivji storiċi tal-EDPS. Jistgħu jiġu applikati derogi mid-drittijiet li ġejjin tas-suġġetti tad-data f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725:
|
(a) |
id-dritt ta’ aċċess, kif previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt x’aktarx jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-finijiet speċifiċi li għalihom id-data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, u tali deroga tkun meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-finijiet. Fil-valutazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tat-talba tas-suġġett tad-data, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-informazzjoni pprovduta mis-suġġett tad-data, kif ukoll in-natura, l-ambitu u d-daqs tar-rekords potenzjalment affettwati; |
|
(b) |
id-dritt ta’ rettifika, kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sa fejn ir-rettifika tagħmilha impossibbli li jiġu ppreservati l-integrità u l-awtentiċità tar-rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni jew annotazzjoni supplimentari għar-rekord ikkonċernat, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew jinvolvi sforz amministrattiv sproporzjonat; |
|
(c) |
id-dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar, kif previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sa fejn id-data personali tkun tinsab f’rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi tal-EDPS bħala parti integrali u indispensabbli minn dawn ir-rekords; |
|
(d) |
l-obbligu li tiġi nnotifikata r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, kif previst fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sa fejn din in-notifika x’aktarx tagħmel impossibbli jew tfixkel serjament il-kisba tal-għanijiet speċifiċi għall-arkivjar fl-interess pubbliku, u tali deroga tkun meħtieġa biex jiġu ssodisfati dawk il-finijiet. Fil-valutazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-azzjoni li għandha tittieħed dwar ir-rekwiżit ta’ notifika, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-informazzjoni disponibbli u n-natura speċifika u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekords potenzjalment ikkonċernati; |
|
(e) |
id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar, kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sa fejn id-data personali tkun tinsab f’rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi tal-EDPS bħala parti integrali u indispensabbli minn dawn ir-rekords. |
3. L-EDPS għandu jippreżenta, għal finijiet ta’ responsabbiltà, rekord li jiddeskrivi r-raġunijiet għad-derogi applikati, id-dritt tas-suġġett tad-data li minnu tkun seħħet deroga, u l-eżitu tal-valutazzjoni li tkun saret. Dawk ir-rekords u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jikkonċernaw il-kuntest fattwali jew legali għandhom ikunu parti minn reġistru ad hoc, li għandu jkun disponibbli, fuq talba, għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala awtorità superviżorja għall-protezzjoni tad-data.
4. L-EDPS għandu jikkonsulta lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) meta jikkunsidra l-applikazzjoni ta’ derogi mid-drittijiet tas-suġġett tad-data f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni f’każ partikolari u, fi kwalunkwe każ, qabel ma jieħu deċiżjoni li japplika tali deroga skont din id-Deċiżjoni. L-UPD għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokument sottostanti għal elementi fattwali u legali. L-involviment tal-UPD f’dan il-proċess għandu jkun dokumentat kif xieraq.
Artikolu 15
Id-depożitu tal-arkivji storiċi tal-EDPS fl-Istitut Universitarju Ewropew (HAEUI)
1. F’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/496, l-EDPS għandu jiddepożita d-dokumenti li huma parti mill-arkivji storiċi tiegħu u li jkun fetaħ għall-pubbliku fl-HAEUI.
2. Id-depożitu jista’ jkun fiżiku għal fajls stampati oriġinali, jew elettroniku għal rekords prodotti u ppreservati b’mod diġitali. Fil-każ tal-aħħar, għandhom isiru arranġamenti speċifiċi biex jiġi żgurat li l-HAEUI f’Firenze jkollu aċċess għall-arkivji elettroniċi tal-EDPS, f’konformità mal-Artikolu 1 tal-Anness għar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/496.
3. L-EDPS għandu jipprovdi lill-HAEUI, fejn possibbli, aċċess għal kopji diġitalizzati tar-rekords miżmuma f’mezz analogu sabiex jippromwovi l-konsultazzjoni online u t-trasparenza tal-arkivji storiċi tal-EDPS.
4. Għandu jittieħed kont debitu tar-rekords li jkun fihom dokumenti klassifikati, jew rekords koperti minn eċċezzjonijiet relatati mal-privatezza u l-integrità ta’ individwi, jew l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali kif imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1700/2003.
5. L-HAEUI għandu jkun il-punt ta’ aċċess ewlieni għall-arkivji storiċi tal-EDPS li huma miftuħa għall-pubbliku.
6. Il-Maniġer tar-Rekords u tal-Arkivji tal-EDPS għandu jibgħat lill-HAEUI deskrizzjonijiet tal-arkivji li huma soġġetti għad-depożitu fl-HAEUI. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ metadata mal-HAEUI, l-interoperabbiltà għandha tintuża f’konformità mal-istandards internazzjonali.
7. L-HAEUI jaġixxi bħala proċessur, f’konformità mal-Artikolu 8(11) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/496, skont l-istruzzjonijiet mill-EDPS, li jaġixxi bħala l-kontrollur tad-data personali li tinsab fl-arkivji storiċi tiegħu ddepożitati fl-HAEUI.
8. L-EDPS jipprovdi l-istruzzjonijiet meħtieġa għall-ipproċessar ta’ data personali li tinsab fl-arkivji ddepożitati fl-HAEUI u jimmonitorja t-twettiq tiegħu.
KAPITOLU IV
GOVERNANZA U IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 16
Strutturi Interni tal-EDPS
1. L-EDPS għandu jiżgura li l-istrutturi organizzattivi, amministrattivi u fiżiċi meħtieġa jiġu stabbiliti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha u kwalunkwe proċedura assoċjata.
2. Għandu jinħatar Maniġer tar-Rekords u l-Arkivji (“RAM”), b’kompetenzi u ħiliet rilevanti fil-qasam, biex jippromwovi u jżomm proċessi u sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni tar-rekords u biex jiżgura l-koordinazzjoni mas-servizzi kollha.
3. Għandu jinħatar Deputat Maniġer tar-Rekords u l-Arkivji (“DRAM”) biex jappoġġa l-RAM fid-dmirijiet kollha tiegħu u biex jiżgura l-kontinwità tal-funzjoni fl-assenza tiegħu.
4. Kull servizz għandu jkollu Korrispondent għall-Ġestjoni tar-Rekords u l-Arkivji (“RAMC”) inkarigat mill-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha.
L-RAMCs mis-servizzi differenti se jiffurmaw network intern ippresedut mill-RAM u mid-Deputat RAM.
In-network se jiltaqa’ fuq bażi regolari biex jindirizza kwistjonijiet komuni u jikkondividi l-aħjar prattiki.
5. L-RAM se jikkollabora mal-Uffiċjal għas-Sigurtà Lokali (“LSO”), l-Uffiċjal Lokali taċ-Ċibersigurtà, l-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informazzjoni (“LISO”), l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (“UPD”), jew kwalunkwe funzjoni oħra fir-rigward ta’ kwistjonijiet u responsabbiltajiet ta’ ġestjoni tar-rekords biex jiġi żgurat approċċ koerenti u konsistenti u fluss effiċjenti ta’ informazzjoni.
Artikolu 17
Rwoli u responsabbiltajiet
1. Il-Kap tas-Segretarjat tal-EDPS għandu jkun responsabbli biex jiżgura li din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni u l-proċeduri assoċjati tagħha jiġu implimentati.
2. Is-servizzi kollha tal-EDPS u l-membri individwali tal-persunal għandhom id-dmir ta’ diliġenza li jimmaniġġjaw id-dokumenti u r-rekords li joħolqu jew jużaw b’mod responsabbli u adegwat, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, proċeduri oħra fis-seħħ u l-kompiti rispettivi tagħhom.
3. L-RAM għandu:
|
(a) |
jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u r-regoli assoċjati u jiżgura li dawn jiġu applikati b’mod konsistenti fl-EDPS kollu; |
|
(b) |
ikun responsabbli mill-istabbiliment u ż-żamma tal-pjan ta’ arkivjar u l-iskedi ta’ żamma tal-EDPS f’kollaborazzjoni man-network tal-RAMC; |
|
(c) |
jipprovdi gwida u appoġġ lis-servizzi tal-EDPS dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni tar-rekords u l-arkivji; |
|
(d) |
jippresjedi n-network tal-RAMCs; |
|
(e) |
ikun responsabbli mill-ġestjoni tar-rekords tal-IT tal-EDPS / tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet; |
|
(f) |
jirrappreżenta lill-EDPS (bħala korp tal-UE) f’fora esterni oħra; |
|
(g) |
jiżgura li r-rekords u l-fajls jiġu ttrasferiti lill-arkivji storiċi tal-EDPS, u jsiru disponibbli fuq talba lid-dipartimenti tal-EDPS; |
|
(h) |
iwettaq, fejn ikun meħtieġ u f’kooperazzjoni mas-servizz ta’ oriġini jew servizz ekwivalenti jew is-suċċessur tiegħu, it-tieni rieżami tar-rekords, il-fajls u l-arkivji trasferiti; |
|
(i) |
jiżgura d-depożitu tal-arkivji storiċi tal-EDPS fl-HAEUI, sabiex ir-rekords li għandhom aktar minn 30 sena jsiru disponibbli għall-pubbliku. |
Id-Deputat RAM għandu jappoġġa lill-RAM fil-kompiti msemmija hawn fuq u jissostitwixxih f’każ ta’ assenza.
4. L-RAMCs għandhom jiżguraw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni tar-rekords u ta’ arkivji fi ħdan is-servizzi rispettivi tagħhom, u jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha.
Artikolu 18
Informazzjoni, taħriġ u appoġġ
L-RAM għandu jikkoordina mal-UPD, l-LSO u l-funzjonijiet rilevanti kollha, biex jiżgura li l-miżuri ta’ informazzjoni, taħriġ u appoġġ meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni relatati jkunu fis-seħħ fis-servizzi tal-EDPS.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Regoli ta’ implimentazzjoni
Din id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn regoli ta’ implimentazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-adozzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni f’koordinazzjoni mas-servizzi u għandu jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom.
Artikolu 20
Rieżami u aġġornament
Din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:
|
(a) |
l-iżviluppi rigward il-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji, inkluż il-ħolqien ta’ standards rilevanti; |
|
(b) |
l-obbligi tal-EDPS fir-rigward tat-trasparenza, l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji; |
|
(c) |
l-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
|
(d) |
ir-regoli applikabbli dwar il-valur probatorju tar-rekords elettroniċi; |
|
(e) |
kwalunkwe obbligu ġdid li l-EDPS jista’ jkun marbut bih. |
Artikolu 21
Tħassir ta’ politiki preċedenti tal-EDPS dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji
Il-Politika ta’ Ġestjoni tar-Rekords tal-EDPS u l-Politika tal-Arkivji tal-EDPS huma mħassra u sostitwiti b’din id-Deċiżjoni.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2025.
Għall-EDPS
Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1983/354/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003 tat-22 ta’ Settembru 2003 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (ĠU L 243, 27.9.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1700/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/496 tas-17 ta’ Marzu 2015 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f’Firenze (ĠU L 79, 25.3.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/496/oj).
(4) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj), kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).
(6) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj.
(7) L-Opinjoni Superviżorja 14/2025 tat-3 ta’ Ottubru 2025 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPS”) dwar il-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji.
(8) Il-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-25 ta’ Mejju 2018.
(9) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(10) Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1962/31(1)/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2025/2608/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)