Brussell, 12.11.2025

COM(2025) 698 final

2025/0354(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Vjenna, l-Awstrija, it-18 ta’ Diċembru 2025)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din hija proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija b’rabta ma’ għadd ta’ atti, li huma previsti li jiġu adottati minn dan il-korp fit-18 ta’ Diċembru 2025 fil-laqgħa tiegħu fi Vjenna, l-Awstrija. Qabel dik il-laqgħa, fis-17 ta’ Diċembru 2025, il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (PHLG, Permanent High Level Group of the Energy Community) se jiltaqa’, ukoll fi Vjenna, sabiex jiddiskuti u japprova l-punti għall-adozzjoni fil-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

Għall-fini ta’ kompletezza, din il-proposta tinkludi wkoll diversi punti fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija 1 (EnCT, Energy Community Treaty) għandu l-għan li joħloq qafas regolatorju u tas-suq stabbli u spazju regolatorju uniku għall-kummerċ fl-enerġija tan-network billi jimplimenta l-elementi maqbula tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija fil-Partijiet għat-Trattat li ma humiex pajjiżi tal-UE. It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. L-Unjoni Ewropea hija Parti għalih 2 . L-EnCT jirreferi għad-disa’ Partijiet mhux tal-UE bħala “Partijiet Kontraenti”.

2.2.Il-Kunsill Ministerjali u l-PHLG

Il-Kunsill Ministerjali jiżgura li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-EnCT. Huwa magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Parti Kontraenti u minn żewġ rappreżentanti tal-UE. Skont l-Artikolu 47 tal-EnCT, huwa jipprovdi linji gwida ta’ politika ġenerali, jieħu miżuri (deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet) u jadotta atti proċedurali. Kull Parti (inkluż l-UE) għandha vot wieħed, u l-Kunsill Ministerjali japplika regoli ta’ votazzjoni differenti skont is-suġġett li jkun qiegħed jiġi diskuss. Skont l-Artikolu 78 tal-EnCT, il-Kunsill Ministerjali jista’ jaġixxi biss jekk żewġ terzi tal-Partijiet ikunu rrappreżentati. L-astensjonijiet ma jgħoddux bħala voti mitfugħin.

Japplikaw regoli ta’ votazzjoni differenti. Hija meħtieġa maġġoranza sempliċi għall-atti previsti elenkati hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 1 (l-Artikolu 91(1)(a) tal-EnCT). Hija meħtieġa unanimità mill-Partijiet kollha għall-att previst elenkat fit-Taqsima 2.3, il-punt 2 (l-Artikolu 32(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Komunità tal-Enerġija dwar is-soluzzjoni tat-tilwim skont l-EnCT). Il-kisba ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi, inkluż vot favur mill-UE, hija meħtieġa għall-att previst elenkat fit-Taqsima 2.3, il-punt 3 (l-Artikolu 83 tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u għall-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni; l-Artikoli 83, 86 u 87 tal-EnCT).

Il-PHLG huwa korp sussidjarju tal-Kunsill Ministerjali. Skont l-Artikolu 53(a) tal-EnCT, huwa jħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali, li tinkludi l-abbozzar tal-aġenda tiegħu u l-atti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill Ministerjali. Il-PHLG huwa magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Parti Kontraenti u minn żewġ rappreżentanti tal-UE. L-UE għandha vot wieħed. Skont l-Artikolu 78 tal-EnCT, il-PHLG jista’ jaġixxi biss jekk żewġ terzi tal-Partijiet ikunu rrappreżentati. L-astensjonijiet ma jgħoddux bħala voti mitfugħin.

2.3.L-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali

Din il-proposta għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tirrigwarda l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-atti previsti li ġejjin li jridu jiġu adottati mill-Kunsill Ministerjali, li huma elenkati fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta:

(1)L-Att Proċedurali 2025/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2026-2027 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit;

(2)Id-Deċiżjoni 2025/XX/MC-EnC dwar il-kwittanza finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

(3)L-Att Proċedurali 2025/PA/XX/MC-EnC dwar l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007, kif emendati bl-Atti Proċedurali 2009/04/MC-EnC, 2022/02/MC-EnC u 2024/01/MC-EnC, u li jemenda l-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni tas-17 ta’ Novembru 2006, kif emendat bl-Atti Proċedurali 2014/01/MC-EnC, 2022/02/MC-EnC u 2024/06/MC-EnC;

(4)L-Att Proċedurali 2025/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

(5)Id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-EnCT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-EnCT fil-każijiet li ġejjin:

(a)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-5/24; 

(b)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-6/24;  

(c)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-7/24;   

(d)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-8/24;  

(e)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-9/24;  

(f)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-10/24; 

(g)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-11/24; 

(h)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-12/24;  

(i)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-13/24; 

(j)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-14/24;

(k)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-15/24;

(l)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-16/24;

(m)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-17/24;

(n)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-19/24;

(o)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-21/24;

(p)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-22/24;

(q)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-23/24;

(r)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-24/24;

(s)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-25/24;

(t)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-26/24;

(u)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-27/24;

(v)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-28/24;

(w)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-29/24;

(x)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-2/21;

(y)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-15-21.

2.4.Il-ħatra mill-ġdid ta’ żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Arbitraġġ tal-Komunità tal-Enerġija

Fl-aħħar nett, din il-proposta għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tikkonċerna l-ħatra mill-ġdid mill-Kummissjoni Ewropea ta’ żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea bħala membru permanenti u membru supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ tal-Komunità tal-Enerġija.

2.5.Punti oħra fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali

Għall-fini ta’ kompletezza, huwa nnotat li, minbarra l-atti previsti stabbiliti fit-Taqsima 2.3, se jkun hemm diversi punti fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali li l-Partijiet Kontraenti biss se jivvutaw fuqhom, skont l-Artikolu 80 tal-EnCT, inklużi:

(1)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar l-inkorporazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass estiż fil-Komunità tal-Enerġija;

(2)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar l-estensjoni tad-derogi għal durata limitata għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni tal-Ukrajna.

Barra minn hekk, il-Kunsill Ministerjali se:

(3)jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija, ippreżentat lilha mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija skont l-Artikolu 67 tal-EnCT.

Il-Kummissjoni beħsiebha taqbel mal-adozzjoni ta’ dawk il-punti.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.L-Att Proċedurali 2025/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2026-2027 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit

Dan l-abbozz ta’ att proċedurali jipprevedi baġit ewlieni tal-Komunità tal-Enerġija ta’ EUR 6 869 481 għall-2026 u ta’ EUR 7 006 871 għall-2027. Dawn l-ammonti jikkorrispondu għal żieda ta’ 2 % meta mqabbla mal-baġit għall-2025 u għal żieda oħra ta’ 2 % meta mqabbla mal-baġit propost għall-2026, rispettivament.

L-ammonti ta’ hawn fuq huma essenzjalment iġġustifikati minn bidliet fin-numri tal-persunal u bidliet fil-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol, bidliet fl-organigramma, aġġustamenti tas-salarji relatati mal-inflazzjoni u benefiċċji oħra għall-persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif ukoll il-kost ta’ attivitajiet futuri minħabba l-isfidi li l-Komunità tal-Enerġija se jkollha tiffaċċja biex tippromwovi u tilħaq l-objettivi ewlenin u l-għanijiet ta’ politika tagħha. Dan jinkludi, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni fil-livell tal-Komunità tal-Enerġija tal-acquis tal-UE dwar l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku u d-dekarbonizzazzjoni. Jinkludi wkoll fokus speċifiku fuq l-attivitajiet ta’ appoġġ lill-Ukrajna, li kienu strumentali biex jiġi appoġġat il-funzjonament tas-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-baġit hija ta’ 94,78 % tal-ammont globali ta’ EUR 6 510 894 fl-2026 u ta’ EUR 6 641 112 fl-2027, filwaqt li l-parti li jifdal hija ffinanzjata mid-disa’ Partijiet Kontraenti mhux tal-UE.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-att proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2026-2027 u l-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.

3.2.Id-Deċiżjoni 2025/XX/MC-EnC dwar il-kwittanza finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija

L-abbozz ta’ deċiżjoni propost jipprevedi l-kwittanza tar-responsabbiltà finanzjarja tad-Direttur għall-2024 abbażi tar-rapport tal-awditjar għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2023, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri u r-rapport tal-Kumitat tal-Baġit.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-kwittanza finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.

3.3.L-Att Proċedurali 2025/PA/XX/MC-EnC dwar l-emenda tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni tas-17 ta’ Novembru 2006, kif emendat mill-Att Proċedurali 2014/01/MC-EnC, 2022/02/MC-EnC u 2024/06/MC-EnC (ir-“Regoli tal-Baġit”)

L-att proċedurali propost jipprevedi l-emenda tar-Regoli tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija billi jintroduċi dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF, Office Européen de Lutte Anti-Fraude) u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) is-setgħa li jwettqu investigazzjonijiet dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija rigward kwalunkwe każ ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali jew reat ieħor li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, bħala l-kontributur ewlieni għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija (li jiffinanzja 94,78 % tal-ammont totali).

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-att proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emenda tal-Att Proċedurali Nru 2006/03/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni.

3.4.L-Att Proċedurali 2025/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-organigramma tas-Segretarjat

Sabiex twieġeb aħjar għall-isfidi u għall-prijoritajiet ta’ politika tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, l-organigramma l-ġdida tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija tintroduċi Unità tal-Enerġija Rinnovabbli ġdida u kariga ġdida ta’ Kap tal-Unità tal-Enerġija Rinnovabbli.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li tapprova l-abbozz tal-att proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adozzjoni tal-organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.

3.5.Id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-EnCT li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-EnCT f’każijiet speċifiċi

Skont l-Artikolu 91(1)(a) EnCT, il-Kunsill Ministerjali jista’ jiddetermina, b’maġġoranza sempliċi, l-eżistenza ta’ ksur minn Parti tal-obbligi tiegħu skont it-Titolu II tal-EnCT, dwar it-traspożizzjoni u/jew l-implimentazzjoni ta’ att adottat mill-korpi tal-Komunità tal-Enerġija. Il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim huma stabbiliti fit-Titolu III, il-Kapitolu 1 u t-Titolu IV, il-Kapitolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar is-soluzzjoni tat-tilwim skont l-EnCT 3 .

Dawn il-każijiet kollha kienu preċedentement soġġetti għall-pożizzjoni tal-Kunsill tal-UE iżda ma tressqux għal votazzjoni fil-Kunsill Ministerjali. Għaldaqstant, huma inklużi mill-ġdid f’din il-proposta għal pożizzjoni tal-UE.

(1)Każijiet li jikkonċernaw ksur tal-obbligi skont il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku tal-Komunità tal-Enerġija

Disa’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet dwar it-traspożizzjoni tal-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku tal-Komunità tal-Enerġija 4 mid-disa’ Partijiet Kontraenti kollha ġew ippreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-5/24;

(b)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-6/24;

(c)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-7/24;

(d)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-8/24;

(e)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tar-Repubblika tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-9/24;

(f)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-10/24;

(g)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-11/24;

(h)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-12/24;

(i)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-13/24.

Bid-Deċiżjoni 2021/13/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021 5 u bid-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC tal-15 ta’ Diċembru 2022 6 , il-Kunsill Ministerjali adatta għall-Komunità tal-Enerġija u adotta fiha pakkett ta’ atti legali li jinkludi l-aktar acquis reċenti tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea (il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku (EIP, Electricity Integration Package)). Fir-rigward tal-EIP, il-Kunsill Ministerjali adotta wkoll l-Att Proċedurali 2022/01/MC-EnC dwar it-trawwim tal-integrazzjoni reġjonali tas-suq tal-enerġija.

L-EIP għandu l-għan li jippermetti lis-swieq iwettqu l-wegħda li t-tranżizzjoni kosteffiċjenti lejn enerġija nadifa ssir realtà filwaqt li tiġi żgurata provvista tal-elettriku sigura u affordabbli għaċ-ċittadini. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2021/13/MC-EnC u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC, il-Partijiet Kontraenti kienu obbligati jittrasponu l-EIP fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Fit-22 ta’ Jannar 2024, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (ECS, Energy Community Secretariat) bagħat ittri ta’ ftuħ lil kull waħda mid-disa’ Partijiet Kontraenti fejn infurmahom li l-ECS jista’ jiftaħ proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim għal nuqqas ta’ konformità mal-EnCT, u b’mod partikolari mal-obbligi ta’ traspożizzjoni li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2021/13/MC-EnC u 2022/03/MC-EnC.

Fil-31 ta’Jannar u fl-20 ta’ Frar 2024, is-Serbja, il-Moldova u l-Kosovo*, rispettivament, infurmaw lill-ECS dwar it-tħejjija tal-atti legali nazzjonali u li dawn l-atti kienu għadhom qed jiġu abbozzati.

Sal-lum, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għamlu progress f’dan ir-rigward iżda ma ttrasponewx bis-sħiħ il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku u għadhom mhux konformi mal-EnCT.

Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Montenegro ppreżenta atti li jittrasponu bis-sħiħ il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tal-Elettriku lill-ECS biex jirrieżaminahom. L-ECS lesta r-rieżami u bagħat xi kummenti. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għadha pendenti u għandha sseħħ qabel tmiem l-2025.

Barra minn hekk, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Moldova adottaw atti li jittrasponu bis-sħiħ il-pakkett. Madankollu, sakemm isiru l-verifika finali u l-konferma tal-konformità mill-ECS, l-ECS għadu ma rtirax dawn il-każijiet (għadhom miftuħin).

Abbażi ta’ dan, fid-29 ta’ Mejju 2024, l-ECS ippreżenta talbiet motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Albanija fil-Każ ECS-5/24, il-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-6/24, il-Georgia fil-Każ ECS-7/24, il-Kosovo* fil-Każ ECS-8/24, ir-Repubblika tal-Moldova fil-Każ ECS-9/24, il-Montenegro fil-Każ ECS-10/24, il-Maċedonja ta’ Fuq fil-Każ ECS-11/24, is-Serbja fil-Każ ECS-12/24 u l-Ukrajna fil-Każ ECS-13/24. Fit-talbiet tiegħu, l-ECS ikkonkluda li l-Partijiet Kontraenti kkonċernati kienu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jadottaw u jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjonijiet 2021/13/MC-EnC u 2022/03/MC-EnC sal-31 ta’ Diċembru 2023, skont l-Artikolu 2 ta’ kull deċiżjoni rispettiva.

Fil-każijiet kollha elenkati hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija ta l-opinjoni tiegħu li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġu approvati l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet.

(2)Każijiet li jikkonċernaw ksur tal-obbligi skont id-Direttiva 2009/119/KE

Erba’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE 7 dwar il-ħażniet taż-żejt minn ħames Partijiet Kontraenti ġew ippreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-14/24;

(b)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-15/24;

(c)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-16/24;

(d)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tar-Repubblika tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-17/24;

Fir-rigward ta’ dawk il-każijiet, fl-2012 il-Komunità tal-Enerġija inkorporat fl-acquis tagħha d-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE. Dan sar bid-Deċiżjoni 2012/03/MC-ENC tal-Kunsill Ministerjali li timponi obbligu fuq il-Partijiet Kontraenti biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC, il-Partijiet Kontraenti kienu obbligati jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva 2009/119/KE sal-1 ta’ Jannar 2023.

Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo* u r-Repubblika tal-Moldova ma adottawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva 2009/119/KE sa din l-iskadenza.

Fit-2 ta’ Frar 2024, l-ECS bagħat ittri ta’ ftuħ lill-ħames Partijiet Kontraenti kkonċernati, fejn infurmahom li fin-nuqqas ta’ informazzjoni li tikkontesta l-konklużjonijiet preliminari tal-ECS, l-ECS kien se jissottometti talba motivata lill-Kunsill Ministerjali għal nuqqas ta’ ssodisfar tal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC.

Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova u l-Georgia wieġbu u infurmaw lill-ECS dwar l-isforzi ta’ traspożizzjoni tagħhom li għaddejjin. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta minn dawn il-Partijiet Kontraenti ma neħħietx it-tħassib imqajjem mill-ECS fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Frar 2024. Il-Kosovo* ma pprovda l-ebda tweġiba lill-ECS.

Sal-lum, l-ECS irċieva biss abbozz ta’ leġiżlazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova.

Fuq dik il-bażi, fit-12 ta’ Lulju 2024, l-ECS ippreżenta talbiet motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-14/24, il-Georgia fil-Każ ECS-15/24, il-Kosovo* fil-Każ ECS-16/24 u r-Repubblika tal-Moldova fil-Każ ECS-17/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti kienu naqsu milli jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2012/03/MC-EnC.

Fil-każijiet kollha elenkati hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija ta l-opinjoni tiegħu li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġu approvati l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet.

(3)Każijiet li jikkonċernaw ksur tal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2017/1938 u r-Regolament (UE) 2022/1032

Tliet abbozzi ta’ deċiżjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1938 8 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u r-Regolament (UE) 2022/1032 9 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass, rispettivament, minn erba’ Partijiet Kontraenti ġew ippreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-19/24;

(b)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-21/24;

(c)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-22/24.

Bid-Deċiżjoni 2021/15/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill Ministerjali inkorpora fl-acquis tal-Komunità tal-Enerġija r-Regolament (UE) 2017/1938. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2022/1032 li sussegwentement ġie inkorporat fl-acquis tal-Komunità tal-Enerġija bid-Deċiżjoni 2022/01/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tat-30 ta’ Settembru 2022. Iż-żewġ regolamenti jrawmu s-sigurtà tal-provvista fil-Komunità tal-Enerġija, li tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi ewlenin tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

Skont l-Artikoli 2(1) u 2 (2) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2021/15/MC-EnC u 2022/01/MC-EnC, il-Partijiet Kontraenti kellhom l-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032 u biex jinfurmaw lill-ECS b’dan il-fatt sal-1 ta’ Ottubru 2022.

Sa dik id-data, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja ma kinux adottaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa li jittrasponu r-Regolament (UE) 2017/1938, kif emendat.

Fit-3 ta’ Frar 2023, l-ECS bagħat lis-Serbja valutazzjoni dettaljata tal-emendi tal-liġi nazzjonali meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligu li tittrasponi r-Regolament (UE) 2017/1938, kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032. Din kienet segwita minn ittra oħra mill-ECS datata l-4 ta’ Ottubru 2023.

Fit-28 ta’ Mejju 2024, l-ECS informa permezz ta’ ittri lill-Bożnija-Ħerzegovina u lill-Maċedonja ta’ Fuq li abbażi tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, dawk il-pajjiżi kienu għadhom ma kkonformawx mar-rekwiżit li jittrasponu r-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032.

Barra minn hekk, l-ECS ma rċieva l-ebda informazzjoni mingħand l-erba’ Partijiet Kontraenti msemmija hawn fuq li huma kienu adottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-regolamenti rispettivi.

Fuq dik il-bażi, fit-12 ta’ Lulju 2024, l-ECS ippreżenta talbiet motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-19/24, il-Maċedonja ta’ Fuq fil-Każ ECS-21/24 u s-Serbja fil-Każ ECS-22/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti kienu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa u li jinformaw lill-ECS kif xieraq.

Fil-każijiet kollha elenkati hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija ta l-opinjoni tiegħu li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġu approvati l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet.

(4)Każijiet li jikkonċernaw ksur tal-obbligi skont id-Direttiva (UE) 2018/2001

Seba’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 10 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli minn seba’ Partijiet Kontraenti ġew ippreżentati lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Albanija li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-23/24;

(b)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-24/24;

(c)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Georgia li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-25/24;

(d)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Kosovo* li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-26/24;

(e)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Moldova li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-27/24;

(f)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-28/24;

(g)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Maċedonja ta’ Fuq li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-29/24.

Bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, l-Unjoni Ewropea adottat id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (RED II), li sussegwentement ġiet emendata fil-livell tal-UE. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 ġiet adattata għall-Komunità tal-Enerġija u adottata fiha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2021/14/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021. Dik id-deċiżjoni ġiet sussegwentement emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2022/02/MC-EnC.

Id-Deċiżjoni 2021/14/MC-EnC ipprevediet li kull Parti Kontraenti kienet meħtieġa ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex tikkonforma mad-Direttiva (UE) 2018/2001 sal-31 ta’ Diċembru 2022. B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti kienu taħt l-obbligu li jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rigward is-sehem minimu obbligatorju ta’ 14 % għall-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport sal-2030, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa, u li jinnotifikaw lill-ECS bil-miżuri ta’ traspożizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2022.

L-ECS ma rċieva l-ebda informazzjoni mingħand l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq li tindika li dawn il-Partijiet Kontraenti kienu adottaw u implimentaw miżuri nazzjonali biex jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi skont l-RED II. Lanqas ma kellu xi informazzjoni oħra li tippermettilu jikkonkludi li ttieħdu tali miżuri.

Fil-21 ta’ Ġunju 2024, l-ECS bagħat ittri lis-seba’ Partijiet Kontraenti fejn talabhom jippreżentaw kopja tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-Artikoli 25 sa 31 tal-RED II jew informazzjoni dwar l-istatus ta’ tali traspożizzjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Lulju 2024.

Fit-tweġibiet tagħhom, il-Georgia, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro informaw lill-ECS bl-isforzi ta’ traspożizzjoni tagħhom li għaddejjin. L-ECS ma rċeviex tweġiba mingħand il-Bożnija-Ħerzegovina, mingħand l-Albanija u mingħand il-Maċedonja ta’ Fuq.

Fuq dik il-bażi, fit-12 ta’ Lulju 2024, l-ECS ippreżenta talbiet motivati lill-Kunsill Ministerjali kontra l-Albanija fil-Każ ECS-23/24, kontra l-Bożnija-Ħerzegovina fil-Każ ECS-24/24, kontra l-Georgia fil-Każ ECS-25/24, kontra l-Kosovo* fil-Każ ECS-26/24, kontra r-Repubblika tal-Moldova fil-Każ ECS-27/24, kontra l-Montenegro fil-Każ ECS-28/24 u kontra l-Maċedonja ta’ Fuq fil-Każ ECS-29/24, fejn ikkonkluda li dawn il-Partijiet Kontraenti kienu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2021/14/MC-EnC sal-iskadenza applikabbli, skont l-Artikolu 2(1) u (2) tagħha.

Fil-każijiet kollha elenkati hawn fuq, il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija ta l-opinjoni tiegħu li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġu approvati l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet.

(5)Każ li jikkonċerna ksur tal-obbligi skont id-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943.

L-abbozz ta’ deċiżjoni li ġej dwar in-nuqqas ta’ konformità tas-Serbja mad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku 11 u r-Regolament (UE) 2019/943 12 dwar is-suq intern tal-elettriku huwa ppreżentat lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)id-Deċiżjoni 2024/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-2/21.

Kif imsemmi fil-punt 3.5 (1) hawn fuq, il-Kunsill Ministerjali adatta għall-Komunità tal-Enerġija u adotta fiha r-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2022/03/MC-EnC u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2021/13/MC-EnC bħala parti mill-EIP.

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku jipprevedi li l-operaturi ta’ sistemi tat-trażmissjoni (TSOs, transmission system operators) huma meħtieġa jippromwovu l-allokazzjoni koordinata tal-kapaċità transfruntiera permezz ta’ soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq, li teħtieġ kooperazzjoni kostruttiva bejn it-TSOs ġirien. Dan jinkludi l-qbil fuq mekkaniżmu biex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ trasferiment netta (NTC, net transfer capacity) fil-fruntiera. L-Artikolu 16(4) jistipula li l-kapaċità massima tal-interkonnessjonijiet trid tkun disponibbli għall-parteċipanti fis-suq permezz ta’ proċeduri ta’ allokazzjoni predefiniti.

L-Artikoli 58(c) u 59(1)(b) u (u) tad-Direttiva dwar l-Elettriku jobbligaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet fil-kummerċ tal-elettriku u biex jiżguraw il-konformità tat-TSOs mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Komunità tal-Enerġija, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet transfruntiera.

Fit-18 ta’ Frar 2021, KOSTT, TSO bbażat fi Pristina/Kosovo*, ressaq ilment lill-ECS kontra s-Serbja. L-ilmentatur allega nuqqas ta’ konformità mis-Serbja, permezz tat-TSO JSC Elektromreza Srbije (EMS) tagħha, mar-regoli tas-suq tal-elettriku tal-Komunità tal-Enerġija.

Skont il-Liġi tas-Serbja dwar l-Enerġija, il-proċedura għal u l-mod ta’ allokazzjoni tal-kapaċità transfruntiera huma ddeterminati mit-TSO bi ftehim mat-TSOs ġirien u approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Fil-linji ta’ interkonnessjoni bejn Niš u Kosova B, u bejn Kruševac u Podujeva, EMS u KOSTT ma qablux dwar kif għandha tiġi evalwata jew allokata l-kapaċità transfruntiera, u l-EMS lanqas ma assenjat xi valur lill-kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli. B’riżultat ta’ dan, l-EMS tistabbilixxi l-NTC għal żero. Konsegwentement, il-parteċipanti fis-suq jistgħu jinnominaw biss il-kapaċità b’KOSTT, iżda mhux b’EMS, li jfisser li l-ebda kapaċità ma hija effettivament disponibbli għall-kummerċ.

Fl-ilment tagħha, KOSTT argumentat ukoll li l-NTCs mhux determinati u n-nuqqas ta’ allokazzjoni tal-kapaċità fuq il-linji ta’ interkonnessjoni msemmija hawn fuq iwasslu għal prezzijiet ogħla għall-kapaċità transfruntiera fuq fruntieri reġjonali oħra. Dan, min-naħa tiegħu, iżid il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi finali fil-Kosovo* u fil-pajjiżi ġirien tax-Xlokk tal-Ewropa. Dan jista’ jipprevjeni wkoll lil KOSTT milli tiġbor dħul potenzjali mill-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-konġestjoni fuq dawn l-interkonnetturi.

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċjanti tal-Enerġija (EFET, European Federation of Energy Traders) qajmet l-istess tħassib u enfasizzat li din is-sitwazzjoni taffettwa kemm il-kompetittività tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa kif ukoll il-prezzijiet tal-utenti finali fix-Xlokk tal-Ewropa kollha.

Fil-21 ta’ Lulju 2022, l-ECS bagħat ittra ta’ ftuħ lis-Serbja li fiha esprima l-fehma preliminari tiegħu li peress li l-kapaċità kummerċjali tal-elettriku ma kinitx ġiet magħmula disponibbli fil-linji ta’ interkonnessjoni msemmija hawn fuq minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tat-TSO tagħha u tal-awtorità regolatorja tagħha, is-Serbja naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 16(3) u (12) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u mal-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2009/72, kif adattati għall-Komunità tal-Enerġija u adottati fiha. Ir-raġunijiet biex issir referenza għal direttiva u regolament mill-2009 kienu l-fatt li f’dak iż-żmien il-Partijiet Kontraenti kien għad kellhom sal-31 ta’ Diċembru 2023 biex jittrasponu l-EIP, u b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943. Is-Serbja ntalbet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-punti ta’ fatt u ta’ dritt imqajma fl-ittra ta’ ftuħ.

Fit-8 ta’ Settembru 2022, is-Serbja wieġbet għall-ittra ta’ ftuħ tal-ECS fejn allegat li l-ECS ma kellux il-kompetenza biex jindirizza l-kwistjoni identifikata fl-ittra ta’ ftuħ u kkwotat l-assenza ta’ effetti ekonomiċi avversi. Hija qajmet ukoll tħassib dwar l-istatus ta’ KOSTT u ż-żona tal-offerti tagħha.

Wara li eżamina t-tweġiba għall-ittra tal-ftuħ, l-ECS bagħat lis-Serbja opinjoni motivata fl-1 ta’ Marzu 2023, fejn talabha tirrettifika l-ksur identifikat f’dik l-opinjoni sal-1 ta’ Mejju 2023.

Fit-28 ta’ April 2023, is-Serbja wieġbet għall-opinjoni motivata, fejn essenzjalment tenniet l-argumenti preċedenti tagħha.

Peress li s-Serbja ma kinitx irrettifikat il-ksur identifikat, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni ulterjuri min-naħa tagħha, fit-12 ta’ Lulju 2024, l-ECS ippreżenta talba motivata lill-Kunsill Ministerjali kontra s-Serbja fil-Każ ECS-2/21. Fit-talba motivata tiegħu, l-ECS indirizza l-argumenti tas-Serbja u kkonkluda li din tal-aħħar naqset milli tikkonforma mad-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943, kif adattat għall-Komunità tal-Enerġija u adottat fiha bid-Deċiżjonijiet 2022/03/MC-EnC u 2021/13/MC-EnC.

Il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija ta l-opinjoni tiegħu li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz ta’ deċiżjoni.

(6)Każ li jikkonċerna ksur tal-obbligi skont id-Direttiva 2001/80/KE

Fl-aħħar nett, l-abbozz ta’ deċiżjoni li ġej dwar in-nuqqas ta’ konformità mill-Montenegro mad-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni billi ma rrispettax id-dispożizzjonijiet tagħha dwar deroga għal durata limitata ġie ppreżentat lill-Kunsill Ministerjali għall-adozzjoni:

(a)id-Deċiżjoni 2025/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Montenegro li jikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Każ ECS-15/21.

Id-Direttiva 2001/80/KE ilha parti mill-acquis ambjentali tal-Komunità tal-Enerġija minn meta ġie ffirmat it-Trattat fl-2005. Il-fini ta’ dik id-direttiva huwa li tiġġieled it-tniġġis tal-arja billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tat-trab minn impjanti kbar tal-kombustjoni. Skont il-punt 3 tal-Anness II tat-Trattat, kull Parti Kontraenti kienet meħtieġa timplimenta d-Direttiva 2001/80/KE sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2016/19/MC-EnC dwar l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjonijiet ta’ impjanti mill-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2001/80/KE. Kif inhu stipulat fl-Artikolu 1(1) tagħha, dik id-deċiżjoni telenka l-impjanti li jistgħu jiġu eżentati mill-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet, u b’hekk tikkomplementa r-regoli ta’ esklużjoni fakultattiva għall-finijiet tal-Komunità tal-Enerġija. TPP Pljevlja fil-Montenegro hija inkluża fil-lista stabbilita bid-Deċiżjoni 2016/19/MC-EnC.

Wara li għaddiet l-iskadenza għall-implimentazzjoni għad-Direttiva 2001/80/KE fil-Komunità tal-Enerġija, is-Segretarjat talab lill-Partijiet Kontraenti kkonċernati mid-Deċiżjoni 2016/19/MC-EnC biex jikkonfermaw jekk l-impjanti inkwistjoni kinux bdew joperaw taħt ir-reġim ta’ nonparteċipazzjoni. Bi tweġiba għal ittra mibgħuta mis-Segretarjat fil-15 ta’ Frar 2018, il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Montenegro kkonferma l-bidu tal-esklużjoni fakultattiva għal TPP Pljevlja fl-ittra tiegħu datata s-27 ta’ Frar 2018.

Fl-istess ittra, il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Montenegro informa wkoll lill-ECS li kien beda r-rikostruzzjoni tal-impjant bil-għan li jikkonforma mal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE u mal-konklużjonijiet dwar l-aħjar tekniki disponibbli għall-impjanti kbar tal-kombustjoni, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal-31 ta’ Lulju 2017.

Sal-lum, l-impjant baqa’ jopera, u l-proġett ta’ rinnovazzjoni li kien se jiżgura l-konformità mad-Direttiva 2010/75/UE għadu ma ġiex iffinalizzat.

Għalhekk, il-Montenegro għadu mhux konformi mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/80/KE, jiġifieri impenn li ma jiġux operati impjanti kbar tal-kombustjoni għal aktar minn 20 000 siegħa operattiva li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2018 u li jintemmu mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, li għal TPP Pljevlja kien diġà l-każ fl-2020, l-impjanti soġġetti għall-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/80/KE jistgħu jibqgħu joperaw biss jekk l-emissjonijiet tagħhom ikunu konformi mal-valuri ta’ limitu stipulati fil-Parti 2 tal-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE.

Il-Montenegro għadu qed jikser ir-regoli rispettivi tal-Komunità tal-Enerġija, peress li għadu qed iwettaq l-istess aġir bħal dak deskritt fil-konklużjonijiet tal-ECS fl-opinjoni motivata tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023.

Dan huwa kkonfermat mill-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv tas-27 ta’ Novembru 2024, li sostniet is-sejbiet tas-Segretarjat.

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz ta’ deċiżjoni.

3.6.Il-ħatra mill-ġdid ta’ żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Arbitraġġ tal-Komunità tal-Enerġija

L-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ fi kwistjonijiet tal-persunal skont l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-att proċedurali ġie emendat bl-Att Proċedurali 01/2020 PHLG-EnC, li jistipula fl-Artikolu 6(1a) tiegħu, li l-Kummissjoni Ewropea u kwalunkwe Parti Kontraenti jistgħu jaħtru membru permanenti u membru supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ għal perjodu ta’ mhux aktar minn 4 snin.

Abbażi ta’ dan, fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea ħatret lis-Sur Manuel Kellerbauer bħala membru permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea, u lis-Sur Lars Albath bħala membru supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill ikkonferma dawn il-ħatriet fil-pożizzjoni tal-UE tiegħu li ttieħed vot dwarhom fil-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u tal-PHLG f’Tivat, il-Montenegro fis-16 u fis-17 ta’ Diċembru 2020 (ara d-Dokument tal-Kunsill 13502/20, ADD 1 tat-3 ta’ Diċembru 2020).

Peress li t-terminu ta’ dawn il-ħatriet għadda, il-Kummissjoni Ewropea reġgħet ħatret lil Manuel Kellerbauer bħala membru permanenti, u lis-Sur Lars Albath bħala membru supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom l-għarfien espert xieraq biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, u ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom. Huma se jaġixxu b’indipendenza sħiħa u ma huma se jaġixxu fuq l-ebda struzzjoni ta’ xi parti terza fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kumitat tal-Arbitraġġ.

Abbażi ta’ dan, il-Kunsill għandu jikkonferma l-ħatra mill-ġdid taż-żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq bħala membru permanenti u membru supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 13 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill Ministerjali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-EnCT.

L-att li l-Kunsill Ministerjali qed jiġi msejjaħ biex jadotta, jikkostitwixxi atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 76 tal-EnCT, li skontu, deċiżjoni tkun legalment vinkolanti għal dawk li lilhom tkun indirizzata.

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti huma relatati mal-enerġija u ma humiex primarjament ta’ natura fiskali. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 194(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2025/0354 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Vjenna, l-Awstrija, it-18 ta’ Diċembru 2025)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 14 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.

(2)Skont l-Artikoli 47 u 76 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali jista’ jadotta miżuri li jieħdu l-forma ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.

(3)Il-Kunsill Ministerjali, matul it-23 sessjoni tiegħu fit-18 ta’ Diċembru 2025, irid jadotta għadd ta’ atti stabbiliti fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u li fuqhom għandhom jivvutaw ir-rappreżentanti tal-Unjoni.

(4)Il-fini tal-atti previsti huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali rigward l-atti stabbiliti fl-Anness 1, peress li l-atti previsti se jkollhom effetti legali għall-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-23 sessjoni tal-Kunsill Ministerjali tat-18 ta’ Diċembru 2025 dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE hija li tiġi approvata l-adozzjoni tal-atti stabbiliti fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni tista’ taqbel fuq bidliet żgħar fl-atti stabbiliti fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni, fid-dawl ta’ kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali, mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Jekk il-Kunsill Ministerjali ma jkunx f’pożizzjoni li jadotta l-atti stabbiliti fl-Anness 1 fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2025, tali atti jistgħu jiġu adottati b’korrispondenza wara t-23 sessjoni tal-Kunsill Ministerjali, f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Komunità tal-Enerġija, mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 198, 20.7.2006, p. 18.
(2)    ĠU L 198, 20.7.2006, p. 15.
(3)    L-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC tas-16 ta’ Ottubru 2015 dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC tas-27 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat.
(4)    Id-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/941, kif ukoll ir-Regolament (UE) 2019/942, ir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (UE) 2015/1222, ir-Regolament (UE) 2016/1719, ir-Regolament (UE) 2017/2195, ir-Regolament (UE) 2017/2196, ir-Regolament (UE) 2017/1485.
(5)    Id-Deċiżjoni 2021/13/MC-EnC tat-30 ta’ Novembru 2021 li tadatta u tadotta d-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/941.
(6)    Id-Deċiżjoni 2022/03/MC-EnC tal-15 ta’ Diċembru tal-2022 adottat, u fl-Artikoli 3 sa 10 tagħha adattat, ir-Regolament (UE) 2019/942, ir-Regolament (UE) 2019/943, kif ukoll il-Kodiċijiet tan-Network u l-Linji Gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (FCA, forward capacity allocation), l-allokazzjoni tal-kapaċitajien u l-ġestjoni tal-konġestjoni (CACM, capacity allocation and congestion management), l-ibbilanċjar tal-elettriku (EBGL, electricity balancing guideline), it-tħaddim tas-sistema (SOGL, system operation guideline) u l-Kodiċi tan-Network għar-Restawr ta’ Emerġenza (ERNC, Emergency Restoration Network Code), u adattat ulterjorment id-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/941 (fl-Artikolu 11 tagħha). Id-Deċiżjonijiet 2021/13/MC-EnC u 2022/03/MC-EnC emendaw ukoll il-lista ta’ atti inklużi fl-acquis dwar l-enerġija fl-Anness I għat-Trattat.
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi, ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010, ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1.
(9)    Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass, ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17.
(10)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(11)    Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
(12)    Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku, ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.
(13)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(14)    ĠU L 198, 20.7.2006, p. 15.