|
4.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 69/105 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/366
tat-3 ta’ Marzu 2022
dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-28 ta’ Mejju 2015 u ġie konkluż fit-12 ta' Frar 2016 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/272 (2). Il-Ftehim jiffaċilita l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu u l-ivvjaġġar lejn Vanuatu għaċ-ċittadini tal-Unjoni. |
|
(2) |
Il-Ftehim huwa bbażat fuq ix-xewqa komuni tal-Partijiet Kontraenti li jinkoraġġixxu l-kuntatti bejn il-persuni, jagħtu spinta lit-turiżmu u jagħtu spinta lin-negozju bejn l-Unjoni u Vanuatu. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 8(4) tal-Ftehim, kull Parti Kontraenti tista’ tissospendi b’mod sħiħ jew parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim b’mod partikolari għal raġunijiet tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu, il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni tal-Ftehim għandha tinforma lill-Parti Kontraenti l-oħra minnufih u għandha tneħħi s-sospensjoni. |
|
(4) |
Vanuatu jopera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment li bihom ta n-nazzjonalità ta’ Vanuatu lil ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn li ma kellhom l-ebda konnessjoni preċedenti ma’ Vanuatu, u ħareġ deċiżjonijiet pożittivi dwar il-maġġoranza vasta tal-applikazzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Passaporti ta’ Vanuatu fl-14 ta’ Ġunju 2021, sa Marzu 2021 Vanuatu kien ħareġ 10 500 passaport taħt tali skemi, b’rata ta’ ċaħda estremament baxxa. Dan iqajjem dubji dwar l-affidabilità tal-investigazzjoni ta’ sigurtà u ta’ diliġenza dovuta mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu. |
|
(5) |
Fi skambji f’Ottubru 2017, Novembru 2019, Ġunju 2020 u Marzu 2021, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju u wissiet lill-Gvern ta’ Vanuatu dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiddaħħal ir-rekwiżit tal-viża. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vanuatu ma kinux biżżejjed biex itaffu dan it-tħassib. |
|
(6) |
L-għoti taċ-ċittadinanza lill-applikanti elenkati fil-bażijiet tad-data tal-INTERPOL jikkontradixxi l-assigurazzjonijiet preċedenti mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ sigurtà u jqajjem aktar tħassib dwar l-affidabbiltà tal-proċeduri ta’ investigazzjoni ta’ sigurtà tal-iskemi. |
|
(7) |
Fost l-applikanti li rnexxew jiksbu n-nazzjonalità ta’ Vanuatu hemm ċittadini ta’ diversi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar in-nuqqas ta’ preżenza fiżika jew ta’ rekwiżiti ta’ residenza, il-perijodi qosra ta’ pproċessar tal-iskemi u n-nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti jew mal-pajjiżi ta’ residenza prinċipali passata. Il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li l-investigazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment f’Vanuatu ma tiggarantix livell għoli ta’ sigurtà. |
|
(8) |
Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim jenħtieġ li tkun limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti li rnexxew taħt l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti. |
|
(9) |
L-applikazzjoni tal-Ftehim fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Vanuatu li għandhom passaport ordinarju maħruġ minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 jenħtieġ għalhekk li tiġi sospiża. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiexx marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir huwa b’dan sospiż mill-4 ta’ Mejju 2022 fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Vanuatu li għandhom passaport ordinarju maħruġ minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 8(4) tal-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
G. DARMANIN
(1) ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/272 tat-12 ta’ Frar 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (ĠU L 52, 27.2.2016, p. 11).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).