Brussell, 24.4.2023

COM(2023) 214 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kumissjoni li tadotta atti delegati permezz tar-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq


1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2019/516 1 jistabbilixxi l-proċeduri li jiffaċilitaw il-verifika tal-istimi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri u jtejbu l-affidabbiltà, l-eżawrjenza u l-komparabbiltà tagħhom fejn meħtieġ.

Biex id-data tal-ING tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2019/516 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati biex tistabbilixxi l-lista ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f’kull ċiklu ta’ verifika biex jiġu żgurati l-affidabbiltà, l-eżawrjenza u l-ogħla grad possibbli ta’ komparabbiltà tad-data tal-ING, f’konformità mal-ESA 2010.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2019/516, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mit-18 ta’ April 2019. Din id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu. Il-Kummissjoni hija obbligata tfassal rapport dwar l-eżerċizzju tas-setgħa delegata sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin.

3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Fl-2020 u f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2019/516, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2147 2 . F’dan l-att legali, il-Kummissjoni identifikat il-kwistjonijiet li ġejjin li għandhom jiġu indirizzati f’kull ċiklu ta’ verifika sabiex jiġu żgurati l-affidabbiltà, l-eżawrjenza u l-komparabbiltà tad-data tal-ING:

— definizzjoni tat-territorju ġeografiku;

— il-prinċipji ta’ stima tas-servizzi tal-abitazzjoni;

— it-trattament tal-ħlasijiet lura tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT);

— miżuri dwar l-eżawrjenza; kif ukoll

— it-trattament tal-VAT mhux miġbura.

Din il-lista ta’ kwistjonijiet hija bbażata fuq il-proċess ta’ verifika tad-data tal-ING, it-tagħlimiet meħuda minn ċikli ta’ verifika preċedenti, u l-feedback mill-esperti tal-kontijiet nazzjonali mill-Istati Membri.

Bħala parti mill-ħidma preparatorja għall-att delegat, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar l-ING ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2019/3651 3 . Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lid-Diretturi tal-grupp ta’ esperti tal-istatistika makroekonomika u lill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika tal-grupp ta’ esperti tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Fl-aħħar kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ġew infurmati kif xieraq dwar il-konsultazzjonijiet.

Fit-8 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2147 u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-adozzjoni tiegħu. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn kif previst fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2019/516. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, b’mod aktar speċifiku fit-18 ta’ Diċembru 2020, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2147 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Jannar 2021.

4.KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni eżerċitat sew is-setgħat delegati lilha u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li tkompli jkollha s-setgħat delegati skont ir-Regolament (UE) 2019/516, peress li jista’ jkollha bżonn tadotta atti delegati fil-futur biex tirrifletti l-progress fil-metodoloġiji tal-istatistika u tiżgura li d-data tal-ING tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli.

(1)

   Ir-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (ir-Regolament GNI) (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 19).

(2)

   Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2147 tat-8 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jiddefinixxi l-lista ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati f’kull ċiklu ta’ verifika (ĠU L 428, 18.12.2020, p. 9).

(3)

   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2019 li twaqqaf il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar id-dħul nazzjonali gross, (ĠU C 174, 21.5.2019, p. 5).