|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3940 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Iżvezja
(C/2026/3940)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3), rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (5). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Iżvezja. Dan evalwa l-progress li għamlet l-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-RRP mill-Iżvezja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Iżvezja. Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-progress li għamlet l-Iżvezja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Iżvezja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Iżvezja għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati fl-20 ta' Mejju 2026 (6). Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja ma għadhiex qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, għad hemm vulnerabbiltajiet relatati mas-suq tal-proprjetà immobbli tagħha u livelli għoljin ta' dejn privat iżda l-gravità tagħhom naqset dan l-aħħar. Filwaqt li l-ekonomija Żvediża hija sensittiva ħafna għar-rati tal-imgħax minħabba l-użu mifrux ta' ipoteki b'rata varjabbli, hija wriet li hija reżiljenti għar-rati tal-imgħax ogħla fl-2022 u fl-2023, li kkawża tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-prezzijiet tad-djar kienu stabbli u jidhru inqas sopravalutati minn qabel. Is-settur kbir tal-proprjetà immobbli kummerċjali wera sinjali ta' kapaċità mtejba ta' rifinanzjament hekk kif ir-rati tal-imgħax naqsu u l-aċċess għas-suq kapitali tjieb. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi bħala sehem mill-PDG, li kien ilu jonqos mill-pandemija, naqas fl-2025 u huwa mistenni li jibqa' stabbli. Għall-ġejjieni, in-nuqqas ta' akkomodazzjoni, flimkien ma' rekwiżiti aktar laxki tal-mutwatarji, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tad-djar u d-dejn tal-unitajiet domestiċi. Il-banek għadhom b'saħħithom, profittabbli, u b'self improduttiv baxx. Dan l-aħħar ittieħdu xi miżuri bl-għan li jagħmlu s-suq tal-kiri aktar flessibbli, u l-qafas regolatorju għall-permessi tal-bini ddgħajjef lejn l-aħħar tal-2025. Meta wieħed iħares' il quddiem, iż-żieda effettiva tal-provvista tal-akkomodazzjoni u l-indirizzar tal-inċentivi tat-taxxa li jiffavorixxu x-xiri ta' djar iffinanzjat mid-dejn, flimkien mal-użu għaqli ta' miżuri makroprudenzjali, jgħinu biex ikomplu jnaqqsu t-tkabbir fil-prezzijiet tad-djar u jnaqqsu d-dejn tal-unitajiet domestiċi b'mod dejjiemi. Is-Semestru Ewropew se jipprovdi l-qafas għall-monitoraġġ tal-progress fir-riformi tal-akkomodazzjoni. |
|
(7) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Iżvezja (7). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta' rata massima ta' tkabbir fin-nefqa netta fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 4,0 % fl-2025, 4,4 % fl-2026, 4,4 % fl-2027, u 4,6 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 10,7 % fl-2025, 15,5 % fl-2026, 20,6 % fl-2027, u 26,1 % fl-2028. |
|
(8) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (8) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. L-Istati Membri xorta jistgħu jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali fi kwalunkwe ħin sal-2028, jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(9) |
Fit-30 ta' April, l-Iżvezja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 (9) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Iżvezja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(10) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 1,5 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 2,6 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 1,8 % fl-2026 u 2,2 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 1,5 % fl-2026 u 1,8 % fl-2027. |
|
(11) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (10), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Iżvezja naqas minn 1,5 % tal-PDG fl-2024 għal 1,3 % tal-PDG fl-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 2,8 % tal-PDG fl-2026 u 2,5 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment infiq fiskali diskrezzjonali relattivament sinifikanti, speċjalment fil-qasam tad-difiża. |
|
(12) |
Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (11), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'0,3 % tal-PDG fl-2025. Hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'1,9 % tal-PDG, fl-2026, u restrittiva, b'0,6 % tal-PDG, fl-2027. |
|
(13) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (12), id-dejn tal-gvern estiż tal-Iżvezja żdied minn 34,2 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 35,1 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jonqos għal 36,6 % sa tmiem l-2026 u li jibqa' jiżdied sa 37,7 % sa tmiem l-2027. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2026 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fid-defiċit. |
|
(14) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (13), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fl-Iżvezja ammontat għal 2,9 % tal-PDG fl-2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija projettata li tkun 3,8 % tal-PDG fl-2026 (14). |
|
(15) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, l-Iżvezja adottat miżuri ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti. Dawn jinkludu tnaqqis mhux immirat fid-dazji tas-sisa fuq il-petrol u d-diżil li mistennija jiskadu fit-30 ta' Settembru u fit-30 ta' Novembru 2026, rispettivament, u appoġġ fi flus kontanti ex post mhux immirat lill-unitajiet domestiċi għall-kostijiet tal-gass u tal-elettriku mġarrba matul Jannar u Frar 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' dawn il-miżuri huwa pprojettat li jammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2026 (15). Skont l-istimi tal-Kummissjoni, jekk dawn il-miżuri kellhom jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2026, il-kost fiskali tagħhom jammonta għal 0,4 % tal-PDG fl-2026. |
|
(16) |
Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Iżvezja kibret b'2,2 % fl-2025 u b'8,2 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata kumulattiva ta' tkabbir tan-nefqa netta hija wkoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(17) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Iżvezja hija pprojettata li tikber b'6,5 % fl-2026 u b'15,3 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,0 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiva pprojettata tan-nefqa netta hija taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(18) |
Fl-Iżvezja, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. L-Iżvezja diġà qiegħda tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu aktar attenzjoni fl-implimentazzjoni, bħall-iżvilupp urban sostenibbli u l-ekonomija ċirkolari. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Iżvezja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (16), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(19) |
L-Iżvezja qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mas-suq tal-akkomodazzjoni u l-livelli għoljin ta' dejn, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli marbuta mal-kapaċità tal-grilja tal-enerġija u r-restrizzjonijiet tat-trażmissjoni, is-sistema edukattiva u l-eżiti edukattivi tal-istudenti li qed jiddeterjoraw, u d-diskrepanzi fil-ħiliet, li huma l-aktar evidenti għal persuni minn sfondi soċjoekonomiċi u ta' migrazzjoni żvantaġġati. |
|
(20) |
Is-suq tal-kiri Żvediż huwa rregolat b'mod strett u maqsum bejn appartamenti regolati b'kirjiet aktar baxxi mir-rati tas-suq u unitajiet aktar ġodda b'kirjiet allinjati mar-rati tas-suq. Din l-istruttura tiġġenera listi twal ta' stennija għal appartamenti regolati b'mekkaniżmi ta' distribuzzjoni limitati għal dawk l-aktar fil-bżonn, ixxekkel il-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni, u tirrestrinġi l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. Id-data dwar il-permess tal-bini tikkonferma s-severità tat-tnaqqis fir-ritmu tal-kostruzzjoni u tindika stabbilizzazzjoni f'livelli baxxi. Żieda fil-kostruzzjoni, b'mod partikolari fiż-żoni urbani, tkun meħtieġa biex jiġi evitat it-twessigħ tad-distakk fil-provvista tal-akkomodazzjoni, flimkien ma' sforzi biex jitnaqqas it-tqassim medju f'żoni u jiġu permessi żminijiet ta' tħejjija li jibnu fuq l-isforzi reċenti f'dak il-qasam u jestenduhom. Il-livelli ta' dejn privat huma fost l-ogħla fl-UE. It-tassazzjoni favorevoli tal-ipoteki, b'mod partikolari d-deduċibbiltà sinifikanti tal-imgħax ipotekarju, tkompli toffri inċentivi estensivi għas-self tal-unitajiet domestiċi. Riformi effettivi jistgħu jnaqqsu l-inċentivi għall-akkumulazzjoni tad-dejn u jtejbu l-affordabbiltà. |
|
(21) |
Bil-politiki attwali tagħha, l-Iżvezja mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha tal-UE għall-2030 biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-pajjiż żdiedu fl-2024, prinċipalment mit-trasport bit-triq u minn makkinarju mobbli mhux tat-triq. B'mod partikolari, dan in-nuqqas jirrifletti l-bidliet reċenti fil-politika, inklużi obbligi aktar baxxi ta' taħlit tal-bijofjuwils u tnaqqis fit-taxxi fuq il-fjuwils likwidi, li wasslu għal żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, l-assorbimenti tal-karbonju tal-Iżvezja ma jidhrux li ser jilħqu l-mira tal-UE għall-2030 għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija. Tkun meħtieġa aktar azzjoni politika biex jintlaħqu dawn il-miri, bħal permezz tat-tassazzjoni fuq il-fjuwils u inċentivi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. |
|
(22) |
L-Iżvezja għadha l-Istat Membru bl-ogħla sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tagħha. Madankollu, ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità u t-trażmissjoni tal-grilja tal-enerġija jfixklu l-użu ulterjuri ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. It-tneħħija ta' dawn ir-restrizzjonijiet hija kruċjali, peress li l-konsum finali tal-elettriku tal-Iżvezja huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti fil-perjodu sal-2045, xprunat miż-żieda fil-ħtiġijiet tal-elettrifikazzjoni tal-industrija u tat-trasport. It-titjib tal-aċċess għall-potenzjal mhux sfruttat tal-Iżvezja għall-enerġija rinnovabbli jista' jakkomoda l-elettrifikazzjoni kontinwa tal-industriji fin-Nofsinhar tal-pajjiż, u jappoġġa l-iżvilupp industrijali innovattivi u ekoloġiċi u d-dekarbonizzazzjoni fit-Tramuntana. |
|
(23) |
Il-proċeduri attwali għall-għoti ta' permessi jfixklu proġetti ġodda tal-industrija nadifa fuq skala kbira u l-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-Iżvezja. Proċeduri twal u kumplessi joħolqu, fost affarijiet oħra, inċertezza fl-investiment u jfixklu l-adozzjoni ta' proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u fuq l-art. L-Iżvezja tibbenefika mill-estensjoni u l-bini fuq l-iskemi ta' kumpens lokali mmirati deċiżi reċentement u mit-tnaqqis ulterjuri tal-ostakli li jirriżultaw minn proċeduri ineffiċjenti għall-għoti ta' permessi u d-drittijiet ta' veto tal-muniċipalitajiet. |
|
(24) |
Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Iżvezja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(25) |
Filwaqt li l-istudenti Żvediżi għandhom prestazzjoni ogħla mill-medja tal-UE fil-ħiliet bażiċi u diġitali, l-eżiti tal-edukazzjoni fil-ħiliet bażiċi naqsu mill-2018. (17) Is-sistema skolastika ma tiżgurax l-ekwità, li tintwera mill-fatt li l-progress insuffiċjenti fil-ħiliet bażiċi huwa partikolarment għoli għall-istudenti bi sfond soċjoekonomiku ta' migrazzjoni jew żvantaġġat, li huma wkoll aktar probabbli li jkunu kkonċentrati f'ċerti skejjel. Studenti minn sfondi żvantaġġati huma wkoll sottorappreżentati fi skejjel operati privatament, li bħala medja huma aktar ġenerużi fil-gradazzjoni tagħhom u li l-istudenti tagħhom għalhekk jingħataw possibbiltajiet akbar li jikkwalifikaw għal aktar studji. Sehem sinifikanti ta' studenti jtemmu l-iskola obbligatorja bi gradi li huma baxxi wisq jew mhux kompluti, u jeskluduhom milli jikkwalifikaw direttament għal programm nazzjonali fl-iskejjel sekondarji tat-tieni livell. In-nuqqas ta' għalliema kwalifikati, speċjalment fl-iskejjel u fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal b'għadd kbir ta' studenti żvantaġġati, joħloq riskju għall-kwalità u l-ekwità tas-sistema edukattiva u jkompli jaggrava l-eżiti tal-edukazzjoni li dejjem imorru għall-agħar. L-Iżvezja tibbenefika jekk tibni fuq proposti reċenti ta' riforma li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kawżi sottostanti ta' xejriet negattivi fl-ekwità u l-prestazzjoni. |
|
(26) |
Minkejja l-isforzi, in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet għadu jippersisti f'ċerti setturi u okkupazzjonijiet, bħall-professjonijiet tal-kura tas-saħħa, tal-IT u tal-edukazzjoni, u huwa aggravat aktar minn diskrepanzi bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ, u d-domandi tas-suq tax-xogħol. Dan għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Iżvezja u jwassal għal qgħad strutturali. Hemm diversi reġjuni, bħal fiż-żoni skarsament popolati tat-Tramuntana b'nuqqas ta' ħaddiema, filwaqt li l-ħaddiema huma żejda f'reġjuni oħra, li juri l-ħtieġa li tittejjeb il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u li jittejbu s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirrilokaw lejn reġjuni fejn l-opportunitajiet ta' impjieg disponibbli jaqblu aħjar mal-ħiliet tagħhom. Minkejja l-parteċipazzjoni dejjem tikber fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), hija għadha qed tiffaċċa sfidi fl-adattament għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-perċentwal ta' gradwati li jaħdmu f'impjiegi li jaqblu mal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom qed jonqos. L-impatt tal-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-integrazzjoni aktar rapida ta' persuni minn gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari l-individwi minn sfondi żvantaġġati u ta' migrazzjoni, fis-suq tax-xogħol, s'issa kien limitat u l-Iżvezja għad għandha l-ogħla rata ta' qgħad tal-UE għal persuni li twieldu barra mill-UE. Il-livell edukattiv aktar baxx milħuq u l-ħiliet limitati ta' individwi minn gruppi vulnerabbli jkomplu jnaqqsu l-impjegabbiltà tagħhom. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja fl-2026 u fl-2027 tieħu azzjoni biex:
|
1. |
Tiżgura li n-nefqa netta tirrispetta r-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025 minħabba d-devjazzjoni materjali pprojettata għall-2026 mill-Kummissjoni fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa netta rakkomandat. Issaħħaħ il-prontezza fid-difiża filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex isostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni skont il-programmi tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li, meta jkun xieraq, tibni fuq ir-riallokazzjoni għall-prijoritajiet strateġiċi maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu u fuq il-flessibbiltajiet ipprovduti fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni. |
|
3. |
Ittejjeb l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi tintroduċi riformi fis-suq tal-kiri. Tistimula l-investiment fil-kostruzzjoni residenzjali u tneħħi l-ostakli strutturali biex ittaffi n-nuqqasijiet, b'mod partikolari fiż-żoni urbani. Tnaqqas l-inċentivi għall-akkumulazzjoni tad-dejn, pereżempju billi telimina jew tnaqqas id-deduċibbiltà tat-taxxa tal-imgħax ipotekarju. |
|
4. |
Tiżgura l-kisba tal-miri tat-tnaqqis u t-tneħħija tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra billi tnaqqas, b'mod partikolari, l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. Tespandi u taġġorna n-networks tat-trażmissjoni tal-enerġija. Taċċellera u tissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta' permessi għall-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u fuq l-art, u tevita t-treġġigħ lura tal-permessi għall-approvazzjoni. |
|
5. |
Ittejjeb l-eżiti edukattivi, b'mod partikolari tal-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi u ta' migrazzjoni żvantaġġati, tindirizza n-nuqqas ta' għalliema kwalifikati, tiżgura l-ekwità fis-sistema skolastika. Tiżviluppa l-ħiliet tal-forza tax-xogħol u tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet permezz ta' miżuri ta' politika mmirati inkluż miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol, u permezz ta' appoġġ u inċentivi biex tittejjeb l-integrazzjoni b'mod partikolari ta' individwi minn ambjenti soċjoekonomiċi u ta' migrazzjoni żvantaġġati fis-suq tax-xogħol. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(3) ĠU C, C/2026/2434, 28 ta' April 2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2026/2434, 28 ta' April 2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18 ta' Frar 2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(6) SWD(2026) 143 final.
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Iżvezja (ĠU C, C/2025/644, 10 ta' Frar 2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/644/oj).
(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19 ta' Marzu 2025, C(2025) 2000 final.
(9) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(10) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(11) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(12) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(13) Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(14) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(15) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(16) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
(17) Skont ir-riżultati PISA.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3940/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)