European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2081

20.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2081

tas-17 ta’ Ottubru 2025

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-23 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar (“STS”, Steel Track Shoes) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fit-12 ta’ Lulju 2024 minn Duferco Travi e Profilati S.p.A. (“Duferco” jew “l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-STS fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-STS li joriġinaw mir-RPĊ soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2721 tal-24 ta’ Ottubru 2024 (3) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Miżuri provviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fil-25 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u tal-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni (“id-divulgazzjoni minn qabel”). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol. Ma wasal l-ebda kumment dwar l-akkuratezza tal-kalkoli. Żewġ partijiet interessati, Liebherr-Werk Ehingen GmbH (“Liebherr”), importatur ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar, u Italtractor ITM S.p.A. (“Italtractor”), produttur fl-Unjoni u importatur tal-STS, ipprovdew kummenti dwar kwistjonijiet għajr l-akkuratezza tal-kalkolu. Dawn il-kummenti kienu jikkonċernaw l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni u huma indirizzati aktar ’il quddiem fil-premessi 26 u ta’ warajha.

(5)

Fit-22 ta’ April 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-STS li joriginaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/780 tas-16 ta’ April 2025 (4) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(6)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (“id-divulgazzjoni provviżorja”), l-importaturi Liebherr, Linser Industrie Service GmbH (“Linser”), u Italtractor, kif ukoll l-esportaturi AsiaTrak (Tianjin) Ltd. u Caterpillar Undercarriage (Xuzhou) Co. Ltd., li t-tnejn huma parti mill-Grupp Caterpillar, USCO SpA (“USCO”), importatur tal-STS, u l-Grupp Astrak li jikkonsisti minn ħames importaturi fl-Unjoni (“Astrak”) ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li fihom qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji fiż-żmien stipulat mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju. L-importatur tal-elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar imsemmi fil-premessa 7, Verhoeven Grondverzetmachines B.V. (“Verhoeven”), ipprovda kummenti wkoll.

(7)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Verhoeven ikkontesta l-fatt li, fl-ilment, Duferco identifikat lilha nnifisha bħala l-uniku rappreżentant tal-industrija tal-Unjoni u nnota li kien ilu involut fl-importazzjoni tal-STS għal ħafna snin iżda li ma ġiex ikkuntattjat mill-ilmentatur qabel ma ressaq l-ilment.

(8)

L-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-produtturi tal-Unjoni kollha kemm huma tal-prodotti simili jew ta’ sehem kbir tagħhom. Għalhekk, l-importaturi ma jiffurmawx parti mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni lmentatriċi ma għandha l-ebda obbligu li tinforma lil kwalunkwe waħda mill-partijiet interessati dwar l-eżistenza ta’ lment bħal dan, li jsir disponibbli għall-partijiet interessati kollha fil-jum tal-bidu tal-investigazzjoni.

(9)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ma’ żewġ importaturi tal-STS, Liebherr u Verhoeven.

(10)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(11)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-STS li joriġinaw mir-RPĊ (“id-divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(12)

Waslu kummenti wara d-divulgazzjoni finali fil-25 ta’ Lulju 2025.

(13)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saret seduta mal-ilmentatur Astrak.

1.5.   Kampjunar

(14)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Verhoeven, importatur mhux relatat, sostna li l-fornitur Ċiniż tagħha tal-STS ma kienx ġie avviċinat mill-Kummissjoni sabiex jipparteċipa fl-investigazzjoni, minkejja r-rieda tiegħu li jikkoopera. Barra minn hekk, Verhoeven sostna li dan il-produttur kien issottometta dokumentazzjoni iżda qatt ma kien involut formalment bħala parti interessata fil-fażi tal-investigazzjoni attiva. Min-naħa l-oħra, skont Verhoeven, tliet partijiet oħra ġew avviċinati iżda sussegwentement naqsu milli jikkooperaw.

(15)

Il-Kummissjoni nnutat li Verhoeven ma identifika l-ebda waħda mill-kumpaniji li kien qed jirreferi għalihom u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta dawn id-dikjarazzjonijiet. Il-Kummissjoni nnutat li hija infurmat lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha dwar il-bidu ta’ investigazzjoni ġdida bbażata fuq id-dettalji pprovduti mill-ilmentatur. Qabel il-bidu, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”) biex jipprovdi d-dettalji ta’ kwalunkwe produttur addizzjonali tal-STS fiċ-Ċina. Madankollu, il-GTĊ ma pprovda d-dettalji ta’ ebda produttur addizzjonali. In-Notifika tal-Bidu stiednet lill-partijiet interessati kollha jikkooperaw u jipprovdu l-informazzjoni neċessarja għall-investigazzjoni lill-Kummissjoni. Il-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha tal-STS li ppreżentaw ruħhom wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu ġew aċċettati bħala partijiet interessati. L-informazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi fl-istadju tal-kampjunar tqieset kif xieraq u kienet tifforma l-bażi għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi. L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun ma talab eżami individwali. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(16)

Astrak sostna li ma ssemmiex fl-ilment bħala importatur/utent magħruf u ma ġiex innotifikat bil-bidu tal-investigazzjoni u, għalhekk, ma kellu l-ebda opportunità li jikkoopera mill-bidu tal-investigazzjoni.

(17)

Kif imsemmi fil-premessa 4 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jagħmlu kuntatt magħha sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk il-kumpanija ssemmietx fl-ilment jew le u, għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(18)

Fin-nuqqas ta’ aktar kummenti dwar il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni, tal-importaturi mhux relatati, u tal-produtturi esportaturi wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi 6 sa 11 tar-Regolament provviżorju.

1.6.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(19)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar iddikjara li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kellhom diffikultajiet prattiċi biex iwieġbu għall-kwestjonarju, minħabba li kienu jfornu STS lil kumpaniji oħra fiċ-Ċina, inkluż il-Grupp Caterpillar, li min-naħa tiegħu kien jipproduċi gruppi taċ-ċineg u gruppi taċ-ċineg sħaħ. Konsegwentement, dawn il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma setgħux jipprovdu dettalji sħaħ fir-rigward tal-prezzijiet u tal-volumi tal-esportazzjonijiet. Il-Grupp Caterpillar ibbaża dawn l-allegazzjonijiet fuq tweġibiet imressqa minn ċerti produtturi esportaturi Ċiniżi bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ segwitu mill-Kummissjoni rigward l-informazzjoni pprovduta fil-formoli tal-kampjunar (5). F’dawn it-tweġibiet, il-produtturi esportaturi Ċiniżi kkonċernati infurmaw lill-Kummissjoni li ma setgħux jiddeterminaw jekk l-STS mibjugħa domestikament kinux jiġu riesportati lejn is-suq tal-Unjoni.

(20)

Madankollu, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi tal-STS ma semma diffikultajiet prattiċi lill-Kummissjoni fit-tweġiba għall-kwestjonarju bħala r-raġuni għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu. Caterpillar għamel inferenzi minn biċċiet differenti ta’ informazzjoni fil-fajl miftuħ li ttieħdu barra mill-kuntest. Il-Kummissjoni ma qablitx mal-Grupp Caterpillar u qieset li d-diffikultajiet prattiċi ddikjarati fit-tweġiba għall-kwestjonarju ma kinux sostanzjati. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(21)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi 12 sa 22 tar-Regolament provviżorju.

1.7.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(22)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa 23 tar-Regolament provviżorju.

1.8.   Eżami individwali

(23)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Komatsu Machinery Manufacturing (Shandong) Co., Ltd. (“Komatsu”) sostniet li hija ma kinitx tixtri l-STS kollha miċ-Ċina, iżda anke mill-Ġappun, u talbet li jiġi ċċarat jekk dan kellux effett fuq iċ-ċaħda tat-talba għal eżami individwali.

(24)

Il-Kummissjoni qieset li l-element addizzjonali ma kienx jaffettwa l-konklużjoni li t-talba għal eżami individwali ma setgħetx tintlaqa’.

(25)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa 24 tar-Regolament provviżorju.

2.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(26)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, diversi partijiet daħlu f’kuntatt u talbu lill-Kummissjoni teskludi ċerti tipi ta’ prodotti mill-ambitu tal-investigazzjoni kurrenti.

(27)

Liebherr, importatur u utent ta’ tip speċifiku ta’ STS ikkastjati, ippreżenta ruħu u talab li dawn il-prodotti jiġu esklużi mill-ambitu, minħabba li dawn juru differenzi sinifikanti fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u għandhom użi finali differenti meta mqabbla mal-prodotti manifatturati mill-industrija tal-Unjoni u ma kinux qed jikkompetu ma’ dawn tal-aħħar. Dawn ġew ukoll manifatturati bl-użu ta’ proċessi tal-produzzjoni kompletament differenti.

(28)

Din il-parti sostniet li l-prodott importat minnha jintuża fi skavaturi tal-minjieri u fi krejnijiet fuq iċ-ċineg li jeħtieġu pjanċi tal-art speċifiċi (elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar) magħmula mill-azzar ikkastjat, aktar milli elementi tal-irfis taċ-ċineg manifatturati mill-produttur ilmentatur tal-Unjoni, li huma magħmula minn profili tal-azzar illaminati. L-STS ikkastjati importati minn Liebherr huma mfassla speċifikament biex iżommu t-tagħbija għolja ta’ krejnijiet fuq iċ-ċineg u ta’ skavaturi tal-minjieri u, għalhekk, huma ferm akbar u itqal meta mqabbla mal-STS manifatturati mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-STS ikkastjati importati minn Liebherr, u l-prodott manifatturat mill-industrija tal-Unjoni ma humiex interkambjabbli.

(29)

L-ilmentatur oppona l-esklużjoni tal-STS ikkastjat, l-ewwel nett, minħabba li t-talba ġiet sottomessa barra mill-iskadenza għal kummenti dwar l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni, kif stabbilit fin-Notifika tal-Bidu, u minħabba li l-kumpanija ma kinitx qed tikkoopera fl-investigazzjoni qabel ma ssottomettiet it-talba tagħha. B’referenza għall-prattika preċedenti, huwa qies li jenħtieġ li talba mdewma bħal din ma tiġix aċċettata mill-Kummissjoni, peress li din tkun tippermetti lill-partijiet jieħdu sehem b’mod selettiv f’investigazzjoni li timmina l-ġustizzja u t-trattament ugwali tal-partijiet interessati. L-ilmentatur iddikjara wkoll li l-informazzjoni pprovduta kienet inkonsistenti.

(30)

Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li d-dikjarazzjoni ta’ Liebherr ma kienet appoġġata minn ebda evidenza oġġettiva u verifikabbli. B’mod partikolari, huwa kkontesta r-rilevanza ta’ opinjoni teknika ta’ TÜV SÜD Autoservice GmbH ipprovduta minn Liebherr u ddikjara li din ma kinitx turi li l-prodott importat minn Liebherr huwa distint b’mod funzjonali jew kummerċjali mill-STS manifatturati u mibjugħa mill-produttur ilmentatur tal-Unjoni.

(31)

Fuq is-sustanza, l-ilmentatur argumenta li t-tip ta’ prodott importat minn Liebherr kien jaqa’ fi ħdan id-definizzjoni tal-prodott tan-Notifika tal-Bidu u li kellu l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi u użi finali bażiċi bħall-prodott taħt investigazzjoni, jiġifieri li jippermetti l-moviment u l-appoġġ ta’ vetturi biċ-ċineg (jiġifieri jipprovdi appoġġ strutturali u jiffaċilita l-moviment ta’ vetturi biċ-ċineg). L-ilmentatur iddikjara li l-prodotti importati minn Liebherr kellhom biss differenzi żgħar fid-dimensjoni u fil-metodu tal-produzzjoni iżda essenzjalment kienu jiġu mmanifatturati fl-istess qafas industrijali (jiġifieri, is-settur tal-makkinarju li jċaqlaq it-terrapien jew ħamrija) u għalhekk kienu funzjonalment interkambjabbli mal-prodott manifatturat fl-Unjoni. Il-fatt li l-STS importati minn Liebherr kienu mfassla apposta huwa irrilevanti, sakemm id-differenzi introdotti ma jbiddlux l-identità essenzjali tal-prodotti. Barra minn hekk, ma tkunx meħtieġa sostitwibbiltà bidirezzjonali perfetta biex jitqies li żewġ prodotti jaqgħu fl-istess ambitu tal-prodott meta jkollhom l-istess karatteristiċi tekniċi fundamentali u jkunu manifatturati fl-istess qafas industrijali. Biex jappoġġa dawn l-argumenti, l-ilmentatur irrefera għall-ġurisprudenza (6) u għal investigazzjoni preċedenti dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr weldjatura li joriġinaw mir-RPĊ (7).

(32)

L-ilmentatur argumenta wkoll li l-STS dejjem jiġu mmanifatturati u assemblati għall-użu fuq magna speċifika li ċċaqlaq it-terrapien jew ħamrija. Duferco spjegat ukoll li hija tiġbor u taħżen b’mod konsistenti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti kollha għal kull tip ta’ magna li ċċaqlaq it-terrapien jew ħamrija; u sabiex tibqa’ kompetittiva, tadatta l-proċess tal-produzzjoni u l-operazzjonijiet ta’ tlestija tagħha sabiex tippersonalizza l-STS manifatturati. Dan jippermetti li l-kumpanija tkun tista’ tipproduċi bosta eluf ta’ konfigurazzjonijiet distinti ta’ STS iddisinjati biex ikunu kompatibbli ma’ virtwalment kull makkinarju li jċaqlaq it-terrapien jew ħamrija li bħalissa qed jintuża madwar l-Unjoni kollha. Hija ddikjarat ukoll li ż-żewġ produtturi l-oħra tal-Unjoni jkollhom il-kapaċità teknoloġika, l-infrastruttura industrijali u l-għarfien espert neċessarji biex jipproduċu STS ikkastjati li jkunu funzjonalment ekwivalenti għal dawk li għalihom intalbet l-esklużjoni.

(33)

Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li s-sempliċi fatt li l-STS ikkastjati ġew prodotti bl-użu ta’ proċess tal-produzzjoni differenti ma huwiex bażi valida biex jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott, sakemm tali proċess ma jirriżultax f’differenza sostanzjali fil-prodotti, li, madankollu, ma huwiex il-każ hawnhekk. F’dan ir-rigward, l-ilmentatur irrefera għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fi Brosmann (8). Filwaqt li l-ilmentatur irrikonoxxa li l-proċessi tal-produzzjoni differenti jistgħu jinfluwenzaw ċerti possibbiltajiet ta’ disinn jew strutturi tal-ipprezzar tal-STS manifatturati, dawk id-distinzjonijiet ikunu rilevanti biss meta jirriżultaw fi prodott li jkun funzjonalment jew kummerċjalment distint. Madankollu, f’dan il-każ, id-differenzi fiżiċi u tekniċi huma ta’ natura minuri mingħajr ma jiġi kkontestat b’mod sostanzjali li kienu għadhom STS iddisinjati għall-integrazzjoni fil-ktajjen taċ-ċineg, li hija l-karatteristika li tiddefinixxi l-prodott taħt investigazzjoni.

(34)

Fl-aħħar nett, l-ilmentatur, b’referenza għall-prattika preċedenti (9), iddikjara li l-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx qed tipproduċi ċerti tipi ta’ prodotti ma huwiex raġuni valida biex jiġu esklużi dawn it-tipi ta’ prodotti mill-ambitu tal-prodott, peress li nuqqas ta’ produzzjoni bħal dan jista’ jkun minnu nnifsu konsegwenza ta’ dumping dannuż. Fi kwalunkwe każ, huwa ddikjara li Italtractor, wieħed mill-produtturi tal-Unjoni, jipproduċi STS ikkastjati fl-Unjoni.

(35)

Il-Kummissjoni qieset li filwaqt li t-talba biex jiġu esklużi ċerti STS ikkastjati saret barra mill-iskadenza stabbilita fin-Notifika tal-Bidu, din ġiet ipprovduta qabel id-divulgazzjoni minn qabel skont it-tifsira tal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku. Kif rikonoxxut mill-Kummissjoni fil-premessa 35 tar-Regolament provviżorju, għalkemm il-Kummissjoni ma setgħetx tanalizza din it-talba fil-ħin għall-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, xorta waħda se tkompli tinvestiga din id-dikjarazzjoni u tieħu deċiżjoni fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ speċifiku, kien hemm biżżejjed żmien biex tiġi analizzata t-talba, li hija konformi mal-prattika stabbilita, u għalhekk id-dikjarazzjoni tal-ilmentatur f’dan ir-rigward ġiet miċħuda.

(36)

Fuq is-sustanza, l-investigazzjoni wriet li, minkejja li jaqgħu fid-deskrizzjoni kurrenti tal-prodott, l-STS ikkastjati kif importati minn Liebherr għandhom differenzi fiżiċi u tekniċi sinifikanti meta mqabbla mal-prodott manifatturat mill-produttur ilmentatur tal-Unjoni u jintużaw f’applikazzjonijiet speċifiċi differenti. B’mod partikolari, meta mqabbla mal-proċess tal-ifforġar/tal-laminazzjoni, il-proċess tal-ikkastjar jipprovdi flessibbiltà tad-disinn ferm akbar, li tippermetti distribuzzjoni u ottimizzazzjoni differenti tat-tensjoni. Konsegwentement, l-STS ikkastjati joffru proprjetajiet mekkaniċi li mhux dejjem ikunu jistgħu jinkisbu permezz tal-ifforġar, b’mod partikolari meta d-distribuzzjoni tal-piż, il-kavitajiet interni, u l-ġeometriji kumplessi tal-felħan għat-tensjoni jkunu kritiċi. Dan huwa l-każ għal applikazzjonijiet heavy-duty bħal krejnijiet li jerfgħu tagħbijiet tqal. B’kuntrast ma’ dan, il-prodotti tal-ilmentatur huma prodotti billi jinqatgħu profili tal-azzar mikwijin bil-forġa/illaminati skont it-tul, u għalhekk għandhom struttura ħafna aktar sempliċi u uniformi. Barra minn hekk, karatteristika ewlenija tal-prodotti tal-ilmentatur hija l-eżistenza ta’ linji mqabbża ’l barra fuq iċ-ċineg għat-trazzjoni, imsejħa grousers, li l-prodotti importati minn Liebherr ma għandhomx, peress li ma humiex rilevanti għall-użi speċifiċi tagħhom.

(37)

Il-prodotti manifatturati mill-industrija tal-Unjoni tqiesu li għandhom karatteristiċi tekniċi u fiżiċi ewlenin differenti minn dawk importati minn Liebherr.

(38)

Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li ġie ddikjarat mill-ilmentatur, l-investigazzjoni żvelat li dan it-tip ta’ STS bħalissa ma huwiex manifatturat u ma jistax jiġi manifatturat mill-industrija tal-Unjoni fil-futur qarib. F’dak li għandu x’jaqsam mal-ilmentatur, dan ikun jeħtieġ investimenti kbar li huwa improbabbli li jsiru fuq terminu qasir jew medju. Barra minn hekk, l-ilmentatur ma ddikjarax li jkun jista’ jipproduċi dan it-tip ta’ STS, u lanqas ma pprovda xi evidenza f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl tal-investigazzjoni li l-ilmentatur kellu l-intenzjoni li jipproduċi dan it-tip ta’ prodott fil-futur qarib. Fil-każ ta’ Italtractor, produttur tal-Unjoni li ma appoġġax l-ilment, l-investigazzjoni wriet li filwaqt li kien jipproduċi xi tip ta’ STS ikkastjati, it-tip manifatturat minnu ma kienx f’kompetizzjoni ma’ prodotti manifatturati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi (bħall-prodott importat minn Liebherr). Bħal hawn fuq, il-fajl tal-investigazzjoni ma żvela l-ebda informazzjoni jew evidenza li Italtractor ikun jista’ jipproduċi dan it-tip ta’ prodott u li x’aktarx li jipproduċih fil-futur qarib. L-istess kien minnu għat-tielet produttur tal-Unjoni li pprovda dikjarazzjoni li tiċċara li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-ilmentatur, bħalissa ma għandux teknoloġija tal-ikkastjar għall-produzzjoni ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar ikkastjati. Għalhekk, ma setax jipproduċi t-tip ta’ prodott importat minn Liebherr.

(39)

Fir-rigward tal-argument li s-sempliċi fatt li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx qed tipproduċi dan it-tip ta’ STS jista’ fih innifsu jkun konsegwenza tad-dumping dannuż mill-importazzjonijiet Ċiniżi ma kien appoġġat mill-ebda evidenza. Pereżempju, il-produttur ilmentatur tal-Unjoni ma pprovda l-ebda evidenza li huwa kien jipproduċi dan it-tip ta’ STS fil-passat u li kellu jwaqqfu minħabba l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina. Barra minn hekk, ma kellux il-makkinarju u l-proċess tal-produzzjoni xierqa biex jibda jipproduċi l-STS ikkastjati fil-futur qarib. Il-fatt li huwa ddikjara li jipproduċi bosta eluf ta’ konfigurazzjonijiet distinti ta’ STS ma invalidax il-fatt li dawn l-STS huma magħmula minn profili tal-azzar illaminati, b’kuntrast mal-STS ikkastjati u li ma kienx jipproduċi l-prodott speċifiku importat minn Liebherr. Għalhekk, dan l-argument ġie miċħud.

(40)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-STS ikkastjati importati minn Liebherr jiġu esklużi mill-ambitu tal-investigazzjoni kurrenti. It-tip ta’ prodott li għandu jiġi eskluż huwa STS li jaqbżu tul ta’ 380 mm, għoli ta’ 140 mm u piż ta’ 118 kg, mingħajr grousers ta’ kwalunkwe forma b’dimensjoni ta’ 1 mm jew aktar.

(41)

Wara d-divulgazzjoni finali, Italtractor talab l-esklużjoni tal-STS mikwijin bil-forġa minħabba li ma jistgħux jiġu prodotti mill-ilmentatur u minħabba l-allegati karatteristiċi tekniċi differenti tagħhom li jirriżultaw minn proċess tal-produzzjoni differenti. Italtractor iddikjara li STS mikwijin bil-forġa kellhom forma finali differenti bi grousers b’kurvi għall-kuntrarju tal-grousers lineari prodotti mill-ilmentatur. Barra minn hekk, Italtractor iddikjara li l-STS mikwijin bil-forġa kellhom flessibbiltà tad-disinn akbar li tippermetti varjazzjonijiet fl-għoli mat-tul tal-STS li jippermettu distribuzzjoni ottimizzata tal-azzar u reżistenza għal-liwi. Italtractor iddikjara wkoll li l-esklużjoni ta’ dan it-tip ta’ prodott kienet issegwi l-istess loġika għall-esklużjoni tal-STS ikkastjati u setgħet tiġi dedotta mill-kummenti preċedenti tiegħu.

(42)

Madankollu, it-talba waslet fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni. Abbażi tal-evidenza fil-fajl tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li STS mikwijin bil-forġa għandhom l-istess użu jew użu simili bħal tipi oħra tal-prodott ikkonċernat, li ma jappoġġax l-esklużjoni ta’ prodott. Fil-fatt, l-ilmentatur kien jipproduċi varjetà ta’ tipi differenti ta’ STS użati f’varjetà ta’ makkinarju li jċaqlaq it-terrapien jew ħamrija. F’dan l-istadju tard tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċerta sa liema punt l-STS mikwijin bil-forġa kinux fil-fatt teknikament differenti minn dawk prodotti mill-ilmentatur b’mod li jirriżulta fi prodott differenti użat f’applikazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, kien hemm ukoll produttur terz fis-suq tal-Unjoni li ma kkooperax u li għalih il-Kummissjoni ma setgħetx taċċerta jekk kienx jipproduċi STS mikwijin bil-forġa u, b’hekk, jekk kienx hemm fornituri oħra ta’ STS mikwijin bil-forġa fis-suq tal-Unjoni. Anke jekk ma kien hemm l-ebda produzzjoni ta’ STS mikwijin bil-forġa fl-Unjoni, l-STS mikwijin bil-forġa jaqgħu b’mod ċar fl-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni previst fil-premessa 25 tar-Regolament provviżorju. Italtractor ma pprovda l-ebda evidenza li turi li STS mikwijin bil-forġa ma jikkompetux mal-STS manifatturati mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, STS mikwijin bil-forġa huma tip ta’ prodott ta’ STS b’livell ta’ sostituzzjoni bl-STS prodotti mill-industrija tal-Unjoni u, għalhekk, jeżisti livell ta’ kompetizzjoni u ta’ pressjoni kompetittiva bejn it-tnejn. Minn dan isegwi li t-talba għall-esklużjoni tal-prodott sottomessa minn Italtractor ma kinitx biss impossibbli li tiġi vverifikata f’dan l-istadju tal-investigazzjoni iżda lanqas ma kienet sostanzjata.

(43)

Huwa nnotat ukoll li kull talba għall-esklużjoni mill-ambitu tal-prodott trid tiġi eżaminata fuq il-merti tagħha stess u fil-kuntest fattwali tagħha stess u l-konklużjonijiet magħmula fir-rigward ta’ tip wieħed ta’ prodott ma jistgħux jiġu trasposti għat-talba għall-esklużjoni ta’ tipi oħra ta’ prodotti. F’dan l-istadju tard tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta aktar il-merti tat-talba għall-esklużjoni. Il-Kummissjoni tinnota li s-sottomissjonijiet preċedenti ta’ Italtractor ma kienu jinkludu l-ebda talba għall-esklużjoni tal-prodott. Talbiet bħal dawn iridu jkunu ċari u jipprovdu informazzjoni u evidenza komprensivi li juru li l-esklużjoni tkun possibbli u ġustifikata. Il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija li “tiddeduċi” li dikjarazzjonijiet ġenerali kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq ċerti tipi ta’ prodotti huma talbiet għall-esklużjoni tal-prodott. Għalhekk, dawk id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(44)

Linser, importatur u utent tal-STS, talbet l-esklużjoni ta’ tip speċifiku ta’ STS li importat miċ-Ċina, jiġifieri STS bi truf milwija, minħabba li l-STS manifatturati mill-Industrija tal-Unjoni kellhom ċerti żvantaġġi tekniċi meta mqabbla mal-STS importat miċ-Ċina. Din il-kumpanija ma ssostanzjatx it-talba tagħha b’evidenza suffiċjenti. B’mod partikolari, l-investigazzjoni ma setgħetx tikkonferma li prodotti bħal dawn ma kinux jiġu mmanifatturati jew ma setgħux jiġu mmanifatturati mill-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(45)

Wara d-divulgazzjoni finali, Linser tenniet it-talba tagħha li l-STS bi truf milwija jiġu esklużi, billi ma jistgħux jiġu mmanifatturati mill-industrija tal-Unjoni.

(46)

Madankollu, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza sostantiva addizzjonali u l-konklużjonijiet fil-premessi 25 sa 28 tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(47)

USCO, importatur u utent tal-STS, talab l-esklużjoni tal-STS bil-pads tal-lasktu, minħabba li ma humiex immanifatturati fis-suq tal-Unjoni. Il-kumpanija ddikjarat li l-prodott kien jikkonsisti minn struttura tal-azzar magħluqa bil-lasktu, filwaqt li l-azzar li jinsab fil-prodott huwa inqas minn 15 % tal-valur globali tiegħu.

(48)

L-ilmentatur iddikjara, kif stabbilit fil-premessa 29 hawn fuq, li din it-talba ġiet sottomessa barra mill-iskadenza indikata fin-Notifika tal-Bidu u li l-kumpanija ma kinitx qed tikkoopera matul l-investigazzjoni qabel ma ssottomettiet it-talba tagħha. L-ilmentatur sostna wkoll li l-prodott importat mill-USCO jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-prodott u, minkejja differenzi tekniċi jew fiżiċi żgħar, huwa kummerċjalment interkambjabbli mal-prodotti manifatturati fl-Unjoni. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 31, l-ilmentatur argumenta li s-sostitwibbiltà bidirezzjonali perfetta fiha nnifisha ma hijiex meħtieġa, u l-prodotti xorta jistgħu jaqgħu taħt l-istess ambitu tal-prodott. Huwa ddikjara wkoll li l-STS bil-pads tal-lasktu għandhom l-istess użi finali u applikazzjonijiet bażiċi ewlenin, skont l-istess linja ta’ argumenti kif stabbilita fil-premessi 31 sa 34.

(49)

Il-Kummissjoni qieset li USCO ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ sostenn għad-dikjarazzjoni tagħha. B’mod partikolari, id-deskrizzjoni tal-prodott tinkludi b’mod espliċitu l-STS bil-pads tal-lasktu fl-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda u ma kienx hemm bżonn li jiġu indirizzati fid-dettall l-argumenti pprovduti mill-ilmentatur.

(50)

Żewġ sussidjarji Ċiniżi tal-Grupp Caterpillar, li huma esportaturi ta’ gruppi taċ-ċineg u ta’ STS (iżda ma jipproduċux STS huma stess), talbu huma wkoll l-esklużjoni tal-STS li jesportaw lejn l-Unjoni (bħala prodott waħdu jew inkorporati fi gruppi taċ-ċineg). Il-kumpaniji ta’ Caterpillar iddikjaraw li l-STS inkwistjoni huma mfassla apposta skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stretti tagħhom. Barra minn hekk, huma ddikjaraw li l-produzzjoni ta’ STS bħal dawn teħtieġ tagħmir speċifiku, li jirrappreżenta investimenti sinifikanti (EUR 0,5 – EUR 1,5 miljun għal kull prodott), u li l-industrija tal-Unjoni bħalissa ma għandhiex.

(51)

L-ilmentatur ikkontesta din it-talba billi argumenta b’mod simili għal dak li huwa stabbilit fil-premessi 29 sa 34 hawn fuq, jiġifieri li l-prodotti esportati mill-Grupp Caterpillar għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi u l-istess użi finali bażiċi bħall-prodott manifatturat fl-Unjoni. Is-sempliċi fatt li huma mmanifatturati bl-użu ta’ proċess tal-produzzjoni ieħor jew li ma huwiex perfettament sostitwibbli mal-prodott immanifatturat fl-Unjoni ma huwiex raġuni valida biex jiġu esklużi tipi ta’ prodotti bħal dawn mill-ambitu tal-prodott, sakemm ma jaqgħux f’kategoriji ta’ prodotti fundamentalment differenti. Huwa żied li l-produzzjoni personalizzata hija prattika standard fil-ktajjen tal-provvista industrijali u ma timplikax awtomatikament li l-prodott inkwistjoni huwa funzjonalment jew kummerċjalment distint minn oħrajn fl-istess familja.

(52)

Il-Kummissjoni qieset li l-Grupp Caterpillar ma appoġġax id-dikjarazzjoni tiegħu b’evidenza suffiċjenti, u ma weriex li l-prodott esportat minnu ma huwiex interkambjabbli mal-prodott manifatturat fl-Unjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda u ma kienx hemm bżonn li jiġu indirizzati fid-dettall l-argumenti pprovduti mill-produttur ilmentatur tal-Unjoni.

(53)

Astrak iddikjara li l-STS importati minnu huma primarjament maħsuba għas-suq ta’ wara l-bejgħ, filwaqt li l-STS prodotti u mibjugħa mill-ilmentatur huma destinati għas-suq tal-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (OEMs, Original Equipment Manufacturers). Għalhekk, dawn ikollhom użi finali differenti u jenħtieġ li ma jitqisux bħala prodotti simili. Din il-kumpanija ma pprovdietx evidenza li l-prodotti importati minnha kellhom karatteristiċi tekniċi, fiżiċi jew kimiċi differenti sinifikanti minn dawk tal-prodott li taħt investigazzjoni. Bl-istess mod, il-kumpanija ma spjegatx sa liema punt il-prodotti ntużaw f’applikazzjonijiet differenti. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(54)

Wara d-divulgazzjoni finali, Astrak innota li l-uniku manifattur tal-UE, Duferco, ma huwiex kapaċi jimmanifattura t-tipi kollha ta’ prodotti li se jkunu soġġetti għad-dazju, inklużi elementi tal-irfis taċ-ċineg milwija jew bil-ġwienaħ, jew elementi tal-irfis taċ-ċineg illegati bil-lasktu.

(55)

Madankollu, l-importatur ma ssostanzjax ulterjorment din id-dikjarazzjoni, u għalhekk ġiet miċħuda.

(56)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor li jikkonċerna l-prodott taħt investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat, il-prodott simili u l-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi 25 sa 35 tar-Regolament provviżorju.

3.   DUMPING

3.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(57)

Ma wasal l-ebda kumment dwar il-proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, is-sejbiet fil-premessi 36 sa (40) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.2.   Valur normali

(58)

Ma wasal l-ebda kumment dwar is-sejbiet fil-premessi 41 sa 43 tar-Regolament provviżorju li, għalhekk, huma kkonfermati.

3.2.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(59)

Ma wasal l-ebda kumment dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, is-sejbiet fil-premessi 44 sa 86 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.2.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(60)

Ma wasal l-ebda kumment dwar is-sejbiet fil-premessi 87 sa 101 tar-Regolament provviżorju li, għalhekk, huma kkonfermati.

3.2.3.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

Gass naturali

(61)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar saħaq li l-parametru referenzjarju għall-gass fit-Turkija użat fil-kalkolu tal-valur normali kien għoli wisq meta mqabbel mal-prezzijiet tal-gass fil-faċilità tal-manifattura tiegħu fi Franza.

(62)

Il-Kummissjoni nnotat fil-bidu li din id-dikjarazzjoni tressqet ferm wara l-iskadenza tal-25 ta’ Novembru 2024 għall-kummenti dwar in-Nota unika għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-parametru referenzjarju għall-gass kien ibbażat fuq l-Istitut Tork tal-Istatistika u kien jirrifletti l-prezz tal-gass għall-utenti industrijali, kif indikat fil-premessa 110 tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-prezz tal-gass użat kien jikkostitwixxi parametru referenzjarju raġonevoli u affidabbli għall-prezzijiet imħallsa minn produttur fit-Turkija. Il-Grupp Caterpillar ma spjegax għaliex jew b’kemm il-parametru referenzjarju tal-gass ma kienx korrett, barra milli assuma li l-prezzijiet kienu għoljin wisq meta mqabbla mal-prezzijiet tal-gass fi Franza. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(63)

Barra minn hekk, il-Grupp Caterpillar iddikjara li l-prezzijiet tal-gass użati ma kinux affidabbli u rriżultaw f’valur normali ddikjarat b’mod eċċessiv minħabba li l-indiċi tal-prezzijiet tal-produttur domestiku użat biex jiġu aġġornati l-prezzijiet għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma kienx jirrifletti l-evoluzzjoni attwali tal-prezzijiet tal-gass fit-Turkija. Sabiex juri x-xejra tal-prezzijiet tal-gass fit-Turkija, il-Grupp Caterpillar ipprovda rapport minn PriceWaterhouseCoopers (“PwC”) (10).

(64)

L-ilmentatur ma qabilx ma’ din id-dikjarazzjoni filwaqt li enfasizza l-prattika tal-Kummissjoni li ilha teżisti li espliċitament tafferma l-affidabbiltà u l-oġġettività tad-data li toriġina mill-Istitut Tork tal-Istatistika. Huwa argumenta li d-data pprovduta mill-Grupp Caterpillar, jiġifieri r-rapport tal-PwC, ma tiddependix fuq id-data primarja, iżda tislet minn riżorsi ta’ partijiet terzi mhux speċifikati. Bħala ditta ta’ konsulenza privata, PwC ma jkollhiex l-istess livell ta’ aċċess għal settijiet ta’ data nazzjonali verifikati, u r-rapportar lanqas ma jkollu l-istess awtorità istituzzjonali. Għalhekk, ma jkun hemm l-ebda raġuni biex is-sejbiet fir-rapport tal-PwC jitqiesu aktar raġonevoli mill-istatistiki nazzjonali uffiċjali sottomessi minn sors tal-gvern.

(65)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 51, id-dikjarazzjoni tal-Grupp Caterpillar tressqet ferm wara l-iskadenza għall-kummenti dwar in-Nota unika għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali li kienet fil-25 ta’ Novembru 2024. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għamlet rikors għall-indiċjar minħabba li l-Istitut Tork tal-Istatistika waqqaf il-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tal-gass fl-2022 u l-indiċi tal-prezzijiet tal-produtturi domestiċi tqies bħala l-aktar xieraq għal indiċjar bħal dan. Id-data dwar il-prezzijiet tal-gass sottomessa mill-Grupp Caterpillar ma kinitx tkopri l-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma setgħetx titqies bħala aktar akkurata minn dik murija fl-indiċi tal-prezzijiet tal-produtturi. Barra minn hekk, għal wieħed mis-sorsi tar-rapport tal-PwC (Energy Exchange Istanbul – EPİAŞ jew EXIST), il-prezz ta’ referenza domestiku huwa prezz ġenerali li jirriżulta minn medja ponderata tal-prezzijiet. Għalhekk, ma huwiex prezz speċifiku għal operatur industrijali, għall-kuntrarju tal-parametru referenzjarju rrapportat mill-Istitut Tork tal-Istatistika. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

Kostijiet ġenerali tal-manifattura, kostijiet SG&A (Selling, General and Administrative costs) u profitti

(66)

Il-Grupp Caterpillar talab lill-Kummissjoni tipprovdi l-livell tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura użati għall-produzzjoni tal-STS.

(67)

Il-Kummissjoni sabet li t-talba kienet ġustifikata u għamlet disponibbli fil-fajl miftuħ il-livell tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura li bbażat fuqhom.

(68)

Ma wasal l-ebda kumment ieħor f’dan ir-rigward, u għalhekk il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet stabbiliti fil-premessi 102 sa 119 tar-Regolament provviżorju.

3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(69)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar ikkontesta d-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni abbażi ta’ sett ta’ fatturi għall-provvista ta’ 10 tipi ta’ STS minn ħames produtturi esportaturi lill-utenti fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif inkluż fl-ilment. Huwa argumenta li d-dettalji sħaħ ta’ dawn l-offerti u l-fatturi ma kinux disponibbli għall-partijiet interessati li għalhekk ma setgħux jikkummentaw dwar ir-rappreżentattività ta’ dawn l-offerti u/jew il-fatturi jew b’xi mod ieħor. Il-Grupp Caterpillar afferma li evidenza bħal din xorta waħda ma kellhiex tintuża, iżda minflok, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kellhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali minn żewġ Stati Membri rigward il-volumi tal-importazzjoni tal-STS. F’dak ir-rigward, il-Grupp Caterpillar talab li sommarju mhux kunfidenzjali tad-data pprovduta mill-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jiġi ddivulgat lill-partijiet interessati.

(70)

B’kuntrast ma’ dak li ġie ddikjarat mill-Grupp Caterpillar, id-dettalji tal-offerti u/jew tal-fatturi mill-produtturi esportaturi Ċiniżi tqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-fajl mhux kunfidenzjali u, għalhekk, id-dikjarazzjoni li informazzjoni bħal din ma ġietx iddivulgata ġiet miċħuda. Fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni infurmat lill-Grupp Caterpillar li t-tweġibiet tal-awtoritajiet doganali kienu min-natura tagħhom kunfidenzjali u ma setgħux jitqassru. It-tweġibiet ma kinux jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina l-volum jew il-prezzijiet tal-importazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kellhom ikunu bbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali nazzjonali ġiet miċħuda.

(71)

Ma wasal l-ebda kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, u għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet stabbiliti fil-premessa 120 tar-Regolament provviżorju.

3.4.   Tqabbil

(72)

Ma wasal l-ebda kumment dwar it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet stabbiliti fil-premessi 121 sa 124 tar-Regolament provviżorju.

3.5.   Marġni tad-dumping

(73)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi 125 sa 127 tar-Regolament provviżorju.

(74)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-kost, tal-assigurazzjoni u tan-nol (CIF, Cost, Insurance and Freight) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

L-importazzjonijiet kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat

62,5

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(75)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi 128 sa 129 tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(76)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar ikkritika li d-determinazzjoni tal-konsum tal-Unjoni kienet tiddependi kompletament fuq il-metodoloġija u fuq id-data pprovduti mill-ilmentatur. Huwa ddikjara li l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-konsum tal-Unjoni ma ġietx ivverifikata b’mod adegwat u li l-Kummissjoni ma fittxitx il-fehmiet ta’ partijiet oħra dwar is-suppożizzjonijiet magħmula mill-ilmentatur. Il-Grupp Caterpillar ikkontesta ċerti suppożizzjonijiet fir-rigward tas-sehem ta’ skavaturi f’magni biċ-ċineg u l-intervall ta’ sostituzzjoni għall-STS u pprovda suppożizzjonijiet li kienu differenti minn dawk tal-ilmentatur.

(77)

L-informazzjoni li abbażi tagħha l-Kummissjoni ddeterminat il-konsum totali tal-STS fl-Unjoni ġiet inkluża fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u magħmula disponibbli fil-fajl mhux kunfidenzjali mill-jum tal-bidu tal-investigazzjoni. Il-partijiet kollha li rreġistraw bħala partijiet interessati kellhom aċċess għal dan il-fajl u kellhom l-opportunità li jikkummentaw. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddivulgat il-metodoloġija biex tiddetermina l-konsum tal-Unjoni tal-STS fir-Regolament provviżorju u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw. Għalhekk, l-argument li l-Kummissjoni ma fittxitx il-fehmiet tal-partijiet interessati huwa miċħud.

(78)

Il-Grupp Caterpillar ma pprovda l-ebda evidenza ulterjuri dwar is-suppożizzjonijiet li għamel u ma weriex li dawn kienu aktar xierqa minn dawk użati mill-ilmentatur. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(79)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi 130 sa 133 tar-Regolament provviżorju.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(80)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar, kif diġà ssemma fil-premessa 69, talab lill-Kummissjoni tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet doganali minn żewġ Stati Membri rigward il-volumi tal-importazzjoni ta’ STS. Kif stabbilit fil-premessa 70, it-tweġibiet tal-awtoritajiet doganali kienu min-natura tagħhom kunfidenzjali u ma setgħux jitqassru. It-tweġibiet ma kinux jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina l-volumi tal-importazzjoni jew il-prezzijiet tal-importazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(81)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-volum tal-importazzjoni u tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 134 sa 137 tar-Regolament provviżorju.

4.4.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz

(82)

Kif stabbilit fil-premessa 69), wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar argumenta li l-Kummissjoni ma ddivulgatx l-informazzjoni li tinsab fl-ilment li abbażi tagħha l-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-STS. Din l-informazzjoni kienet tikkonsisti f’sett ta’ fatturi u ta’ offerti minn ħames produtturi esportaturi Ċiniżi tal-STS. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 70, din l-informazzjoni ġiet inkluża fil-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni u, għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(83)

Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar saħaq li l-prezzijiet tal-importazzjoni jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet doganali, kif imsemmi fil-premessa 69 hawn fuq, li tkun bażi aħjar mis-sett ta’ fatturi inklużi fl-ilment. Huwa argumenta wkoll li informazzjoni bħal din jenħtieġ li tiġi ddivulgata f’forma mqassra lill-partijiet interessati.

(84)

Kif stabbilit fil-premessi 70 u 80, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali inkwistjoni kienet min-natura tagħha kunfidenzjali u ma kinitx suxxettibbli għat-tqassir. Fi kwalunkwe każ, abbażi tat-tali informazzjoni, il-volum tal-importazzjoni u l-prezzijiet tal-importazzjoni tal-STS ma setgħux jiġu stabbiliti u, għalhekk, it-tali informazzjoni ma ntużatx fid-determinazzjoni tal-prezz tal-importazzjoni.

(85)

Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Caterpillar f’dan ir-rigward ġew miċħuda.

(86)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 138 sa 143 tar-Regolament provviżorju.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(87)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 144 sa 177 tar-Regolament provviżorju.

5.   KAWŻALITÀ

(88)

F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk fatturi magħrufin oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma: l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(89)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 179 sa 181 tar-Regolament provviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

(90)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Italtractor sostna li t-tnaqqis fil-bejgħ, fil-volum tal-produzzjoni u fl-impjiegi kien ikkawżat minn kontrazzjoni globali tal-industriji tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura, u parzjalment biss mill-importazzjonijiet miċ-Ċina (u r-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”)).

(91)

Din il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza b’appoġġ tad-dikjarazzjoni tagħha. B’kuntrast mad-dikjarazzjoni tal-kumpanija, il-konsum tal-Unjoni ta’ STS żdied bi 3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni li ma kienx jindika tnaqqis fid-domanda fis-suq tal-Unjoni. Matul dan iż-żmien, l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom bi 23 %, jiġifieri minn 49 % fl-2021 għal 59 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni (jiġifieri, b’10 punti perċentwali). Din iż-żieda seħħet għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni li tilfet sehem mis-suq ta’ 42 %, jiġifieri naqset minn 31 % fl-2021 għal 18 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (jiġifieri bi 13-il punt perċentwali). Għalhekk, id-dikjarazzjoni li d-dannu kien ikkawżat minn tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-Unjoni ġiet miċħuda.

(92)

Kif stabbilit fit-Tabella 12 tar-Regolament provviżorju, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet mill-Korea kienu f’livelli baxxi ħafna meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-ishma mis-suq kienu relattivament stabbli (bejn 3 % u 5 %). Il-prezz medju tal-importazzjoni mill-Korea wera xejra ta’ żieda (+ 20 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni) u matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-importazzjonijiet tal-STS mill-Korea ma kkawżaw l-ebda dannu lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li d-dannu kien parzjalment ikkawżat mill-importazzjonijiet tal-STS mill-Korea ġiet miċħuda.

(93)

Astrak sostna li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat minn tnaqqis fis-suq tal-OEMs fl-Unjoni aktar milli mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina. Din id-dikjarazzjoni ma kinitx appoġġata mill-fatti tal-investigazzjoni. Kif muri fit-Tabella 3 u 6 tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet Ċiniżi kisbu sehem mis-suq sinifikanti (+ 10 punti perċentwali) għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni, li tilfet sehem mis-suq sinifikanti (– 13-il punt perċentwali) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni (it-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju) żdied matul l-istess perjodu (+ 3 %). Huwa mfakkar li l-prezzijiet tal-importazzjoni naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (it-tabella 4 tar-Regolament provviżorju), u b’hekk waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni bi 28,8 % (il-premessa 143 tar-Regolament provviżorju). Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(94)

Astrak iddikjara wkoll li t-telf ta’ impjiegi huwa dovut għall-investiment f’makkinarju li ħa post il-forza tax-xogħol aktar milli minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi. Din id-dikjarazzjoni ma kienet sostnuta minn ebda evidenza. Kif stabbilit fil-premessa 172 tar-Regolament provviżorju, l-investimenti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienu b’mod ġenerali f’livell baxx u prinċipalment saru biex jinkisbu titjib fl-effiċjenza u biex jinżammu l-faċilitajiet eżistenti. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(95)

Barra minn hekk, Astrak iddikjara li l-prezzijiet Ċiniżi kienu allinjati mal-iżvilupp tal-prezzijiet dinjija tal-azzar u mal-kost tal-enerġija fiċ-Ċina. Il-livelli tal-istokks kienu konsegwenza tat-tnaqqis fid-domanda fis-suq tal-OEMs. Bħal hawn fuq, dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux sostnuti minn evidenza. Fir-rigward tal-kost, il-Kummissjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha f’konformità maż-żieda fil-kost tagħha minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Għalhekk, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(96)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni oħra rigward il-kawżalità, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn 182 sa 191 tar-Regolament provviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

(97)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 192 sa 202 tar-Regolament provviżorju.

(98)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, jenħtieġ li d-dazji anti-dumping definittivi jiġu stabbiliti kif ġej f’konformitá mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Iċ-Ċina

L-importazzjonijiet kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat

62,5

63,8

62,5

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(99)

Wara d-divulgazzjoni minn qabel, id-divulgazzjoni provviżorja u l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, diversi partijiet interessati daħlu f’kuntatt biex jissottomettu kummenti dwar l-interess tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset dawn id-dikjarazzjonijiet u vvalutathom fid-dettall hawn taħt.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(100)

Wara d-divulgazzjoni minn qabel u d-divulgazzjoni provviżorja, Italtractor sostna li l-impożizzjoni ta’ miżuri tkun ta’ vantaġġ għall-importazzjonijiet Koreani aktar milli għall-industrija tal-Unjoni. Italtractor iddikjara li peress li l-ebda dazju anti-dumping ma huwa se jkun applikabbli għall-importazzjonijiet mill-Korea, dawn l-importazzjonijiet ikunu jistgħu jimmiraw lejn klijenti fl-Unjoni b’detriment għall-bejgħ tal-STS ta’ Italtractor stess fis-suq tal-Unjoni. Italtractor ipprovda xi informazzjoni dwar il-produzzjoni tiegħu, kif ukoll ix-xiri mingħand l-ilmentatur u l-importazzjonijiet tagħha miċ-Ċina. Hija pprovdiet ukoll informazzjoni dwar il-bejgħ mill-ġdid tagħha tal-STS.

(101)

L-ewwel huwa mfakkar li Italtractor ma kkooperax bħala produttur tal-Unjoni, u lanqas bħala importatur tal-STS billi mela l-kwestjonarju destinat għal dawk il-partijiet. L-informazzjoni pprovduta wara d-divulgazzjoni provviżorja kienet limitata ħafna u ma setgħetx tiġi verifikata aktar. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta ma ssostanzjatx id-dikjarazzjonijiet li saru. Fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-STS Koreani, kif spjegat fil-premessa 92, dawn baqgħu f’livelli baxxi u bi prezzijiet ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, l-importazzjonijiet Koreani ma kkawżaw l-ebda dannu lill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(102)

Kif stabbilit fil-premessa 205 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset li d-dazju jkollu bħala konsegwenza żieda fil-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u għalhekk jeħles lill-industrija tal-Unjoni mis-soppressjoni tal-prezzijiet ikkawżata minnhom. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-industrija tal-Unjoni ma tibbenefikax mill-impożizzjoni tal-miżuri ġiet miċħuda.

(103)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 205 sa 208 tar-Regolament provviżorju.

7.2.   Interess ta’ importaturi u ta’ kummerċjanti mhux relatati

(104)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, importatur wieħed, Verhoeven, sostna li l-impożizzjoni tad-dazji tirriżulta f’inflazzjoni tal-prezzijiet, jiġifieri żieda fil-prezz tax-xiri tal-STS għall-importaturi b’konsegwenzi diretti fuq il-marġnijiet u fuq il-prezz finali tagħhom għall-klijenti tagħhom fl-UE. Din id-dikjarazzjoni ma ġiet appoġġata minn ebda evidenza. Verhoeven ma kkooperax fl-investigazzjoni billi wieġeb għal kwestjonarju u ppreżenta ruħu biss fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni. Hija ma pprovdiet l-ebda ċifra sottostanti għad-dikjarazzjonijiet tagħha li, għalhekk, ġew miċħuda.

(105)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess ta’ importaturi u ta’ negozjanti mhux relatati, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 209 sa 212 tar-Regolament provviżorju.

7.3.   Interess tal-utenti

(106)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Caterpillar iddikjara li l-interess tal-produtturi ta’ gruppi taċ-ċineg u ta’ gruppi taċ-ċineg sħaħ ma tqiesx fir-Regolament provviżorju. Huwa afferma li s-sejbiet ma qisux l-effetti negattivi tal-impożizzjoni tad-dazji fuq dawn l-utenti u fuq l-industrija li timmanifattura tagħmir li jċaqlaq it-terrapien jew ħamrija. Huwa ddikjara li d-dazji jwasslu għal żieda fil-prezzijiet għal gruppi taċ-ċineg u għal gruppi taċ-ċineg sħaħ li jkollhom impatt negattiv fuq id-domanda ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni, kif ukoll fuq is-swieq (tal-esportazzjoni) ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, l-impożizzjoni tad-dazji ma tkunx fl-interess usa’ tal-Unjoni.

(107)

Il-grupp Caterpillar ma pprovdiex evidenza li ssostni din id-dikjarazzjoni. L-ebda wieħed mill-produtturi ta’ gruppi taċ-ċineg jew ta’ gruppi taċ-ċineg sħaħ ma kkoopera fl-investigazzjoni billi pprovda tweġiba għall-kwestjonarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-impatt potenzjali tad-dazju, jekk kien hemm, fuq il-volumi tal-bejgħ mill-ġdid jew fuq il-prezzijiet ta’ gruppi taċ-ċineg u ta’ gruppi taċ-ċineg sħaħ fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi, kif ukoll kwalunkwe impatt fuq il-profittabilità tal-kumpaniji. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(108)

Astrak iddikjara li l-miżuri se jwasslu għal żidiet qawwija fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni li se jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-utenti. Din id-dikjarazzjoni ma kienet appoġġata minn ebda evidenza u, għalhekk, ġiet miċħuda.

(109)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-utenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 213 sa 216 tar-Regolament provviżorju.

7.4.   Provvista fis-suq tal-Unjoni

(110)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, wieħed mill-importaturi, Verhoeven, sostna li l-ilmentatur ma jkunx lest u/jew ma jkunx jista’ jforni t-tipi kollha ta’ prodotti, b’mod partikolari dawk li jeħtieġ li jiġu mmanifatturati skont rekwiżiti speċifiċi. Huwa ddikjara wkoll li l-ilmentatur irrifjuta li jfornilu l-STS fil-passat. Din il-parti argumentat ukoll li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-ilmentatur ma tistax tissodisfa d-domanda kollha fl-Unjoni u li jekk jiġu imposti dazji anti-dumping, il-provvista tal-STS fl-Unjoni tkun limitata, u jkun hemm żminijiet ta’ konsenja estiżi għad-detriment tal-klijenti fl-Unjoni. Din il-parti allegat li minħabba l-kapaċità ta’ produzzjoni limitata tal-ilmentatur, hija tipprijoritizza l-konsenja ta’ “volumi standard” għad-detriment tal-klijenti fl-Unjoni li huma dipendenti fuq prodotti speċjalizzati u personalizzati. B’mod simili, Astrak iddikjara li l-ilmentatur irrifjuta li jfornilu fil-passat, jew kellu żminijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni twal u prezzijiet għoljin, u li se jkun hemm nuqqasijiet ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni.

(111)

L-ebda waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma kienet appoġġata minn evidenza suffiċjenti u, għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn id-dikjarazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, l-għan tad-dazji anti-dumping ma huwiex li jagħlqu s-suq tal-Unjoni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, iżda li jirrestawraw kundizzjonijiet ekwi. F’dan il-każ speċifiku, numru ta’ pajjiżi terzi oħra esportaw l-STS lejn l-Unjoni, u dawn l-esportazzjonijiet xorta se jkunu jistgħu jidħlu fl-Unjoni mingħajr ma jkunu soġġetti għal dazji anti-dumping. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet kollha f’dan ir-rigward ġew miċħuda.

(112)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-provvista fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 217 sa 219 tar-Regolament provviżorju.

7.5.   Dikjarazzjonijiet oħrajn

(113)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, Italtractor iddikjara li l-ilmentatur huwa l-uniku produttur tal-Unjoni ta’ sezzjonijiet ta’ profili tal-azzar fl-Unjoni użati fil-produzzjoni tal-STS u li l-impożizzjoni ta’ miżuri se toħloq monopolju fis-suq tal-Unjoni. Dan jagħti lill-ilmentatur il-possibbiltà li jżid il-prezzijiet tal-bejgħ tiegħu għad-detriment tal-klijenti tiegħu fl-Unjoni. B’mod simili, Verhoeven u Astrak iddikjaraw li l-ilmentatur kellu monopolju (de facto) fl-Unjoni u li l-miżuri x’aktarx joħolqu sitwazzjoni inġusta tas-suq, peress li jeliminaw il-kompetizzjoni minn swieq oħra ta’ pajjiżi terzi. Astrak iddikjara li l-ilmentatur uża ħażin il-pożizzjoni tiegħu fis-suq tal-Unjoni, u ħoloq ambjent ekonomiku mhux sikur għall-klijent finali; u, billi rrefera għall-ġurisprudenza preċedenti, Astrak iddikjara li l-Kummissjoni kellha d-dmir li tivvaluta dan l-aspett skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

(114)

L-ebda waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma kienet appoġġata minn xi evidenza. L-investigazzjoni wriet li hemm żewġ produtturi oħra tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u li kien hemm importazzjonijiet fl-Unjoni minn numru ta’ pajjiżi terzi oħra, bħat-Turkija, il-Korea u l-Indja, li flimkien kienu jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 23 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-impożizzjoni ta’ miżuri tirriżulta f’xenarju li fih l-ilmentatur ikollu monopolju fl-Unjoni li jwassal għal sitwazzjoni inġusta tas-suq ġiet miċħuda.

(115)

Wara d-divulgazzjoni finali, Astrak u Italtractor tennew id-dikjarazzjoni tagħhom ta’ ħolqien potenzjali ta’ monopolju minħabba l-miżuri u l-ħolqien potenzjali ta’ sitwazzjoni inġusta tas-suq.

(116)

Astrak ma pprovda l-ebda evidenza sostantiva addizzjonali b’appoġġ tad-dikjarazzjoni tiegħu u, għalhekk, id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(117)

Italtractor ikkontesta li d-dikjarazzjoni tiegħu ma kinitx appoġġata minn evidenza suffiċjenti li tenfasizza l-evidenza kwantitattiva li pprovda fir-rigward tal-STS miksuba mingħand l-ilmentatur u argumenta li partijiet interessati oħra għamlu dikjarazzjonijiet simili.

(118)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Italtractor ipprovdiet informazzjoni dwar il-produzzjoni, l-importazzjonijiet u l-bejgħ tagħha tal-STS, kif ukoll xiri ta’ taqsimiet tal-profil tal-azzar. Italtractor asserixxa li l-ilmentatur huwa integrat vertikalment, jiġifieri jipproduċi sezzjonijiet ta’ profili tal-azzar li huma input essenzjali għall-STS. Italtractor innota li l-ilmentatur juża s-sezzjonijiet tal-profil tal-azzar fil-proċess tal-produzzjoni tiegħu stess iżda jbigħhom ukoll lil partijiet terzi bħal Italtractor, filwaqt li fl-istess ħin ikun qed jikkompeti meta jbigħ l-STS fis-suq tal-Unjoni. Biex jappoġġa d-dikjarazzjoni tiegħu, wara d-divulgazzjoni finali, Italtractor ipprovda informazzjoni dwar il-prezzijiet tax-xiri tas-sezzjonijiet ta’ profili tal-azzar u d-data dwar il-kostijiet tal-STS.

(119)

L-informazzjoni pprovduta minn Italtractor wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali ma appoġġatx id-dikjarazzjonijiet tiegħu u ma setgħetx tnaqqas il-valur tas-sejbiet tal-Kummissjoni deskritti fil-premessa 114. Is-sempliċi fatt li l-materjal tal-input minn fornituri differenti għandu prezzijiet differenti, u li dawk il-prezzijiet jistgħu jogħlew (jew jorħsu) skont il-fornitur ma jappoġġax, bħala tali, id-dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni monopolistika potenzjali tal-ilmentatur. Fir-rigward tal-allegata pożizzjoni monopolistika ta’ Duferco fir-rigward tal-STS, ma setgħet issir l-ebda konklużjoni speċifika abbażi tal-informazzjoni pprovduta dwar ix-xiri u l-importazzjonijiet tal-STS. Barra minn hekk, Italtractor qatt ma kkoopera bis-sħiħ mal-investigazzjoni sa punt li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika d-data pprovduta. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward ġew miċħuda.

(120)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Verhoeven iddikjara wkoll li l-miżuri jmorru kontra l-interess usa’ tal-Unjoni peress li jmorru kontra l-prinċipji ta’ suq miftuħ, ġust u kompetittiv. Madankollu, il-miżuri anti-dumping għandhom l-għan li jindirizzaw prattiki kummerċjali inġusti u li jirrestawraw il-kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni. Għalhekk, dawn ma jikkontradixxux suq miftuħ, ġust u kompetittiv. L-investigazzjoni kurrenti stabbiliet dumping sinifikanti mill-importazzjonijiet Ċiniżi li kkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Ma kien hemm l-ebda raġuni ta’ interess tal-Unjoni biex ma jiġux imposti l-miżuri. Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ miżuri hija ġustifikata skont ir-Regolament bażiku. L-investigazzjoni żvelat ukoll li s-suq tal-Unjoni huwa suq miftuħ b’importazzjonijiet li jidħlu fl-Unjoni minn diversi swieq oħra ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(121)

Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-istess parti argumentat li l-ilmentatur kien se juża ħażin l-istrument anti-dumping sabiex jelimina l-kompetizzjoni u jipproteġi s-suq tal-Unjoni mill-kompetizzjoni. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 120, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda. Barra minn hekk, l-ilmentatur issottometta lment dokumentat sew lill-Kummissjoni, li fih biżżejjed evidenza prima facie skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku u li abbażi tiegħu l-Kummissjoni ddeċidiet li kien ġustifikat li tinbeda l-investigazzjoni kurrenti.

(122)

Fl-aħħar nett, Verhoeven iddikjara li l-ilmentatur stess kien qed jesporta prodotti tal-azzar lejn swieq ta’ pajjiżi terzi, u b’hekk japplika standards doppji. Madankollu, il-fatt li produttur tal-Unjoni qed jesporta lejn pajjiżi terzi oħra huwa irrilevanti u mhux f’kontradizzjoni mat-tiftix ta’ protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti fl-Unjoni. L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra bl-ebda mod ma għandha impatt fuq id-dritt tal-ilmentatur li jressaq ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping fl-Unjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(123)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Liebherr iddikjara li jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħtih eżenzjoni tal-użu finali għall-importazzjonijiet tal-STS ikkastjati miċ-Ċina. Peress li l-Kummissjoni kkonkludiet, kif stabbilit fil-premessi 27 sa 40, li dawn il-prodotti jenħtieġ li ma jiġux inklużi fl-ambitu tal-prodott, din id-dikjarazzjoni kienet superfluwa.

7.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(124)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn 220 sa (222) tar-Regolament provviżorju.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(125)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(126)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Iċ-Ċina

L-importazzjonijiet kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat

62,5

(127)

Ir-rata anti-dumping speċifikata f’dan ir-Regolament ġiet stabbilita abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, din tirrifletti s-sitwazzjoni misjuba waqt din l-investigazzjoni. Din ir-rata tad-dazju hija esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat.

(128)

Kif spjegat fil-premessa 227 tar-Regolament provviżorju, peress li l-STS mibjugħa bħala parti minn prodotti assemblati bħal gruppi taċ-ċineg jew gruppi taċ-ċineg sħaħ jaqgħu fl-ambitu tal-prodott, id-dazji imposti fuq tali prodotti assemblati meta jiġu importati fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat jenħtieġ li jirriflettu biss il-valur tal-STS. Il-Kummissjoni stabbiliet b’mod provviżorju perċentwal medju tal-valur li jikkorrispondi għall-STS inkorporati fil-prodotti assemblati, li jammonta għal 55 % tal-valur ta’ grupp taċ-ċineg u għal 50 % ta’ grupp taċ-ċineg sħaħ.

(129)

Diversi partijiet iddikjaraw li dawn il-perċentwali kienu ddikjarati b’mod eċċessiv u talbu li dawn jiġu rrieżaminati. Waħda mill-partijiet, il-Grupp Caterpillar, iddikjarat li jenħtieġ li l-ebda dazju ma jiġi impost fuq l-STS inkorporati fil-prodott assemblat. B’mod speċifiku, il-Grupp Caterpillar argumenta li l-Kummissjoni ma tistax timponi dazji anti-dumping fuq gruppi taċ-ċineg u fuq gruppi taċ-ċineg sħaħ iżda biss fuq STS offruti bħala prodotti waħedhom, peress li l-Kummissjoni ma investigatx l-impatt tal-importazzjonijiet fuq il-produtturi tal-Unjoni ta’ gruppi taċ-ċineg u ta’ gruppi taċ-ċineg sħaħ u ma qisitx li l-produtturi Ċiniżi ta’ gruppi taċ-ċineg u ta’ gruppi taċ-ċineg sħaħ bħala produtturi esportaturi għall-fini tal-investigazzjoni. Il-Grupp Caterpillar irrefera għar-Rapport tal-Bord tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization) EC – Salmon (Norway) (11) u għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill (12) biex isostni l-argumenti tiegħu.

(130)

L-ilmentatur ma qabilx mal-fehma tal-Grupp Caterpillar li d-dazji anti-dumping ma jistgħux jiġu imposti fuq gruppi taċ-ċineg u fuq gruppi taċ-ċineg sħaħ, filwaqt li enfasizza li l-STS assemblati f’katina taċ-ċineg, inklużi gruppi taċ-ċineg u gruppi taċ-ċineg sħaħ ġew inklużi fl-ambitu tal-prodott. L-ilmentatur lanqas ma qabel mal-interpretazzjoni tal-Grupp Caterpillar tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill, peress li din is-sentenza ttrattat l-estensjoni tal-ambitu tal-prodott wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. L-ilmentatur innota wkoll li d-dazji ma humiex imposti fuq il-prodott assemblat kollu kemm hu, iżda pjuttost fuq il-komponent tal-STS fl-assemblaġġi.

(131)

Bi tweġiba għad-dikjarazzjonijiet li saru fir-rigward tal-valur tal-STS fi prodotti assemblati, l-ilmentatur innota li dawn ma kienu appoġġati minn kwalunkwe evidenza u li, għalhekk, jenħtieġ li jiġu miċħuda. L-ilmentatur irrifjuta wkoll li l-livell tad-dazji provviżorji kien “sproporzjonat” peress li kienu r-riżultat ta’ kalkoli oġġettivi bbażati fuq l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, l-ilmentatur issuġġerixxa li bħala alternattiva għall-perċentwali stabbiliti provviżorjament, l-importaturi jenħtieġ li jiddikjaraw il-valur tal-STS meta jimportaw il-prodotti assemblati u jissottomettu lill-awtoritajiet doganali fattura li tispeċifika l-valur tal-STS, akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tikkonferma l-akkuratezza ta’ dan il-valur. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-limiti kif speċifikat fir-Regolament provviżorju.

(132)

Il-Kummissjoni qieset li l-prodotti assemblati bħala tali tabilħaqq ma humiex parti mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni u li d-dazji anti-dumping ma jiġux applikati għal dawk il-prodotti assemblati, iżda pjuttost biss fuq l-STS inkorporati fil-prodott assemblat u importati fl-Unjoni. Dan huwa konformi mal-prattika tal-Kummissjoni f’każijiet preċedenti li fihom il-prodott ikkonċernat kien jiġi importat fl-Unjoni bħala prodott assemblat (13).

(133)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li r-referenzi għar-Rapport tal-Bord tad-WTO dwar EC – Salmon (Norway) u għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill ma humiex rilevanti għal dan il-każ. Ir-Rapport tal-Bord EC – Salmon (Norway) kien jikkonċerna l-ambitu tal-industrija domestika (14). Is-sentenza Kirovo kienet tikkonċerna l-kwistjoni tal-estensjoni tal-ambitu tal-prodott biex tiġi indirizzata ċ-ċirkomvenzjoni. Għalhekk, iż-żewġ każijiet jindirizzaw kwistjonijiet legali differenti u ma kinux rilevanti għall-kwistjoni ta’ kif għandu jiġi applikat id-dazju anti-dumping fl-investigazzjoni kurrenti. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(134)

Fir-rigward tas-sehem tal-valur tal-STS fil-prodotti assemblati, il-Kummissjoni rrieżaminat l-informazzjoni disponibbli wara d-divulgazzjoni provviżorja, u qieset li huwa aktar xieraq, sabiex jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping jiġu applikati biss fuq STS, li l-valur tal-STS irid jiddaħħal fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-importazzjonijiet ta’ prodotti assemblati.

(135)

Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri, il-Kummissjoni kkunsidrat li tistabbilixxi limitu li taħtu l-proporzjon tal-STS fil-valur totali ta’ prodott assemblat jenħtieġ li ma jitqiesx għall-applikazzjoni tad-dazju. Il-limitu huwa stabbilit għall-aktar perċentwal baxx irrapportat mill-partijiet interessati fil-kuntest tal-investigazzjoni preżenti, jiġifieri 31 % tal-valur totali ta’ katina taċ-ċineg assemblati.

(136)

Jenħtieġ li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-importazzjonijiet ta’ gruppi taċ-ċineg u ta’ gruppi taċ-ċineg sħaħ, peress li l-STS mibjugħa bħala komponent akbar minn gruppi sħaħ taċ-ċineg, bħal undercarriages jew magni biċ-ċineg kompluti, jaqgħu barra mill-ambitu tal-prodott minħabba li l-STS jirrappreżenta biss frazzjoni relattivament żgħira tal-valur ġenerali ta’ dawn il-komponenti akbar.

(137)

Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-ilmentatur biex japplika d-dazju anti-dumping ibbażat fuq il-limiti kif speċifikat fir-Regolament provviżorju f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-importaturi. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li f’dan il-każ id-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni jipprovdu bażi aktar akkurata għad-determinazzjoni tad-dazju li għandu jitħallas, filwaqt li l-limitu minimu bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati jindirizza wkoll it-tħassib ta’ nuqqas ta’ konformità possibbli tal-importaturi.

(138)

Wara d-divulgazzjoni finali, żewġ kumpaniji tal-Grupp Caterpillar tennew il-kummenti tagħhom dwar l-applikazzjoni tad-dazju għal gruppi biċ-ċineg u għal gruppi biċ-ċineg sħaħ. Il-produttur esportatur iddikjara li l-prattika tal-każ preċedenti tal-Kummissjoni relatata ma’ “prodotti assemblati” ma tappoġġax l-approċċ f’dan il-każ. Il-Grupp Caterpillar irrefera għall-każ tat-Torrijiet tar-Riħ tal-Azzar (15), li fih il-Kummissjoni vvalutat id-dumping u d-dannu għall-“prodott assemblat” wara li eżaminat il-kostijiet tal-produzzjoni tal-komponenti kollha fid-dettall u li fih ġew applikati dazji għall-prodott kemm jekk assemblat kif ukoll jekk le. Il-Grupp Caterpillar ikkritika ripetutament l-approċċ li jiġi impost dazju fuq il-“prodotti assemblati” mingħajr ma jitqiesu l-kostijiet tal-produzzjoni tal-komponenti l-oħra kollha flimkien mal-komponent uniku soġġett għad-dazju u mingħajr ma jiġi vvalutat id-dannu għall-produtturi tal-Unjoni ta’ dawn il-prodotti assemblati. Il-produttur esportatur ikkunsidra dan l-approċċ bħala inkonsistenti mar-Regolament Anti-dumping bażiku.

(139)

Fir-rigward tas-sentenza Kirovo, il-Grupp Caterpillar qabel li din kienet jikkonċerna l-estensjoni ta’ dazju anti-dumping eżistenti f’rieżami iżda ripetutament sostna li l-prinċipju għadu japplika għall-investigazzjoni. Il-Grupp Caterpillar argumenta li għas-sentenza Kirovo, il-prinċipju li fuqu l-Qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha huwa kompletament pertinenti u japplika bl-istess mod għal din il-kawża u għal f’rieżamijiet ta’ estensjoni. Il-Grupp Caterpillar qies ukoll li l-każ inkwistjoni għamel l-istess żball kif deskritt fir-Rapport tal-Bord tad-WTO EC – Salmon (Norway), peress li ma eżaminax id-dannu jew in-nuqqas tiegħu tal-parti tal-industrija tal-Unjoni li tipproduċi gruppi taċ-ċineg u gruppi taċ-ċineg sħaħ.

(140)

Il-Grupp Caterpillar tenna t-talba tiegħu li jiġu esklużi gruppi taċ-ċineg u gruppi taċ-ċineg sħaħ mid-dazju. F’każ li l-Kummissjoni xorta tipproċedi bl-applikazzjoni tad-dazju għal gruppi taċ-ċineg u għal gruppi taċ-ċineg sħaħ, l-esportatur talab irfinar fir-rigward tal-applikazzjoni. L-ewwel nett, l-esportatur ikkunsidra li l-minimu ta’ 31 % ma huwiex ġustifikat, meta wieħed iqis li hemm ħafna prodotti relatati ma’ gruppi taċ-ċineg, inkluż proporzjon aktar baxx ta’ STS. L-esportatur sostna li l-operaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn perċentwal aktar baxx minn 31 % jekk dan jirrappreżenta l-valur attwali tal-STS. Il-Grupp Caterpillar argumenta wkoll li l-esklużjoni ta’ dan il-benefiċċju tkun inkonsistenti mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti (16). It-tieni, sal-punt li għandu jiġi stabbilit perċentwal fiss bħal 31 %, il-Grupp Caterpillar argumenta li jenħtieġ li jintuża bħala livell prestabbilit, jiġifieri perċentwal li japplika jekk il-valur reali ma jiġix iddikjarat, aktar milli bħala livell minimu. Il-produttur esportatur qajjem tħassib dwar l-applikazzjoni prattika li tiġi solvuta bl-użu ta’ perċentwal fiss xieraq.

(141)

Il-Kummissjoni enfasizzat li d-dazji anti-dumping kurrenti ma humiex applikabbli għal prodotti assemblati, iżda biss fuq l-STS inkorporati fi prodotti assemblati. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tal-Grupp Caterpillar li fl-investigazzjoni tat-Torrijiet tar-Riħ tal-Azzar il-Kummissjoni vvalutat id-dumping u d-dannu għall-prodott assemblat wara li eżaminat il-kostijiet tal-produzzjoni tal-komponenti kollha fid-dettall filwaqt li, f’dan il-każ, b’kuntrast, huwa propost li jiġi impost dazju fuq il-prodotti assemblati mingħajr ma jitqiesu l-kostijiet tal-produzzjoni tal-komponenti l-oħra kollha minbarra dawk tal-komponent uniku soġġett għad-dazju (hawnhekk, l-STS). L-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni tat-Torrijiet tar-Riħ tal-Azzar kien limitat għat-torrijiet eoliċi tal-azzar, kemm jekk assemblati kif ukoll jekk le, iżda, aktar importanti minn hekk, anke meta jiġu importati bħala parti minn turbina eolika. Fi kliem ieħor, it-turbina eolika hija prodott assemblat ulterjorment li jinkorpora torri tar-riħ tal-azzar. Mal-importazzjoni fl-Unjoni ta’ turbina eolika assemblata, id-dazju anti-dumping li jikkonċerna t-torrijiet tar-riħ tal-azzar se japplika għat-turbina eolika biss fir-rigward tal-valur tat-torri tar-riħ tal-azzar inkorporat fit-turbina eolika, abbażi tal-valur iddikjarat fil-fattura kummerċjali li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru (17). Barra minn hekk, ma huwiex korrett li jiġi ddikjarat li, fl-investigazzjoni tat-Torrijiet tar-Riħ tal-Azzar, il-Kummissjoni vvalutat id-dumping u d-dannu għal prodott assemblat li jinkorpora t-torri tar-riħ tal-azzar (jiġifieri t-turbina eolika) u li hija eżaminat il-kostijiet tal-produzzjoni tal-komponenti kollha ta’ turbina eolika bħal din. Mir-Regolament li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar mir-RPĊ jidher ċar li l-valutazzjoni kienet limitata għat-torrijiet tar-riħ tal-azzar infushom u mhux għat-turbini eoliċi b’mod ġenerali (18).

(142)

Bl-istess mod, f’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni investigat l-STS, li jistgħu jiġu assemblati aktar f’komponenti akbar bħal gruppi taċ-ċineg u gruppi taċ-ċineg sħaħ. Bħala tali, wara s-sejbiet tal-investigazzjoni tagħha, hija tipproponi li timponi dazji anti-dumping fuq l-STS. Meta t-tali STS ikunu inkorporati fi prodott assemblat ulterjorment bħal gruppi taċ-ċineg u gruppi taċ-ċineg sħaħ, id-dazju anti-dumping li jikkonċerna l-STS japplika għall-valur tat-tali STS inkorporati (u mhux għall-grupp taċ-ċineg (sħaħ)). Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li dan ta’ hawn fuq jenħtieġ li jindirizza wkoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Grupp Caterpillar dwar id-differenza bejn gruppi taċ-ċineg (sħaħ) u STS offruti bħala prodotti waħedhom. B’mod partikolari, differenzi bħal dawn ma humiex rilevanti f’dan il-każ meta jitqies li d-dazju anti-dumping ma huwiex applikat għall-gruppi taċ-ċineg u għall-gruppi taċ-ċineg sħaħ fl-intier tagħhom, iżda biss sa fejn il-limitu tal-valur tal-STS inkorporat fi prodotti bħal dawn, kif spjegat hawn fuq. Fid-dawl ta’ dak ta’ hawn fuq, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(143)

Fir-rigward tas-sentenza Kirovo u tar-Rapport tal-Bord tad-WTO EC – Salmon, il-Kummissjoni nnotat li l-Grupp Caterpillar ma spjegax għaliex is-sejbiet rilevanti jkunu applikabbli f’kuntest legali u fattwali kompletament differenti. . Il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha tar-Regolament provviżorju li ż-żewġ referenzi huma irrilevanti għall-investigazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(144)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-livell limitu fuq l-aktar perċentwal baxx li ġie rrapportat mill-partijiet interessati, inkluż il-Grupp Caterpillar bħala kalkolu medju. Barra minn hekk, il-Grupp Caterpillar qatt ma kkoopera bis-sħiħ sa punt li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika d-data li qed jibbaża fuqha fil-kummenti tiegħu. Dan il-perċentwal tqies bħala rappreżentattiv u ntuża biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżura. Meta wieħed iqis li l-kumpaniji ma pprovdew l-ebda evidenza sostantiva addizzjonali, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(145)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping provviżorji, imposti bir-Regolament provviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

8.3.   Retroattività

(146)

Kif imsemmi fit-taqsima fil-premessa 3, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni.

(147)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(148)

L-analiżi tal-Kummissjoni ma wriet l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qabblet il-volumi medji tal-importazzjoni fix-xahar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mal-volumi medji tal-importazzjoni fix-xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni (jiġifieri Settembru 2024) sal-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji (jiġifieri, Marzu 2025). It-tqabbil juri tnaqqis sinifikanti (madwar 80 %) fl-importazzjonijiet medji fix-xahar bejn iż-żewġ perjodi.

(149)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji ma kinux issodisfati.

(150)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Verhoeven talab li d-dazji ma jinġabrux b’mod retroattiv minħabba li dan ikun ifisser piż finanzjarju straordinarju u irreparabbli għall-kumpanija. Minħabba l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa ta’ hawn fuq, jiġifieri li l-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji ma ġewx issodisfati, ma kienx hemm bżonn din id-dikjarazzjoni.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(151)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jrid jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(152)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar, b’pads tal-lasktu mwaħħla magħhom jew mingħajrhom, kemm jekk assemblati f’katina taċ-ċineg kif ukoll jekk le, b’tul massimu ta’ 3 000 mm, użati fuq magni li bħalissa jaqgħu taħt l-intestatura 8426 , 8429 jew 8430 , jew ċineg trasportaturi li bħalissa jaqgħu taħt l-intestatura 8428 , li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-prodott ikkonċernat mid-dazju anti-dumping definittiv bħalissa huwa klassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 8431 39 00 , ex 8431 49 20 u ex 8431 49 80 (il-kodiċijiet TARIC 8431 39 00 22, 8431 39 00 39, 8431 49 20 10, 8431 49 20 29, 8431 49 80 10 u 8431 49 80 29).

2.   L-elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar li jaqbżu tul ta’ 380 mm, għoli ta’ 140 mm u piż ta’ 118 kg, mingħajr grousers ta’ kwalunkwe forma b’dimensjoni ta’ 1 mm jew aktar għandhom jiġu esklużi mid-dazju definittiv attwalment klassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 8431 39 00 , ex 8431 49 20 u ex 8431 49 80 (il-kodiċijiet TARIC 8431 39 00 15, 8431 39 00 27, 8431 49 20 05, 8431 49 20 20, 8431 49 80 05 u 8431 49 80 20 ).għandhom jiġu esklużi mid-dazju definittiv.

3.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 62,5 %.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fir-rigward ta’ katina tal-binarji msemmija fl-Artikolu 1(1), li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, taż-żraben tal-azzar assemblati fil-katina tal-binarji msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jiddaħħal fil-qasam rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni. Meta l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar ikun inqas minn 31 % tal-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-katina taċ-ċineg assemblata, jew meta l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-elementi tal-irfis tal-azzar assemblati fil-katina taċ-ċineg ma jkunx iddaħħal fid-dikjarazzjoni, id-dazji anti-dumping imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom japplikaw għal ammont ugwali għal 31 % tal-prezz tal-katina taċ-ċineg assemblata.

2.   Għandha tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Għandu jkun fiha informazzjoni dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jivvalutaw l-akkuratezza tal-prezz nett iddikjarat, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-elementi tal-irfis tal-azzar imsemmija fl-Artikolu 1(1).

3.   L-Istati Membri għandhom, fuq bażi ta’ kull xahar, jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, iddikjarat għall-elementi tal-irfis tal-azzar imsemmija fl-Artikolu 1(1) importati bħala parti minn katina taċ-ċineg imsemmija fl-Artikoli 1 (1).

Artikolu 3

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/780 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

L-esklużjoni tal-prodott skont l-Artikolu 1(2) għandha tapplika wkoll għad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/780.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  In-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ żraben tat-track tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/5264, 23.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5264/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2721 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jagħmel importazzjonijiet ta’ elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/2721, 25.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2721/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/780 tas-16 ta’ April 2025 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-elementi tal-irfis taċ-ċineg tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/780, 22.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/780/oj).

(5)  t24.007987, t24.007990 u t24.007986.

(6)  Il-Kawża T-394/13, Photo USA Electronic Graphic, Inc. vs Il-Kunsill, ECLI:UE:T:2014:964, il-punt 48.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/804 tal-11 ta' Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid mingħajr ġonġituri (ħlief tal-ħadid fondut) jew tal-azzar (ħlief tal-azzar inossidabbli), ta' sezzjoni trasversali tonda, ta' dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 121, 12.5.2017, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/804/oj), fil-premessa 27.

(8)  Il-Kawża T-401/06, Brosmann Footwear u Oħrajn vs Il-Kunsill, ECLI:EU:T:2010:67, il-punt 135.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 393/2009 tal-11 ta’ Mejju 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xemgħat, kandeletti u prodotti simili li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 119, 14.5.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/393/oj), fil-premessa 18.

(10)  PwC, Overview of the Turkish Electricity Market, Settembru 2023, p. 75 u 76, disponibbli fuq: https://www.pwc.com.tr/overview-of-the-turkish-electricity-market.

(11)  Ir-Rapport tal-Bord tad-WTO, EC – Salmon (Norway) (2008), il-paragrafu 7.115 u n-nota 289 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Il-Kawża T-348/05, JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill, ECLI:EU:T:2008:327, il-punti 61-63.

(13)  Ara, pereżempju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2239 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti torrijiet tar-riħ tal-azzar fuq skala utilitarja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 450, 16.12.2021, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2239/oj).

(14)  L-UE ma kinitx qieset lil dawk li jiffilettjaw is-salamun bħala parti mill-industrija domestika filwaqt li l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni kien jinkludi l-fletti tas-salamun.

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239.

(16)  Ara pereżempju, il-prodotti tat-tratturi, jiġifieri l-buldowżers u magni għat-tagħbija, u l-medja għall-iskavaturi. Ara pereżempju, il-Kawża C-127/07, Arcelor Atlantique u Lorraine u Oħrajn, ECLI:EU:C:2008:728, il-punt 23; Il-Kawża C-264/18, PM. u Oħrajn vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2019:472, il-punt 28; Il-Kawża C-220/17, Planta Tabak-Manufaktur Dr. Colli Obermann GmbH & Co. KG vs Land Berlin, ECLI:EU:C:2019:76, il-punt 36. Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa stabbilit b’mod simili fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(17)  L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239.

(18)  Ara, pereżempju, il-premessa 37 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 dwar l-ambitu tal-prodott, kif ukoll il-premessi 230 ’il quddiem li jiddeskrivu l-fatturi ta’ produzzjoni tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar (u mhux tat-turbini eoliċi). Ara wkoll il-premessa 434 li fiha l-produtturi tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar huma deskritti bħala produtturi tal-Unjoni li jbigħu torrijiet tar-riħ tal-azzar lill-produtturi tat-turbini eoliċi, li jimmuntaw it-torrijiet tar-riħ tal-azzar ma’ turbina eolika sħiħa u għalhekk tqiesu utenti fl-investigazzjoni.

(19)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2081/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)