|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1602 |
31.5.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1602
tal-31 ta’ Mejju 2024
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-30 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509. |
|
(2) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill iddikjara li l-Unjoni kienet ser tqis rispons xieraq ulterjuri għall-azzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ir-“RDPK”) li jdgħajfu r-reġim globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri restrittivi awtonomi addizzjonali. |
|
(3) |
Fit-22 ta’ Diċembru 2017, fir-Riżoluzzjoni 2397 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) afferma mill-ġdid li r-RDPK ma għandhiex twettaq aktar illanċjar bl-użu tat-teknoloġija tal-missili ballistiċi, testijiet nukleari, jew kwalunkwe provokazzjoni oħra; għandha immedjatament tissospendi l-attivitajiet kollha marbuta mal-programm tal-missili ballistiċi tagħha u f’dan il-kuntest tistabbilixxi mill-ġdid l-impenji eżistenti minn qabel għal moratorju fuq l-illanċjar kollu tal-missili; għandha immedjatament tabbanduna l-armi nukleari kollha u l-programmi nukleari eżistenti kollha b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli, u immedjatament twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati; u għandha tabbanduna kwalunkwe arma eżistenti oħra ta’ qerda massiva u programmi ta’ missili ballistiċi b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli. |
|
(4) |
Fid-19 ta’ Diċembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bil-qawwa l-illanċjar, fit-18 ta’ Diċembru 2023, mir-RDPK ta’ missila ballistika interkontinentali, għall-ħames darba fl-2023, wara l-illanċjar ta’ missila ballistika ta’ medda qasira fil-jum ta’ qabel, li kiser b’mod sfaċċat l-UNSCRs. Din id-dikjarazzjoni ssottolinjat li r-RDPK trid tikkonforma minnufih mal-obbligi tagħha skont il-UNSCRs billi tabbanduna l-armi nukleari kollha tagħha, armi oħra ta’ qerda massiva, programmi ta’ missili ballistiċi u programmi nukleari eżistenti, b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli, u twaqqaf l-attivitajiet kollha marbuta. Tenniet li r-RDPK ma jista’ u qatt mhu ser ikollha l-istatus ta’ stat li għandu armi nukleari skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP). Ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lir-RDPK u lir-Russja jżommu lura minn kwalunkwe skambju ta’ tagħmir militari, teknoloġija tal-missili jew munizzjon u jirrispettaw l-UNSCRs suċċessivi li jipprojbixxu b’mod ċar kwalunkwe esportazzjoni jew importazzjoni tal-armi li jinvolvu r-RDPK u kkundanna kwalunkwe appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna pprovdut mir-RDPK, filwaqt li tenna tħassib serju dwar rapporti ta’ trasferimenti tal-armi tar-RDPK lejn ir-Russja. |
|
(5) |
Mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-15 ta’ Mejju 2024, ir-RDPK nediet mill-inqas 12-il missila ballistika, u kull wieħed minn dawk l-illanċjar jerġa’ jikkostitwixxi ksur ċar tal-UNSCRs. |
|
(6) |
Id-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli fil-15 ta’ Jannar 2024 u fit-2 ta’ April 2024 ikkundannaw l-illanċjar ta’ missili ballistiċi tar-RDPK u tennew l-appelli lir-RDPK biex twaqqaf l-azzjonijiet illegali kollha li jheddu l-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali, filwaqt li ħeġġew lir-RDPK tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet rilevanti u tikkonforma mal-obbligi tagħha, skont l-UNSCRs li tabbanduna l-armi nukleari u l-missili ballistiċi tagħha b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli. |
|
(7) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-appoġġ militari li qed jibqa’ jingħata mir-RDPK, il-Belarussja u l-Iran .għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja |
|
(8) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew appella biex jitħejjew aktar sanzjonijiet kontra r-RDPK, il-Belarussja u l-Iran.. |
|
(9) |
Fid-dawl tal-attivitajiet kontinwi relatati mal-missili ballistiċi mwettqa mir-RDPK, bi ksur tal-UNSCRs rilevanti u b’nuqqas ta’ rispett sfaċċat għalihom, kif ukoll l-appoġġ militari mogħti mir-RDPK lill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li sitt individwi u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-listi ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Annessi XV u XVI tar-Regolament (UE) 2017/1509. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1509 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi XV u XVI tar-Regolament (UE) 2017/1509 huma emendati kif jidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
ANNESS
Ir-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
L-Anness XV huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
L-Anness XVI huwa emendat kif ġj:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1602/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)