|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/917 |
25.3.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/917
tat-22 ta’ Marzu 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/92 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar għal skart mistad b’mod passiv
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(7), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/92 (2) jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw dwar id-data b’rabta mal-volum u l-massa ta’ skart mistad b’mod passiv kull sena kalendarja. |
|
(3) |
F’ċerti Stati Membri, ġew stabbiliti skemi biex jiġi pprovdut finanzjament alternattiv għall-kostijiet tal-ġbir u l-ġestjoni tal-iskart tal-irkaptu tas-sajd jew ta’ skart mistad l-art b’mod passiv. Huwa biżżejjed li d-data dwar l-iskart mistad b’mod passiv tiġi rrapportata darba f’sentejn sabiex jiġi mmonitorjat jekk dawn l-iskemi humiex effettivi u sabiex jiġi mmonitorjat kif il-bastimenti tas-sajd jikkontribwixxu biex titnaqqas il-kontaminazzjoni tal-iskart tal-ambjent tal-baħar fit-tul. Dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jkun issimplifikat, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” (3). L-Istati Membri jenħtieġ li fil-futur ikunu meħtieġa jipprovdu rapport għal perjodu ta’ sentejn kalendarji minflok. |
|
(4) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/92 jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/92 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data u l-informazzjoni għal perjodu ta’ sentejn kalendarji. Ir-rapporti għandhom jiġu pprovduti elettronikament fi żmien 12-il xahar minn tmiem it-tieni sena li għaliha jkunu nġabru. L-ewwel rapport għandu jiġi sottomess sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/92 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodoloġiji tad-data ta’ monitoraġġ u l-format għar-rapportar ta’ skart mistad b’mod passiv (ĠU L 15, 24.1.2022, p. 16).
(3) COM(2023) 168.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/917/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)