|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3983 |
20.8.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2025
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta' Spanja
(C/2025/3983)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Spanja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(4) |
Fit-30 ta' April 2021, Spanja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fil-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Spanja (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fl-17 ta’ Ottubru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li Spanja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(5) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Spanja (7). Il-pjan ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 11 u mal-Artikolu 36(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta' aġġustament fiskali fuq 7 snin. |
|
(6) |
Fis-26 ta' Novembru 2024, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija għall-2025, li fih Spanja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet ser issir analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (8) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025. |
|
(7) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(8) |
Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta' pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024. |
|
(10) |
Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal Spanja. Huwa vvaluta l-progress ta' Spanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Spanja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa Spanja. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet Spanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali
|
(11) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għal Spanja: 3,7 % fl-2025, 3,5 % fl-2026, 3,2 % fl-2027, u 3,0 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għall-2023 ta' 9,2 % fl-2025, 13,0 % fl-2026, 16,6 % fl-2027, u 20,1 % fl-2028. Fit-30 ta' April 2025 Spanja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali (9) tagħha, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta, l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta' Spanja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(12) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. |
|
(13) |
Abbażi ta' data validata mill-Eurostat (10), id-defiċit tal-gvern estiż ta' Spanja naqas minn 3,5 % tal-PDG fl-2023 għal 3,2 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 105,1 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 101,8 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' 3,5 % fl-2024. Fir-rapport ta' Progress Annwali, Spanja tistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa ta' 4,1 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir tan-nefqa netta kien iktar baxx milli fir-Rapport ta' Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-estimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal estimi differenti tal-bidla (mill-2023) fil-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi tal-UE. Il-Kummissjoni tuża ċ-ċifri rrappurtati mill-IGAE lill-Eurostat, u vvalidati minnu, filwaqt li Spanja tuża l-estimi proprji tal-Ministeru għall-Finanzi. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (11), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet restrittiva, b'0,3 % tal-PDG, fl-2024. Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE (12). Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja ta' Spanja, billi fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, meta jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha kif xieraq, il-kriterju tad-defiċit huwa vvalutat bħala ssodisfat. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) TFUE, f'dan l-istadju l-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tipproponi f'Ġunju li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv. |
|
(14) |
Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji minn Spanja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta' 2,6 % fl-2025 u 2,2 % fl-2026. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jinkludi l-projezzjonijiet makroekonomiċi sal-2028. Ir-Rapport ta' Progress Annwali ma jinkludix projezzjonijiet tal-HICP (13). It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b'2,6 % fl-2025 u 2,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 2,3 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026. |
|
(15) |
Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG mistenni jiżdied għal 101,7 % fi tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 4,1 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 2,8 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija u l-impatt tar-riformi tat-taxxa li għadhom kif ġew adottati. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta' 4,2 % fl-2025. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hi pprojettata li tkun espansjonarja, b'0,3 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 100,9 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir tal-PDG nominali li jisboq il-kost tas-servizz tad-dejn. |
|
(16) |
In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1,1 % tal-PDG mistennija tkun iffinanzjata b'appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, imqabbla ma' 0,8 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż ta' Spanja. |
|
(17) |
In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fi Spanja kienet tammonta għal 1,0 % tal-PDG fl-2021, 1,1 % tal-PDG fl-2022 u 0,9 % tal-PDG fl-2023 (14). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata fil-livell ta' 1,0 % tal-PDG fl-2024 u 1,3 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0,3 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. |
|
(18) |
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fi Spanja hija pprojettata li tikber b'4,2 % fl-2025 u bi 7,9 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tan-nefqa netta ta' Spanja fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni (15) ta' 0,2 % tal-PDG f'termini annwali. Id-devjazzjoni pprojettata taqbeż il-limitu ta' 0,3 % tal-PDG għad-devjazzjoni annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija pprojettata li tkun taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(19) |
Ir-Rapport ta' Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 2,5 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2026 jirrifletti prinċipalment l-iskadenza mistennija tal-miżuri ta' emerġenza relatati mal-għargħar. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 3,9 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun b'mod ġenerali newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 100,8 % sa tmiem l-2026. |
|
(20) |
Ir-Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta' terminu medju ta' Spanja tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn jinkludu miżuri eżistenti u intensifikati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħal riformi fil-qasam tat-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, riformi biex tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika, u investimenti fl-oqsma tat-trasformazzjoni diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-produttività, kif ukoll riformi u investimenti addizzjonali bħall-użu ta' qafas komuni ta' regolamentazzjoni tan-negozju, l-introduzzjoni ta' fattura elettronika obbligatorja, u investimenti fil-kapital uman, il-kapital fiżiku. Filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta minn Spanja fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha, il-Kummissjoni ssib li l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament li kienu dovuti sat-30 ta' April 2025 ġew implimentati bl-eċċezzjoni ta' ċerti elementi tal-miżura C28.R3 tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta' Spanja u l-istadju importanti relatat dwar id-dħul fis-seħħ tar-riformi tat-taxxa derivati mir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' esperti jew analiżijiet oħra mill-Ministeru għall-Finanzi. |
Sfidi ta' politika ewlenin
|
(21) |
L-iżviluppi demografiċi huma mistennija li jwasslu għal żieda sinifikanti fin-nefqa pubblika relatata mal-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-pensjonijiet. Il-ħtiġijiet ġenerali ta' konsolidazzjoni fiskali jitolbu aktar riformi biex tiġi mmodernizzata u adattata s-sistema tat-taxxa f'oqsma bħat-taxxi fuq il-konsum, it-tassazzjoni fuq l-introjtu personali u t-tassazzjoni ambjentali f'konformità mar-riformi tat-taxxa skont l-RRP u l-MTP. Is-sors ewlieni tad-dħul mit-taxxa fi Spanja fl-2022 kien it-taxxi fuq ix-xogħol (50,5 % tad-dħul mit-taxxa fl-2022). Id-dħul mit-taxxa fuq ix-xogħol ammonta għal 19,1 % tal-PDG fl-2022 (il-medja tal-UE hija ta' 17,3 % u l-medja taż-żona tal-euro kienet ta' 17,7 %). Spanja hija wieħed mill-pajjiżi tal-UE bl-inqas dħul mit-taxxi fuq il-konsum (9,7 % tal-PDG vs. 10,9 % fl-UE fl-2022). It-taxxi ambjentali huma wkoll taħt il-medja tal-UE: 1,52 % tal-PDG meta mqabbel ma' 2,02 % tal-PDG fl-UE fl-2022. Is-sistema fiskali Spanjola ma tinternalizzax biżżejjed il-kostijiet ambjentali assoċjati mal-użu tal-ilma u d-diżil. Ir-riformi mmirati biex iżidu r-rwol tat-taxxi indiretti (il-konsum u l-ambjent) jiżguraw dħul fiskali, jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-attività ekonomika fil-futur filwaqt li jnaqqsu d-distorsjonijiet ekonomiċi kkawżati mill-piż kbir tat-taxxi fuq ix-xogħol. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-benefiċċji tat-taxxa tkun għodda biex tiġi ssimplifikata t-tassazzjoni tal-konsum u titnaqqas id-diskrepanza fil-politika tal-VAT. Is-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji naqqset il-koeffiċjent Gini fl-2022 b'7,6 pps, li kien qrib il-medja tal-UE ta' 7,9 pps. Madankollu, Spanja tikklassifika fit-18-il post fl-indiċi GINI għad-distribuzzjoni tal-introjtu qabel it-trasferimenti soċjali u tikklassifika fil-21 post fid-distribuzzjoni tal-introjtu disponibbli totali. Il-koeżjoni soċjali tkompli tittejjeb permezz ta' aġġustamenti addizzjonali għall-progressività tat-tassazzjoni fuq l-introjtu personali u t-taxxi fuq il-ġid. |
|
(22) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li mistennija jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta' Spanja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għal tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirreveduhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. Spanja diġà għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Spanja tkompli taċċellera l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. Id-daqs u l-kumplessità tal-pjan jitolbu azzjoni mmirata speċifika biex tiġi żgurata t-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti. Hija meħtieġa attenzjoni partikolari biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-kapaċità ta' assorbiment, speċjalment minħabba l-konċentrazzjoni tal-investimenti lejn tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni. Dawn l-isfidi huma aggravati aktar mill-volum imdaqqas ta' fondi mgħoddija permezz ta' strumenti finanzjarji skont il-pjan emendat għall-irkupru u r-reżiljenza. It-trawwim ta' koordinazzjoni aktar b'saħħitha fost il-livelli differenti tal-amministrazzjoni, flimkien mas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, jgħinu biex jitħaffef l-assorbiment tal-fondi u jiġi żgurat li l-appoġġ jasal għand il-benefiċjarji finali minnufih. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(23) |
L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF - Just Transition Fund) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), fi Spanja aċċellerat. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Spanja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi tagħha tal-politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, Spanja għadha qed tiffaċċa sfidi, inklużi dawk relatati mat-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kompetittività fil-kuntest tat-tranżizzjoni industrijali, it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u t-trawwim ta' STEM fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll it-titjib tal-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli fi bliet ewlenin u żoni intensivi fit-turiżmu, u ż-żieda tar-reżiljenza tal-ilma, speċjalment fir-reġjuni tal-Mediterran u fil-Gżejjer Kanarji. Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Garanzija għat-Tfal. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Spanja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (16) jestendu l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta' Marzu 2025. Huma jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+. |
|
(24) |
Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f'oqsma ta' prijorità. Spanja tista' tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(25) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, Spanja għandha tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li fadal relatati mal-ambjent tan-negozju, l-effiċjenza ġudizzjarja, l-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera, il-ġestjoni tal-ilma u r-reżiljenza tal-ilma, l-iskarsezza tal-provvista tal-akkomodazzjoni, id-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali, il-ġustizzja soċjali (b'mod partikolari fir-rigward tal-faqar fost it-tfal), in-nuqqas ta' ħiliet u l-ispariġġi fil-ħiliet u t-tluq bikri mill-iskola. |
|
(26) |
Kif stabbilit fil-Kumpass għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b'mill-inqas 25 % u b'mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test sistematiku tal-istress tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex tibbilanċja din l-ambizzjoni, Spanja jeħtieġ ukoll li tieħu azzjoni. 71 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fi Spanja (17). Hemm lok għal Spanja biex tissimplifika r-regolamentazzjoni u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozju. Il-volum tar-regolamenti fi Spanja żdied f'dawn l-aħħar snin, b'żieda mdaqqsa minħabba l-impatt tal-COVID-19. Fl-2022 biss, l-amministrazzjoni Spanjola adottat 11 775 norma ġdida. Maġġoranza sinifikanti ta' ditti fi Spanja jqisu r-regolamentazzjoni bħala ostaklu kbir għall-investiment. Spanja jeħtieġ li ttejjeb l-ambjent tan-negozju billi ttejjeb il-koordinazzjoni bejn it-territorji u l-livelli tal-gvern, billi tneħħi l-ostakli regolatorji fil-livelli kollha, u billi ttaffi l-piż amministrattiv fuq in-negozju ta' kuljum. Il-proposta tal-“20 reġim” ta' Spanja għandha l-potenzjal li ttejjeb l-ambjent tan-negozju għall-kumpaniji. |
|
(27) |
Spanja ħadet passi importanti biex ittejjeb l-effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja iżda għad hemm sfidi. Għalkemm ir-riformi ppjanati fl-RRP ta' Spanja jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-effiċjenza ġudizzjarja, għad hemm bżonn ta' żmien twil biex jiġu solvuti kawżi fil-qrati ċivili u kummerċjali. Dan jista' jirriżulta f'bosta ineffiċjenzi ekonomiċi, bħal swieq tal-proprjetà immobbli inqas funzjonali, inqas intraprenditorija u inqas disponibbiltà ta' kreditu, fost l-oħrajn. Ikun ta' benefiċċju li tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, pereżempju billi jiżdiedu r-riżorsi umani u materjali u jinkiseb livell uniformi ta' diġitalizzazzjoni bejn it-territorji. |
|
(28) |
Biex tingħata spinta lill-kompetittività tan-negozji fi Spanja, huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-ostakli li jxekklu t-tkabbir u l-operazzjonijiet tan-negozju, speċjalment għal negozji iżgħar u aktar ġodda. Lil hinn mir-riformi adottati minn Spanja fil-kuntest tal-RRP, bħal-Liġi dwar il-Ħolqien u t-Tkabbir tan-Negozji u l-Liġi dwar in-Negozji l-ġodda, hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex jitnaqqsu l-ostakli finanzjarji u amministrattivi għat-tkabbir tan-negozju. Hemm potenzjal sinifikanti biex tittejjeb il-kooperazzjoni interamministrattiva, b'mod partikolari fejn jidħlu l-proċeduri regolatorji u amministrattivi li għandhom impatt dirett fuq l-operazzjonijiet tan-negozju. B'mod partikolari, id-differenzi regolatorji bejn it-territorji jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jespandu fir-reġjuni kollha simultanjament, u jillimitaw l-ambitu għall-innovazzjoni, it-tkabbir, l-ispeċjalizzazzjoni u t-titjib fl-effiċjenza. Għalkemm Spanja għandha prestazzjoni tajba f'termini ta' eċċellenza xjentifika u għandha sistema ta' riċerka li tattira kemm talent domestiku kif ukoll barrani, il-pajjiż għadu jaħdem taħt il-medja tal-UE fl-innovazzjoni ġenerali. Spanja għad għandha prestazzjoni baxxa wkoll fir-rigward tar-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju. B'mod speċifiku, l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, speċjalment l-investiment privat fir-R&Ż, għadu ferm taħt il-medja tal-UE u mifrux b'mod mhux uniformi bejn ir-reġjuni. Skemi ta' appoġġ pubbliku reċenti biex jappoġġaw l-investiment privat fir-R&Ż għandhom użu limitat minħabba l-kumplessità tagħhom u l-piż amministrattiv eċċessiv li jpoġġu fuq il-benefiċjarji potenzjali. |
|
(29) |
Żoni kbar tal-pajjiż jbatu min nuqqas ta' ilma, u d-domanda għall-ilma b'mod partikolari mill-agrikoltura, it-turiżmu u l-enerġija taqbeż ir-riżorsi tal-ilma disponibbli f'kundizzjonijiet sostenibbli. Lil hinn mill-investimenti u r-riformi indirizzati mill-RRP u fondi oħra tal-UE fi Spanja, it-titjib tal-ġestjoni tal-ilma għadu kwistjoni ewlenija fi Spanja, b'mod partikolari f'termini ta' governanza tal-ilma, riabilitazzjoni tal-korpi tal-ilma u effiċjenza fl-użu tal-ilma. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi għal koordinazzjoni aħjar fost il-livelli differenti tal-gvern, inkluż dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi jgħinu lill-miżuri eżistenti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. |
|
(30) |
Ir-riskji klimatiċi jaffettwaw direttament l-ekonomija u s-soċjetà ta' Spanja, b'għadd kbir ta' fatalitajiet u telf ekonomiku li jirriżultaw minn avvenimenti estremi relatati mat-temp u mal-klima. Huwa meħtieġ aktar investiment fl-infrastruttura biex is-sistema tal-ilma ssir aktar reżiljenti. L-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar, l-erożjoni kostali u tal-ħamrija, id-deżertifikazzjoni, in-nixfiet, il-mewġiet ta' sħana u n-nirien fil-foresti, għadhom sfida ewlenija fi Spanja. L-irduppjar ta' din il-ħidma jtejjeb ukoll ir-reżiljenza tal-ilma tal-pajjiż. |
|
(31) |
Id-degradazzjoni tan-natura tippreżenta riskji sinifikanti għall-ekonomija u l-kompetittività ta' Spanja. Spanja għandha l-ogħla livell ta' dipendenza tal-katina tal-provvista fuq is-servizzi tal-ekosistema fl-UE, b'diversi setturi bħall-agrikoltura, is-sajd, il-kostruzzjoni u l-utilitajiet tal-ilma jiddependu bis-sħiħ fuq is-servizzi tal-ekosistema. In-nuqqas li tinżamm il-kapaċità tal-ekosistemi li jipprovdu servizzi jista' jinvolvi kostijiet sinifikanti jew saħansitra jwaqqaf il-produzzjoni f'dawn is-setturi. Il-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi ewlenin jiżguraw il-kompetittività fit-tul ta' dawn is-setturi ekonomiċi. B'mod speċifiku, is-sistema agroalimentari għad għandha impatti klimatiċi u ambjentali sinifikanti, li jiġġustifikaw azzjoni addizzjonali biex tappoġġa l-adozzjoni ta' prattiki agrikoli sostenibbli. |
|
(32) |
Spanja qed tagħmel progress fl-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għandha waħda mill-ogħla kapaċità installata tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx fl-UE. Il-livell tal-interkonnessjoni tal-elettriku transfruntiera ta' Spanja fl-2025 (inqas minn 5 %) għadu ferm taħt il-miri tal-interkonnessjoni għall-2030 (15 %). It-tkomplija tal-iżvilupp ta' networks u soluzzjonijiet ta' ħżin tgħin biex tappoġġa l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija Spanjola. |
|
(33) |
L-iskarsezza tal-akkomodazzjoni u l-effett tagħha fuq il-prezzijiet tad-djar għandhom impatt fuq l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi u jirrappreżentaw sfida, speċjalment għall-familji b'introjtu baxx u għaż-żgħażagħ. Id-data mill-Bank ta' Spanja turi li kważi 40 % tal-inkwilini Spanjoli jonfqu 40 % tal-introjtu tagħhom fuq il-kera u l-utilitajiet, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 27 %, u l-ekonomija Spanjola għandha defiċit fl-akkomodazzjoni ta' madwar 600 000 unità. Ir-riforma tal-liġi dwar l-art għadha pendenti u tiffaċilita l-iżvilupp ġdid tal-akkomodazzjoni billi tnaqqas iż-żminijiet tal-ipproċessar, tippromwovi l-istabbiltà regolatorja u telimina l-ostakli amministrattivi bla bżonn. Il-promozzjoni ulterjuri ta' metodi ta' kostruzzjoni innovattivi tista' tgħin biex tiżdied il-produttività u tiġi appoġġata l-provvista tal-akkomodazzjoni. Il-prevenzjoni tan-nuqqas ta' ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni hija fundamentali peress li – skont il-Bank ta' Spanja – aktar minn 50 % tal-impjegaturi fis-settur jirrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema. |
|
(34) |
Hemm nuqqas ta' akkomodazzjoni affordabbli u soċjali, ferm taħt il-medja tal-UE. Huwa essenzjali li jitreġġgħu lura l-fatturi li jillimitaw il-provvista biex tingħata spinta lill-kostruzzjoni residenzjali u jiġi estiż is-suq tal-kiri. L-enfasi għandha tkun fuq il-provvista rapida ta' akkomodazzjoni affordabbli, speċjalment għaż-żgħażagħ u l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx. Skont il-Bank ta' Spanja, l-istokk ta' akkomodazzjoni soċjali għall-kiri huwa biss 1,5 % tal-istokk totali tal-akkomodazzjoni, ferm taħt il-medja tal-UE ta' 9 %. It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' art pubblika, l-espansjoni tal-istokk ta' akkomodazzjoni soċjali għall-kiri u ż-żieda fil-finanzjament għal akkomodazzjoni affordabbli u soċjali jaf ikunu ta' spinta għad-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni. |
|
(35) |
F'kuntest ta' riskji għoljin ta' faqar u esklużjoni soċjali, il-faqar fost it-tfal huwa sfida strutturali sinifikanti għall-ġustizzja soċjali u l-kompetittività futura. Iktar minn wieħed minn tlieta tat-tfal jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. L-aktar milquta huma tfal li jiġu minn sfondi ta' migranti u Rom, tfal f'unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed, tfal li l-ġenituri tagħhom għandhom livell baxx jew medju ta' edukazzjoni u tfal minn unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ta' xogħol. Id-deprivazzjoni materjali u soċjali estrema hija wkoll għolja u ogħla mill-medja tal-UE. Hemm potenzjal li jittejjeb il-benesseri tat-tfal billi jiġi żgurat aċċess aktar uniformi għal miżuri ta' appoġġ soċjali u ta' protezzjoni tal-introjtu, kif ukoll l-għoti aktar effiċjenti u mmirat tagħhom. It-tisħiħ u l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal, kif ukoll l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-ikliet fl-iskejjel u l-akkomodazzjoni, jistgħu jgħinu biex jittaffa l-impatt tal-faqar fost it-tfal u tiġi evitata t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi. L-iskema tal-introjtu minimu (Ingreso Mínimo Vital — IMV) u s-suppliment għall-appoġġ għat-tfal (Complemento de Ayuda para la Infancia — CAPI) huma għodod kruċjali biex jitnaqqas il-faqar u f'dawn l-aħħar snin saru sforzi kontinwi biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, it-titjib tas-sensibilizzazzjoni u t-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi jistgħu jżidu r-rati ta' użu li għadhom baxxi u jindirizzaw l-ineffiċjenzi. L-impatt tat-trasferimenti soċjali (esklużi l-pensjonijiet) fuq it-tnaqqis tal-faqar, inkluż fuq il-faqar fost it-tfal, huwa fost l-aktar baxxi fl-UE. Minkejja xi titjib, l-inugwaljanza fl-introjtu għadha għolja u ogħla mill-medja tal-UE, u l-effett ridistributtiv tat-taxxi u l-benefiċċji huwa limitat ukoll. L-irfinar tat-tfassil tat-tnaqqis tat-taxxa attwali relatat mat-tfal joffri opportunità biex jissaħħaħ l-appoġġ għal dawk l-aktar vulnerabbli. Iż-żieda fl-appoġġ immirat għall-familji u t-tfal, u t-tnaqqis tad-differenzi reġjonali persistenti, jistgħu jgħinu biex jittejbu l-eżiti soċjali. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ ta' titjib fil-konverġenza soċjali, f'konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (18). |
|
(36) |
L-ostakli persistenti jaffettwaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol kemm fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjoni (VET), b'mod partikolari fil-livell medju, kif ukoll fl-edukazzjoni universitarja. Livelli baxxi ta' ħiliet bażiċi u rati għoljin ta' studenti li jitilqu kmieni mill-iskola għadhom kwistjonijiet urġenti. Sehem sinifikanti ta' dawk li għandhom 15-il sena m'għandhomx prestazzjoni tajba fil-matematika, il-qari u x-xjenza. Ftit studenti jiksbu l-ogħla prestazzjoni, u b'hekk jipperikolaw il-produttività u l-kompetittività futuri. Minkejja ż-żieda fir-reġistrazzjoni tal-VET, ir-reġistrazzjoni fi programmi sekondarji u doppji superjuri għadha limitata. Ir-rati baxxi ta' impjieg ta' gradwati tal-VET b'ħiliet medji u s-sehem baxx ta' adulti bi kwalifiki intermedji jindikaw nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet sottostanti. Ir-reġistrazzjoni fil-VET tonqos fost studenti b'età ogħla u kisba edukattiva aktar baxxa, u b'hekk taggrava l-inugwaljanzi, b'mod partikolari għall-adulti akbar fl-età, l-irġiel u l-persuni b'livelli baxxi ta' ħiliet. L-użu baxx tat-tagħlim għall-adulti jnaqqas l-opportunitajiet ta' adattament għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu, u b'hekk jimmina wkoll il-produttività u l-kompetittività. |
|
(37) |
Ir-rata ta' tfal irreġistrati fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal qed tkompli tiżdied, iżda għad hemm differenzi reġjonali. Id-differenzi reġjonali fil-kisba tal-ħiliet bażiċi huma sinifikanti wkoll. Sfida li għad hemm hija dik ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, b'differenzi persistenti fil-livell reġjonali u bejn il-ġeneri. |
|
(38) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Spanja, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:
|
1. |
Issaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. Timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. Tkompli ssaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali billi tirrieżamina u tissimplifika s-sistema tat-taxxa, inkluż billi tittrasferixxi parti mill-piż tat-taxxa mix-xogħol lejn tassazzjoni ambjentali, tal-konsum u tal-proprjetà immobbli, biex tappoġġa t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-koeżjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. |
|
2. |
Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Tagħmel użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex ittejjeb il-kompetittività. |
|
3. |
Tissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji u tnaqqas il-piż amministrattiv kif ukoll il-frammentazzjoni regolatorja fir-reġjuni kollha. Iżżid l-effiċjenza ġudizzjarja billi tissimplifika l-proċedimenti ġudizzjarji u billi tkompli tiddiġitalizza s-sistema ġudizzjarja fir-reġjuni kollha. Tiffaċilita l-ħolqien tan-negozju, l-innovazzjoni u l-espansjoni, l-appoġġ għall-investimenti fir-R&I u rabtiet aktar b'saħħithom bejn ix-xjenza u n-negozju. |
|
4. |
Ittejjeb il-ġestjoni tal-ilma biex jiġi ġestit aħjar l-adattament għall-effetti attwali u futuri tat-tibdil fil-klima billi ssaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern u tal-korpi amministrattivi u billi żżid is-soluzzjonijiet għat-tnaqqis tar-riskju ta' nixfa u għargħar u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura, billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u tespandi l-investimenti fl-infrastruttura, u billi tappoġġa l-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Tinvesti fil-ħżin tal-enerġija, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku u fl-interkonnessjonijiet transfruntiera tal-elettriku. |
|
5. |
Iżżid il-provvista tal-akkomodazzjoni billi tlesti r-riforma tal-liġi dwar l-art, tnaqqas iż-żminijiet tal-ipproċessar tal-permessi, telimina l-ostakli amministrattivi, u tipprevjeni n-nuqqas ta' ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni. Iżżid il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. |
|
6. |
Tindirizza l-faqar fost it-tfal, filwaqt li jittejbu wkoll l-effiċjenza, il-kopertura u l-adegwatezza tat-trasferimenti soċjali u l-assistenza soċjali. Tnaqqas in-nuqqas ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet billi ssaħħaħ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali doppji, u billi żżid it-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għal dawk b'livell baxx ta' ħiliet. Ittejjeb il-ħiliet bażiċi u tindirizza t-tluq bikri mill-iskola, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Spanja (ST 10150/21; ST 10150/21 ADD 1 REV 1).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Spanja (ST 13695/23 REV 1; ST 13695/23 ADD 1 REV 1).
(7) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Spanja (ĠU C, C/2025/643, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/643/oj).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).
(9) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(10) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(11) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(12) Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 4.6.2025, COM(2025) 615 final.
(13) Fir-rapport ta' Progress Annwali, l-awtoritajiet Spanjoli jinkludu biss ċifri għad-deflatur tal-konsum privat, li huwa pprojettat li jkun 2,7 % fl-2025 u 2,4 % fl-2026.
(14) Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.
(15) Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta' kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(16) Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu – COM(2025) 123 final.
(17) “Businesses” attitudes towards corruption in the EU" Flash Report, Eurobarometer Report (April 2024).
(18) SWD(2025)95 – Second-stage country analysis on social convergence in line with the Social Convergence Framework (SCF), 2025.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3983/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)