SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Il-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘distribuzzjoni’ – Kunċett ta’ ‘operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni’ – Kunċett ta’ ‘sistema ta’ distribuzzjoni’ – Artikoli 30 sa 39 – Operat tas-sistemi ta’ distribuzzjoni – Impriża li topera installazzjoni tal-enerġija li tinkludi impjant ta’ koġenerazzjoni u sistema ta’ linji tal-elettriku, li tipprovdi lill-kerrejja ta’ kumpless residenzjali bi sħana, b’ilma sħun u bl-elettriku – Bejgħ fl-istess ħin tal-elettriku prodott – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta lill-operatur ta’ tali installazzjoni mill-obbligi imposti fuq l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni abbażi ta’ din id-direttiva”

Fil-Kawża C‑293/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

ENGIE Deutschland GmbH

vs

Landesregulierungsbehörde beim Sächsischen Staatsministerium für Wirtschaft, Arbeit und Verkehr,

fil-preżenza ta’:

Zwickauer Energieversorgung GmbH,

Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal ENGIE Deutschland GmbH, minn D. Legler, Rechtsanwalt,

–

għal-Landesregulierungsbehörde beim Sächsischen Staatsministerium für Wirtschaft, Arbeit und Verkehr, minn A. Hennersdorf, J. Leuschke u K. Meißner, bħala aġenti,

–

għal Zwickauer Energieversorgung GmbH, minn K. M. Schwabe, Rechtsanwalt,

–

għall-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, minn J. Kargel u C. Mögelin, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikoli 30 et seq. tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ENGIE Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “ENGIE”) u l-Landesregulierungsbehörde beim Sächsischen Staatsministerium für Wirtschaft, Arbeit und Verkehr (l-Awtorità Regolatorja tal-Land fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, għax-Xogħol u għat-Trasport ta’ Sachsen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja tal-Land ta’ Sachsen”) dwar ir-rifjut ta’ Zwickauer Energieversorgung GmbH (iktar ’il quddiem “ZEV”), operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, li tikkonnettja mas-sistema tagħha żewġ installazzjonijiet tal-enerġija ta’ ENGIE bħala l-installazzjonijiet ta’ awtokonsum u li tqiegħed għad-dispożizzjoni l-punti ta’ kejl neċessarji.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2012/27/UE

3

Il-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, għal finijiet ta’ din id-direttiva, bħala li jfisser “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” fis-sens, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

Ir‑Regolament (UE) 2019/943

4

Il-punt 48 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” bħala li jfisser “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” fis-sens tal-punt 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944.

Id‑Direttiva 2019/944

5

Il-premessi 7, 8, 18, 65 u 68 tad-Direttiva 2019/944 jistipulaw:

“(7)

Bil-għan li jinħoloq suq intern għall-elettriku, l-Istati Membri jenħtieġ li jrawmu l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom u kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema fil-livell tal-Unjoni u f’dak reġjonali, u jinkorporaw sistemi iżolati li jifformaw gżejjer tal-elettriku li jippersistu fl-Unjoni.

(8)

[…] din id-Direttiva tfittex li tindirizza [telimina] x-xkiel persistenti għat-tlestija tas-suq intern għall-elettriku. Il-qafas regolatorju rfinut jenħtieġ li jikkontribwixxi sabiex jingħelbu l-problemi attwali ta’ swieq nazzjonali frammentati […]

[…]

(18)

[…] L-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku teħtieġ livell għoli ta’ kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistemi, il-parteċipanti fis-swieq u l-awtoritajiet regolatorji, […]

[…]

(65)

L-aċċess nondiskriminatorju għan-netwerk ta’ distribuzzjoni jiddetermina l-aċċess ‘downstream’ għall-klijenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ekwi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, l-attivitajiet ta’ operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jenħtieġ li għalhekk ikunu mmonitorjati sabiex l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni ma jitħallewx japprofittaw mill-integrazzjoni vertikali tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, partikolarment fir-rigward ta’ klijenti domestiċi u klijenti żgħar mhux domestiċi.

[…]

(68)

Hija biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-netwerk u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tas-sjieda, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-netwerk bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interess ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-kunflitt ta’ interessi inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista […]”

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fl-ewwel żewġ paragrafi tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin tal-enerġija u l-provvista tal-elettriku, flimkien mad-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jinħolqu swieq tal-enerġija li jkunu tabilħaqq integrati, kompetittivi, iffokati fuq il-konsumaturi, flessibbli, ġusti u trasparenti fl-Unjoni.

Permezz tal-vantaġġi ta’ suq integrat, din id-Direttiva timmira li tiżgura prezzijiet tal-enerġija u spejjeż għall-konsumaturi li huma raġonevoli u trasparenti, livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista u tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Din tistabbilixxi regoli ewlenin li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni, b’mod partikolari regoli dwar l-emanċipazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, dwar l-aċċess miftuħ għas-suq integrat, dwar l-aċċess tal-partijiet terzi għall-infrastruttura tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, rekwiżiti dwar is-separazzjoni u regoli dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri.”

7

Skont il-kliem tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘klijent’: tfisser klijent bl-ingrossa jew klijent finali tal-elettriku;

[…]

(7)

‘intrapriża [impriża] żgħira’ tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 50 persuna u li t-total tal-fatturat annwali u/jew tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx EUR 10 miljun;

[…]

(11)

‘komunità tal-enerġija taċ-ċittadin’ tfisser entità legali li:

(a)

hija bbażata fuq parteċipazzjoni volontarja u miftuħa u li hija effetivament ikkontrollata minn membri jew azzjonisti li huma persuni fiżiċi, awtoritajiet lokali, inklużi muniċipalitajiet, jew intrapriżi [impriżi] żgħar,

(b)

għandha bħala skop primarju tagħha li tipprovdi benefiċċji komunitarji ambjentali, ekonomiċi jew soċjali lill-membri jew azzjonisti tagħha jew liż-żoni lokali fejn topera pjuttost milli tiġġenera profitti finanzjarji, u

(c)

tista’ tkun involuta fil-ġenerazzjoni, inkluża dik minn sorsi rinnovabbli, fid-distribuzzjoni, fil-provvista, fil-konsum, fl-aggregazzjoni, fil-ħżin tal-enerġija, fis-servizzi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fis-servizzi ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi jew tipprovdi servizzi oħra tal-enerġija lill-membri jew lill-azzjonisti tagħha;

(12)

‘provvista’: tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti;

[…]

(28)

‘distribuzzjoni’: tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitwassal lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista;

(29)

‘operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta’, u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku;

[…]

(42)

‘sistema iżolata żgħira’ tfisser kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra;

(43)

‘sistema konnessa żgħira’ tfisser kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ anqas minn 3000 GWh fis-sena 1996, fejn aktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra;

[…]”

8

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Għażla ħielsa tal-fornitur”, jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jixtru l-elettriku mill-fornitur li jagħżlu huma u għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jkollhom aktar minn kuntratt wieħed tal-provvista tal-elettriku fl-istess ħin, dment li l-konnessjoni meħtieġa u l-punti ta’ kejl meħtieġa jkunu stabbiliti.”

9

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Dritt għall-bdil [tal-fornitur] u regoli dwar tariffi marbuta mal-bdil”, jispeċifika, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Il-bdil ta’ fornitur […] għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijent li jixtieq jibdel il-fornituri jew il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali, jkun intitolat għal tali bidla fi żmien massimu ta’ tliet ġimgħat mid-data tat-talba. […]

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt tal-bdil tal-fornitur […] jingħata lill-klijenti b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward tal-ispiża, l-isforz u l-ħin.

[…]”

10

Skont il-kliem tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Klijenti attivi”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali ikunu intitolati jaġixxu bħala klijenti attivi, […]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti attivi jkunu:

[…]

(e)

soġġetti għal imposti [tariffi ta’ aċċess] tan-netwerk li jirriflettu l-ispiża, li jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji u li jirriflettu, b’mod separat, l-elettriku trażmess lejn il-grilja, kif ukoll l-elettriku kkunsmat, […] [b’tali mod] li jikkontribwixxu b’mod adegwat u bilanċjat għall-qsim tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema;

[…]”

11

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas regolatorju abilitanti għall-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin, biex b’hekk jiżguraw li:

[…]

(e)

il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin huma soġġetti għal […] tariffi [ta’ aċċess] tan-netwerk trasparenti, nondiskriminatorji u li jirriflettu l-ispiża [b’tali mod li] jiżguraw li jikkontribwixxu b’mod adegwat u bbilanċjat għall-qsim tal-ispejjeż globali tas-sistema.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu lill-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin id-dritt li jmexxu netwerks tad-distribuzzjoni fiż-żona tagħhom ta’ operazzjoni u jistabbilixxu l-proċeduri rilevanti, mingħajr ħsara għall-Kapitolu IV jew għal regoli u regolamenti oħrajn li japplikaw għall-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni. Jekk jingħata tali dritt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin:

[…]

(b)

huma soġġetti għall-imposti [tariffi] xierqa [ta’ aċċess] tan-netwerk fil-punti tal-konnessjoni bejn in-netwerk tagħhom u n-netwerk tad-distribuzzjoni barra l-komunità tal-enerġija taċ-ċittadin u li tali imposti tan-netwerk jieħdu kont b’mod separat għall-elettriku trażmess lejn in-netwerk tad-distribuzzjoni kif ukoll l-elettriku kkunsmat min-netwerk tad-distribuzzjoni barra l-komunità tal-enerġija taċ-ċittadin […]

[…]”

12

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva jispeċifika r-regoli applikabbli għall-kontijiet u għall-informazzjoni dwar il-kontijiet.

13

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2019/944, intitolat “It-Tħaddim [l-operat] tas-Sistema tad-Distribuzzjoni”, jinkludi l-Artikoli 30 sa 39 tagħha.

14

L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ħatra tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jaħtru jew għandhom jesiġu minn impriżi li jkunu proprjetarji jew responsabbli ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni li jaħtru, wieħed jew iktar operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri, wara li dawn ikunu kkunsidraw l-effiċjenza u l-bilanċ ekonomiku.”

15

L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kompiti ta’ operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkun responsabbli li jiżgura l-kapaċità fuq perjodu ta’ żmien twil tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domanda raġjonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku, għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp taħt kondizzjonijiet ekonomiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li tkun tajba, ta’ min jafdaha u effiċjenti, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika.

2.   Fi kwalunkwe każ, l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni ma għandux jiddiskrimina bejn utenti ta’ sistema jew bejn klassijiet ta’ utenti ta’ sistema, […] b’mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu.

3.   L-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandu jipprovdi lill-utenti ta’ sistema bl-informazzjoni li jeħtieġu għall-aċċess effiċjenti għas-sistema u l-użu tagħha.

[…]

6.   Fejn operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jkun responsabbli għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi meħtieġa għat-tħaddim effiċjenti, affidabbli u sigur tas-sistema ta’ distribuzzjoni, ir-regoli adottati mill-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għal dak l-għan għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji, u għandhom jiġu żviluppati b’koordinazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u parteċipanti oħra rilevanti tas-suq. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi regoli u tariffi fejn dawn ikunu applikabbli, għall-forniment ta’ tali prodotti u servizzi lill-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu stabbiliti konformement mal-Artikolu 59(7) b’mod nondiskriminatorju u li jirrifletti l-ispejjeż u għandhom jiġu ppubblikati.

[…]

9.   L-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom jikkooperaw mal-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għall-parteċipazzjoni effettiva tal-parteċipanti fis-suq konnessi mal-grilja tagħhom fis-swieq bl-imnut, bl-ingrossa u ta’ bbilanċjar. […]

10.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti maħtura tagħhom jistgħu jippermettu lill-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jwettqu attivitajiet għajr dawk previsti f’din id-Direttiva u fir-Regolament [2019/943], fejn dawn l-attivitajiet huma meħtieġa biex l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva jew [dan ir-regolament] dment li l-awtorità regolatorja tkun ivvalutat il-ħtieġa ta’ tali deroga. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni li jkunu s-sidien ta’, jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, netwerks li mhumiex netwerks tal-elettriku fejn l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti maħtura jkunu taw tali dritt.”

16

L-Artikoli 32 sa 37 tad-Direttiva 2019/944 jirrigwardaw, rispettivament, l-inċentiv għall-użu tal-flessibbiltà fis-sistemi ta’ distribuzzjoni (Artikolu 32), l-integrazzjoni tal-elettromobbiltà fin-network tal-elettriku (Artikolu 33), il-kompiti tal-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tad-data (Artikolu 34), is-separazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni meta dawn ikunu jifformaw parti minn impriża integrata vertikalment (Artikolu 35), ir-regoli dwar il-proprjetà tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-enerġija minn operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni (Artikolu 36) u l-obbligu ta’ kunfidenzjalità impost fuq dawn tal-aħħar (Artikolu 37).

17

L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa” jispeċifika:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti oħra jikklassifikaw sistema li tqassam l-elettriku fi ħdan sit ġeografikament imwarrab, li jkun industrijali, kummerċjali jew maqsum, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, ma jipprovdix klijenti fi djar bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa jekk:

(a)

għal raġunijiet tekniċi jew ta’ sigurtà speċifiċi, l-operazzjonijiet jew il-proċess ta’ produzzjoni tal-utenti ta’ dik is-sistema jkunu integrati; jew

(b)

dik is-sistema tqassam l-elettriku l-ewwelnett lill-proprjetarju jew lill-operatur tas-sistema jew lill-impriżi relatati tagħhom.

2.   Is-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa għandhom jitqiesu bħala sistemi ta’ distribuzzjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji jeżentaw lill-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa [mill-obbligi elenkati fil-punti (a) sa (e) ta’ dan il-paragrafu].

[…]

4.   L-użu inċidentali minn numru żgħir ta’ djar b’assoċjazzjonijiet ta’ impjieg jew simili mal-proprjetarju tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li jinsabu fiż-żona servita mis-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa m’għandux jipprekludi eżenzjoni fl-ambitu tal-paragrafu 2 l-għoti ta’ dawn l-eżenzjonijiet.”

18

L-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva jipprovdi preċiżazzjonijiet dwar ir-regoli applikabbli għall-operaturi tas-sistema kkombinati.

19

Il-Kapitolu VIII tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet Finali”, jinkludi l-Artikoli 65 sa 74 tagħha.

20

Skont il-kliem tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Derogi”:

“1.   L-Istati Membri li jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistemi konnessi żgħar tagħhom u sistemi iżolati żgħar, jistgħu japplikaw lill-Kummissjoni għal derogi mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V, u VI.

Sistemi iżolati żgħar u Franza, għall-fini ta’ Korsika, jistgħu japplikaw ukoll għal deroga mill-Artikoli 4, 5 u 6.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar tali applikazzjonijiet qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, waqt li jkun kunsidrat ir-rispett lejn il-kunfidenzjalità.

2.   Id-derogi mogħtija mill-Kummissjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati fiż-żmien u soġġetti għal kondizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni fis-suq intern u li jiżguraw li d-derogi ma jfixklux it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibilità, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons għad-domanda.

Għal reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE, li ma jistgħux jiġu interkonnessi mas-swieq tal-Unjoni għall-elettriku, id-deroga ma għandhiex tkun limitata fiż-żmien u għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet maħsubin biex jiżguraw li d-deroga ma tfixkilx it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli.

Id-deċiżjonijiet li jagħtu derogi għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-Artikolu 43 ma għandux japplika għal Ċipru, il-Lussemburgu u Malta. Barra minn hekk, l-Artikoli 6 u 35 ma għandhomx japplikaw għal Malta u l-Artikoli 44, 45, 46, 47, 48, 49, 50 u 52 ma għandhomx japplikaw għal Ċipru.

[…]

4.   Sal-1 ta’ Jannar 2025, jew sa data aktar tard stabbilita f’deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 5 ma għandux japplika għal Ċipru u Korsika.

5.   L-Artikolu 4 ma għandux japplika għal Malta sal-5 ta’ Lulju 2027. […]”

21

L-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tħassir”, jipprevedi:

“Id-Direttiva 2009/72/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva stipulati fl-Anness III.

Ir-riferenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw konformement mat-tabella tal-korrelazzjoni stipulata fl-Anness IV.”

22

L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jippreċiża, fit-tieni paragrafu tiegħu, li:

“L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) sa (5), l-Artikolu 8(1), il-punti (a) sa (i) u (k) tal-Artikolu8(2) u l-Artikolu 8(3) u (4), l-Artikolu 9(1), (3), (4) u (5), l-Artikolu 10(2) sa (10), l-Artikoli 25, 27, 30, 35, u 37, l-Artikolu 38(1), (3) u (4), l-Artikoli 39, 41, 43, 44 u 45, l-Artikolu 46(1), il-punti (a), (b) u (c) u (e) sa (h) tal-Artikolu 46(2), l-Artikolu 46(3) sa (6), l-Artikolu 47 sa 50, l-Artikoli 52, 53, 55, 56, 60, 64 u 65 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.”

Id‑dritt Ġermaniż

23

L-Artikolu 3 tal-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Enerġija), tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. I, p. 1970 u 3621), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EnWG”), jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

3.

‘operatur tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku’,

tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew unità organizzattiva mingħajr awtonomija legali ta’ impriża li tipprovdi l-enerġija, li tiżgura d-distribuzzjoni tal-elettriku u li tkun responsabbli mill-operat, mill-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, mill-iżvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, jekk ikun il-każ, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra;

[…]

15.

‘installazzjoni tal-enerġija’,

tfisser installazzjoni intiża għall-ġenerazzjoni, għall-ħżin, għat-trażmissjoni jew għall-provvista tal-enerġija, sa fejn din ma sservix biss għat-trasmissjoni tas-sinjali; dan jinkludi l-installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-konsumaturi finali […];

16.

‘sistema ta’ provvista tal-enerġija’,

tfisser sistema ta’ provvista tal-elettriku u tal-gass li tgħaddi minn livell ta’ tensjoni jew ta’ pressjoni wieħed jew iktar, bl-eċċezzjoni tal-installazzjonijiet ta’ awtokonsum fis-sens [tal-punt 24a] […];

[…]

18.

‘impriża li tipprovdi l-enerġija’,

tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi l-enerġija lil terzi, li topera sistema ta’ provvista tal-enerġija jew li jkollha dritt ta’ dispożizzjoni fuq sistema ta’ provvista tal-enerġija bħala proprjetarja; l-operat ta’ installazzjoni ta’ awtokonsum jew ta’ installazzjoni ta’ awtokonsum għall-provvista tal-impriża stess ma jagħmilx lill-operatur impriża li tipprovdi l-enerġija;

[…]

24a

‘Installazzjonijiet ta’ awtokonsum’,

tfisser installazzjoni tal-enerġija intiża għall-provvista tal-enerġija

a)

li tinsab f’territorju ġeografiku adjaċenti

b)

li hija konnessa ma’ sistema ta’ provvista tal-enerġija jew ma’ installazzjoni ta’ ġenerazzjoni,

c)

li r-rwol tagħha ma huwiex sinjifikattiv fid-dawl tal-garanzija ta’ kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fil-qasam tal-provvista tal-elettriku u tal-gass, u

d)

li hija għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd sabiex il-konsumaturi konnessi jkunu jistgħu jirċievu provvista permezz ta’ tranżitu, irrispettivament mill-għażla tal-fornitur tal-enerġija, b’mod mhux diskriminatorju u mingħajr ħlas;

[…]”

24

L-Artikolu 20(1d) tal-EnWG jipprovdi:

“L-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija li magħha hija konnessa installazzjoni ta’ awtokonsum għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni l-punt ta’ kejl li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-kwantità ta’ elettriku li l-installazzjoni ta’ awtokonsum tkun ħadet mis-sistema ta’ provvista ġenerali, u dik li hija daħħlet fiha (meter aggregatur), kif ukoll il-punti ta’ kejl kollha neċessarji għall-meters sekondarji li jinsabu ġewwa l-installazzjoni ta’ awtokonsum sabiex jiġi żgurat l-aċċess għas-sistema permezz ta’ tranżitu (meters sekondarji rilevanti għall-kontabbiltà). Fil-kuntest ta’ provvista minn terzi lill-konsumaturi finali, tpaċija tal-valuri tal-meters għandha titwettaq, sa fejn ikun neċessarju, permezz ta’ meters sekondarji. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

25

ENGIE hija impriża li tipprovdi l-enerġija. Hija topera, f’diversi siti, b’mod partikolari, installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, sistemi ta’ sħana fil-viċinanza u installazzjonijiet intiżi għall-provvista tal-enerġija, li permezz tagħhom hija tipprovdi sħana u elettriku lil konsumaturi finali. ZEV topera s-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku ta’ Zwickau (il-Ġermanja).

26

Bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ sħana konkluż ma’ kooperattiva residenzjali, iz-Zwickauer Wohnungsbaugenossenschaft (iktar ’il quddiem iz-“ZWG”), proprjetarja tal-art ikkonċernata, ENGIE kienet tipprovdi sħana u ilma sħun lil erba’ proprjetajiet immobbli residenzjali li jinkludu 96 unità ta’ abitazzjoni, fuq superfiċi ta’ 9000 m2 (iktar ’il quddiem iż-“żona 1”), kif ukoll sitt proprjetajiet immobbli residenzjali li jinkludu 160 unità ta’ abitazzjoni, fuq superfiċi ta’ 25500 m2 (iktar ’il quddiem iż-“żona 2”), permezz, f’kull waħda minn dawn iż-żoni, ta’ impjant tal-enerġija u ta’ sistema ta’ sħana fil-viċinanza konnessi miegħu. Iż-żoni 1 u 2 huma adjaċenti, iżda s-sistemi ta’ sħana fil-viċinanza ma humiex interkonnessi. Il-proprjetajiet immobbli residenzjali li jinsabu f’dawn iż-żewġ żoni kienu, kollha kemm huma, konnessi mas-sistema ta’ distribuzzjoni ġġestita minn ZEV.

27

Matul is-sena 2018, ENGIE bdiet proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ żewġ impjanti ta’ koġenerazzjoni b’potenza elettrika, rispettivament, ta’ 20 kW (żona 1) u ta’ 40 kW (żona 2) kif ukoll ta’ żewġ sistemi ta’ linji tal-elettriku, separati permezz ta’ iżolazzjoni galvanika, li magħhom kellhom jiġu konnessi l-konsumaturi finali, jiġifieri l-kerrejja. ENGIE xtaqet tbigħ lill-kerrejja, minbarra s-sħana u l-ilma sħun, l-elettriku ġġenerat f’dawn l-impjanti ta’ koġenerazzjoni, fejn il-volum tat-tranżitu annwali ta’ enerġija kien stmat għal 288 MWh (żona 1) u 480 MWh (żona 2). Għaldaqstant, hija ddikjarat lil ZEV konnessjonijiet mas-sistema għal żewġ installazzjonijiet ta’ awtokonsum separati b’konnessjonijiet tal-elettriku prinċipali fiż-żoni 1 u 2 u bagħtitilha applikazzjoni għall-konnessjoni ta’ dawn l-installazzjonijiet mas-sistema tagħha kif ukoll applikazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-punti ta’ kejl neċessarji konformement mal-Artikolu 20(1d) tal-EnWG. ZEV ċaħdet dawn l-applikazzjonijiet minħabba li dawn ma kinux installazzjonijiet ta’ awtokonsum, fis-sens tal-punt 24a tal-Artikolu 3 tal-EnWG.

28

ENGIE għalhekk ressqet talbiet quddiem l-Awtorità Regolatorja tal-Land ta’ Sachsen intiżi sabiex ZEV tiġi obbligata tqabbad l-imsemmija installazzjonijiet mas-sistema tagħha bħala installazzjonijiet ta’ awtokonsum u sabiex tippermetti rendikont u fatturazzjoni tal-flussi ta’ enerġija konformement mal-Artikolu 20(1) tal-EnWG. Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2019. Peress li r-rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentat minn ENGIE quddiem l-Oberlandesgericht Dresden “il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dresden, il-Ġermanja), ġie min-naħa tiegħu miċħud permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Settembru 2020, din l-impriża ppreżentat appell quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li hija l-qorti tar-rinviju.

29

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, preliminarjament, li, fil‑21 u fis‑27 ta’ April 2020, jiġifieri matul il-proċedura quddiem l-Oberlandesgericht Dresden (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dresden), ENGIE u ZWG ikkonkludew kuntratt ġdid ta’ provvista ta’ sħana, li kien jipprevedi li l-kostruzzjoni taż-żewġ impjanti ta’ koġenerazzjoni kellha, bħala prinċipju, titlesta sax-xahar ta’ Diċembru 2020.

30

Fir-rigward tal-appell ippreżentat quddiema, il-qorti tar-rinviju tindika li dan għandu jintlaqa’ jekk jirriżulta li l-installazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu installazzjonijiet ta’ awtokonsum, fis-sens tal-punt 24a tal-Artikolu 3 tal-EnWG. Issa, hija tqis li dan huwa l-każ peress li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti. Dik il-qorti tippreċiża, b’mod partikolari, li l-fornituri kollha tal-elettriku huma ttrattati bl-istess mod, inkluż ENGIE, peress li jużaw l-installazzjoni mingħajr ħlas, u hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li ENGIE ma tirċevix tariffa għall-użu ta’ dawn l-installazzjonijiet li tiddependi fuq il-konsum, iżda tariffa bażika ta’ kull xahar unika, indipendenti mill-konsum.

31

Madankollu, l-applikazzjoni tal-punt 24a tal-Artikolu 3 tal-EnWG għall-installazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun inkompatibbli kemm mal-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2, kif ukoll mal-Artikoli 30 et seq. tad-Direttiva 2019/944 jekk ikollu jirriżulta li dawn l-installazzjonijiet jagħmlu parti integrali mis-sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens ta’ dawn il-punti 28 u 29. F’dan ir-rigward, hija tesponi li, skont il-punt 16 tal-Artikolu 3 tal-EnWG, l-installazzjonijiet ta’ awtokonsum ma jagħmlux parti minn sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u l-operaturi tagħhom ma humiex operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, b’tali mod li ma humiex suġġetti għar-regoli previsti fl-Artikoli 11 et seq. tal-imsemmija liġi, sa fejn il-punt ta’ konnessjoni tal-installazzjoni ta’ awtokonsum mas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija jimmarka t-tmiem tas-sistema rregolata u l-bidu tal-installazzjoni ta’ awtokonsum mhux irregolat.

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar jekk il-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2019/944, jinkludix ukoll l-installazzjonijiet ta’ awtokonsum bħal dawk imsemmija fil-punt 24a tal-Artikolu 3 tal-EnWG u t-tweġiba għal din il-kwistjoni ma hijiex evidenti. Għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi ċerti sistemi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba d-daqs tagħhom jew il-konsum tal-elettriku tagħhom, il-kwistjoni dwar liema strutturi għandhom jitqiesu bħala sistemi ta’ distribuzzjoni u skont liema kriterji ma ġietx deċiża.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li ma hemmx dubju li l-installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni domestiċi operati minn sid il-kera f’binja, indipendentement mid-daqs tagħha, jew l-installazzjonijiet tal-enerġija proprjetà ta’ sindakat ta’ koproprjetarji li jipprovdi l-enerġija lil 20 dar b’familja waħda fuq art waħda ma jikkostitwixxux sistemi ta’ distribuzzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, fid-dawl tad-daqs tal-installazzjonijiet inkwistjoni fit-tilwima pendenti quddiemha u tal-fatt li ENGIE hija fl-istess ħin kemm l-operatur ta’ dawn l-installazzjonijiet kif ukoll il-fornitur tal-elettriku, ma huwiex ċert li dawn l-installazzjonijiet ma jagħmlux parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2019/944.

34

Barra minn hekk, il-konnessjoni ta’ tali installazzjonijiet mas-sistema ta’ distribuzzjoni bħala installazzjonijiet ta’ awtokonsum ikollha effetti fuq l-għanijiet tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/944. Ċertament, dawn l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ikunu negliġibbli għal installazzjoni kkunsidrata b’mod iżolat. Madankollu, il-multiplikazzjoni tal-konnessjoni ta’ installazzjonijiet komparabbli mas-sistema ta’ distribuzzjoni bħala installazzjonijiet ta’ awtokonsum jamplifikaw dawn l-effetti.

35

Qabel kollox, l-interkonnessjoni ta’ installazzjonijiet intiżi għall-provvista ta’ enerġija ma’ tali installazzjonijiet ta’ produzzjoni ddeċentralizzati tista’ tiffaċilita tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2. Madankollu, meta numru kbir ta’ installazzjonijiet komparabbli jiġu konnessi mas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operat tas-sistema ġeneralment isir iktar għali u inqas effiċjenti. Fil-fatt, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni li magħha huma konnessi tali installazzjonijiet jibqa’ marbut li jżomm kapaċità ta’ sistema suffiċjenti sabiex iżomm il-provvista fil-każ ta’ ħsara fl-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni ddeċentralizzati. Fl-istess ħin, inqas u inqas konsumaturi finali jsostnu l-ispiża globali tagħha, peress li ebda tariffa tan-network skont l-Artikoli 20 et seq. tal-EnWG ma hija dovuta għall-elettriku prodott minn installazzjoni ta’ ġenerazzjoni ddeċentralizzata u kkonsmat fl-installazzjoni ta’ awtokonsum li hija konnessa magħha. Issa, mill-Artikolu 15(2)(e) u mill-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva 2019/944 jirriżulta li anki l-klijenti attivi u l-komunitajiet tal-enerġija għandhom jikkontribwixxu b’mod xieraq u bbilanċjat għall-qsim tal-ispiża globali tas-sistema.

36

Sussegwentement, il-fatt li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, tal-operat u tal-manutenzjoni ta’ dawn l-installazzjonijiet jiġu sostnuti minn ZWG u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumaturi finali kerrejja, skont il-kuntratt ta’ provvista ta’ sħana, iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn ENGIE u l-fornituri l-oħra tal-elettriku, peress li ENGIE la għandha għalfejn issostni l-ispejjeż tal-installazzjonijiet tal-enerġija intiżi għall-provvista tal-enerġija u lanqas ma għandha tħallas tariffi tan-network. Konsegwentement, iktar ma ENGIE topera installazzjonijiet ta’ tip u ta’ daqs komparabbli, iktar ma jista’ jkun mistenni li jkun hemm effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni.

37

Fl-aħħar nett, jeżisti, fir-rigward tal-konsumaturi finali, kunflitt ta’ interessi inerenti għal din is-sistema, peress li ENGIE hija, fil-konfront tagħhom, kemm proprjetarja kif ukoll operatur tal-installazzjoni ta’ awtokonsum kif ukoll fornitur tal-elettriku. Bħala fornitur tal-elettriku, hija għandha interess li timponi prezzijiet tal-elettriku kemm jista’ jkun għoljin, iżda jkun kontra dan l-interess li l-ħlasijiet li hija tirċievi għall-kostruzzjoni, għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tal-installazzjonijiet inkwistjoni jkunu indikati b’mod trasparenti. Issa, f’dan il-każ, il-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-kuntratt ta’ provvista ta’ sħana ma jurux, b’mod separat, it-tariffa għall-użu. Għaldaqstant, il-kerrejja ma humiex f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont totali tat-tariffi li huma għandhom iħallsu għall-elettriku li huma jikkonsmaw.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2 u l-Artikoli 30 et seq. tad-Direttiva 2019/944 […] jipprekludu dispożizzjoni bħall-punt 24a tal-Artikolu 3 flimkien mal-punt 16 tal-Artikolu (3) tal-[EnWG], li skont din l-operatur ta’ impjant [installazzjoni] tal-enerġija intiż għall-provvista tal-enerġija ma għandu l-ebda obbligu ta’ operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jekk jibni u jħaddem [jopera] l-impjant tal-enerġija minflok is-sistema ta’ distribuzzjoni preċedenti, sabiex jipprovdi lil numru ta’ proprjetajiet immobbli għall-użu ta’ abitazzjoni, b’sa 200 unità residenzjali mikrija, b’ammont annwali ta’ enerġija trażmessa sa 1000 MWh bl-użu ta’ elettriku ġġenerat f’impjant ta’ sħana u enerġija kkombinati (koġenerazzjoni), bl-ispejjeż tal-kostruzzjoni u tat-tħaddim tal-impjant tal-enerġija sostnuti mill-konsumaturi finali (min jikri [kerrejja]) bħala parti minn tariffa bażika ta’ kull xahar li għandha titħallas għas-sħana li tkun ġiet ipprovduta, u li l-operatur ibiegħ l-elettriku ġġenerat lil min jikri?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

39

ENGIE tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi ssostni, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx b’mod suffiċjenti la l-fatti u lanqas id-dritt applikabbli, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-preċiżazzjonijiet fattwali u legali li huma neqsin fid-deċiżjoni tar-rinviju, u li ENGIE tispjega fid-dettall, jistabbilixxu li d-domanda magħmula ma għandhiex rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li ma hemmx lok għad-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-eventwali effetti li l-installazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew il-multiplikazzjoni ta’ tali installazzjonijiet, jista’ jkollhom fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2019/944, fuq żieda fit-tariffi tas-sistema mħallsa mill-konsumaturi finali konnessi esklużivament mas-sistema pubblika jew fuq il-kompetizzjoni.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, der Weduwe, C‑153/00, EU:C:2002:735, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2024,Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano, C‑178/22, EU:C:2024:371, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni jew dwar l-evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ April 2024, Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano, C‑178/22, EU:C:2024:371, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-elementi esposti fil-punti 25 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944 fil-kuntest ta’ tilwima bejn impriża li tipprovdi l-enerġija li topera żewġ installazzjonijiet tal-enerġija u awtorità regolatorja ta’ Land dwar, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-operat ta’ installazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma jitqiesx bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ġestjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Hekk kif jirriżulta wkoll minn dawn il-punti, il-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, esponiet b’mod ċar, minn naħa, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw din it-tilwima, li barra minn hekk ir-realtà tagħha ma hijiex ikkontestata, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li jwassluha sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda magħmula hija irrilevanti jew li taqa’ taħt wieħed mill-eżempji, elenkati fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar id-domanda li tkun tressqet quddiemha.

44

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni biss abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Nordecon u Ramboll Eesti, C‑561/12, EU:C:2013:793, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Marzu 2023, Colt Technology Services et, C‑339/21, EU:C:2023:214, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet magħmula minn ENGIE fir-rigward tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju, l-eżami tad-domanda preliminari għandu jsir abbażi tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, il-kritiki ta’ ENGIE dwar id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-eventwali effetti li impjanti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew il-multiplikazzjoni ta’ tali impjanti, jista’ jkollhom huma relatati mal-mertu tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula u, konsegwentement, ma jistgħux jistabbilixxu l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

46

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domanda preliminari

47

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikoli 30 sa 39 tad-Direttiva 2019/944 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ma hijiex suġġetta għall-obbligi imposti fuq operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni dik l-impriża li tibni u topera, b’sostituzzjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni l-antika, installazzjoni tal-enerġija intiża sabiex tipprovdi elettriku prodott minn impjant ta’ koġenerazzjoni bi tranżitu annwali ta’ enerġija ta’ 1000 MWh jew inqas lil diversi proprjetajiet immobbli residenzjali li jinkludu sa 200 unità ta’ abitazzjoni, fejn l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-installazzjoni tal-enerġija huma sostnuti mill-konsumaturi finali, kerrejja ta’ dawn l-unitajiet ta’ abitazzjoni, u fejn din l-impriża tbigħ l-elettriku prodott lil dawn il-konsumaturi.

48

F’dan ir-rigward, mill-motivi esposti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din l-assenza ta’ ssuġġettar ta’ tali impriża għal dawn l-obbligi tirriżulta mill-fatt li tali installazzjoni tal-enerġija ma tikkostitwixxix “sistema ta’ provvista tal-enerġija”, fis-sens tal-punt 16 tal-Artikolu 3 tal-EnWG, u li, sussegwentement, konformement mal-punt 18 tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, l-entità li topera tali installazzjoni ma titqiesx bħala li hija “impriża li tipprovdi l-enerġija”, u finalment li, konsegwentement, din ma hijiex koperta mill-kunċett ta’“operatur tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku”, kif iddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din l-aħħar dispożizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” li tinsab fil-punt 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, fejn il-kompiti u l-obbligi imposti fuq l-“operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni” huma speċifikati b’mod partikolari fl-Artikoli 30 sa 39 ta’ din id-direttiva, li jikkostitwixxu l-Kapitolu IV tagħha, dwar l-operat tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

49

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu għalhekk, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk installazzjoni tal-enerġija bħal dik deskritta fil-punt 47 ta’ din is-sentenza tistax tkun koperta mill-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2019/944.

50

Għalkemm ma hemm ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett bħala tali fid-Direttiva 2019/944, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni” huwa, min-naħa l-oħra, iddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala “it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitwassal lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista”. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “provvista”, skont il-punt 12 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, din tfisser il-bejgħ tal-elettriku lil “klijenti”, fejn it-terminu “klijenti” jfisser, skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, klijenti bl-ingrossa jew klijent finali tal-elettriku.

51

Peress li dawn id-definizzjonijiet ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll minn dawk tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini tagħhom għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Issa, mid-definizzjonijiet imfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li sistema ta’ distribuzzjoni hija sistema intiż sabiex iwassal l-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx, intiż sabiex jinbiegħ lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għalhekk, huma biss il-livell tal-vultaġġ tal-elettriku mwassal, sa fejn dan għandu minn tal-inqas jikkorrispondi għal vultaġġ baxx, u l-kategorija ta’ klijenti li għalihom huwa intiż l-elettriku mwassal, li jikkostitwixxu kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema tikkostitwixxix sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2019/944 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 30 u 37, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 46, 48 u 49).

54

Min-naħa l-oħra, la d-data li fiha ġiet stabbilita tali sistema u lanqas il-fatt li l-elettriku trażmess ġie ġġenerat minn installazzjoni ta’ awtokonsum fis-sens speċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lil dan il-kunċett, u lanqas il-fatt li tali sistema hija operata minn entità privata u li magħha huma konnessi numru limitat ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ konsum, u lanqas id-daqs tagħha jew il-livell ta’ konsum tal-elettriku tagħha ma jikkostitwixxu kriterji rilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi ċerti sistemi ta’ distribuzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva abbażi ta’ tali kriterji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Bl-istess mod, il-fatt li l-elettriku mwassal jiġi ġġenerat minn impjant ta’ koġenerazzjoni jew il-fatt li l-installazzjonijiet li jservu għal dan it-twassil ikunu mingħajr ħlas għad-dispożizzjoni ta’ kull wieħed lanqas ma huma kriterji rilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma għażilx il-metodu ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mwassal jew it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura kkonċernata bħala kriterji ta’ identifikazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni.

56

Ċertament, id-Direttiva 2019/944, peress li hija tfittex, konformement mal-premessa 8 tagħha, li telimina l-ostakoli persistenti għat-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tar-regoli dwar, b’mod partikolari, id-distribuzzjoni tal-elettriku. Barra minn hekk, għalkemm il-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jiddelimitaw is-sistema hekk identifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 50 u 51).

57

Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni dwar dan il-punt fid-Direttiva 2019/944, l-Istati Membri, sakemm josservaw il-kriterji indikati fil-punt 28 tal-Artikolu 2 tagħha, jibqgħu b’mod partikolari kompetenti sabiex jiddeterminaw, fl-osservanza tad-definizzjonijiet previsti f’din id-direttiva, jekk il-punti ta’ interkonnessjoni ma sistemi oħra jagħmlux jew le parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 52 u 53).

58

Min-naħa l-oħra, bir-riskju li tiġi ppreġudikata l-interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-punt 28 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, l-Istati Membri ma jistgħux, sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni”, jużaw kriterji addizzjonali minbarra dawk li jirrigwardaw il-livell tal-vultaġġ u l-kategorija tal-klijenti li lilhom jitwassal l-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 55).

59

Fil-fatt, anki jekk id-Direttiva 2019/944 ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-oqsma li hija tirregola, il-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa ta’ natura fundamentali fl-istruttura tagħha, peress li, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli persistenti għat-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, l-imsemmija direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu IV tagħha, tissuġġetta lill-operaturi ta’ dawn is-sistemi għal regoli speċifiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 56).

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri huma obbligati, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2019/944 ta’ natura li jintlaħaq l-istabbiliment tas-suq kompetittiv imsemmi f’din id-direttiva, li jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “sistemi ta’ distribuzzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva, billi jagħmlu riferiment biss għaż-żewġ kriterji previsti fil-punt 28 tal-Artikolu 2 tagħha, li jirrigwardaw, rispettivament, il-livell ta’ vultaġġ u l-kategorija ta’ klijenti li lilhom jitwassal l-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 57).

61

Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux iqisu li ċertu tip ta’ sistema għandu jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2019/944, billi jibbażaw ruħhom fuq kriterju addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-punt 28 tal-Artikolu 2 tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 58).

62

Peress li dan il-kunċett għandu jingħata, fl-Unjoni kollha, kemm applikazzjoni kif ukoll interpretazzjoni uniformi, l-Istati Membri għalhekk ma humiex iġġustifikati li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/944, inkluż abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, installazzjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa paċifiku li jservu għat-twassil tal-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx intiż sabiex jinbiegħ lil klijenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 34 sa 37).

63

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk impriża li topera sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2019/944, tistax tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li l-punt 29 tal-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxi dan il-kunċett bħala li jirrigwarda persuna fiżika jew ġuridika li tkun responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta’, u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku.

64

Peress li din id-definizzjoni lanqas ma tinkludi riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, anki din għandha, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha.

65

Issa, mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, moqri flimkien mal-elaborazzjonijiet esposti fil-punti 52 sa 62 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod ċar li impriża li topera installazzjoni tal-enerġija li sservi għat-twassil tal-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx bil-għan li dan jiġi pprovdut lil klijenti bl-ingross jew lil klijenti finali hija koperta mill-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tal-imsemmi punt 29 tal-Artikolu 2.

66

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2019/944 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jaħtru jew għandhom jesiġu minn impriżi li jkunu proprjetarji jew responsabbli ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni li jaħtru, wieħed jew iktar operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għal perijodu li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri, wara li dawn ikunu kkunsidraw l-effiċjenza u l-bilanċ ekonomiku.

67

Madankollu, minn dan l-artikolu ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri jistgħu jeskludu entità li tissodisfa l-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tal-punt 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, jekk, konformement ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri ma humiex iġġustifikati li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva installazzjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa paċifiku li jservu għat-twassil elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx intiż sabiex jinbiegħ lil klijenti, huma lanqas ma jistgħu jkunu ġġustifikati li jeskludu mill-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens ta’ dan il-punt 29 tal-Artikolu 2, l-entità li hija b’mod partikolari responsabbli mill-operat u mill-manutenzjoni ta’ tali installazzjoni, mingħajr ma jippermettu evitar tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/944 u mingħajr ma jippreġudikaw kemm l-effett utli tal-kunċetti ta’ “distribuzzjoni” u ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

68

Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu mill-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tal-punt 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, impriża li topera installazzjoni tal-enerġija intiża għall-provvista tal-elettriku lil proprjetà immobbli residenzjali jekk din l-installazzjoni sservi għat-twassil tal-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx bil-għan li dan jiġi pprovdut lill-klijenti finali residenti ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli.

69

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Istati Membri jistgħux ma jissuġġettawx lill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens tal-punt 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, għall-obbligi imposti fuq dawn l-operaturi b’applikazzjoni tagħha, għandu jiġi osservat li, skont din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, l-ewwel nett, konformement mal-Artikolu 16 tagħha, jistabbilixxu qafas regolatorju favorevoli għall-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini u jipprovdu li dawn tal-aħħar, anki meta jkunu proprjetarji ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni jew ikunu stabbilixxew tali sistema u jamministrawha b’mod awtonomu, jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 38(2) tal-imsemmija direttiva favur sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa.

70

Il-kunċett ta’ “komunità tal-enerġija taċ-ċittadin”, għall-finijiet tad-Direttiva 2019/944, huwa madankollu limitat, skont il-punt 11 tal-Artikolu 2 tagħha, għal entità ġuridika li, b’mod partikolari, hija effetivament ikkontrollata minn membri jew azzjonisti li huma persuni fiżiċi, awtoritajiet lokali jew impriżi żgħar, fejn il-kunċett ta’ “impriżi żagħar” huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala li jfisser impriża li timpjega inqas minn 50 persuna u li t-total tal-fatturat annwali u/jew tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx EUR 10 miljuni.

71

It-tieni nett, l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2019/944 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li dan l-artikolu jistipula, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikklassifikaw bħala “sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa” sistema li tiddistribwixxi l-elettriku fi ħdan sit industrijali, kummerċjali jew ta’ kondiviżjoni ta’ servizzi ġeografikament limitat u li, bla ħsara għall-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, ma tipprovdix elettriku lil klijenti residenzjali, u li dawn l-awtoritajiet għalhekk jeżentaw lill-operatur ta’ tali sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa minn uħud mill-obbligi li għandhom jiġu imposti fuq l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni skont din id-direttiva, fejn l-obbligi li fir-rigward tagħhom eżenzjoni hija possibbli huma elenkati fil-paragrafu 2(a) sa (e) tal-imsemmi artikolu. Madankollu, minn dan il-paragrafu (4) jirriżulta li, waħdu, l-użu inċidentali minn numru żgħir ta’ djar b’assoċjazzjonijiet ta’ impjieg jew simili mal-proprjetarju tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li jinsabu fiż-żona servita mis-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa ma għandux jipprekludi l-għoti ta’ eżenzjoni abbażi tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

72

It-tielet nett, l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2019/944 jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tiegħu, li l-Istati Membri li jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operat tas-sistemi konnessi żgħar tagħhom u sistemi iżolati żgħar, jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni sabiex jibbenefikaw minn derogi mid-dispożizzjonijiet b’mod partikolari tal-Kapitoli IV tagħha. Madankollu, minn naħa, fil-paragrafu 2 tiegħu dan l-istess Artikolu 66 jippreċiża, essenzjalment, li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar tali applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, skont il-kliem tal-punt 43 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “sistema konnessa żgħira” jirreferi għal kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3000 GWh fis-sena 1996 u fejn iktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra, filwaqt li, skont il-punt 42 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ “sistema iżolata żgħira” jirreferi għal kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3000 GWh fl-1996 u fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra.

73

Ir-raba’ nett, l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2019/944 jistipula, fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu, ċerti derogi favur Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u r-reġjun Franċiż ta’ Korsika.

74

Il-ħames nett, ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2019/944, intitolat “It-Tħaddim [l-operat] tas-Sistema tad-Distribuzzjoni”, jipprevedu, essenzjalment, b’mod ad hoc, li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ċerti obbligi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet għal ċerti impriżi jew f’ċerti ċirkustanzi. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għal-Artikolu 32(5), għal-Artikolu 33(3), għal-Artikolu 35(4) u għal-Artikolu 36(2) ta’ din id-direttiva.

75

F’dan il-każ, bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li installazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew li l-operatur ta’ tali installazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettu li jinkiseb il-benefiċċju ta’ waħda mid-derogi jew mill-eżenzjonijiet imfakkra fil-punti 69 sa 74 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, ma jidhirx, qabelxejn, li tali installazzjoni tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ “komunità tal-enerġija taċ-ċittadini”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, peress li, b’mod partikolari, l-operatur li jikkontrollaha ma jidhirx li huwa “impriża żgħira”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Sussegwentement, peress li installazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi klijenti residenzjali tal-elettriku mhux b’mod anċillari għall-provvista ta’ sit industrijali, kummerċjali jew ta’ kondiviżjoni ta’ servizzi, iżda b’mod prinċipali, jew saħansitra esklużiv, l-operatur ta’ tali installazzjoni lanqas ma jista’, fi kwalunkwe każ, jibbenefika mill-eżenzjonijiet li l-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lill-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa. Fl-aħħar nett, minbarra fil-każ fejn l-installazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinsabux f’wieħed mill-Istati Membri jew fir-reġjun imsemmi fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li installazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kieku kellha, b’applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, tiġi kklassifikata bħala sistema ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2019/944, tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ “sistema konnessa żgħira” jew ta’ “sistema iżolata żgħira”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja la jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ngħatat, għal installazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deroga b’applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-imsemmija direttiva, u lanqas li dan l-Istat Membru talab lill-Kummissjoni sabiex jibbenefika minn tali deroga favur tali installazzjonijiet.

76

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-fatt li l-Istati Membri jitħallew jeskludu mill-kategorija tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2019/944, installazzjonijiet li jservu għat-twassil tal-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx intiż sabiex jinbiegħ lil klijenti u, sussegwentement, li huma jitħallew ma jissuġġettawx entitajiet li madankollu joperaw tali installazzjonijiet għall-obbligi li, skont din id-direttiva, huma imposti fuq l-“operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, fis-sens tagħha, f’ċirkustanzi differenti minn dawk li għalihom l-imsemmija direttiva espliċitament tipprevedi deroga jew eżenzjoni, jippreġudika l-għanijiet imfittxija minnha, fid-dawl tar-rwol fundamentali li dawn is-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-operaturi tagħhom għandhom kemm fl-istruttura tal-istess direttiva kif ukoll, barra minn hekk, b’mod ġenerali, fir-regolamentazzjoni tas-suq intern tal-elettriku tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li dan il-kunċett ta’ “operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” jintuża wkoll kemm għall-finijiet tad-Direttiva 2012/27, konformement mal-punt 21 tal-Artikolu 2 tagħha, kif ukoll għall-finijiet tar-Regolament 2019/943, konformement mal-punt 48 tal-Artikolu 2 tiegħu.

77

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi enfasizzat ir-rwol essenzjali li d-Direttiva 2019/944 tagħti lill-operaturi tas-sistema f’dak li jirrigwarda t-tlestija tal-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali, li jippreżupponi b’mod partikolari, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessi 7 u 18 ta’ din id-direttiva, livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema fil-livell tal-Unjoni u fil-livell reġjonali. Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 47 ta’ din is-sentenza tista’ teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi imposti fuq l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni numru sinjifikattiv ta’ entitajiet li madankollu huma operaturi ta’ installazzjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa paċifiku li jservu għat-twassil tal-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx intiż sabiex jinbiegħ lil klijenti, u għalhekk tikkontribwixxi sabiex jinżammu swieq maqsuma, b’kuntrast mas-swieq verament integrati li d-Direttiva 2019/944 hija intiża li tistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1 tagħha.

78

Barra minn hekk, il-fatt li tali esklużjoni tiġi permessa jkun jikkomprometti l-għan li jinħolqu swieq tal-elettriku fl-Unjoni mhux biss ġenwinament integrati, iżda wkoll kompetittivi, iċċentrati fuq il-konsumaturi kif ukoll flessibbli, ġusti u trasparenti, li jkunu jistgħu jiżguraw b’mod partikolari prezzijiet u spejjeż tal-enerġija affordabbli, konformement ma’ dan l-istess Artikolu 1, peress li l-obbligi li għalihom huma suġġetti l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni huma intiżi b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessi 65 u 68 ta’ din id-direttiva, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikoli 30 sa 39 tad-Direttiva 2019/944 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ma hijiex suġġetta għall-obbligi imposti fuq operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni dik l-impriża li tibni u topera, b’sostituzzjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni l-antika, installazzjoni tal-enerġija intiża sabiex tipprovdi elettriku prodott minn impjant ta’ koġenerazzjoni bi tranżitu annwali ta’ enerġija ta’ 1000 MWh jew inqas lil diversi proprjetajiet immobbli residenzjali li jinkludu sa 200 unità ta’ abitazzjoni, fejn l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-installazzjoni tal-enerġija huma sostnuti mill-konsumaturi finali, kerrejja ta’ dawn l-unitajiet ta’ abitazzjoni, u fejn din l-impriża tbigħ l-elettriku prodott lil dawn il-konsumaturi, jekk din l-installazzjoni sservi sabiex twassal l-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx għall-finijiet tal-bejgħ tiegħu lil klijenti u jekk ebda waħda mill-eżenzjonijiet jew mid-derogi minn dawn l-obbligi, espressament previsti minn din id-direttiva, ma tkun applikabbli.

80

Hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-Direttiva 2019/944 hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn għandu jiġi enfasizzat li, jekk dik il-qorti jkollha fl-aħħar mill-aħħar tqis li hija d-Direttiva 2009/72 li hija applikabbli għall-imsemmija tilwima, ir-risposta għad-domanda magħmula tkun trasponibbli mutatis mutandis. Fil-fatt, minn naħa, id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “distribuzzjoni” u ta’ “operatur tas-sistemi ta’ distribuzzjoni” li jinsabu fil-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944 jirriproduċu b’mod identiku d-definizzjonijiet tal-istess kunċetti li diġà kienu jinsabu fid-Direttiva 2009/72. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa ċertament minnu li l-għanijiet tad-Direttiva 2019/944 huma iktar preċiżi u ddettaljati minn dawk tad-Direttiva 2009/72 u li d-Direttiva 2019/944 timponi kompiti u obbligi ġodda fuq l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni” diġà kien ta’ natura fundamentali fl-istruttura tad-Direttiva 2009/72 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 56) u li dik id-direttiva diġà kellha l-għan li tistabbilixxi regoli komuni dwar, b’mod partikolari, id-distribuzzjoni tal-elettriku bl-għan tat-titjib u tal-integrazzjoni ta’ swieq tal-elettriku kompetittivi fl-Unjoni u kienet diġà intiża, b’mod partikolari, sabiex toħloq suq kompletament miftuħ li jippermetti li l-konsumaturi kollha jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li l-fornituri kollha jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, sabiex tinkiseb it-tlestija tas-suq intern tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punti 38 u 39), billi kienet tipprevedi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, numru ta’ kompiti u ta’ obbligi imposti fuq l-operaturi ta’ tali sistemi, mingħajr ma kienet tippermetti deroga minnhom ħlief għall-każijiet espliċitament previsti mill-istess direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punti 28 u 29 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikoli 30 sa 39 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ma hijiex suġġetta għall-obbligi imposti fuq operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni dik l-impriża li tibni u topera, b’sostituzzjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni l-antika, installazzjoni tal-enerġija intiża sabiex tipprovdi elettriku prodott minn impjant ta’ koġenerazzjoni bi tranżitu annwali ta’ enerġija ta’ 1000 MWh jew inqas lil diversi proprjetajiet immobbli residenzjali li jinkludu sa 200 unità ta’ abitazzjoni, fejn l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-installazzjoni tal-enerġija huma sostnuti mill-konsumaturi finali, kerrejja ta’ dawn l-unitajiet ta’ abitazzjoni, u fejn din l-impriża tbigħ l-elettriku prodott lil dawn il-konsumaturi, jekk din l-installazzjoni sservi sabiex twassal l-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx għall-finijiet tal-bejgħ tiegħu lil klijenti u jekk ebda waħda mill-eżenzjonijiet jew mid-derogi minn dawn l-obbligi, espressament previsti minn din id-direttiva, ma tkun applikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.