|
12.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
645 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Diċembru 2005
li tiffissa l-kontribut finanzjarju tal-Komunità fl-infiq li sar għall-finijiet tal-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi Spanja fi tmiem l-2001 u fl-2002
(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4627)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(2005/863/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Xi każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer dehru fi Spanja fi tmiem l-2001 u fl-2002. It-tfaqqigħa ta' din il-marda kienet tippreżenta periklu gravi għall-merħliet Komunitarji. |
|
(2) |
Bil-għan li tipprevjeni t-tifrix ta' l-organiżmu infettiv u li tgħin fil-qerda tal-marda mill-aktar fis possibbli, il-Komunità għandha tikkontribwixxi sehem finanzjarju fl-infiq eliġibbli li jkun għamel l-Istat Membru fil-kuntest tal-miżuri ta' urġenza kontra l-marda, fil-kundizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 90/424/KEE. |
|
(3) |
Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/494/KE tat-3 ta' Lulju 2003 dwar għajnuna finanzjarja tal-Komunità fil-kuntest tal-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi Spanja fi tmiem l-2001 u fl-2002 (2), Spanja ingħatalha kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-infiq li sar fil-qafas tal-miżuri ta' urġenza meħuda fi tmiem l-2001 u fl-2002 kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer. |
|
(4) |
F'konformità ma' din id-Deċiżjoni, kien sar l-ewwel pagament parzjali ta' EUR 6 000 000 tal-kontribut finanzjarju. |
|
(5) |
F'konformità ma' din l-istess Deċiżjoni, il-bilanċ tal-kontribut finanzjarju Komunitarju għandu jibbaża ruħu fuq it-talba mressqa minn Spanja fl-1 ta' Awwissu 2003, id-dokumenti dettaljati li jikkonfermaw iċ-ċifri indikati fit-talba u r-riżultati tal-kontrolli fil-post imwettqa mill-Kummissjoni. |
|
(6) |
Fid-dawl tal-fatturi msemmija hawn fuq, jeħtieġ li issa jiġi ffissat l-ammont totali tal-kontribut finanzjarju tal-Komunità fl-infiq li sar bil-għan li jinqered id-deni Afrikan tal-ħnieżer fi Spanja fi tmiem l-2001 u fl-2002. |
|
(7) |
Ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni, f'dak li jirrigwarda r-rispett tar-regoli Komunitarji fi kwistjonijiet veterinarji u r-rekwiżiti għall-benefiċċju mill-kontribut finanzjarju tal-Komunità, ma jippermettux li t-totalità ta' l-infiq imressaq tiġi rikonoxxuta bħala eliġibbli. |
|
(8) |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodu tal-kalkolu ta' l-infiq eliġibbli ġew notifikati lill-awtoritajiet Spanjoli f'ittra li ġġib id-data l-14 ta' Settembru 2005. |
|
(9) |
Il-miżuri li dwarhom tiddisponi din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-ammont totali ta' l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità fl-infiq li sar fil-kuntest tal-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi Spanja fi tmiem l-2001 u fl-2002, irregolat mid-deċiżjoni 2003/494/KE, huwa ffissat fil-livell ta' EUR 6 784 124,44.
Ġaladarba d-Deċiżjoni 2003/494/KE kienet ippermettiet il-ħlas ta' l-ewwel pagament parzjali ta' EUR 6 000 000, il-bilanċ ta' EUR 784 124,44 qed jitħallas lil Spanja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.
Magħmul fi Brussell, nhar it-2 ta’ Diċembru 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/99/KE (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).