SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
11 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 7(1) – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawsola – Nullità tal-kuntratt – Azzjoni ta’ professjonist għall-ħlas lura tal-ammont tas-self imħallas skont kuntratt li għandu jiġi annullat – Konsegwenzi tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija – Rinunzja impliċita għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni – Eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-konsumaturi – Prinċipju ta’ effettività – Effett dissważiv tal-projbizzjoni ta’ klawżoli inġusti”
Fil-Kawża C‑767/24 [Kuszycka] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Novembru 2024, fil-proċedura
mBank S.A.
vs
ML,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, N. Jääskinen u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal mBank S.A., minn A. Cudna-Wagner, radca prawny, u B. Miąskiewicz, adwokat, |
|
– |
għal ML, minn I. Gabrysiak, adwokat, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u J. Szczodrowski, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn mBank S.A., istituzzjoni bankarja, u ML, konsumatriċi, dwar azzjoni għall-ħlas lura ta’ dejn li allegatament jirriżulta mill-użu ta’ somma flus mislufa abbażi ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li għandu jiġi annullat minħabba li dan jinkludi klawżoli inġusti. |
Il-kuntest legali
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistipula li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”. |
|
4 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
5 |
L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id‑dritt Pollakk
|
6 |
Skont l-Artikolu 58(1) tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”): “Att legali li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti bid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.” |
|
7 |
L-Artikolu 117 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, id-dejn relatat ma’ proprjetà huwa suġġett għal preskrizzjoni. 2. Fi tmiem it-terminu ta’ preskrizzjoni, id-debitur jista’ jevita l-obbligu tiegħu, sakemm huwa ma jirrinunzjax li jinvoka l-preskrizzjoni. Madankollu, ir-rinunzja għall-preskrizzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu hija nulla. 21 Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma huwiex iktar possibbli li tiġi invokata pretensjoni ta’ dejn kontra konsumatur.” |
|
8 |
L-Artikolu 118 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Ħlief fil-każ ta’ klawżola speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ sitt snin, u għal dejn b’pagamenti perjodiċi kif ukoll għal dejn relatat mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin. Madankollu, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jiskadi fl-aħħar jum tas-sena kalendarja, sakemm ma jkunx inqas minn sentejn.” |
|
9 |
L-Artikolu 123(1) tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej: “It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott, 1) b’kull att quddiem qorti, awtorità maħtura sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi jew sabiex teżegwixxi talbiet ta’ ċerta natura, jew qorti tal-arbitraġġ, meħuda direttament sabiex titlob, tikkonstata, tirkupra jew tiżgura t-talba; 2) bir-rikonoxximent tad-dejn mid-debitur; 3) bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ medjazzjoni.” |
|
10 |
Permezz tal-Artikolu 3851(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili: “1. Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma ġewx innegozjati b’mod individwali ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq dan il-konsumatur jekk id-drittijiet u l-obbligi tiegħu huma stabbiliti b’mod li jmur kontra l-prattika tajba u jiksru b’mod manifest l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jistabbilixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku. 2. Meta klawżola tal-kuntratt ma tkunx vinkolanti fuq il-konsumatur skont il-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 405 tal-Kodiċi Ċivili: “Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tkun kisbet vantaġġ pekunjarju għad-detriment ta’ persuna oħra hija obbligata tirrestitwixxi dan il-vantaġġ in natura u, jekk dan ma jkunx possibbli, tħallas lura l-valur tiegħu.” |
|
12 |
L-Artikolu 410(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti għandhom japplikaw, b’mod partikolari, għal prestazzjoni indebita. 2. Prestazzjoni tkun indebita jekk il-persuna li tkun wettqitha ma kellha l-ebda obbligu li twettaqha jew ma kellha l-ebda obbligu lejn il-persuna li għaliha hija wettqet il-prestazzjoni, jew jekk il-bażi għall-prestazzjoni waqfet milli teżisti jew jekk l-għan intiż għall-prestazzjoni ma jkunx inkiseb jew jekk l-att legali li fuqu l-obbligu li titwettaq li-prestazzjoni kien ibbażat ma kienx validu u ma sarx validu minn meta twettqet il-prestazzjoni.” |
|
13 |
L-Artikolu 498(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi: “1. Meta żewġ persuni jkunu simultanjament u reċiprokament debituri u kredituri, kull waħda minnhom tista’ twettaq tpaċija bejn il-kreditu tagħha u dak tal-parti l-oħra jekk iż-żewġ krediti jkunu relatati ma’ flus jew oġġetti tal-istess natura indikati biss mit-tip tagħhom, jekk iż-żewġ krediti jkunu dovuti u jkunu jistgħu jiġu invokati quddiem qorti jew awtorità oħra tal-Istat. 2. Bl-effett tat-tpaċija, iż-żewġ krediti jiġu paċuti sal-ammont tal-iżgħar kreditu.” |
|
14 |
L-Artikolu 499 tal-istess kodiċi jistabbilixxi dan li ġej: “It-tpaċija għandha ssir permezz ta’ dikjarazzjoni lill-parti l-oħra. Id-dikjarazzjoni jkollha effett retroattiv mill-mument li fih it-tpaċija tkun saret possibbli.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
15 |
Fl‑11 ta’ Ottubru 2006, ML ikkonkludiet kuntratt ta’ self ipotekarju fl-ammont ta’ 130000 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 30670) ma’ mBank għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli. Dan il-kuntratt, konkluż għal perijodu ta’ 360 xahar, kien iddenominat fi frank Svizzeru (CHF), iżda kien jipprevedi l-ħlas tal-pagamenti mensili f’zlotys Pollakki, li l-ammont tagħhom kien iddeterminat billi tiġi applikata r-rata tal-bejgħ tal-frank Svizzeru ppubblikata fit-tabella tar-rati tal-kambju ta’ mBank fid-data tal-ħlas ta’ dawn il-pagament mensili. |
|
16 |
Fit‑12 ta’ Ottubru 2017, ML bagħtet lil mBank talba għal ftehim bonarju, fejn talbet ir-rimbors tas-somom ta’ PLN 53 244.39 (madwar EUR 12530) u ta’ CHF 14 692.51 (madwar EUR 15700), li hija qieset li ħallset indebitament minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti fl-imsemmi kuntratt. |
|
17 |
Fis‑16 ta’ Diċembru 2021, mBank ippreżenta rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż sabiex ML tiġi kkundannata għar-rimbors tal-kapital tas-self, jiġifieri ammont ta’ PLN 130000 (madwar EUR 30670), flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali. L-istituzzjoni bankarja sostniet li, peress li l-kuntratt ta’ self ipotekarju huwa null, ML hija obbligata tirrimborsa l-kapital misluf, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-arrikkiment indebitu. |
|
18 |
Fir-risposta tagħha, ML talbet li r-rikors jiġi miċħud u resqet eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni tal-kreditu. Indipendentement minn dan, hija ressqet dikjarazzjoni ta’ tpaċija billi invokat krediti li jammontaw għal PLN 53 244.39 (madwar EUR 12530) u għal CHF 14 692.51 (madwar EUR 15700),rispettivament. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi klawżoli inġusti u li ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr dawn il-klawżoli. Minn dan jirriżulta li dan il-kuntratt għandu jiġi ddikjarat null u li, skont id-dritt nazzjonali, il-partijiet huma obbligati jħallsu lura lil xulxin pagamenti magħmula skont l-imsemmi kuntratt. |
|
20 |
Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li, konformement mal-Artikolu 118 tal-Kodiċi Ċivili, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għall-kreditu tal-istituzzjoni bankarja skada fil‑31 ta’ Diċembru 2020. Għaldaqstant, fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali, jiġifieri fis‑16 ta’ Diċembru 2021, il-kreditu ta’ din l-istituzzjoni kien ġie preskritt. Konsegwentement, fid-dawl tal-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn ML, l-imsemmija qorti hija obbligata tiċħad ir-rikors. |
|
21 |
Madankollu, l-istess qorti tirrileva li, skont ġurisprudenza nazzjonali, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, konformement mal-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili, timplika rinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 117(2) ta’ dan il-kodiċi. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li parti li tippreżenta dikjarazzjoni ta’ tpaċija tirrikonoxxi, minħabba dan il-fatt, li d-dejn li tkun qiegħda tikkontesta jeżisti u huwa dovut u turi r-rieda li tħallsu, u b’hekk tirrinunzja milli tinvoka l-preskrizzjoni. Tali approċċ, aċċettat ukoll mid-duttrina Pollakka, iwassal lill-qrati nazzjonali sabiex jikkunsidraw li l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, anki bħala difiża, hija ekwivalenti għal rinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni. Minn dan isegwi li, skont l-imsemmija ġurisprudenza, l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn ML ma tistax tintlaqa’ u l-kreditu tal-istituzzjoni bankarja ma jistax jitqies li huwa preskritt. |
|
22 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tesponi li ML setgħet ippreżentat dikjarazzjoni ta’ tpaċċija bl-intenzjoni unika li tinvoka d-dejn tagħha stess kontra dak tal-istituzzjoni bankarja, mingħajr ma kellha l-intenzjoni tirrinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, iktar u iktar peress li hija qajmet dawn iż-żewġ motivi simultanjament. Barra minn hekk, sa fejn ML ma fformulatx rinunzja espressa għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, ma jistax jiġi eskluż li hija ma kinitx taf bil-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ tpaċija setgħet tiġi interpretata f’dan is-sens. |
|
24 |
Skont l-imsemmija qorti, ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li d-dikjarazzjoni ta’ tpaċija timplika awtomatikament ir-rinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni tista’ tkun kontra l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittxija mid-Direttiva 93/13. Tali ġurisprudenza tista’ tiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jirrikorru għall-mekkaniżmu ta’ tpaċija, minkejja li dan jikkostitwixxi mezz effikaċi sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom meta jkunu involuti klawżoli inġusti. Barra minn hekk, kemm il-prinċipju tal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll dak ta’ ċertezza legali jimmilitaw favur interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-aċċettazzjoni ta’ azzjoni preskritta mressqa minn professjonist kontra konsumatur tista’ tiġi prevista biss f’każijiet eċċezzjonali u ċarament iddefiniti. |
|
25 |
Madankollu, l-istess qorti tosserva li jekk l-għan ta’ ML, billi tippreżenta dikjarazzjoni ta’ tpaċija, kien li ttemm id-dejn ma’ mBank, il-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni tista’ titqies li timplika r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ dan id-dejn, li fl-assenza tiegħu t-tpaċija tkun mingħajr skop. Barra minn hekk, ML hija rrappreżentata minn avukat li, fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, għandu jkun jaf il-ġurisprudenza nazzjonali, li tipprovdi li l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija tikkostitwixxi rinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni. |
|
26 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fil-kuntest tal-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju fl-intier tiegħu għar-raġuni li dan isir ineffettiv wara li minnu jkunu tneħħew il-klawżoli inġusti, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha l-preżentazzjoni, mill-konsumatur, ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija tal-kreditu tiegħu mal-kreditu tal-bank għar-rimbors tal-ekwivalenti tal-valur tal-kapital tas-self huwa ekwivalenti għar-rinunzja, min-naħa tal-konsumatur, tal-invokazzjoni tal-preskrizzjoni tal-imsemmi kreditu tal-bank?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
27 |
Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. |
|
28 |
Fl-ewwel lok, mBank issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li fihom ML ippreżentat id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tagħha u lanqas dwar il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi”, “il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti”, kif ukoll “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”. |
|
30 |
Fil-każ ineżami, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, minn naħa, din it-talba tirriproduċi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali u tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju taċ-ċirkustanzi li fihom ML ippreżentat id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tagħha, kif ukoll tad-domandi li din il-qorti tifformula dwar il-konsegwenzi legali li l-ġurisprudenza nazzjonali torbot ma’ tali dikjarazzjoni, hija suffiċjenti sabiex jinftiehmu r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-imsemmija qorti titlob l-interpretazzjoni tagħhom u r-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha. |
|
31 |
Fit-tieni lok, mBank u ML isostnu li d-domanda preliminari hija ipotetika, minħabba li ML ippreżentat id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tagħha biss sussidjarjament u li sussegwentement irtiraha permezz ta’ att tal‑4 ta’ Novembru 2024. Il-kwistjoni dwar it-tpaċija u l-effetti marbuta ma’ din id-dikjarazzjoni hija, għaldaqstant, irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, wara talba għal informazzjoni li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li ML kienet irtirat id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tagħha. Madankollu, din il-qorti indikat li xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, minħabba li risposta għad-domanda magħmula hija dejjem neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. L-imsemmija qorti ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni Pollakka tippermetti l-irtirar tal-eċċezzjoni ta’ tpaċija, mifhuma bħala eċċezzjoni proċedurali, iżda ma tawtorizzax l-irtirar ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, mifhuma bħala dikjarazzjoni sostantiva. Hija żiedet tgħid li, fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni inizjali ta’ tpaċija hija ekwivalenti għal rikonoxximent ta’ dejn, li, skont l-Artikolu 123 tal-Kodiċi Ċivili, jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni. Għaldaqstant, dan it-terminu jerġa’ jibda jiddekorri minn dan ir-rikonoxximent impliċitu, mingħajr ma l-irtirar sussegwenti tad-dikjarazzjoni jista’ jkollu effett retroattiv u jġib fix-xejn l-imsemmi rikonoxximent impliċitu hekk imwettaq. |
|
33 |
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi preliminari magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 25, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj, C‑755/22, EU:C:2024:10, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fejn ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj, C‑755/22, EU:C:2024:10, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Fil-każ ineżami, minn naħa, mir-risposta għat-talba għal informazzjoni, imsemmija fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, ipprovduta mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ tpaċija hija ekwivalenti, fid-dritt Pollakk, għal rikonoxximent ta’ dejn, li tipproduċi effetti legali indipendentement mill-irtirar eventwali tagħha, li, barra minn hekk, ma huwiex ammess skont id-dritt nazzjonali applikabbli. |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali tirrigwarda azzjoni għal ħlas lura mressqa minn istituzzjoni bankarja sabiex tikseb il-ħlas lura tal-kapital misluf abbażi ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżoli inġusti u li għandu jiġi annullat. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-preżentazzjoni, minn konsumatur, ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija tal-kreditu tiegħu ma’ dak tal-istituzzjoni bankarja timplika rinunzja impliċita għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 93/13 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. |
|
38 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, mBank issostni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma humiex applikabbli għall-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija magħmula fil-kuntest ta’ azzjoni għal ħlas lura, b’tali mod li din il-kwistjoni hija rregolata biss mid-dritt nazzjonali. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, meta, bħal fil-każ ineżami, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att għall-kawża prinċipali taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu), C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
41 |
Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni bankarja, minħabba li dan il-kuntratt jinkludi klawżola inġusta li mingħajrha l-imsemmi kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti, jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-preżentazzjoni, minn dan il-konsumatur, ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija tal-kreditu tiegħu ma’ dak ta’ din l-istituzzjoni bankarja timplika rinunzja impliċita għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni relatata mal-kreditu li tinvoka l-imsemmija istituzzjoni. |
|
42 |
Għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz tad-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-professjonist f’dak li jirrigwarda kemm il-poter ta’ negozjati kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-professjonist, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt)C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Huwa għalhekk li, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi, id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tagħha moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti bejn il-professjonisti u l-konsumaturi. Sabiex isir dan, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur ikkonċernat, ħlief jekk dan tal-aħħar jopponi dan (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mid-Direttiva 93/13, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u lanqas il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni ta’ tali natura inġusta. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista minn din id-direttiva jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu amministrati b’mod li fil-prattika jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B, C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 39 u tas-26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku suġġett tad-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fost il-mezzi xierqa u effettivi li għandhom jiggarantixxu lill-konsumatur dritt għal rimedju effettiv għandu jkun hemm il-possibbiltà li dan jintervjeni fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija kontrih minn professjonist f’kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli, b’tali mod li l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari termini, spejjeż jew spejjeż oħra tal-proċedura, li jirrendu eċċessivament diffiċli jew fil-prattika impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 59, u tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal ħlas lura mressqa minn mBank bl-għan li jiġi rkuprat kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ self ipotekarju li għandu jiġi annullat minħabba li jinkludi klawżoli inġusti, ML qajjmet eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni ta’ dan il-kreditu u fl-istess ħin ippreżentat dikjarazzjoni ta’ tpaċija sabiex tpaċċi l-kreditu tagħha stess ma’ dak tal-istituzzjoni bankarja. |
|
49 |
Minn dan jirriżulta wkoll li, fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali, il-kreditu tal-istituzzjoni bankarja kien preskritt, b’tali mod li, fid-dawl tal-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn ML, il-qorti tar-rinviju tidher li hija obbligata tiċħad ir-rikors. Madankollu, din il-qorti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, konformement mal-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili, timplika rinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 117(2) ta’ dan il-kodiċi, b’tali mod li l-eċċezzjoni mqajma minn ML ma tistax tintlaqa’ u li l-kreditu tal-istituzzjoni bankarja ma jistax jitqies li huwa preskritt. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-issuġġettar tal-benefiċċju tal-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni għall-astensjoni ta’ kull dikjarazzjoni ta’ tpaċija jammonta, fir-realtà, għal-limitazzjoni tal-possibbiltà għall-konsumatur li jeżerċita dritt proċedurali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri dak li jikkonsisti fl-invokazzjoni ta’ kreditu reċiproku li jirriżulta mill-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni. Tali limitazzjoni tista’, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-professjonist kontra l-konsumatur, tikkostitwixxi ostakolu tali li jipprekludi jew jiskoraġġixxi lil dan tal-aħħar milli jeżerċita b’mod utli d-drittijiet proċedurali tiegħu, bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza. |
|
51 |
Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher ukoll li tista’ tikkomprometti l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, ifittex li jorbot ma’ konstatazzjoni tal-preżenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn professjonist (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Getin Noble Bank (Terminu ta’ preskrizzjoni għal azzjonijiet għal restituzzjoni), C‑28/22, EU:C:2023:992, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-elementi esposti mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 49 tas-sentenza preżenti, din il-ġurisprudenza nazzjonali tidher li hija tali li twassal sabiex professjonist ikun jista’ jirkupra kreditu preskritt għas-sempliċi raġuni li l-konsumatur, filwaqt li jkun qajjem eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, ikun eżerċita mezz proċedurali mogħti lilu mid-dritt nazzjonali, jiġifieri l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija. L-imsemmija ġurisprudenza tista’ għalhekk iċċaħħad mill-effettività l-mekkaniżmu stabbilit mid-Direttiva 93/13 għall-prevenzjoni tal-użu ta’ klawżoli inġusti fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn professjonist u konsumaturi, peress li għandha l-konsegwenza li tinnewtralizza l-effetti legali marbuta mal-annullament tal-kuntratt inkwistjoni u li tippermetti lill- professjonist jieħu vantaġġ mill-aġir illegali tiegħu stess, li jkun wassal għal dan l-annullament. |
|
53 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra l-klawżoli inġusti kif ukoll kontra l-konsegwenzi dannużi kkawżati mill-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu, implimentat mid-Direttiva 93/13, ma tapplikax jekk il-konsumatur jopponi dan. Dan tal-aħħar jista’, wara li jkun ġie informat mill-qorti nazzjonali, ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti ta’ klawżola, u b’hekk jagħti kunsens liberu u informat għall-klawżola inkwistjoni u jevita, bl-istess mod, l-invalidazzjoni tal-kuntratt. Sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tindika lill-partijiet, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwità fil-proċeduri ċivili, b’mod oġġettiv u eżawrjenti l-konsegwenzi legali li għalihom tista’ twassal l-eliminazzjoni tal-klawżola inġusta, u dan indipendentement mill-fatt jekk dawn ikunux irrappreżentati minn mandatarju professjonali jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punti 94, 95 u 97). |
|
54 |
Bl-istess mod, rinunzja għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi preżunta biss abbażi ta’ ġurisprudenza nazzjonali li tqis att proċedurali, bħal dikjarazzjoni ta’ tpaċija, bħala manifestazzjoni ta’ rieda impliċita li tirrinunzja għal din l-eċċezzjoni, mingħajr ma jiġi vverifikat li l-konsumatur esprima rieda libera u informata li jagħmel dan. L-istess interpretazzjoni tapplika, a fortiori, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konsumatur, permezz ta’ att proċedurali ieħor ippreżentat fl-istess ħin, wera b’mod espress ir-rieda kuntrarja għal dik li jinvoka l-preskrizzjoni. |
|
55 |
Hekk kif enfasizza, essenzjalment, il-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ effettività jeżiġu li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jinvoka b’mod utli d-drittijiet mogħtija lilu minn din id-direttiva, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dritt proċedurali partikolari jkun jista’ awtomatikament jiġi assimilat mar-rinunzja impliċita għal dritt ieħor. Għaldaqstant, għandu jitqies li ġurisprudenza nazzjonali li tiddeduċi rinunzja impliċita għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mis-sempliċi preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, mingħajr verifika tar-rieda tal-konsumatur, tikser dan ir-rekwiżit. |
|
56 |
Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li ML kienet irrappreżentata minn avukat li, fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, għandu jkun jaf bil-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni, peress li tali ċirkustanza hija, bħala prinċipju, mingħajr effett fuq il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha. Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jibdlu, jekk ikun meħtieġ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sempliċi fatt li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata, b’mod kostanti, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 65 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma jkunux jistgħu jiġu interpretati b’mod li jipprekludi jew jiskoraġġixxi lill-konsumatur mill-possibbiltà li jinvoka b’mod utli l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni relatata mal-kreditu invokata mill-istituzzjoni bankarja, għas-sempliċi raġuni li dan il-konsumatur ikun ippreżenta dikjarazzjoni ta’ tpaċija. |
|
59 |
Għaldaqstant, hija din il-qorti li, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax, abbażi tal-awtorità tagħha stess, il-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din ma tidhirx li hija kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. |
|
60 |
Fid-dawl ta’ dawn il-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni bankarja, minħabba li dan il-kuntratt jinkludi klawżola inġusta li mingħajrha l-imsemmi kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti, jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-preżentazzjoni, minn dan il-konsumatur, ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija tal-kreditu tiegħu ma’ dak ta’ din l-istituzzjoni bankarja timplika rinunzja impliċita għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni relatata mal-kreditu li tinvoka l-imsemmija istituzzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni bankarja, minħabba li dan il-kuntratt jinkludi klawżola inġusta li mingħajrha l-imsemmi kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti, jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-preżentazzjoni, minn dan il-konsumatur, ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija tal-kreditu tiegħu ma’ dak ta’ din l-istituzzjoni bankarja timplika rinunzja impliċita għall-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni relatata mal-kreditu li tinvoka l-imsemmija istituzzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.