European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/799

25.4.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/799

tal-14 ta’ April 2025

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor (3), li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (“il-Kumitat Konġunt”) għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor billi jżid atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor, iżda li la jemendaw u lanqas jissostitwixxu l-atti tal-Unjoni elenkati fl-Annessi tal-Qafas ta’ Windsor.

(3)

L-Artikoli 66 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huma applikabbli skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor. Il-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament huma dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor li jenħtieġ li jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor. Dan ma japplikax għall-Artikoli 5 u 67 ta’ dak ir-Regolament (UE) 2024/2847.

(4)

Il-Kumitat Konġunt, fil-laqgħa tiegħu li jmiss, jenħtieġ li jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor li żżid l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67 tiegħu, mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Kumitat Konġunt”) hija stabbilita fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ECLI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/135/oj).

(3)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’…

li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”) biex jadotta deċiżjonijiet li jżidu atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor.

(2)

Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti fuq l-Unjoni u fuq ir-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(3)

L-Artikoli 66 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (3) huma applikabbli skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor. Il-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67 tiegħu, huma dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor li jenħtieġ li jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika), bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67 tiegħu, għandhom jiżdiedu mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 47 “Oħrajn”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign.

(2)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).

(3)   ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/799/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)