11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/211


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1903 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0043/2020),

A.

billi l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistemi ta' ġestjoni u l-użu ta' riżorsi fil-kwartieri ġenerali u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni huma prinċipji gwida ewlenin għall-kisba tal-objettivi tal-politika barranija, għar-rispons għall-isfidi ġeopolitiċi u għat-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni bħala attur globali;

B.

billi huwa essenzjali li tiġi promossa kultura ta' ġestjoni komuni fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) billi jiġi msaħħaħ il-karattru Ewropew u l-"esprit de corps" tal-persunal diplomatiku;

C.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jiddispjaċih, bħala rimarka ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-istituzzjoni għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti" għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies bħala ta' riskju baxx;

2.   

Iqis li l-ħidma ta' awditjar imwettqa skont il-Kapitolu 10 tar-rapport tal-Qorti għandha tkun ibbilanċjata aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandha tmur lil hinn mir-rekwiżiti ta' konformità;

3.   

Jemmen li għandha tkun iddedikata aktar ħidma ta' awditjar għan-nefqa operattiva jew kwistjonijiet li qed isiru ta' rilevanza kbira jew saħansitra kritiċi għas-SEAE, bħall-kapaċità ta' komunikazzjoni strateġika u t-teknoloġija tal-informazzjoni,per eżempju ċ-ċibersigurtà, il-prestazzjoni tal-pakkett globali ta' sigurtà għad-delegazzjonijiet jew il-ġestjoni finanzjarja u l-appoġġ amministrattiv tal-pjattaforma ta' appoġġ għall-missjonijiet għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni;

4.   

Jinnota wkoll li, għat-tieni sena konsekuttiva, il-Qorti ma rrappurtat l-ebda kwistjoni speċifika għas-SEAE;

5.   

Jinnota b'apprezzament li, għat-tieni sena konsekuttiva, il-Qorti ma identifikatx livelli materjali ta' żball fir-rapport tal-attività annwali u l-arranġament ta' governanza annwali tas-SEAE;

6.   

Jinnota li l-baġit totali tas-SEAE għall-2018 ammonta għal EUR 678,5 miljun (jiġifieri żieda ta' 2,8 % meta mqabbel mal-2017) b'rata ta' eżekuzzjoni ta' 99,9 % għall-impenji u ta' 84,8 % (ftit inqas mis-86,7 % tal-2017) għall-pagamenti sa tmiem is-sena u b'kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Kummissjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni stazzjonati fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jinnota t-tqassim attwali tal-baġit, jiġifieri EUR 249,7 miljun għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE u EUR 428,8 miljun għad-delegazzjonijiet;

7.   

Jinnota li fl-2018 ingħatat ukoll kontribuzzjoni ta' EUR 58,5 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-fondi fiduċjarji meta mqabbla ma' EUR 55 miljun fl-2017;

8.   

Jinkoraġġixxi lis-SEAE biex possibbilment jissimplifika n-nomenklatura baġitarja attwali biex jippermetti ġestjoni aktar faċli u aktar effiċjenti għas-SEAE billi jirrazzjonalizza b'mod progressiv il-35 linja baġitarja użati biex jiġu ffinanzjati l-operazzjonijiet tal-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet, li jirriflettu strumenti ta' żvilupp ġeografiċi u varji;

9.   

Jinnota b'apprezzament is-simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-baġit bil-finanzjament kollu tal-ispejjeż ġenerali komuni relatati mal-uffiċċji tad-delegazzjonijiet kollha fl-2018, (kera, sigurtà, tindif u spejjeż ġenerali oħra), inklużi d-delegazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, mil-linji baġitarji tas-SEAE għat-tielet sena konsekuttiva; jappoġġa l-isforzi tas-SEAE biex jimmodernizza u jissimplifika l-amministrazzjoni tiegħu permezz tal-proġett "Innovative 2019", li jinkludi 20 proposta li qed jiġu eżaminati; jitlob lis-SEAE jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-rapport annwali tal-attività tiegħu li jmiss;

10.   

Josserva li l-baġit tal-kwartieri ġenerali ammonta għal EUR 249,7 miljun li minnhom EUR 162,4 miljun (jiġifieri 65,5 %) ikkonċernaw il-ħlas tas-salarji u l-intitolamenti l-oħra tal-persunal statutorju u dak estern, EUR 30,8 miljun (jiġifieri 12 %) kienu għall-bini u spejjeż assoċjati u EUR 34,9 miljun (jiġifieri 14 %) kienu relatati ma' sistemi, tagħmir u għamara tal-IT;

11.   

Jinnota li l-baġit ta' EUR 428,8 miljun tad-delegazzjonijiet kien maqsum bejn EUR 118,4 miljuni (jiġifieri 27,6 %) għar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 168 miljun (39,2 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, EUR 72,1 miljun (jiġifieri 16,8 %) għall-persunal estern u servizzi minn barra, EUR 27,6 miljun (6,4 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal u EUR 42,7 miljun (10 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota wkoll li EUR 196,4 miljun (meta mqabbel ma' EUR 185,6 miljun fl-2016 u EUR 204,7 miljun fl-2015) ġew irċevuti mill-Kummissjoni għall-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni stazzjonat fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u nqasmu bejn l-Intestatura V tal-Kummissjoni b'EUR 47,2 miljun, il-linji amministrattivi tal-programmi operattivi b'EUR 93,2 miljun, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u fondi fiduċjarji b'EUR 58,5 miljun ((compared to EUR 55 million in 2017 and EUR 45,4 million in 2016);45,4 miljun fl-2016);

12.   

Jinnota l-kumplessità tal-politika tal-amministrazzjoni tal-bini fid-dawl tal-missjoni tas-SEAE; jenfasizza l-ħtieġa għal spjegazzjoni suffiċjenti min-naħa tas-SEAE b'rabta mal-politika ta' amministrazzjoni tal-bini tiegħu f'dak li jirrigwarda x-xiri, il-kiri u l-ġestjoni; jistieden lis-SEAE jeżerċita viġilanza kostanti fuq il-politika ta' amministrazzjoni tal-bini tiegħu u, b'mod partikolari, jiżgura li kwalunkwe suspett ta' każijiet ta' frodi jew korruzzjoni li jistgħu jiġu identifikati waqt ix-xiri, il-kiri jew il-ġestjoni tal-bini jiġi indirizzat immedjatament; jistieden lis-SEAE jipprovdi spjegazzjoni suffiċjenti dwar il-proċeduri tiegħu ta' offerti u l-ispejjeż tal-bini fil-kompetenza tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

13.   

Jenfasizza li kooperazzjoni tajba bejn il-Parlament u s-SEAE hija essenzjali għall-ġestjoni u r-rieżami tal-fajls tal-bini; iħeġġeġ bil-qawwa lis-SEAE jissottometti fajls ta' bini għall-approvazzjoni fi żmien debitu biex ikun hemm ħin biżżejjed għal rieżami bir-reqqa u mistoqsijiet ta' segwitu; itenni li fajls sottomessi lill-awtorità baġitarja f'dati viċin ħafna ta' dati kritiċi joħolqu limitazzjonijiet ta' ħin bla bżonn u approvazzjonijiet furzati mill-awtorità baġitarja mingħajr il-possibilità li jiġi estiż il-perjodu ta' rieżami;

14.   

Jistieden lis-SEAE jimpenja ruħu għall-kwittanza li jmiss li jibqa' jibgħat lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit id-Dokument ta' Ħidma dwar il-politika tal-bini tiegħu, inkluża informazzjoni li tispjega l-kuntest u l-kopertura tal-ispejjeż tal-bini; jieħu nota tal-informazzjoni eżawrjenti u dettaljata dwar il-politika tal-bini tas-SEAE pprovduta permezz tal-kwestjonarji bil-miktub;

15.   

Jinnota li s-SEAE ttrasferixxa EUR 30,8 miljun li minnhom l-akbar ammont kien użat biex jinxtara bini f'Washington, u dan l-ammont tal-aħħar naqqas il-baġit finali għall-kwartieri ġenerali għal EUR 239 miljun filwaqt li żied il-baġit tad-delegazzjoni b'EUR 10,7 miljun;

16.   

Jinnota li l-Unjoni qed tiffaċċja ambjent internazzjonali dejjem aktar ta' sfida, li wassal għal żieda fid-domanda biex l-Unjoni twettaq rwol mexxej fix-xena internazzjonali; jenfasizza r-rwol ċentrali li s-SEAE jokkupa fit-tmexxija tal-politika barranija tal-Unjoni taħt il-gwida tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-Kummissjoni; jinnota li r-rwol imsaħħaħ tas-SEAE ma ġiex sostnut minn żieda korrispondenti fil-persunal; jappella li jingħata biżżejjed riżorsi umani sabiex l-effikaċja tal-Unjoni bħala attur globali ma titpoġġiex f'riskju;

17.   

Jinnota li s-SEAE jiżvolġi rwol kruċjali fil-garanzija tal-koerenza tal-politika barranija tal-Unjoni; jenfasizza wkoll il-bżonn li s-SEAE jiġi fornut bir-riżorsi meħtieġa għal implimentazzjoni b'suċċess ta' Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE;

18.   

Jirrikonoxxi ż-żona operattiva diffiċli tas-SEAE li fiha joperaw delegazzjonijiet tal-Unjoni, peress li l-kundizzjonijiet politiċi u soċjoekonomiċi spiss huma kumplessi, mhux stabbli u minħabba riskji għoljin assoċjati ma’ konsegwenzi baġitarji u spejjeż sinifikanti potenzjali prinċipalment għas-sigurtà tal-persunal u tal-infrastrutturi;

19.   

Jistieden lis-SEAE joħloq postijiet għal aġenti lokali li jkunu responsabbli għar-rappurtar dwar il-ħidma leġiżlattiva f'pajjiżi ta' interess strateġiku, b'mod partikolari l-pajjiżi ta' adeżjoni u dawk tas-Sħubija tal-Lvant, bil-għan li jżid il-fehim tal-Unjoni tal-viċinat u tal-approsimazzjoni tiegħu mal-acquis; jistieden lis-SEAE jieħu azzjoni biex isolvi l-problemi li jwasslu għal żbalji identifikati fil-qasam tal-akkwist u biex jipprevjeni l-ksur tar-regoli rilevanti fil-futur;

20.   

Jinnota li t-Task Force East StratCom ingħatat EUR 1,1 miljun fl-2018 għall-ħidma tagħha biex tindirizza d-diżinformazzjoni tar-Russja. Fl-2019, il-baġit żdied għal EUR 3 miljun; jappella għal żieda sostanzjali fil-baġit sabiex l-Unjoni tkun tista' tiġġieled b'suċċess il-gwerra tal-informazzjoni tar-Russja; jappella għal aktar kampanji ta' informazzjoni biex jiġu spjegati aħjar il-politiki tal-Unjoni fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

21.   

Jirrikonoxxi, f'dak il-kuntest, li l-istruttura ta' ċerti spejjeż tas-SEAE, bħall-ispejjeż tal-infrastruttura, tista' tkun aktar diffiċli biex tiġi ġestita minħabba l-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju jew il-kundizzjonijiet speċifiċi lokali tas-suq, u b'hekk il-ġestjoni u l-ippjanar fil-livell tad-delegazzjonijiet isiru aktar diffiċli;

22.   

Jinnota li l-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi arranġamenti ġodda ta' setgħat implimentattivi tal-baġit għad-delegazzjonijiet, jiġifieri l-possibbiltà li l-viċi kapijiet ta' delegazzjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega u jimplimentaw il-baġit operattiv tal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju;

23.   

Jilqa' f'dak il-kuntest l-adattamenti tas-SEAE tar-regoli interni tiegħu kif xieraq iżda jistieden madankollu lis-SEAE jimmonitorja bir-reqqa tali sitwazzjonijiet meta tintuża din id-dispożizzjoni ġdida, jiġifieri f'delegazzjonijiet ta' daqs żgħir; jistieden lis-SEAE biex, fil-qafas tal-istrateġija ta' kontroll intern tiegħu, jagħti attenzjoni partikolari lir-riskji potenzjali relatati billi jwettaq kontroll intensifikat tal-operazzjonijiet mill-bogħod dwar l-adegwatezza tal-flussi tax-xogħol finanzjarji u/jew billi jipprovdi aktar appoġġ temporanju b'monitoraġġ u rappurtar ad hoc rilevanti ta' dawn il-perjodi; ifakkar li l-istandard ta' kontroll intern "Kontinwità tan-negozju" kien wieħed mill-aktar komponenti dgħajfa tas-sistema ta' kontroll intern tas-SEAE għal diversi snin, speċjalment għad-delegazzjonijiet;

24.   

Iqis bħala passi pożittivi l-ħolqien tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrument ta' ġestjoni bir-reġistri tar-riskji għall-kwartieri ġenerali u d-delegazzjonijiet kif ukoll l-adozzjoni ta' qafas ta' kontroll intern ġdid; jistieden madankollu lis-SEAE biex imur lil hinn mill-għarfien tar-riskju billi jiżgura li l-mitigazzjoni tar-riskji tiġi implimentata b'mod effettiv u tiġi rieżaminata b'mod kostanti;

25.   

Jieħu nota tar-rata ta' anomaliji misjuba f'verifiki ex ante ta' impenji u pagamenti (209 żball minn 1041 u 258 żball minn 1841 rispettivament); jiddispjaċih dwar in-natura rikorrenti tal-iżbalji identifikati, jiġifieri prinċipalment in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' dokumenti ta' sostenn meta l-operazzjonijiet finanzjarji jiġu ppreżentati għal verifika finanzjarja ex ante; jistieden ukoll lis-SEAE jkompli jipprovdi appoġġ speċifiku għall-akkwist pubbliku ta' valur għoli kollu fid-delegazzjonijiet; jilqa' l-implimentazzjoni tal-flussi tax-xogħol elettroniċi fil-kwartieri ġenerali sa tmiem l-2019 li huma maħsuba biex jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-livell ta' żbalji f'termini ġenerali;

26.   

Jilqa' l-allinjament fl-2018 tal-metodoloġija ex post mal-metodoloġija tal-Qorti, li tippermetti li tiġi pprovduta rata ta' żball għal kull qasam prinċipali ta' nfiq, jiġifieri nfiq tal-persunal, infrastruttura, sigurtà u IT/telekomunikazzjonijiet u abbażi ta' kampjuni ta' operazzjonijiet stratifikati b'mod każwali; iqis li dik l-evoluzzjoni pożittiva se tipprovdi lill-uffiċjal tal-ġestjoni u tal-awtorizzazzjoni b'delega ħarsa ġenerali aħjar tal-ammonti finanzjarji operattivi u globali f'riskju abbażi ta' kopertura akbar u eżawrjenti tat-tranżazzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li dik il-metodoloġija se tipprovdi raġunijiet aktar oġġettivi għall-ħruġ ta' pjanijiet ta' azzjoni ddedikati b'miżuri ta' mitigazzjoni jew riżervi potenzjali;

27.   

Itenni l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ orjentat lejn ir-riżultati lid-delegazzjonijiet fl-oqsma kollha, jiġifieri l-appoġġ għall-akkwist; iqis li l-esperjenza, il-kooperazzjoni u r-riżultati taċ-Ċentru Reġjonali għall-Ewropa li jkopri 27 delegazzjoni għandhom jingħataw il-valur xieraq, b'mod partikolari għal-livell ogħla ta' aċċertament ipprovdut, filwaqt li possibbilment jiġu kkunsidrati mezzi oħra ugwalment effettivi;

28.   

Jistieden lis-SEAE jsaħħaħ progressivament il-katina ta' aċċertament tas-SEAE tiegħu f'konformità mas-sett il-ġdid ta' standards ta' kontroll intern li jqegħdu aktar enfasi kemm fuq il-kompetenza u r-responsabbiltà individwali għar-rwol tagħhom fit-twettiq ta' kontrolli (kif rifless ukoll fil-kwestjonarju tal-2018 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' kontroll intern, partikolarment fil-qasam tal-kontroll fuq it-teknoloġija ftit inqas punteġġ) kif ukoll fuq ir-riskju ta' frodi;

29.   

Jilqa' l-isforzi tas-SEAE biex irawwem is-sens ta' responsabbiltà tal-kapijiet ta' delegazzjoni li għadhom kif inħatru għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet operattivi tagħhom flimkien mal-mandat politiku tagħhom; iqis li dan jikkonċerna wkoll lill-atturi kollha b'rabta mal-affarijiet barranin, bħal rappreżentanti speċjali tal-UE, mibgħuta speċjali tal-UE, kapijiet ta' operazzjonijiet militari u kapijiet ta' missjonijiet ċivili;

30.   

Ifakkar li r-riżerva hija fundamentali fil-kostruzzjoni tar-responsabbiltà u għalhekk tikkostitwixxi strument preventiv u ta' trasparenza fil-bini tal-katina ta' aċċertament tas-SEAE, li jirrifletti l-isfidi li hemm bħalissa jew dgħufijiet li fadal u li kien hemm li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kapijiet tad-delegazzjonijiet;

31.   

Jinnota li żewġ delegazzjonijiet biss ipprovdew riżervi motivati, jiġifieri d-Delegazzjoni għas-Sirja, bħal fl-2017, u d-Delegazzjoni għall-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu għal nuqqas ta' konformità ta' kuntratti implimentati ma' regoli tal-akkwist; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli r-rieżami sħiħ li għaddej tal-kuntratti kollha biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli finanzjarji;

32.   

Josserva li fi tmiem l-2018, il-popolazzjoni ta' diplomatiċi tal-Istati Membri fl-ammont totali ta' amministraturi kienet tammonta għal 33,76 %, kważi ekwivalenti għal-livell tal-2014 ta' 33,8 %; jinnota l-varjazzjonijiet żgħar li ġejjin bejn l-2014 u l-2018: 32,83 % fi tmiem l-2017, 31,7 % fi tmiem l-2016, 32,9 % fl-2015; jistieden lis-SEAE jibqa' konformi mal-formula tal-persunal kif tinsab fid-Deċiżjoni 2010/427/UE (1), jiġifieri proporzjon ta' terz tal-persunal mill-Istati Membri u żewġ terzi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

33.   

Għadu mħasseb dwar l-iżbilanċi kontinwi fil-profil tal-persunal tas-SEAE fir-rigward tan-nazzjonalità; jinnota li fi tmiem l-2017, id-diplomatiċi tal-Istati Membri kienu jirrappreżentaw 32,83 % tal-persunal globali tal-amministraturi tas-SEAE (jiġifieri 307 persuni), fi tmiem l-2016, 31,7 % tal-persunal tas-SEAE kien ġej mill-Istati Membri meta mqabbel ma' 32,9 % fl-2015 u 33,8 % fl-2014;

34.   

Jenfasizza li, minkejja sejħiet ripetuti, is-SEAE għadu ma jissodisfax ir-rekwiżiti għall-bilanċ ġeografiku u huwa sproporzjonat b'mod sinifikanti billi għandu kapijiet tad-delegazzjoni mill-Belġju (9), il-Ġermanja (15), Franza (16), l-Italja (21), il-Polonja (5), ir-Repubblika Ċeka (2); jinnota, b'mod partikolari, iż-żieda fin-numru ta' kapijiet ta' delegazzjoni Taljani matul dawn l-aħħar sentejn;

35.   

Jistieden it-tisħiħ tal-bilanċ ġeografiku fi ħdan is-SEAE; itenni l-importanza ta' preżenza xierqa u sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha; jenfasizza li s-SEAE għandu jiżgura li l-Istati Membri kollha jkunu rappreżentati b'mod adegwat filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi u l-merti tal-kandidati; għalhekk iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jinteraġixxi mal-Istati Membri biex jippromwovi l-karigi tiegħu fost in-netwerks diplomatiċi nazzjonali;

36.   

Jistieden lis-SEAE jimplimenta bbaġitjar abbażi tal-ġeneri fl-infiq pubbliku kollu;

37.   

Ifakkar li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha l-għan li torganizza (mill-ġdid), ittejjeb, tiżviluppa u tevalwa l-proċess tal-politiki, bil-għan li l-perspettiva tal-ugwaljanza tal-ġeneri tiġi inkorporata fil-politiki kollha u fil-livelli kollha u fl-istadji kollha, mill-atturi involuti fit-tfassil tal-politiki;

38.   

Jinnota b'soddisfazzjon li l-parità numerika bejn il-ġeneri kważi intlaħqet bi 47,4 % tan-numru globali ta’ karigi okkupati minn nisa; jistieden, madankollu, lis-SEAE jkompli jnaqqas l-iżbilanċi kwalitattivi eżistenti fil-livelli kollha, il-funzjonijiet u l-kategoriji differenti, speċjalment għall-pożizzjonijiet ta' amministratur fejn attwalment 34,92 % tal-karigi huma okkupati minn nisa; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jaħdem fuq il-firxa ta' miżuri meħuda biex jappoġġa l-bilanċ bejn il-ġeneri u jżid id-diversità, bħan-netwerk għan-nisa fil-karigi ta' qabel il-ġestjoni u t-taħriġ iddedikat għan-nisa fil-maniġment u dawk li jaspiraw li jsiru managers;

39.   

Josserva li l-bilanċ bejn il-ġeneri u l-bilanċ ġeografiku għandhom jiġu rrispettati wkoll fir-rigward tar-rappreżentanti speċjali tal-UE u jinnota li attwalment tnejn minn fost tmien rappreżentanti speċjali tal-UE huma nisa; iqis ukoll li għandhom jiġu kkunsidrati standards etiċi biex jiġu evitati kunflitti ta' interessi potenzjali; jappoġġa t-tħejjija tas-SEAE dwar il-linji gwida dwar l-etika, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tax-xogħol fid-delegazzjoni;

40.   

Jenfasizza l-istess sitwazzjoni fit-tqassim ġenerali tal-persunal skont il-ġeneru fil-karigi ta' maniġment, filwaqt li jinnota titjib fl-2018 b'27,1 % li huma nisa meta mqabbel ma' 24,5 % fl-2017, li jirrappreżenta 71 mara, jiġifieri 60 minn 211-il pożizzjoni f'karigi ta' maniġment intermedju (28,4 % meta mqabbel ma' 26 % fl-2017) u 11 minn 51 kariga ta' maniġment għoli (21,57 % meta mqabbla ma' 18 % fl-2017);

41.   

Jappella għal aktar sforzi biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi; jistieden lis-SEAE jaġġorna l-Istrateġija dwar il-Ġeneri u l-Opportunitajiet Indaqs tiegħu sabiex jinkludi miri konkreti rigward il-preżenza tan-nisa fil-karigi maniġerjali; jenfasizza l-fatt li titjib tal-bilanċ ġeografiku u bejn il-ġeneri fis-SEAE jikkontribwixxi biex titjieb is-sjieda tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

42.   

Jinnota li minn 135 kariga ta' kapijiet ta' delegazzjoni, 34 kienu okkupati minn nisa; jiddispjaċih ukoll dwar il-perċentwal baxx ta' kandidati nisa għal karigi maniġerjali fl-eżerċizzju ta' rotazzjoni annwali għad-delegazzjonijiet, li għadu baxx bi 18 % biss; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli l-ħidma tiegħu mal-Istati Membri biex jiġu introdotti aktar kandidati nisa;

43.   

Josserva li, wara żieda regolari mill-2011 'l hawn, l-għadd ta' esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri ġie stabbilizzat għal 449, l-istess numru bħal fl-2017; jinnota li 87,31 % tal-esperti nazzjonali sekondati huma stazzjonati fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, bir-raġunament li jwieġbu għal ħtiġijiet speċjalizzati ħafna fl-istruttura tas-SEAE; jistieden ukoll lis-SEAE jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni potenzjali tal-kunflitt ta' interess fil-politika ta' reklutaġġ tiegħu għal esperti nazzjonali sekondati;

44.   

Ifakkar fl-importanza tal-perjodi ta' tregwa għal uffiċjali li qabel kienu impjegati mill-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni billi sitwazzjonijiet mhux indirizzati ta' kunflitt ta' interess jistgħu jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin fl-amministrazzjoni tal-Unjoni kollha; jenfasizza li l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Unjoni, inkluż is-SEAE, jiċħdu t-talba ta' ex uffiċjal li jieħdu impjieg speċifiku jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet; jibża' li ħafna drabi ma jkunx possibbli li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta' wara l-impjieg fis-servizz pubbliku; għalhekk iħeġġeġ lis-SEAE, lill-aġenziji u lill-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-Unjoni jikkunsidraw il-firxa sħiħa ta' għodod disponibbli skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari meta jiġu nnotifikati dwar trasferiment lil organizzazzjoni jew kumpanija li tkun irreġistrat fir-reġistru ta' trasparenza sabiex jiġi eskluż kwalunkwe riskju li ex uffiċjali jagħmlu lobbying fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi żmien sentejn wara li jkunu telqu mis-servizz; jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni, inkluż is-SEAE, biex jippubblikaw b'mod strett il-valutazzjoni tagħhom ta' kull każ kif meħtieġ skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal;

45.   

Iqis neċessarju li jinġabru aktar esperjenzi fl-infurzar u s-superviżjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-regoli etiċi relatati madwar l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni; jilqa' l-impenn tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, għal korp tal-etika tal-Unjoni komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

46.   

Josserva li l-interess u l-għadd ta' proġetti ta' kolokazzjoni żdiedu b'mod gradwali minħabba l-kosteffettività u s-sinerġiji tagħhom, u li jipprovdu mekkaniżmu li jirkupra l-ispejjeż kollha tal-kolokazzjonijiet;

47.   

Jilqa' ż-żieda fl-arranġamenti ta' kolokazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati Membri bil-firma ta' tnejn u għoxrin ftehim ta' kolokazzjoni ġodda fl-2018, li jikkonċernaw 65 delegazzjoni u li jwasslu għal total ta' 114-il proġett ta' kolokazzjoni; jinnota wkoll il-konklużjoni ta' żewġ ftehimiet ta' livell ta' servizz mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej, u jilqa' l-fatt li ftehimiet ulterjuri dwar il-livell ta' servizz qed jiġu nnegozjati mal-Bank Ewropew tal-Investiment, mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni;

48.   

Jinnota b'apprezzament li l-kolokazzjonijiet iġġeneraw sorsi ġodda mhux negliġibbli ta' dħul għas-SEAE, li jammontaw għal EUR 52,1 miljun, u dan jipprovdi spazju għal manuvrar biex tiġi żviluppata l-politika tal-akkwist tal-proprjetà immobbli tiegħu; jinnota li s-SEAE kellu 34 binja ta' uffiċċji fid-delegazzjonijiet u kera 143;

49.   

Jitlob li s-SEAE jiżgura li l-kolokazzjoni fil-bini tagħhom tkun miftuħa għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha interessati tal-Unjoni, bħall-Parlament u l-Bank Ewropew tal-Investiment, bl-istess kundizzjonijiet bħas-SEAE; jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi tal-kolokazzjoni billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-ispejjeż operattivi kif ukoll tas-sigurtà; itenni wkoll li s-SEAE għandu jiżgura li l-ispejjeż għall-kiri jew ix-xiri tal-proprjetà għad-delegazzjonijiet tiegħu jirrispettaw il-firxa tal-prezzijiet li jridu jimxu magħhom ir-rappreżentanzi tal-Istati Membri; jenfasizza li s-SEAE għandu jinkorpora l-istimi xierqa tal-ispejjeż tas-sigurtà fil-kalkoli tiegħu sabiex tiġi evitata talba għal finanzjament addizzjonali fi stadji aktar tard;

50.   

Jilqa' l-progress li sar dwar it-tnaqqis tal-għadd ta' delegazzjonijiet li jaqbżu l-ispazju massimu ta' 35 m2 għal kull persuna, b'segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Qorti sabiex isir l-aħjar użu tal-bini tas-SEAE u jiġi evitat infiq mhux meħtieġ;

51.   

Jappoġġa l-mekkaniżmu ta' rieżami annwali permanenti bħala strument effettiv ta' ġestjoni tal-forza tax-xogħol biex jipprijoritizza aħjar u jiżgura adattament rikorrenti tar-riżorsi umani tas-SEAE fin-netwerk tad-delegazzjonijiet għall-prijoritajiet ġeopolitiċi li qed jevolvu u d-daqs tal-portafolli tal-proġetti (eż. it-tħejjija tal-ftuħ tad-Delegazzjoni tar-Renju Unit, l-għeluq tad-Delegazzjoni tal-Gżejjer Solomon, l-aġġornament tad-Delegazzjoni tal-Panama u l-ftuħ ta' Delegazzjoni fil-Mongolja); jinnota fl-2018, bħala l-ewwel riżultat ta' dan l-eżerċizzju ta' razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi tal-persunal, li tmien karigi ġew ittrasferiti bejn id-delegazzjonijiet;

52.   

Itenni li l-Unjoni ħadet pass lejn remunerazzjoni ġusta għal kulħadd fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha; jenfasizza li s-SEAE għandu jiżgura li t-trainees tiegħu fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet jirċievu remunerazzjoni deċenti fit-tipi kollha ta' internships (Blue Book, Bruges u Oħrajn); jilqa' l-implimentazzjoni ta' traineeships bi ħlas fid-delegazzjonijiet u t-terminazzjoni ta' offerti ta' traineeships mingħajr ħlas fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew; jinnota li l-għadd ta' trainees fid-delegazzjonijiet żdied b'aktar minn erba' darbiet, minn 26 fl-2017 għal 109 fl-2018; jiddispjaċih, madankollu, li mill-404 traineeship totali offruti mis-SEAE fl-2018, 126 ma ġewx remunerati, peress li kienu parti minn taħriġ obbligatorju għall-istudenti; itenni l-bżonn ta' li s-SEAE jiggarantixxi allowance adegwata lit-trainees tiegħu kollha biex jiġi evitat li tiżdied id-diskriminazzjoni fuq bażi ekonomika;

53.   

Iqis li jkun utli li jittejbu l-għodod ta' ġestjoni tal-ammont ta' xogħol flimkien ma' pjan ta' azzjoni biex jiġu attirati u miżmuma n-nies b'kont meħud tad-diversi ħtiġijiet professjonali, l-esperjenza u n-nazzjonalitajiet; jilqa' r-rapport dwar ir-riżorsi umani u jistieden lis-SEAE jiddikjara b'mod ċar il-ħtiġijiet istituzzjonali tiegħu (jew l-għarfien espert ġdid meħtieġ) u jidentifika r-riskji tal-forza tax-xogħol tiegħu fil-livell korporattiv li jistgħu jxekklu l-kisba mis-SEAE ta' objettivi ta' politika; jappoġġa l-miżuri tas-SEAE li ttieħdu biex jiġi indirizzat l-ammont ta' xogħol li qed jiżdied minħabba t-tnaqqis tal-persunal;

54.   

Jinnota bi tħassib il-135 każ ta' medjazzjoni li ġew trattati fid-delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali fl-2018 dwar nuqqas ta' qbil mhux solvut madwar id-drittijiet u l-obbligi jew tipi differenti ta' kunflitt fuq il-post tax-xogħol, inkluż fastidju psikoloġiku u sesswali allegat; jistieden lis-SEAE, b'mod partikolari lis-servizz ta' medjazzjoni li issa jirrapporta direttament lis-segretarjat ġenerali, biex ikompli jagħti l-ogħla prijorità lil din il-kwistjoni fil-ġestjoni tar-riżorsi; itenni l-importanza li tiġi żviluppata kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju b'segwitu strett ta' każijiet irrapportati; jilqa' l-inizjattiva ta' sensibilizzazzjoni kontra l-fastidju li tnediet fl-2018 mis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE bil-għan li tingħata aktar informazzjoni dwar il-politika tas-SEAE kontra l-fastidju;

55.   

Jistieden ukoll lis-SEAE biex, f'dan il-kuntest, jestendi n-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali li attwalment jirrappreżentaw sitt minn nies, speċjalment fin-netwerk tad-delegazzjonijiet, billi possibilment jiżdied l-għadd ta' konsulenti voluntiera mħarrġa fid-delegazzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jrawwem id-djalogu soċjali irrispettivament mill-oriġini tal-persunal u l-istatus differenti tal-persunal;

56.   

Josserva li s-SEAE, wara li aġġorna l-arranġament amministrattiv tiegħu mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u wara li saħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mal-frodi ma' direttorati ġenerali li jaġixxu fi kwistjonijiet esterni, bħad-Direttorat Ġenerali għal Strumenti tal-Politika Barranija (DĠ FPI), id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) fl-2017, l-SEAE kompla bl-isforzi tiegħu biex jirfina l-istrateġija tiegħu kontra l-frodi; jenfasizza li għandha tiġi implimentata aktar kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-Kummissjoni (id-Direttorati Ġenerali li jaġixxu fi kwistjonijiet esterni, bħad-DĠ FPI, DĠ NEAR u DĠ DEVCO); jinnota b'apprezzament is-sensibilizzazzjoni fost il-kapijiet ta' delegazzjoni bi qbil mad-DĠ DEVCO u d-DĠ NEAR dwar il-prevenzjoni u r-rappurtar ta' frodi permezz tal-prinċipju ta' kontroll intern tiegħu "Prevenzjoni ta' frodi"; jilqa' l-fatt li s-SEAE huwa membru tan-Netwerk għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi ppresedut mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

57.   

Jistieden lis-SEAE biex fir-rapport tal-attività annwali tiegħu jindika l-għadd ta' każijiet riferuti lill-OLAF u ta' investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-OLAF relatati ma' kunflitt ta' interess potenzjali fis-SEAE;

58.   

Jinnota li fl-2018 kien hemm każ wieħed irrappurtat ta' żvelar ta' informazzjoni protetta minn persuna esterna kontra membru tal-persunal tal-Kummissjoni f'delegazzjoni tal-Unjoni; jitlob lis-SEAE jipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni dwar il-politika u l-proċeduri li għandu fis-seħħ, speċjalment fid-delegazzjonijiet, meta jiffaċċja każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

59.   

Jappoġġa l-isforzi tas-SEAE biex tittejjeb it-trasparenza billi jiġi promoss u mtejjeb ir-Reġistru tas-SEAE, li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jitolbu aċċess għal dokumenti; jinnota b'sodisfazzjon li ċ-ċittadini użaw ir-Reġistru tas-SEAE bi frekwenza ogħla meta mqabbel mal-2017; jitlob lis-SEAE jiżgura rispons rapidu għat-talbiet taċ-ċittadini;

60.   

Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-2020 tat-tliet deċiżjonijiet konġunti dwar il-kundizzjonijiet ta' impjieg, il-Fond LA-Medical u LA-Provident, li jintroduċu qafas ġdid ta' regoli għall-aġenti lokali fid-delegazzjonijiet sabiex jiġu modernizzati u mtejba l-iskemi tas-sigurtà soċjali; jilqa' l-ewwel stħarriġ konġunt bejn il-persunal tas-SEAE u l-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet fl-2018; jappoġġa t-tnedija ta' awditjar intern dwar ir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-aġenti lokali biex jiġu rimedjati ċerti dgħufijiet misjuba mill-Qorti fil-proċeduri ta' reklutaġġ ta' aġenti lokali fid-delegazzjonijiet (jiġifieri nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' ċerti stadji tal-proċedura);

61.   

Jieħu nota tal-awditu tas-servizz tal-awditjar intern dwar "koordinazzjoni KE-SEAE" u jinnota b'apprezzament il-konklużjoni tal-awditjar li l-attivitajiet ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni (DĠ DEVCO, DĠ NEAR u DĠ FPI) u s-SEAE huma ġeneralment effettivi u effiċjenti; jinnota madankollu l-ħtieġa li tiġi definita stampa mhux frammentata tal-assistenza esterna ġenerali tal-Unjoni għal pajjiż partikolari u l-ħtieġa li, f'koordinazzjoni mad-DĠ DEVCO u d-DĠ NEAR, tissaħħaħ il-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni bi żvilupp ta' opinjoni komuni dwar l-inċertezza u strateġiji ta' mitigazzjoni;

62.   

Jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 15/2018 "Tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u fil-Mali: progress limitat u bil-mod"; jistieden lis-SEAE biex (i) jieħu miżuri biex itejjeb l-effiċjenza operattiva tal-missjonijiet billi jipprovdi gwida prattika adegwata u appoġġ suffiċjenti, (ii) itejjeb ir-rata ta' okkupanza tal-postijiet tal-persunal fil-missjonijiet, (iii) jistabbilixxi mandati u baġits biex iqabbel l-operazzjonijiet u jfassal strateġija ta' ħruġ komuni u komprensiva li tiddefinixxi b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet fl-istralċ tal-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, (iv) iżid l-enfasi fuq l-aspetti ta' sostenibbiltà u (v) itejjeb l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt tas-SEAE biex jimmonitorja u jevalwa b'mod adegwat it-twettiq tal-kompiti;

63.   

Jappoġġa t-tisħiħ tar-rabta bejn it-tfassil tal-politika, id-diplomazija pubblika u l-komunikazzjoni strateġika; jinnota, f'dan il-kuntest, li EUR 3 miljuni ġew allokati lis-SEAE fl-2018 (meta mqabbel ma' EUR 1,1 miljun fl-2017) biex tiġi kkonsolidata l-azzjoni tal-Komunikazzjoni Strateġika Plus tiegħu sabiex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu, tiġi żviluppata r-reżiljenza għall-indħil barrani filwaqt li jiġi nnutat ukoll l-iżvilupp ta' servizzi ta' intelligence dwar in-negozju;

64.   

Jissottolinja l-bżonn li tiġi miġġielda l-propaganda biex tinkixef id-diżinformazzjoni u l-influwenza barranija malizzjuża; jisħaq fuq l-importanza tat-Task Force dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE u jitlob li din tiġi fornuta bir-riżorsi finanzjarji u ta' persunal meħtieġa;

65.   

Jilqa' l-ħolqien ta' Sistema ta' Twissija Bikrija, stabbilita fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki relatati mal-kampanji ta' diżinformazzjoni u tikkoordina r-reazzjonijiet abbażi ta' informazzjoni b'sors miftuħ ipprovduta minn akkademiċi, minn verifikaturi tal-fatti, minn pjattaformi online u minn sħab internazzjonali; iħeġġeġ lis-SEAE jiżviluppa viżjoni fit-tul għas-sistema ta' twissija rapida u jrawwem koordinazzjoni mal-Istati Membri u sħab ewlenin oħra; barra minn hekk, iħeġġeġ lis-SEAE jippromwovi s-sit web EUvsDisinfo.eu, li fih aktar minn 5 000 każ ta' diżinformazzjoni iżda li ġġenera biss 1,2 miljun viżitatur tal-paġni fl-2018;

66.   

Jappoġġa l-isforzi magħmula mis-SEAE biex tissaħħaħ il-firxa kollha ta' kwistjonijiet ta' sigurtà fiżika u dik tal-IT mill-persunal u s-sigurtà tal-bini permezz tax-xiri ta' tagħmir ta' sigurtà ġdid, it-taħriġ ta' uffiċjali tas-sigurtà reġjonali biex jiġu ppreservati l-interessi tas-sigurtà tas-SEAE u biex jiġi pprovdut aktar għarfien dwar is-sigurtà permezz tal-implimentazzjoni ta' politika ta' ġestjoni kemm tar-riskju tas-sigurtà formali, kif ukoll tal-isfida taċ-ċibersigurtà; jilqa' b'mod partikolari t-tnedija ta' programm ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà biex jitnaqqsu r-riskji fil-kwartieri ġenerali, ibbażat fuq stħarriġ tal-persunal tal-2018, u s-sistema ta' ġestjoni tar-riskju tas-sigurtà fid-delegazzjonijiet biex jiġi standardizzat ir-rappurtar ta' theddid għas-sigurtà lokali, inklużi riskji fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza; jinkoraġġixxi lis-SEAE biex jkompli politika reali għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

67.   

Jilqa' l-ewwel rapport ta' segwitu tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza dwar is-SEAE għas-sena finanzjarja 2017 adottat minn maġġoranza tal-Membri u l-impenn tas-SEAE li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet ewlenin li tqajmu matul il-proċedura ta' kwittanza bil-għan li tkompli titjieb il-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni;

68.   

Jitlob lis-SEAE jipprovdi rapport ta' segwitu għas-sena finanzjarja 2018 f'konformità mal-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju;

69.   

Jilqa' inizjattivi ġodda biex tittejjeb il-komunikazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar l-importanza tad-diplomazija pubblika u l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala aspett integrali tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; iħeġġeġ lis-SEAE jinvesti f'komunikazzjonijiet diġitali, permezz tal-midja soċjali u tas-siti web tiegħu; ifaħħar il-fatt li s-SEAE beda juża multiplikaturi biex iwettaq kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku madwar l-Ewropa kollha; iħeġġeġ ukoll l-użu ta' pjattaformi ta' netwerks soċjali mingħajr ħlas, b'sors miftuħ u self-hosted, u b'kunsiderazzjoni speċjali għall-protezzjoni tad-data tal-utenti;

70.   

Jiddispjaċih li s-SEAE għad m'għandux sistema ta' ġestjoni ambjentali; jinnota li saru sforzi biex jiġi promoss l-użu ta' vidjokonferenzi; madankollu jitlob lis-SEAE jdaħħal fis-seħħ pjan ta' azzjoni konkret sabiex inaqqas l-impronta ambjentali tal-kwartieri ġenerali u tad-delegazzjonijiet tiegħu;

71.   

Jilqa' l-programm ta' sekondar fuq żmien qasir bejn is-SEAE u l-Parlament; jenfasizza r-rwol tiegħu fit-tisħiħ tal-fehim reċiproku tal-istrutturi u tal-metodi ta' ħidma ta' kull istituzzjoni biex b'hekk titjieb il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE tippromwovi dan il-programm b'mod aktar attiv fost il-persunal bil-għan li tingħata spinta lin-numru ta' parteċipanti; jirrakkomanda wkoll li jiġi estiż il-Programm ta' Skambju Diplomatiku u ta' Sekondar bejn is-SEAE u s-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-evoluzzjoni ta' kultura diplomatika konġunta.

72.   

Jenfasizza l-importanza dejjem akbar tal-Politika tal-UE dwar l-Artiku u l-bżonn li tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-Unjoni fost is-sħab billi tiġi żgurata l-istabbiltà tal-post ta' Ambaxxatur tal-UE għall-Artiku.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).