Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑21 ta’ Mejju 2026 (1)
Kawża C‑189/25
Umweltorganisation VIRUS – Verein Projektwerkstatt für Umwelt und Soziales et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Kamp ta’ applikazzjoni – Pjan jew programm fil-qasam tat-trasport – Qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti – L-ewwel att preparatorju formali – Awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq f’diversi stadji – Konsegwenzi tal-pjan jew tal-programm li ma jgħaddux minn evalwazzjoni ambjentali għall-approvazzjonijiet sussegwenti – Lista ta’ toroq federali – Ring road esterna ta’ Vjenna S 1”
I. Introduzzjoni
1. Ftit wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva EAS (EAS tfisser Evalwazzjoni Ambjentali Strateġika) (2), l-Awstrija emendat il-punti tal-passaġġ ta’ triq rapida ppjanata għall-bypass tal-Lvant ta’ Vjenna. Fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ parti minn din il-bypass, mogħtija skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, tqum il-kwistjoni dwar jekk din l-emenda tal-punti tal-passaġġ kellhiex tkun suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali. Il-Bundesverwaltungsgericht tal-Awstrija (il-Qorti Amministrattiva Federali) tistaqsi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– jekk din l-emenda bħala tali kinitx teħtieġ evalwazzjoni ambjentali;
– jekk dan l-obbligu kienx applikabbli ratione temporis, u
– jekk ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni jkollux konsegwenzi għal-legalità tal-awtorizzazzjoni skont leġiżlazzjoni dwar l-ilma.
2. B’mod partikolari, din l-aħħar domanda tista’ tkun ta’ importanza prattika kunsiderevoli peress li l-kwistjoni hija jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali jistax, anki wara perijodi twal, iqiegħed f’dubju l-validità ta’ deċiżjonijiet sussegwenti.
II. Il-kuntest ġuridiku
3. L-għanijiet tad-Direttiva EAS jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha:
“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”
4. Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:
– li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u
– li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.
5. L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali strateġika huwa previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EAS:
“(1) L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.
(2) Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
(a) li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-[Direttiva SEA (3)], jew
(b) […]”
6. Skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA, il-“bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” jeżiġi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
7. L-Artikolu 4 tad-Direttiva EAS jistabbilixxi obbligi ġenerali dwar it-twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali:
“(1) L-istima ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 għandha ssir matul il-preparazzjoni ta’ xi pjan jew programm u qabel l-adozzjoni jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.
(2) […]
(3) Meta l-pjanijiet u l-programmi jifformaw parti minn xi ġerarkija, l-Istati Membri għandhom, bil-għan li jevitaw duplikazzjoni ta’ l-istima, jikkunsidraw il-fatt li l-istima ser issir, skond din id-Direttiva, fil-livelli differenti tal-ġerarkija. Għall-fini ta’, fost l-oħrajn, li ma jkunx hemm duplikazjzoni ta’ stima, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 5(2) u (3).”
8. L-Artikolu 13(1) u (3) tad-Direttiva EAS jirregola l-applikazzjoni ratione temporis tagħha:
“(1) L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il‑21 ta’ Lulju 2004. Dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
(2) […]
3. L-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tgħodd għall-pjanijiet u programmi li dwarhom l-ewwel att preparatorju formali jkun sussegwenti għad-data msemmija fil-paragrafu 1. Il-pjanijiet u l-programmi li dwarhom l-att preparatorju formali jkun qabel dik id-data u li jkunu adottati jew sottomessi għall-proċedura leġislattiva aktar minn 24 xahar wara dan, għandhom isiru suġġetti għall-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) kemm-il darba l-Istati Membri ma jiddeċidux abbażi ta’ kull każ li dan ma jkunx possibbli u jinfurmaw lill-pubbliku bid-deċiżjoni tagħhom.”
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
9. In-network tat-toroq federali Awstrijak huwa kkostitwit minn sezzjonijiet tat-toroq deskritti fil-Listi 1 (Awtostradi) u 2 (Toroq rapidi) tal-Bundesstraßengesetz 1971 (il-Liġi dwar it-Toroq Federali tal-1971, iktar ’il quddiem il-“BStG”). Dawn huma deskritti fil-forma ta’ punti fissi topografiċi, l-hekk imsejħa punti ta’ passaġġ li bejniethom it-triq federali tistabbilixxi rabta. Dawn iż-żewġ listi tal-BStG jikkostitwixxu pjan obbligatorju fil-qasam tat-trasport.
10. Fid‑29 ta’ Marzu 2002, qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva, tar-ring road rapida ta’ Vjenna S 1 iddaħħlet fil-Lista 2 tal-BStG, bid-deskrizzjoni li ġejja tar-rotta: “Interchange Vösendorf (A 2, A 21) – Interchange Schwechat (A 4) – Wien (Albern – Lobau/Ölhafen (A 22)) – Großebersdorf (A 5) – Korneuburg (A 22).”
11. Wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva EAS, fid‑9 ta’ Mejju 2006, ir-rotta tat-triq rapida tal-S 1 Wiener Außenring ġiet iddefinita mill-ġdid kif ġej fil-Lista 2 tal-BStG: “Interchange Vösendorf (A 2, A 21) – Interchange Rothneusiedl (A 24) – Interchange Rustenfeld – Interchange Schwechat (A 4) – Interchange bei Raasdorf (A 23) – Interchange bei Raasdorf (S 8) – Interchange Wien/Süßenbrunn (S 2) - Interchange Eibesbrunn (A 5) – Interchange Korneuburg/West (A 22), inkluż Interchange Rustenfeld – Leopoldsdorf (B 16)”. Madankollu, dawn l-emendi tal-BStG la kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali u lanqas ta’ screening, jiġifieri eżami minn qabel tan-neċessità ta’ evalwazzjoni ambjentali.
12. Fis‑26 ta’ Marzu 2009, il-promotur tal-proġett, l-Autobahnen- und Schnellstraßen-Finanzierungs-Aktiengesellschaft (ASFINAG), ippreżentat applikazzjoni lill-Ministru Federali għat-Trasport, għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija (ta’ dak iż-żmien) għall-proġett “S 1 Wiener Außenring Schnellstraße, Abschnitt Schwechat – Süßenbrunn” fil-Länder ta’ Vjenna u ta’ Niederösterreich. Il-Ministru Federali għat-Trasport, għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija wettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (EEA) kif ukoll proċedura ta’ awtorizzazzjoni. B’deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2015, huwa ħareġ l-awtorizzazzjoni skont l-Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Evalwazzjoni tal-Effetti fuq l-Ambjent, iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”) u l-Forstgesetz 1975 (il-Liġi dwar il-Foresti tal‑1975). Hemmhekk huwa ddefinixxa r-rotta konformement mal-BStG, approva l-proġett preliminari tal-mina konformement mal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Mini fit-Toroq u ħareġ awtorizzazzjoni skont il-Luftfahrtgesetz (il-Liġi dwar l-Avjazzjoni, iktar ’il quddiem l-“Awtorizzazzjoni EEA”).
13. Fit‑18 ta’ Mejju 2018, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) emendat l-awtorizzazzjoni EEA u stabbilixxiet dispożizzjonijiet anċillari ġodda jew fasslet dispożizzjonijiet anċillari eżistenti mill-ġdid. Il-kwistjoni dwar jekk l-emendi tar-rotta tad‑9 ta’ Mejju 2006 kellhomx jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali strateġika jew screening skont id-Direttiva EAS u, jekk iva, jekk dan kienx ikollu effett fuq l-awtorizzazzjoni, ġiet miċħuda mill-Qorti f’din id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni EEA minħabba li dawn kienu biss emendi editorjali u ma kinux bidliet fin-network fis-sens tad-Direttiva EAS. L-awtorizzazzjoni EEA hija legalment vinkolanti.
14. Sussegwentement, ingħataw iktar awtorizzazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u dwar il-protezzjoni tan-natura għall-ewwel fażi tal-proġett minn Süßenbrunn sa Groß-Enzersdorf. Dawn l-awtorizzazzjonijiet huma legalment vinkolanti wkoll.
15. Il-Landeshauptmann (il-President tal-Provinċja Awtonoma) ta’ Vjenna u l-Landeshauptfrau (il-Presidenta tal-Provinċja Awtonoma) ta’ Niederösterreich taw l-awtorizzazzjonijiet ikkontestati skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma għat-tieni fażi tal-proġett, minn Schwechat sa Groß-Enzersdorf.
16. Diversi organizzazzjonijiet ambjentali u individwi (ir-rikorrenti) ressqu rikors kontra dawn l-awtorizzazzjonijiet fil-kawża prinċipali.
17. Ir-rikorrenti jikkontestaw, fost l-oħrajn, l-inklużjoni tal-S 1 fil-Lista 2 tal-BStG, fil-verżjoni li tirriżulta mill-emendi kollha tagħha, li fuqha hija bbażata l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Huma jargumentaw li, huwa b’mod żbaljat li la l-evalwazzjoni ambjentali strateġika u lanqas l-iscreening skont id-Direttiva EAS ma twettqu fir-rigward ta’ dan il-pjan.
18. Madankollu, ASFINAG tqis li l-ewwel att preparatorju formali tal-emendi tal-inklużjoni tal-S 1 huwa preċedenti għad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva EAS u għaldaqstant din ma hijiex applikabbli. Dawn l-emendi ġew diskussi matul diversi seduti tal-esperti sa mill‑31 ta’ Marzu 2003 u deċiżi f’laqgħa tal-gvernijiet tal-Länder ikkonċernati ma’ “Bord ta’ Esperti” fit‑8 ta’ Marzu 2004. Fil-minuti ta’ din il-laqgħa ġie stabbilit b’mod ċar li ma kiens ser ikun hemm l-interchange Ölhafen. Matul din il-laqgħa, ġie deċiż ukoll, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet u l-esperti, li l-varjant tal-mina kellu jitkompla, mingħajr konnessjoni mal-A 22. Barra minn hekk, ASFINAG tirreferi għall-awtorizzazzjoni EEA li hija legalment vinkolanti, kif emendata mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).
19. Għalhekk, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-anness għal dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali (lista) li tiddikjara bħala ‘Toroq Federali’ sezzjonijiet tat-toroq permezz tad-determinazzjoni ta’ ċerti punti ġeografiċi (punti tal-bidu, [passaġġ] intermedju, tmiem), liema determinazzjoni tistabbilixxi, b’mod vinkolanti, id-dritt ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għad-determinazzjoni tal-linja tat-triq fil-kuntest ta’ proġett speċifiku li jkun ser jiġi ppreżentat għal awtorizzazzjoni fil-futur u tiddefinixxi l-kompetenza tal-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, jistabbilixxi ‘qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp’ tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [SEA], minkejja li din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tkun tipprovdi għal kundizzjonijiet speċifiċi għall-għoti tal-awtorizzazzjoni tal-proġett, inklużi b’mod partikolari, is-sigurtà fit-toroq, l-iskop funzjonali jew l-impatt ambjentali, iżda dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni ma jagħmlu madankollu l-ebda riferiment għad-determinazzjoni tas-sezzjoni tat-triq permezz ta’ punti ġeografiċi?
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
2) L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ewwel att preparatorju formali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ikun sar meta dokumenti, li għandhom jitħejjew abbażi tad-dritt speċifiku rilevanti applikabbli fl-Istat Membru qabel ma jsir tibdil għal pjan, kienu fil-proċess ta’ tħejjija u, matul it-tħejjija tagħhom, ġew ippreżentati diversi drabi lill-awtoritajiet reġjonali, lill-muniċipalitajiet lokali u lill-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni involuti u kienu diskussi minn grupp ta’ esperti?
3) L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorizzazzjoni għal proġett speċifiku tingħata f’diversi stadji skont id-Direttiva [SEA], pjan li l-kriterji u l-modalitajiet tiegħu jikkostitwixxu direttament il-bażi biss għall-ewwel awtorizzazzjoni jistabbilixxi wkoll il-qafas għall-awtorizzazzjonijiet l-oħra neċessarji għat-twettiq tal-proġett?”
20. VIRUS, ASFINAG, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Żewġ assoċjazzjonijiet oħra ppreżentaw noti li fihom huma qablu mal-argument ta’ VIRUS mingħajr ma ressqu noti ta’ osservazzjonijiet fuq il-mertu. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali peress li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni.
IV. Evalwazzjoni ġuridika
21. Id-domandi preliminari jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk id-determinazzjoni tal-punti tal-passaġġ taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-obbligu ta’ evalwazzjoni previst mid-Direttiva EAS peress li tistabbilixxi qafas għal awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti (ara A) u, jekk ikun il-każ, jekk l-obbligu ta’ evalwazzjoni kienx applikabbli wkoll ratione temporis (ara B). Jekk ikun jeżisti obbligu ta’ evalwazzjoni, tqum il-kwistjoni li jmiss dwar jekk l-assenza ta’ tali evalwazzjoni tipprekludix awtorizzazzjonijiet oħra fir-rigward ta’ dan il-proġett (ara C).
A. L‑ewwel domanda: Neċessità ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika tad-determinazzjoni tal-punti ta’ passaġġ
22. Permezz tal-ewwel domanda, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tixtieq tkun taf jekk l-emenda tal-punti ta’ passaġġ tad‑9 ta’ Mejju 2006 taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali strateġika.
23. Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS, l-espressjoni “pjanijiet u programmi” tinkludi l-emendi tagħhom li huma mfassla minn awtorità bl-għan li jiġu adottati mill-Parlament permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u li huma meħtieġa abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi.
24. Għalhekk, emendi ta’ pjanijiet u programmi jistgħu jkunu jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali (4). Il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti wkoll. L-emenda tal-punti ta’ passaġġ tħejjiet minn awtorità bl-għan li tiġi adottata mill-Parlament permezz ta’ proċedura leġiżlattiva. Għalkemm ma hemm l-ebda obbligu apparenti li ssir din l-emenda, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa suffiċjenti li l-ħruġ tal-att ikun regolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi nazzjonali li jistabbilixxu l-awtoritajiet kompetenti u l-proċedura tat-tfassil applikabbli f’dan ir-rigward (5). Dan kien ukoll il-każ tal-emenda kkontestata.
25. Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u għall-programmi kollha li jitħejjew, fost l-oħrajn, fil-qasam tat-trasport u li jiddefinixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA.
26. Huwa paċifiku li t-triq rapida inkwistjoni taqa’ taħt il-qasam tat-trasport u tikkostitwixxi proġett fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA.
27. Id-dubji tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) jirrigwardaw iktar jekk id-determinazzjoni ta’ dawn il-punti ta’ passaġġ, ikkunsidrata b’mod iżolat, tinkludix diġà dispożizzjonijiet suffiċjentement dettaljati dwar il-kontenut, it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ tali proġett sabiex titqies bħala qafas.
28. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat taħt liema kundizzjonijiet att jistabbilixxi qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti. Għal dan l-għan, dan l-att għandu jiddefinixxi r-regoli u l-proċeduri ta’ kontroll applikabbli fil-qasam ikkonċernat u b’hekk jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (6). Din l-interpretazzjoni għandha l-għan li tiżgura li ssir evalwazzjoni ambjentali tar-rekwiżiti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (7). Il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandu għalhekk jinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv (8). Għalhekk, il-fattur determinanti ma huwiex in-numru ta’ rekwiżiti eżistenti, iżda l-effetti li dawn jista’ jkollhom fuq l-ambjent.
29. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li qafas huwa stabbilit meta l-miżura tiddetermina kriterji u modalitajiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet operattivi ta’ tali proġetti jew l-użu tar-riżorsi assoċjati magħhom (9).
30. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ġenerali ta’ protezzjoni ta’ żona ta’ protezzjoni skont id-dritt nazzjonali, li essenzjalment kien jikkorrispondi għal dispożizzjoni ta’ protezzjoni legali, ma kienx jilħaq dan il-limitu, peress li seta’ jeżerċita biss ċerta influwenza fuq il-post tal-proġetti billi jagħmel l-għażla tas-sit iktar diffiċli ġewwa ż-żona ta’ protezzjoni u, għall-kuntrarju, billi jiffaċilita l-għażla ta’ sit barra minn din iż-żona (10).
31. Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tiddubita, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-aħħar konstatazzjonijiet dwar id-delimitazzjoni ta’ żona ta’ protezzjoni, jekk id-determinazzjoni ta’ punti tal-passaġġ għal triq rapida tistabbilixxix ġabra suffiċjentement sinjifikattiva ta’ kriterji u modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett. Barra minn hekk, il-punti ta’ passaġġ lanqas ma jinkludu rekwiżiti konkreti f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett tat-triq.
32. Madankollu, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-punti ta’ passaġġ jiddeterminaw kuritur li minnu għandha tgħaddi t-triq. Dan jikkostitwixxi rekwiżit essenzjali fir-rigward tal-post. Il-konkretizzazzjoni sussegwenti tal-proġett jeħtieġ li ssir fi ħdan dan il-kuritur u jeħtieġ li tkun immirata lejn it-twettiq tal-proġett kollu stabbilit mill-punti tal-passaġġ.
33. Madankollu, hija l-għażla tar-rotta għal triq rapida li tikkostitwixxi l-ikbar potenzjal għall-effetti (negattivi) fuq l-ambjent ta’ dan il-proġett. Għalkemm dawn l-effetti huma sussegwentement ikkonkretizzati, dak li huwa ferm iktar importanti huwa liema tip ta’ triq hija involuta, minn fejn ser tgħaddi t-triq u għalhekk fejn jinħolqu l-effetti tagħha fuq l-ambjent.
34. Kif tikkonstata l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) stess, il-proġett jaffettwa, fost oħrajn, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-użu tal-art fl-inħawi tar-rotta. Barra minn hekk, it-toroq jikkawżaw storbju u tniġġis atmosferiku fl-inħawi. Peress li din hija triq rapida, jiġifieri proġett fuq skala kbira b’volum sinjifikattiv ta’ traffiku, huwa mistenni li jkun hemm effetti negattivi serji fuq l-ambjent.
35. Kif tirrikonoxxi l-Awstrija stess, id-determinazzjoni ta’ ċerti punti ta’ passaġġ ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq, li tippermetti b’mod vinkolanti li titressaq talba għal determinazzjoni tar-rotta tat-triq fil-qafas ta’ proġett konkret li għandu jiġi ppreżentat fil-futur għall-approvazzjoni, għalhekk tikkostitwixxi qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS.
36. Madankollu, skont l-argumentazzjoni tal-Awstrija u ta’ ASFINAG, l-emenda fil-punti ta’ passaġġ f’Marzu 2006 kienet daqshekk żgħira, meta mqabbla mad-determinazzjoni oriġinali tagħhom, li dik l-emenda ma kinitx teħtieġ evalwazzjoni ambjentali.
37. F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi nnotat li din il-kwistjoni ma hijiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija libera li tikkunsidraha sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (11).
38. L-Awstrija targumenta b’mod konvinċenti li l-emendi wkoll jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali biss jekk jistabbilixxu, f’termini kwalitattivi, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u modalitajiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (12). Dan jirriżulta wkoll, a contrario, mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva EAS (13).
39. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-punti ta’ passaġġ emendati jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ma tirriżultax mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Minn naħa, skont l-Awstrija u ASFINAG, dawn huma biss emendi editorjali. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, deċiżjoni preċedenti tal-qorti tar-rinviju waslet għal konklużjoni simili (14). Min-naħa l-oħra, ġew miżjuda mhux biss punti ta’ passaġġ iżda wkoll interchange, jiġifieri intersezzjonijiet ma’ toroq oħra. Iżda fuq kollox, il-punt tal-passaġġ li tneħħa “Vjenna (Albern – Lobau/Ölhafen (A 22))”, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa aspett partikolarment sensittiv tat-triq. Hemmhekk, il-proġett tat-triq fil-fatt jaqsam ix-xmara Danubju u l-park nazzjonali Donau-Auen. Jidher li t-tneħħija ta’ dan il-punt tal-passaġġ hija marbuta ma’ emendi sinjifikattivi fl-ippjanar ta’ dan il-qsim. Għalhekk, il-qorti ta’ rinviju jeħtieġ li tivverifika jekk l-emendi jistgħux iwasslu għal effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
40. Għandu jiġi nnotat li proprju dan il-qsim tad-Danubju fil-kuritur bejn il-punti tal-passaġġ “Interchange Schwechat (A 4) – Interchange Raasdorf (A 23)” jista’, prima facie, ikollu effetti sinjifikattivi fuq iż-żoni Natura 2000. Kif imsemmi diġà, hawnhekk jinsab il-park nazzjonali Donau-Auen (il-parti ta’ Vjenna) (AT1301000) u jista’ jagħti l-każ li l-parti tat-territorju ta’ dan il-park li tinsab fil-Lvant ta’ Vjenna (AT1204000 u AT1204V00) tiġi affettwata wkoll. Konsegwentement, li kieku l-emenda tal-punti ta’ passaġġ kellha impatt fuq l-effetti ta’ dan il-qsim,, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (15), kien ikollha bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħha fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dawn iż-żoni. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali kellha neċessarjament issir meta ġew emendati l-punti tal-passaġġ.
B. It-tieni domanda: l-ewwel att preparatorju formali
41. Peress li d-determinazzjoni tal-punti tal-passaġġ possibbilment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali, it-tieni domanda għandha tiġi indirizzata. Din tirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali.
42. L-emendi tad-determinazzjoni tal-punti ta’ passaġġ ġew adottati fid‑9 ta’ Mejju 2006, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva EAS fil‑21 ta’ Lulju 2004.
43. Madankollu, ASFINAG issostni li dawn l-emendi fil-punti ta’ passaġġ kienu diġà ġew diskussi f’diversi seduti tal-esperti sa minn laqgħa dwar il-bidu tal-proġett fil‑31 ta’ Marzu 2003. B’mod partikolari, ittieħdu ċerti deċiżjonijiet f’laqgħa tal-gvernijiet tal-Länder ikkonċernati ma’ “Bord tal-Esperti” fit‑8 ta’ Marzu 2004.
44. Dan l-argument jista’ jipprekludi obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali peress li ma tapplikax għall-pjanijiet u programmi kollha adottati wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali hija, għall-kuntrarju, neċessarja għall-pjanijiet u programmi li l-ewwel att preparatorju formali tagħhom ġie stabbilit wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Jekk l-ewwel att preparatorju formali kien qabel dik id-data, il-miżura kienet suġġetta għall-obbligu biss jekk ġiet adottata jew introdotta fil-proċess leġiżlattiv iktar minn 24 xahar wara. Madankollu, dan ma japplikax għall-każ inkwistjoni għaliex l-emendi kienu saru diġà fid‑9 ta’ Mejju 2006, jiġifieri fl-24 xahar wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni.
45. Skont l-argument ta’ ASFINAG, kemm il-laqgħa dwar il-bidu tal-proġett kif ukoll il-konsultazzjonijiet mal-esperti sussegwenti u l-laqgħa tat‑8 ta’ Marzu 2004 ppreparaw l-emendi tal-punti tal-passaġġ.
46. Madankollu, huwa dubjuż jekk dawn kinux “atti preparatorji formali”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali iktar iqisu li l-abbozz ministerjali tal-2005 għall-emenda tal-punti ta’ passaġġ bħala l-ewwel att bħal dan.
47. ASFINAG tibbaża l-fehma tagħha fuq linja gwida tal-Kummissjoni. Skont din il-gwida, il-kelma “formali” ma tfissirx neċessarjament li t-tfassil tal-att trid tkun preskritta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ma tgħid xejn dwar l-effett legali tal-att skont il-liġi nazzjonali. Kull każ għandu jiġi evalwat b’mod individwali. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħan-natura tal-att ikkonċernat, in-natura tal-miżuri preċedenti u l-fatt li d-dispożizzjoni tranżitorja għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba (16).
48. Għalkemm tali gwida tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi interpretata d-Direttiva EAS, din ma hijiex vinkolanti (17).
49. Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu approvati sa fejn iċ-ċertezza legali tkun ta’ importanza deċiżiva għall-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“ewwel att preparatorju formali” (18). Dan jidher mill-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS, mill-użu tat-terminu “formali” kif ukoll mill-kuntest sistematiku li fih jintuża dan il-kunċett.
50. L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS jindirizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tagħha ġiet interpretata dispożizzjoni tranżitorja simili fid-Direttiva SEA (19)oriġinali. Dak iż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jeżistix obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni meta d-data tal-preżentazzjoni formali tal-applikazzjoni tkun qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni (20). Hija ġġustifikat din il-konklużjoni bil-fatt li din id-direttiva tikkonċerna prinċipalment proġetti ta’ daqs kunsiderevoli, li l-implimentazzjoni tagħhom spiss teħtieġ ħafna ħin. Dawn il-proċeduri diġà huma kumplessi fil-livell nazzjonali. Ma jkunx xieraq li dawn jitgħabbew u li jiddewmu iktar bir-rekwiżiti speċifiċi ta’ din id-direttiva meta dawn ikunu bdew formalment qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tad-Direttiva SEA tista’ taffettwa sitwazzjonijiet legali li jkunu nħolqu diġà (21). Sussegwentement, il-leġiżlatur inkluda dispożizzjonijiet tranżitorji simili f’xi wħud (22), iżda mhux fl-emendi sussegwenti kollha (23) tad-Direttiva SEA.
51. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrikonoxxi kuntatti u diskussjonijiet informali bejn l-awtorità kompetenti u l-promotur tal-proġett qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ transpożizzjoni bħala l-bidu ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Tali kuntatti ma jistgħux jintużaw, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, bħala kriterju affidabbli sabiex tiġi ddeterminata d-data tal-ftuħ tal-proċedura. Ċertament, dawn jistgħu jikkonċernaw il-kontenut u l-intenzjoni li tiġi sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett. Madankollu, id-data tal-preżentazzjoni formali tal-applikazzjoni hija l-uniku kriterju ammissibbli. Dan il-kriterju huwa konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u huwa adegwat sabiex jippreżerva l-effettività prattika ta’ din id-direttiva (24).
52. Proprju minħabba li l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS huwa manifestament ispirat minn din il-ġurisprudenza, att preparatorju formali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jkun ta’ kwalità paragunabbli għal dik ta’ applikazzjoni formali li tiftaħ proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata id-devjazzjoni, għandu jkun hemm kriterju ċari dwar meta jinħoloq obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali.
53. Il-kriterji l-oħra rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS, jiġifieri l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, il-perijodu ta’ 24 xahar wara din id-data kif ukoll l-adozzjoni tal-pjan jew programm jew l-introduzzjoni tiegħu fil-proċedura leġiżlattiva, għandhom din il-kwalità. Dawn huma dati identifikabbli b’mod ċar li ġeneralment isiru pubbliċi. Għalhekk ikun inkoerenti li jiġu aċċettati rekwiżiti inqas stretti għall-aħħar kriterju, jiġifieri l-att preparatorju, li jeħtieġ li jkun espressament “formali”.
54. Dan huwa sostnut ukoll mit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS. Skont din id-dispożizzjoni, il-pjanijiet jew programmi suġġetti għal evalwazzjoni jiġu stabbiliti abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi. L-adozzjoni tal-miżura hija, għalhekk, irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi nazzjonali li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti u l-proċedura applikata għat-tħejjija f’dan ir-rigward (25). Fin-nuqqas ta’ tali determinazzjoni, lanqas ma hemm pjan jew programm li jeħtieġ evalwazzjoni (26). Madankollu, jekk il-proċedura applikata għat-tħejjija tkun stabbilita, jeħtieġ ikun hemm ukoll att preparatorju li jagħti bidu formali għal dik il-proċedura.
55. Konsegwentement, l-ewwel att preparatorju formali jeħtieġ li jifforma parti minn proċedura “formali”. Tali proċedura tinkludi ċerti stadji definiti fil-forma tagħhom, b’mod partikolari l-ewwel stadju li jindika b’mod ċar il-bidu tal-proċedura.
56. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, wieħed mill-atti preparatorji msemmija fit-tieni domanda għandux jitqies bħala att preparatorju formali.
57. F’dan ir-rigward, hija għandha b’mod partikolari tivverifika jekk, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, dawn l-atti humiex parti minn proċedura formali għat-tħejjija ta’ emendi tal-punti tal-passaġġ ta’ proġett tat-triq.
58. Għal proċedura bħal din, ma huwiex suffiċjenti li l-awtoritajiet involuti jkollhom bażi legali u li l-atti preparatorji jaqgħu, fil-prinċipju, taħt il-mandat tagħhom. Fil-fatt, anki l-awtoritajiet previsti mil-liġi jistgħu jaġixxu b’mod informali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.
59. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-emenda tal-punti ta’ passaġġ ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva jimmilita favur l-argument li t-tressiq tal-proposta leġiżlattiva għandha titqies bħala l-ewwel att preparatorju formali sakemm id-dritt nazzjonali ma jipprevedix atti preparatorji formali iktar bikrija għal din l-emenda.
60. Minn dan isegwi li l-ewwel att preparatorju formali fis-sens tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva EAS jeħtieġ li jiftaħ, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi nazzjonali, il-proċedura għat-tħejjija tal-pjan jew programm ikkonċernat prevista fih.
C. It-tielet domanda: Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ evalwazzjoni ambjentali
61. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tixtieq tkun taf jekk, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, pjan li l-kriterji u l-modalitajiet tiegħu jikkostitwixxu direttament biss il-bażi tal-ewwel awtorizzazzjoni ta’ proġett awtorizzat f’diversi stadji skont id-Direttiva SEA jistabbilixxix ukoll qafas għall-awtorizzazzjonijiet l-oħra kollha neċessarji għat-twettiq tal-proġett.
62. Din id-domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk żbalji fl-applikazzjoni tad-Direttiva EAS fir-rigward tal-emenda tal-punti ta’ passaġġ jaffettwawx ukoll il-legalità tal-awtorizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
63. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jikkostitwixxu l-aħħar stadju ta’ diversi deċiżjonijiet li huma kollha neċessarji sabiex jippermettu l-bini tat-triq. L-ewwel, il-Parlament Awstrijak stabbilixxa, jew emenda, il-punti ta’ passaġġ f’liġi. Sussegwentement, il-Ministru għat-Trasport Awstrijak iddetermina, b’mod partikolari, ir-rotta eżatta permezz tal-awtorizzazzjoni SEA tas‑26 ta’ Marzu 2015, kif emendata mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) fit‑18 ta’ Mejju 2018. Fl-aħħar stadju, żewġ Länder Awstrijaċi ħarġu awtorizzazzjonijiet bbażati fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma għal dan il-proġett.
64. Id-domanda preliminari tirrigwarda għalhekk il-punt, dwar jekk rikors kontra dawn l-aħħar awtorizzazzjonijiet minħabba żball imwettaq fl-ewwel stadju, jistax iwassal għal “effett domino” li jipprekludi l-użu tad-deċiżjonijiet kollha adottati preċedentement favur il-proġett.
65. Il-punt tat-tluq tar-risposta għal din id-domanda huwa l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Skont dan il-prinċipju, l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (27). Jekk id-Direttiva EAS ma tkunx ġiet osservata minħabba li pjan jew programm ma kienx is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-pjan jew programm jeħtieġ li jiġi sospiż jew annullat (28) sabiex tkun tista’ titwettaq l-evalwazzjoni (29).
66. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali jeħtieġ li japplikaw il-miżuri previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom sabiex jiġi evitat li pjan jew programm, inklużi l-proġetti li għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ dan il-programm, ikun jista’ jitwettaq mingħajr evalwazzjoni ambjentali (30). Minn dan hija kkonkludiet li, bħala regola ġenerali, qorti nazzjonali hija obbligata li tirtira jew tissospendi awtorizzazzjoni mogħtija fuq il-bażi tal-pjan jew programm li, min-naħa tiegħu, kien ġie adottat bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali (31).
67. Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tindika li l-awtorizzazzjonijiet abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma skont id-dritt Awstrijak ma humiex ibbażati direttament fuq id-determinazzjoni tal-punti ta’ passaġġ. Dawn tal-aħħar huma biss il-bażi tal-awtorizzazzjoni SEA. L-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma ma jistgħux ibiddlu iktar din id-deċiżjoni finali.
68. L-argument ta’ ASFINAG, li fis-sentenza dwar il-proġett ta’ installazzjoni ta’ eoliċi f’Aalter u f’Nevele, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikjediet biss l-annullament ta’ awtorizzazzjoni maħruġa abbażi tal-pjan jew programm ikkonċernat, imur ukoll f’din id-direzzjoni (32). Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ din is-sentenza jiġu spjegati mill-fatti sottostanti, li effettivament kienu jikkonċernaw awtorizzazzjoni mogħtija abbażi tal-pjan jew programm inkwistjoni.
69. Madankollu, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja jmur ferm lil hinn. Hija ma tibbażax ruħha strettament fuq il-kwistjoni dwar jekk il-pjan jew programm adottat bi ksur tad-Direttiva EAS jikkostitwixxix, skont id-dritt nazzjonali, il-bażi legali tad-deċiżjoni li tippermetti l-implimentazzjoni tal-pjan jew programm. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li l-qrati jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-pjan jew programm (33).
70. Dan għandu l-għan li jiżgura b’mod effettiv li l-konsegwenzi tal-iżball fl-adozzjoni tal-pjan jew tal-programm jiġu effettivament rimedjati. L-awtoritajiet kompetenti jew ma għandhomx jitħallew jimplimentaw il-pjan jew il-programm jew għandhom jirrimedjaw l-iżball qabel l-implimentazzjoni tiegħu billi jwettqu l-evalwazzjoni ambjentali sussegwentement (34).
71. L-awtorizzazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma kkontestati fil-kawża prinċipali huma neċessarji sabiex jiġi implimentat il-pjan li jinsab fil-punti tal-passaġġ, jiġifieri sabiex tinbena t-triq rapida. Dan huwa saħansitra l-uniku għan tagħhom. Konsegwentement, żball fl-adozzjoni ta’ dan il-pjan ineħħi l-“bażi fundamentali” tal-awtorizzazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma. Fl-istess ħin, l-annullament jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet ikunu tali li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-pjan.
72. Deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan jew programm iżda li ma humiex immirati għall-implimentazzjoni tiegħu jistgħu jiġu evalwati b’mod differenti. Madankollu, ma hemmx lok li din il-kwistjoni tiġi deċiża f’dan il-każ.
73. Kuntrarjament għal dak li ssostni ASFINAG, l-awtorità ta’ res judicata tal-awtorizzazzjoni SEA ma tipprekludix obbligu li jiġu annullati jew sospiżi l-awtorizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma. Fil-fatt, dawn l-aħħar awtorizzazzjonijiet għadhom ma kisbux l-awtorità ta’ res judicata, filwaqt li l-awtorizzazzjoni SEA finali ma hijiex direttament affettwata mill-annullament jew mis-suspensjoni.
74. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li l-obbligu li jiġu annullati jew sospiżi deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni sussegwenti jista’ ma jibqax japplika. Dan jippreżupponi li żball fl-adozzjoni tal-pjan jew programm ikun diġà ġie rrimedjat permezz ta’ evalwazzjoni sussegwenti. Din jeħtieġ li tkopri wkoll il-kwistjonijiet kollha li kellhom ikunu suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-pjan jew programm, f’dan il-każ l-emenda tal-punti ta’ passaġġ (35).
75. ASFINAG u l-Awstrija informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li fil-frattemp saret tali evalwazzjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ tista’ tiġi kkunsidrata l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li twettqet, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni SEA tas‑26 ta’ Marzu 2015 (36). Barra minn hekk, l-Awstrija ssemmi evalwazzjoni ambjentali mwettqa volontarjament mill-Belt ta’ Vjenna mill-2001 sal-2003 b’referenza għad-Direttiva EAS. Hija l-qorti tar-rinviju li jeħtieġ tiddetermina jekk waħda minn dawn l-evalwazzjonijiet kinitx konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva EAS.
76. Bla ħsara għal regolarizzazzjoni tal-iżball, il-qrati nazzjonali huma għalhekk obbligati jieħdu l-miżuri previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom li huma ta’ natura li jipprekludu b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ pjan jew programm, inklużi l-proġetti li għandhom jiġu żviluppati fil-qafas ta’ dan il-pjan jew programm, mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni ambjentali tal-imsemmi pjan jew programm, meħtieġa mid-Direttiva EAS. Għal dan l-għan, huma għandhom, jekk ikun il-każ, iħassru jew jissospendu d-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ implimentazzjoni tal-pjan jew programm, anki jekk dan il-pjan jew programm ma kien, fih innifsu, la l-bażi legali u lanqas rekwiżit għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
V. Konklużjoni
77. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht (Österreich) (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija):
1) Id-determinazzjoni ta’ ċerti punti ta’ passaġġ ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq, li tipprovdi bażi vinkolanti għall-preżentazzjoni ta’ talba għal determinazzjoni tar-rotta tat-triq fil-qafas ta’ proġett konkret li għandu jiġi ppreżentat fil-futur għall-approvazzjoni, tistabbilixxi qafas għal awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.
2) L-ewwel att preparatorju formali, fis-sens tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2001/42, għandu, skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi nazzjonali, jibda l-proċedura għat-tħejjija tal-pjan jew programm ikkonċernat prevista fih.
3) Bla ħsara għal regolarizzazzjoni tal-iżball, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom li huma ta’ natura li jipprekludu li tali pjan jew programm, inklużi l-pjani u l-proġetti li għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ dan il-programm, ikun jista’ jitwettaq mingħajr it-twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-pjan jew tal-programm, meħtieġa mid-Direttiva 2001/42. Għal dan l-għan, huma għandhom, jekk ikun il-każ, iħassru jew jissospendu d-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ implimentazzjoni tal-pjan jew programm, anki jekk dan il-pjan jew programm ma kien, fih innifsu, la l-bażi legali u lanqas rekwiżit għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p 157).
3 Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), emendata l-aħħar bid-Direttiva 2014/52/UE (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).
4 Sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punti 36 sa 43), tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 44), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 43).
5 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 52).
6 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 67 u 68) u tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 60).
7 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 68) u tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punti 60 u 61).
8 Sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55) kif ukoll Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 55) u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 70).
9 Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 62).
10 Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punti 66 sa 69).
11 Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8); sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-La-Neuve (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 37), u tas‑16 ta’ April 2026, Nitrogénművek (C‑519/24, EU:C:2026:297, punt 20).
12 Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Verdi Ambiente e Società (VAS) – Aps Onlus et (C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 52) u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE (C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 71).
13 Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 40).
14 Skont il-punt 9 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, din hija d-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tat‑18 ta’ Mejju 2018.
15 Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).
16 Umsetzung [der] Richtlinie 2001/42/EG über die Prüfung der Umweltauswirkungen bestimmter Pläne und Programme (Traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ ċerti pjanijiet u programmi) (2003), punt 3.65.
17 Ara sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, PO u Moesgaard Meat 2012 (C‑311/22, EU:C:2024:145, punt 55).
18 Ara wkoll l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2011:651, punt 162).
19 Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).
20 Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 23).
21 Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 24).
22 Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/11/KE tal-Kunsill tat‑3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 5) u Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).
23 Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 21 sa 31).
24 Sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Großkrotzenburg) (C‑431/92, EU:C:1995:260, punt 32).
25 Sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31) u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 52).
26 Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024 Friends of the Irish Environment (Project Ireland 2040) (C‑727/22, EU:C:2024:825, punti 29 u 32).
27 Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 43) u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83).
28 Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 46).
29 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83).
30 Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 47).
31 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 83, 88 u 89).
32 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 88).
33 Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 47).
34 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83).
35 Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 62) u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 58).
36 Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.