17.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/786

tal-10 ta’ Mejju 2021

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja biex tapplika eżenzjoni mit-taxxa fuq żejt tal-gass użat biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-2014/921/UE (2), il-Kroazja ġiet awtorizzata biex tapplika eżenzjoni mit-taxxa fuq żejt tal-gass użat biex jitħaddem makkinarju speċjalizzat għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (l-“eżenzjoni mit-taxxa”) sad-19 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Fit-18 ta’ Settembru 2020, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-eżenzjoni mit-taxxa għall-perijodu mill-20 ta’ Diċembru 2020 sad-19 ta’ Diċembru 2026. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Kroazja pprovdiet informazzjoni ta’ appoġġ addizzjonali fit-13 ta’ Ottubru u fis-6 ta’ Novembru 2020.

(3)

Bl-eżenzjoni mit-taxxa li hija għandha l-ħsieb li tkompli tapplika, il-Kroazja għandha l-għan li tħaffef it-tneħħija tal-mini fiż-żoni kkontaminati li fadal f’diversi reġjuni. L-eżenzjoni mit-taxxa b’hekk ikollha effetti pożittivi immedjati fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem f’dawn ir-reġjuni.

(4)

L-eżenzjoni mit-taxxa jenħtieġ li tkun limitata għal magni għal użu speċifiku, akkreditati, li huma mfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta’ żoni fejn tqiegħdu l-mini.

(5)

L-eżenzjoni mit-taxxa jenħtieġ li tkun limitata għal żoni kkontaminati bil-mini fit-territorju tal-Kroazja.

(6)

L-eżenzjoni mit-taxxa jenħtieġ li tapplika għall-operaturi kollha involuti fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fil-Kroazja, u b’hekk ebda vantaġġ ekonomiku m’hu ser jingħata lil xi operatur partikolari involut.

(7)

Konsegwentament, l-eżenzjoni mit-taxxa hija aċċettabbli mill-aspett tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa biex tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma ta’ saħħa, ambjent, enerġija u trasport.

(8)

Kull awtorizzazzjoni li tingħata taħt l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE għandha tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jiġu pprovduti b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza u biżżejjed żmien biex jikkonkludu l-proċess ta’ tneħħija tal-mini miż-żoni kkontaminati, ikun xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perijodu ta’ sitt snin.

(9)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi ekonomiċi involuti f’operazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ mini u biex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv li jirriżulta minn bidliet fir-rata tat-taxxa applikabbli, il-Kroazja jenħtieġ li tkun tista’ tapplika l-eżenzjoni mit-taxxa mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-20 ta’ Diċembru 2020, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/921/UE jkomplu mingħajr waqfien.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kroazja hija b’dan awtorizzata li teżenta mit-tassazzjoni ż-żejt tal-gass li jintuża sabiex jitħaddem il-makkinarju li jintuża fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fit-territorju tagħha. L-eżenzjoni mit-taxxa għandha tkun limitata għal magni għal użu speċifiku, akkreditati, li huma mfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta’ żoni fejn tqiegħdu l-mini.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-20 ta’ Diċembru 2020 sad-19 ta’ Diċembru 2026.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika minn dakinhar li jsiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/921/UE tas-16 ta’ Diċembru 2014 li tawtorizza lill-Kroazja biex tapplika eżenzjoni mit-taxxa fuq nafta użata biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 150).