KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-21 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑127/15

Verein für Konsumenteninformation

vs

INKO, Inkasso GmbH

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(f) — L-espressjoni ‘intermedjarju tal-kreditu’ — Jekk il-ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs offruti minn aġenzija ta’ rkupru li taġixxi f’isem persuni li jsellfu jikkostitwixxux ‘ftehim ta’ kreditu li jirrigwardaw il-ħlas differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti’ skont l-Artikolu 2(2)(j)”

1. 

Meta aġent ta’ rkupru jingħata struzzjoni mill-persuni li jsellfu biex isegwu djun pendenti minn persuni li jissellfu li jkunu naqsu skont ftehim ta’ kreditu (“il-ftehim inizjali”) billi jippreżentalhom ftehimiet għal radd lura differit, dan jaġixxi bħala intermedjarju tal-kreditu għall-finijiet tad-Direttiva 2008/48/KE? ( 2 ) Jekk dan huwa l-każ, l-arranġamenti li jagħmel dan jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva fejn l-onorarji imposti għas-servizzi tiegħu ma jkunux iktar mill-ammonti stipulati fil-ftehim ta’ kreditu inizjali li l-persuna li tissellef trid tħallas lill-persuna li ssellef fi kwalunkwe każ? Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija) tfittex gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, li tirregola ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur.

Leġiżlazzjoni

Direttiva 2008/48

2.

Id-Direttiva 2008/48 għandha numru ta’ objettivi. L-ewwel, l-għanijiet globali tagħha jinkludu l-armonizzazzjoni tal-qafas legali f’numru ta’ oqsma ċentrali “[s]abiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb” ( 3 ); biex “[t]offri livell suffiċjenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur biex jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur” ( 4 ); u biex “tiżgura li l-konsumaturi kollha […] igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin” ( 5 ). It-tieni, l-informazzjoni għandha tiġi żvelata lill-konsumaturi mill-kredituri biex jiġi ggarantit li dawn ikunu protetti minn prattiċi inġusti jew qarrieqa, u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, u bl-iżgurar li dawn jirċievu informazzjoni adegwata, li jkunu jistgħu jieħdu magħhom biex jikkunsidrawha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kundizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom ( 6 ). It-tielet, id-Direttiva timmira li tirregola ċerti obbligi tal-intermedjarji tal-kreditu u li tiżgura li b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali japplikaw għalihom ukoll ( 7 ). Ir-raba’, din tħeġġeġ lill-Istati Membri “jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu prattiki responsabbli matul il-fażijiet kollha tar-relazzjoni ta’ kreditu b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ kreditu tagħhom. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, per eżempju, l-għoti ta’ informazzjoni lil u l-edukazzjoni tal-konsumaturi, inklużi twissijiet rigward ir-riskji ta’ nuqqas ta’ ħlas jew ta’ dejn eċċessiv” ( 8 ).

3.

L-Artikolu 1 jiddikjara li l-għan tad-Direttiva 2008/48 hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet li jkopru kreditu għall-konsumaturi.

4.

Skont l-Artikolu 2, id-Direttiva 2008/48 tapplika għal ftehimiet ta’ kreditu sakemm dawn ma humiex esklużi b’mod ċar. L-Artikolu 2(2) jelenka 12‑il tip ta’ ftehim ta’ kreditu, inklużi dawk relatati mal-proprjetà residenzjali u immobbli ( 9 ), li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Dawn jinkludu:

“(f)

ftehim ta’ kreditu fejn il-kreditu jingħata mingħajr interessi u mingħajr kwalunkwe drittijiet oħra u ftehim ta’ kreditu li taħt it-termini tagħhom il-kreditu għandu jintradd lura fi żmien tliet xhur u jkunu pagabbli biss imposti insinifikanti;

[…]

(j)

ftehim ta’ kreditu li jirrigwardaw il-ħlas differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti;

[…]”

5.

L-Artikolu 2(6) jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li għandhom japplikaw biss l-Artikoli 1 sa 4, 6, 7 u 9, l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 10(2) punt (a) sa (i), u l-punti (l) u (r), l-Artikolu 10(4), l-Artikoli 11, 13 u 16 u l-Artikoli 18 sa 32 għal ftehim ta’ kreditu li jipprevedu arranġamenti li għandhom jiġu miftehma mill-kreditur u l-konsumatur fir-rigward ta’ ħlas differit jew metodi ta’ radd lura, fejn il-konsumatur ikun diġà naqas fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu inizjali u fejn: ( 10 )

(a)

tali arranġamenti jkollhom il-probabbiltà li jevitaw il-possibbiltà ta’ proċedimenti legali rigward nuqqas minn obbligu bħal dan; u

(b)

il-konsumatur ma jkunx b’hekk soġġett għal termini inqas favorevoli minn dawk stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu inizjali.

[…]”

6.

Is-segwenti definizzjonijiet fl-Artikolu 3 huma rilevanti:

“(a)

‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(b)

‘kreditur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħti jew twiegħed li tagħti kreditu matul l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tagħha;

(ċ)

‘ftehim ta’ kreditu’ tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs;

[…]

(f)

‘intermedjarju ta’ kreditu’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx qed taġixxi bħala kreditur u li matul il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha għal onorarju, li jista’ jkun pekunarja jew fi kwalunkwe forma miftehma oħra ta’ konsiderazzjoni finanzjarja:

(i)

tippreżenta jew toffri ftehim ta’ kreditu lill-konsumaturi,

(ii)

tassisti lill-konsumaturi billi tagħmel ħidma ta’ tħejjija fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu minbarra dawk imsemmijin f’(i), jew

(iii)

tikkonkludi ftehim ta’ kreditu mal-konsumaturi f’isem il-kreditur;

(g)

‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur […]”

7.

L-Artikolu 5(1) jistabbilixxi l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi ( 11 ). Dan jiddikjara: “Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. […]

Din l-informazzjoni għandha tispeċifika:

(a)

it-tip ta’ kreditu;

(b)

l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-kreditur kif ukoll, jekk applikabbli, l-identità u l-indirizz ġeografiku ta’ l-intermedjarju ta’ kreditu involut;

(ċ)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self;

(d)

it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

[…]

(l)

ir-rata ta’ l-interessi applikabbli fil-każ ta’ ħlas tard u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha, u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

(m)

twissja dwar il-konsegwenzi li jinqabżu xi ħlasijiet;

[…]”

8.

Skont l-Artikolu 5(6), l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kredituri u, fejn applikabbli, l-intermedjarji tal-kreditu, jipprovdu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur, sabiex jippermettulu li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, fejn ikun il-każ billi jiġu spjegati, inter alia, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas ( 12 ).

9.

Ċerti obbligi speċifiċi huma imposti fuq l-intermedjarji tal-kreditu mill-Artikolu 21. L-Istati Membri jridu jiżguraw li intermedjarju tal-kreditu jindika b’mod partikolari jekk jaħdimx esklużivament ma’ kreditur wieħed jew iktar jew bħala sensar indipendenti ( 13 ). L-intermedjarji tal-kreditu jridu wkoll jinformaw lill-konsumaturi dwar kwalunkwe onorarju pagabbli għas-servizzi tagħhom u jikkomunikaw lill-kredituri d-dettalji ta’ tali onorarji ( 14 ).

Direttiva 2009/22

10.

L-għan tad-Direttiva 2009/22/KE ( 15 ) huwa li tarmonizza regoli nazzjonali relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri ksur ta’ regoli nazzjonali li jaffettwaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi li jimplementaw waħda mid-direttivi elenkati fl-Anness I għad-direttiva ( 16 ). Il-lista tinkludi d-Direttiva 87/102/KEE ( 17 ), li issa ġiet issostitwita mid-Direttiva 2008/48. “Entità kwalifikata” tista’ tressaq proċedimenti fl-interessi kollettivi tal-konsumaturi ( 18 ). “Entità kwalifikata” hija ddefinita bħala kull korp jew organizzazzjoni li, filwaqt li hija debitament ikkostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru, għandha interess leġittimu li tiżgura li d-dispożizzjonijiet li sar riferiment għalihom fl-Artikolu 1 ikunu osservati ( 19 ).

Direttiva 2014/17

11.

Id-Direttiva 2014/17/UE ( 20 ) għandha l-għan li toħloq suq tal-kreditu ipotekarju madwar l-Unjoni b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 21 ). Intermedjarju tal-kreditu huwa ddefinit fl-Artikolu 4(5) f’termini simili għal dawk użati fl-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48. L-Artikoli 29 sa 34 fil-Kapitolu 11 jintroduċu diversi rekwiżiti għall-istabbiliment u s-superviżjoni ta’ intermedjarji tal-kreditu u rappreżentanti maħturin ( 22 ).

Dritt nazzjonali

12.

Id-Direttiva 2008/48 hija implementata fl-Awstrija mill-Verbraucherkreditgesetz (liġi dwar il-kreditu tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“VKrG”). Il-paragrafu 6 tal-VKrG jistabbilixxi l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni prekuntrattwali stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48. Dak l-obbligu japplika wkoll għall-ftehimiet ta’ kreditu fejn il-ħlas jiġi differit jew isir bin-nifs (paragrafu 25 tal-VKrG). Dik il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix applikazzjoni iktar limitata minn dik offruta mill-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2008/48.

13.

Meta persuna li tissellef tonqos milli tħallas is-self tagħha, il-konsegwenzi huma rregolati mill-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-kodiċi ċivili Awstrijak; iktar ’il quddiem l-“ABGB”). Il-paragrafu 1333 jiddikjara:

“(1)

Id-danni li d-debitur ikun suġġett għalihom fil-konfront tal-kreditur tiegħu bħala riżultat ta’ dewmien fil-ħlas ta’ pretensjoni monetarja għandhom jiġu kkumpensati minn interessi statutorji[…].

(2)

Minbarra l-interessi statutorji, il-kreditur jista’ jfittex ukoll ir-rimbors ta’ danni oħra kkawżati lilu min-nuqqas tad-debitur, b’mod partikolari l-ispejjeż meħtieġa ta’ infurzar jew irkupru extraġudizzjarju, bil-kundizzjoni li dan ikun raġonevolment proporzjonat għat-talba mfittxija” ( 23 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

14.

Il-Verein für Konsumenteninformation (Assoċjazzjoni ta’ Informazzjoni għall-Konsumaturi, Vjenna, iktar ’il quddiem il-“Verein”) hija assoċjazzjoni li hija intitolata titlob inġunzjonijiet biex tipproteġi l-interessi kollettivi tal-konsumaturi għall-finijiet tad-Direttiva 2009/22. Din istitwixxiet proċeduri legali għal inġunzjoni li tipprojbixxi lil INKO, Inkasso GmbH, Linz (iktar ’il quddiem “Inko”) milli tidħol fi ftehimiet għal ħlasijiet differiti (“ftehim ta’ radd lura”) li għalihom timponi onorarju, mingħajr ma l-ewwel tkun ipprovdiet lill-konsumaturi bl-informazzjoni prekuntrattwali meħtieġa mill-paragrafi 6 u 25 tal-VKrG ( 24 ).

15.

Inko toffri li tipprovdi servizz ta’ rkupru ta’ dejn lil persuni li jsellfu meta l-persuna li tissellef tkun naqset milli tħallas skont ftehim ta’ kreditu. Inko tavviċina lil tali persuni li jissellfu f’isem il-persuna li ssellef fejn toffri ftehim ta’ radd lura. Il-persuna li tissellef tingħata tlett ijiem biex tagħżel bejn li tħallas id-dejn pendenti kollu jew timla formola stampata minn qabel (“ftehim ta’ ħlas bin-nifs”) li trid tiġi rritornata lil Inko. Skont tali ftehim il-persuna li tissellef: (i) tirrikonoxxi li d-dejn pendenti huwa dovut flimkien mal-ispejjeż li jqumu min-nuqqas tagħha ta’ ħlas skont il-ftehim inizjali; (ii) taqbel mal-pjan ta’ radd lura; (iii) tieħu l-impenn li tħallas id-dejn bi ħlas bin-nifs fix-xahar; u (iv) taċċetta li l-ħlasijiet li tagħmel l-ewwel għandhom japplikaw għall-onorarji ta’ Inko u mbagħad għall-pretensjoni u l-interessi tal-persuna li ssellef. L-onorarji u l-interessi (“l-ispejjeż ta’ rkupru”) huma r-remunerazzjoni ta’ Inko għas-servizzi tagħha.

16.

Il-Verein issostni li Inko trid tipprovdi lill-persuni li jissellfu bl-informazzjoni prekuntrattwali obbligatorja qabel ma tikkonkludi tali ftehimiet. Inko tikkontesta dan. Din targumenta li l-ftehimiet ta’ radd lura jsiru bejn il-persuna li tissellef u l-persuna li ssellef. Inko nnifisha ma hijiex parti għal dawk il-ftehimiet u konsegwentement, ma hija obbligata tipprovdi l-ebda informazzjoni prekuntrattwali. Fi kwalunkwe każ, peress li l-arranġamenti li Inko tagħmel f’isem il-klijenti tagħha ma jwasslux għal differiment ta’ ħlas għal remunerazzjoni, l-attivitajiet tagħha jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48.

17.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Verein naqset milli turi li Inko timponi interessi u onorarji li jaqbżu dak li jkun dovut lill-persuni li jsellfu skont id-dritt Awstrijak jekk il-persuni li jsellfu nfushom, mingħajr l-intervent ta’ Inko, ikunu qablu li jaċċettaw ħlas bin-nifs. Il-Verein rebħet il-kawża fl-ewwel istanza. Inka rebħet parzjalment l-appell. Iż-żewġ partijiet appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, li tixtieq taċċerta jekk l-arranġamenti ta’ Inko jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u għalhekk għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1.

Aġenzija ta’ rkupru li, fil-kuntest tal-irkupru professjonali ta’ djun f’isem il-klijenti tagħha, tipproponi [lill-persuni li jissellfu] il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs, billi tiffattura għall-attività tagħha spejjeż li fl-aħħar nett, [il-persuni li jissellfu] huma obbligati li jħallsuhom, taġixxi bħala ‘intermedjarju ta’ kreditu’ fis-sens tal-Artikolu 3(f) [tad-Direttiva 2008/48]?

2.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Ftehim ta’ ħlas bin-nifs konkluż bejn [persuna li tissellef] u [l-persuna li ssellifha] permezz tal-intermedju ta’ aġenzija ta’ rkupru, jikkosititwixxi ‘ħlas differit, mingħajr ħlas [ta’ imposti]’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48/KE meta, permezz ta’ dan il-ftehim, [il-persuna li tissellef timpenja ruħha] unikament li [tħallas] id-dejn mhux irrimborsat kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż li għalihom [hija kienet] fi kwalunkwe każ [obbligata li tħallas] ukoll fl-assenza ta’ ftehim, abbażi tal-liġi?”

18.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Verein, Inko, mill-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Litwan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2016, l-istess partijiet, minbarra l-Gvern Franċiż u Litwan, ippreżentaw argument orali.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

19.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna azzjoni kollettiva meħuda mill-Verein f’isem il-konsumaturi b’mod ġenerali. Għalhekk ma hemm l-ebda ftehim inizjali speċifiku li għandu jiġi eżaminat u ma hemm xejn li jindika jekk xi ftehim inizjali partikolari jkunx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48. Lanqas ma hemm xi informazzjoni li tindika jekk aġenti ta’ rkupru, bħal Inko, jipprovdux merkanzija jew servizzi li jkunu qed jaġixxu f’kapaċità anċillari, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48.

20.

Kif għandhom jiġu kklassifikati l-arranġamenti legali bejn il-persuni li jsellfu, il-persuni li jissellfu li jkunu naqsu u l-aġenziji ta’ rkupru u r-regoli li għandhom japplikaw għal dawk l-arranġamenti huma differenti madwar l-Istati Membri. Il-pożizzjoni skont id-dritt Awstrijaku ma hijiex ċara għalkollox. Għalhekk, il-Verein tiddikjara li meta persuna li tissellef tidħol fi ftehim ta’ ħlas bin-nifs ma’ aġenzija ta’ rkupru, dak l-arranġament iħassar in-nuqqas tagħha skont il-ftehim inizjali minħabba li hija ma tkunx għadha tard fil-ħlasijiet. Inko ma indirizzatx dak il-punt speċifiku. Din tqis li skont id-dritt Awstrijaku l-aġenti ta’ rkupru ma jistgħux jieħdu proċedimenti legali biex ikopru djun pendenti f’isem il-persuni li jsellfu. Huma ma humiex parti għall-ftehim inizjali u huma pprojbiti milli jakkwistaw id-dejn pendenti skont dak il-ftehim. Skont Inko, entitajiet li jirkupraw djun pendenti jaġixxu sempliċement bħala aġenti għall-persuni li jsellfu.

21.

Dawk il-kwistjonijiet huma materji tad-dritt nazzjonali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati domestiċi. Dawn ma jeħtiġux li jiġu solvuti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, li tikkonċerna jekk ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs bħal dawk offruti minn Inko humiex ftehimiet ta’ kreditu għall-finijiet tad-Direttiva 2008/48. Jidhirli li tali arranġamenti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “ftehim ta’ kreditu” fl-Artikolu 3(ċ) ta’ dik id-direttiva. Il-ftehim ta’ ħlas bin-nifs jikkostitwixxi “ħlas differit” jew “akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra” għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni, peress li l-persuna li ssellef (skont il-ftehim inizjali) tagħti lill-persuna li tissellef kreditu addizzjonali jew ġdid f’dik il-forma permezz ta’ tali arranġamenti ta’ radd lura.

22.

L-Artikolu 6 jelenka r-rekwiżiti dettaljati ta’ informazzjoni prekuntrattwali għal ċerti ftehimiet ta’ kreditu fil-forma ta’ faċilità ta’ overdraft u għal ċerti ftehimiet ta’ kreditu speċifiċi. Ma hemm l-ebda informazzjoni fid-digriet tar-rinviju dwar jekk il-ftehimiet ta’ kreditu inkwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni u l-qorti tar-rinviju ma fittxitx gwida dwar dak il-punt. Madankollu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 huma riflessi fl-Artikolu 6 u l-fehmiet tiegħi rigward l-ewwel waħda japplikaw b’analoġija għat-tieni waħda ( 25 ).

L-ewwel domanda

23.

Permezz ta’ din id-domanda l-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk aġenzija ta’ rkupru li tippreżenta arranġamenti ta’ ħlas bin-nifs lil persuni li jissellfu li jkunu naqsu, f’isem il-persuni li jsellfu sabiex jirkupraw djun pendenti għal onorarju, taqax taħt id-definizzjoni ta’ intermedjarju tal-kreditu għall-finijiet tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48.

24.

Fil-fehma tiegħi aġenzija ta’ rkupru li tipprovdi tali servizz taqa’ taħt dik id-dispożizzjoni.

25.

L-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(f) issostni din l-interpretazzjoni ( 26 ). Dan jipprevedi li jridu jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex persuna titqies li tkun intermedjarju tal-kreditu għall-finijiet tad-Direttiva 2008/48. L-entità kkonċernata trid: (i) tkun persuna fiżika jew ġuridika; (ii) ma tkunx qed taġixxi bħala kreditur; (iii) tkun qed topera matul il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha [u tipprovdi s-servizzi elenkati fis-subparagrafi (i) sa (iii) tal-Artikolu 3(f)]; u (iv) timponi onorarju għas-servizzi tagħha ( 27 ).

26.

Bla ħsara għall-verifika tal-fatti mill-qorti tar-rinviju, jidher mid-digriet tar-rinviju u l-eżempju tal-kampjun ta’ ftehim ta’ radd lura ta’ Inko fil-fajl tal-qorti nazzjonali, li l-attivitajiet ta’ Inko jinvolvu l-preżentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs lil persuni li jissellfu li jkunu naqsu skont il-ftehim inizjali. L-Artikolu 3(f) ikopri l-attivitajiet li ġejjin tal-intermedjarji tal-kreditu: “(i) [jippreżentaw] jew [joffru] ftehim ta’ kreditu lill-konsumaturi, (ii) [jassistu] lill-konsumaturi billi [jagħmlu] ħidma ta’ tħejjija fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu minbarra dawk imsemmijin f’(i), jew (iii) [jikkonkludu] ftehim ta’ kreditu mal-konsumaturi f’isem il-kreditur”. Din il-formulazzjoni hija wiesgħa biżżejjed biex tkopri l-attivitajiet ta’ Inko ( 28 ).

27.

It-tieni nett, fil-fehma tiegħi tali interpretazzjoni hija konsistenti maż-żewġ għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħolqien ta’ suq intern ġenwin stabbiliti fid-Direttiva 2008/48 ( 29 ).

28.

Il-persuni li jsellfu u fejn applikabbli l-intermedjarji tal-kreditu li huma meħtieġa jipprovdu d-19‑il punt ta’ informazzjoni prekuntrattwali obbligatorja elenkati fl-Artikolu 5(1) fi żmien xieraq qabel ma persuna li tissellef tkun marbuta mill-ftehim jew l-offerta ta’ kreditu. Din il-lista tinkludi informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-persuna li tissellef jekk din tkun tard jew tonqos fir-radd lura tad-dejn ( 30 ). Ħafna persuni li jissellfu ma jistennewx li jonqsu meta jidħlu f’kuntratt ta’ kreditu; u huwa magħruf li mhux il-persuni kollha li jissellfu jiskrutinizzaw jew forsi japprezzaw bis-sħiħ il-konsegwenzi ta’ nuqqas stabbiliti fl-informazzjoni prekuntrattwali. It-tlett ijiem indikati fil-kampjun ta’ ftehim ta’ Inko ma humiex adegwati biex jippermettu lil persuna li tissellef biex tivvaluta l-pożizzjoni tagħha. Meta persuna li tissellef tiġi ffaċċjata bil-possibbiltà li tħallas id-dejn pendenti tagħha bis-sħiħ jew tikkonkludi ftehim ta’ ħlas bin-nifs, x’aktarx li hija ma jkollhiex għażla ġenwina. Li kieku hija tista’ faċilment trodd lura l-ammont pendenti (il-possibbiltà bi spiża inqas peress li r-responsabbiltà tagħha għal iktar spejjeż tonqos), x’aktarx li ma tkunx naqset milli tħallas. It-tlett ijiem lanqas ma huma biżżejjed żmien biex il-persuni li jissellfu jqabblu l-ispejjeż ta’ qbil għall-ftehim ta’ ħlas bin-nifs ma’ soluzzjonijiet alternattivi offruti minn persuni oħra li jsellfu.

29.

Għaldaqstant jidhirli li jkun jaqbel iktar mal-objettiv li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi l-fatt li l-intermedjarju tal-kreditu jkun meħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 5(1), b’mod partikolari, jekk dik l-informazzjoni ma tkunx ipprovduta mill-persuna li ssellef. Inkella, il-persuna li tissellef tiġi miċħuda mill-protezzjoni reali li d-Direttiva 2008/48 hija maħsuba li tipprovdi ( 31 ). L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-persuna li tissellef fi żmien xieraq qabel ma l-ftehim ta’ ħlas bin-nifs isir vinkolanti, għall-konformità mal-obbligu fl-Artikolu 5(1) ( 32 ). Dan għaliex l-aġent ta’ rkupru huwa l-persuna li: (i) tippreżenta jew toffri l-ftehim ta’ ħlas bin-nifs lill-persuna li tissellef, jew (ii) tagħmel ħidma ta’ tħejjija fir-rigward ta’ tali ftehim, jew (iii) tikkonkludi ftehim ta’ ħlas bin-nifs f’isem il-persuni li jsellfu fis-sens tal-Artikolu 3(f). Perijodu itwal mit-tlett ijiem offruti minn Inko huwa neċessarju b’mod ċar għall-konformità ma’ dak l-obbligu. Skont l-Artikolu 5(1), l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni prekuntrattwali huwa impost fuq “il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu”. Għalhekk, l-informazzjoni fit-teorija tista’ tiġi pprovduta mill-persuna li ssellef qabel ma l-persuna li tissellef taċċetta l-ftehim ta’ ħlas bin-nifs. Madankollu, ma hemm xejn li jindika li l-persuni li jsellfu fil-fatt jipprovdu tali informazzjoni prekuntrattwali. (Anki jekk dan isir, dan ma jibdilx il-punt ta’ prinċipju li l-intermedjarji tal-kreditu huma suġġetti għall-istess obbligu).

30.

Dak il-qari huwa msaħħaħ mill-Artikolu 5(6) li jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jsellfu u l-intermedjarji tal-kreditu jipprovdu lill-persuni li jissellfu bi spjegazzjonijiet adegwati li jippermettulhom jaċċessaw fatturi, bħall-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas, fl-istadju prekuntrattwali. Dan huwa konsistenti wkoll mal-għan li jitħeġġu prattiki responsabbli matul il-fażijiet kollha tar-relazzjoni ta’ kreditu ( 33 ).

31.

Dan bl-istess mod huwa kompatibbli mal-għan tal-ħolqien ta’ suq intern ġenwin, peress li l-kunċett ta’ intermedjarju tal-kreditu għandu jkollu l-istess tisfira madwar l-Istati Membri kollha. Għalhekk, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni prekuntrattwali għandu japplika għal dawk kollha li jipprovdu servizzi ta’ rkupru bħal dawk offruti minn Inko.

32.

Inko ssostni li intermedjarju tal-kreditu jgħaqqad lill-persuni li jsellfu u lill-persuni li jissellfu flimkien. Aġenti ta’ rkupru ma jistgħux – targumenta din – ikunu intermedjarji tal-kreditu, peress li l-attivitajiet tagħha huma marbuta ma’ ftehim ta’ kreditu li kien jeżisti qabel ma l-aġent ta’ rkupru jippreżenta arranġament lill-persuna li tissellef. L-obbligi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/48 (intitolat “Ċerti obbligi ta’ intermedjarji ta’ kreditu vis-à-vis il-konsumaturi”) għaldaqstant ma jistgħux japplikaw għal aġenzija ta’ rkupru. Inko żżid li d-definizzjoni ta’ intermedjarju tal-kreditu fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/17 hija simili għal dik stabbilita fid-Direttiva 2008/48 u ż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod konsistenti. Huwa ċar mill-kuntest tad-Direttiva 2014/17 li l-attivitajiet ta’ aġenziji ta’ rkupru ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet ta’ intermedjarji tal-kreditu f’din id-direttiva. Fl-aħħar nett, Inko targumenta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(f) ikun wisq wiesa’ jekk jiġi interpretat bħala li japplika għall-aġenti ta’ rkupru. Dan inkella jkun ikopri attivitajiet professjonali li qatt ma kienu previsti li jiġu rregolati mid-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari dawk tal-avukati li għandhom il-permess li jaġixxu bħala aġenti ta’ rkupru fl-Awstrija.

33.

Jidhirli li “intermedjarju tal-kreditu” huwa terminu ġenerali li jkopri diversi tipi ta’ attività ( 34 ). Stati Membri differenti jiddefinixxu t-terminu b’diversi modi u japplikawh għal tipi differenti ta’ negozji ( 35 ). Huwa veru li l-irkupru ma huwiex attività assoċjata ma’ tip iktar konvenzjonali ta’ intermedjarju tal-kreditu (pereżempju, sensar tal-kreditu tal-konsumatur). Madankollu, tali sensara huma biss tip wieħed ta’ intermedjarji tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/48. Skont dik id-dispożizzjoni, l-intermedjarju tal-kreditu huwa meħtieġ li jindika jekk huwa jaħdimx esklużivament ma’ persuna li ssellef waħda jew iktar jew jekk huwiex indipendenti; li jgħarraf l-onorarju (jekk ikun hemm) pagabbli għas-servizzi tiegħu; u li jinforma lill-persuna li ssellef b’dak l-onorarju għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta (“l-APR”). Loġikament, dawn l-obbligi huma applikabbli bl-istess mod għall-aġenti ta’ rkupru meta dawn jipproponu ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs, peress li dawn jaħdmu għal klijenti u jimponu onorarji għas-servizzi tagħhom ( 36 ).

34.

Id-Direttiva 2014/17 tintroduċi qafas komuni għal ftehimiet li jkopru l-kreditu għal konsumaturi ggarantiti b’ipoteka jew b’mod ieħor rigward proprjetà residenzjali. Din tinkludi reġim partikolari għal intermedjarji tal-kreditu f’dan il-kuntest ( 37 ). Minkejja s-similarità tad-definizzjonijiet ta’ “intermedjarju tal-kreditu” fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/17 u fl-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48, ma jirriżultax li l-ewwel waħda tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni waħda. Id-Direttiva 2008/48 ma tapplikax għal ftehimiet ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka jew li l-fini tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà [Artikolu 2(2)(a) u (b)]. Fil-fehma tiegħi, il-fatt jekk aġenzija ta’ rkupru hijiex kapaċi tissodisfa l-obbligi, pereżempju, fil-Kapitolu 11 tad-Direttiva 2014/17, ma jistax ikun rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat is-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48. Inko ssuġġerixxiet li interpretazzjoni wiesgħa tfisser li l-avukati li ma humiex jipprovdu servizzi ta’ rkupru xorta waħda jkunu koperti mid-Direttiva 2008/48. Madankollu, it-tweġiba sempliċi hija li meta avukati jkunu qegħdin joffru parir legali, dawn ma jkunux qegħdin iwettqu l-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(f)(i) sa (iii) ( 38 ).

35.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Litwan (li jipproponi biss risposta għall-ewwel domanda) iqis li, għall-finijiet tal-Artikolu 3(f), attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu jridu jseħħu qabel ma jiġi konkluż il-ftehim ta’ kreditu. Il-ġestjoni ta’ djun pendenti ma hijiex marbuta mal-proposta jew it-tħejjija tal-ftehim inizjali.

36.

Ma naqbilx ma’ dik il-fehma. L-ewwel nett, l-Artikolu 3(f) ma jiddikjarax li attivitajiet ta’ intermedjarji tal-kreditu jridu jseħħu qabel ma jiġi konkluż il-ftehim ta’ kreditu. Dan huwa iktar konsistenti mat-test u l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 li ma jiġix ristrett il-kunċett ta’ “intermedjarju tal-kreditu” f’dan il-mod. Pjuttost, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni japplika għat-terminu kollu tal-ftehim, b’mod partikolari meta l-persuna li tissellef tiġi offruta arranġament finanzjarju li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ftehim ta’ kreditu fl-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48 ( 39 ). It-tieni nett, il-ftehim rilevanti hawnhekk ma huwiex il-ftehim inizjali bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef. Huwa l-ftehim ta’ ħlas bin-nifs offrut mill-aġent ta’ rkupru li huwa l-punt fokali ( 40 ). Peress li ma hemm xejn li jindika jekk il-ftehimiet inizjali jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, ma jistax jiġi preżunt li l-persuni li jissellfu jirċievu informazzjoni prekuntrattwali qabel ma dawk il-ftehimiet isiru vinkolanti. Jekk entitajiet bħal Inko ma humiex intermedjarji tal-kreditu skont l-Artikolu 3(f), ma hemm l-ebda obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni fil-punt ta’ qabel ma l-ftehim ta’ ħlas bin-nifs isir vinkolanti. Għalhekk, il-persuni li jissellfu ma jkollhomx il-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2008/48, peress li dawn fl-ebda fażi tal-proċess ma jiġu pprovduti bl-informazzjoni prekuntrattwali, b’mod partikolari meta jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu għal radd lura differit. Fi kwalunkwe każ mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju jidher li l-attivitajiet ta’ Inko jibdew qabel ma l-persuna li tissellef tidħol f’dawk il-ftehimiet ( 41 ).

37.

Għaldaqstant nikkonkludi li aġenzija ta’ rkupru li tippreżenta ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs lill-konsumaturi f’isem il-kredituri sabiex tirkupra d-djun pendenti tagħhom għal onorarju hija intermedjarju tal-kreditu għall-finijiet tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48.

It-tieni domanda

38.

Meta persuna li tissellef tidħol fi ftehim ta’ ħlas bin-nifs u tieħu l-impenn li tħallas id-dejn pendenti, flimkien ma’ kwalunkwe spiża u interessi tan-nuqqas ta’ ħlas li tirriżulta min-nuqqas tagħha li trodd lura skont il-ftehim inizjali (jew ir-regoli nazzjonali rilevanti), tali ftehim jaqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, peress li dan huwa ftehim ta’ kreditu relatat mal-“ħlas differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti” għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(j)?

39.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li arranġament fejn il-persuna li tissellef tħallas onorarju ma jistax jitqies bħala li jkun mingħajr ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48, anki meta l-ispejjeż tal-irkupru skont il-ftehim ta’ ħlas bin-nifs ma jkunux ogħla minn dawk fil-ftehim inizjali. L-ispejjeż stabbiliti fil-ftehim inizjali jikkostitwixxu imposti għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(j). Fil-fehma tal-Gvern Franċiż (li jirrispondi biss għat-tieni domanda), ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs iwasslu għal spejjeż żejda għall-persuni li jissellfu meta: (i) skont tali ftehim il-persuna li tissellef tħallas iktar milli kieku kienet tħallas li kieku r-radd lura ġie organizzat b’mezzi oħra, u (ii) l-ispejjeż tal-aġent ta’ rkupru ma jiġġarrbux direttament jew indirettament mill-persuna li tissellef. Il-Kummissjoni ssostni li huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-persuna li tissellef għandhiex tħallas imposti ikbar skont il-ftehim ta’ ħlas bin-nifs milli kieku kienet tħallas fl-assenza ta’ tali ftehim.

40.

Xi jfissru l-kliem “mingħajr ħlas” fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48? L-arranġamenti ta’ Inko jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni?

41.

L-espressjoni “mingħajr ħlas” fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48 ma hijiex iddefinita. Tidher li hija koerenti mal-iskema leġiżlattiva li din għandha tiġi interpretata b’mod konsistenti mal-espressjoni “mingħajr interessi u mingħajr kwalunkwe drittijiet [imposti] oħra […]” fl-Artikolu 2(2)(f) ( 42 ). Il-kelma “dritt [imposta]” ukoll trid tiġi interpretata b’mod konsistenti mad-definizzjoni tal-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” fl-Artikolu 3(g). Din id-definizzjoni tinsilet f’termini wiesgħa, peress li tkopri “l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur”. Din hija wiesgħa biżżejjed biex tinkorpora l-ispejjeż ta’ rkupru meta persuna li tissellef tkun naqset skont il-ftehim inizjali, kemm jekk dawk l-ispejjeż jiġu imposti mill-persuna li ssellef innifisha jew minn aġent ta’ rkupru li jaġixxi f’isimha.

42.

L-għan tal-Artikolu 2(2)(j) huwa li jneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 ftehimiet ta’ kreditu fejn il-persuna li tissellef ma tkunx suġġetta għal spejjeż żejda għall-faċilità ta’ kreditu pprovduta. Il-kliem “mingħajr ħlas” iridu jiġu interpretati b’riferiment għat-tifsira ordinarja tagħhom u fi ħdan il-kuntest statutorju tagħhom u l-għanijiet imfittxa mir-regoli li minnha jifformaw parti ( 43 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni hija jekk l-arranġamenti ta’ ħlas bin-nifs inkwistjoni humiex mingħajr spiża għall-persuna li tissellef. F’termini sempliċi ħafna: tali arranġamenti huma mingħajr ħlas?

43.

L-ispejjeż ta’ rkupru għal nuqqas ta’ ħlas għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta’ kreditu inizjali ( 44 ). Huwa normali li persuni li jsellfu jiddelegaw il-proċess ta’ rkupru lil terza għax ikun iktar effiċjenti għalihom li jagħmlu dan milli jsegwu d-djun pendenti huma stess. Peress li hemm spiża għall-irkupru li l-persuna li tissellef, li tkun naqset li tħallas, tkun responsabbli għaliha skont il-ftehim inizjali, dak il-proċess ma jistax jiġi deskritt bħala li jkun mingħajr ħlas għall-persuni li jissellfu. Inko ma tiċħadx li hija timponi onorarju għas-servizzi tagħha. Dawn is-servizzi għaldaqstant lanqas ma jistgħu jiġu deskritti bħala li jkunu disponibbli mingħajr ħlas. L-ewwel kwistjoni hija jekk l-arranġamenti li Inko tagħmel mal-persuni li jissellfu f’isem il-persuni li jsellfu jwasslux għal spiża għall-persuna li tissellef għall-finijiet tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48. Mill-kampjun ta’ ftehim ta’ radd lura fil-fajl tal-qorti nazzjonali jidher li l-persuna li tissellef fil-fatt iġġarrab l-ispejjeż ta’ rkupru ( 45 ).

44.

Jidher li l-kampjun ta’ formola jistabblixxi informazzjoni li tinkludi: (i) il-pretensjoni u l-ispejjeż tal-persuna li ssellef (EUR 98.75); (ii) l-onorarji li Inko timponi meta taqbel li taġixxi f’isem persuna li ssellef, li tinkludi: EUR 15.65 (onorarju ta’ pproċessar); EUR 14.28 (għall-ewwel tfakkira); EUR 9.36 (onorarju ta’ dokumentazzjoni) — subtotal: EUR 39.29; u (iii) l-ammont tad-dejn il-ġdid EUR 138.04 (iġġenerat biż-żieda ta’ EUR 39.29 għall-EUR 98.75). Barra minn hekk, hemm onorarji ulterjuri: interessi: EUR 0 ( 46 ); l-ispejjeż fix-xahar għaż-żamma ta’ fajl (EUR 3.12 kull xahar); EUR 15.96 għal kull tfakkira; u EUR 45 spejjeż ta’ rkupru — b’total ta’ EUR 64.08 ( 47 ).

45.

Inko ma hijiex qiegħda toffri arranġament li huwa mingħajr ħlas. Hemm implikazzjonijiet finanzjarji li l-persuni li jissellfu jridu jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu għażla informata fir-rigward tagħhom.

46.

Tagħmel differenza għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(j) jekk il-persuna li tissellef tħallasx l-ispejjeż tal-ftehim ta’ ħlas bin-nifs lill-persuna li ssellef li mbagħad tħallas lill-aġent ta’ rkupru, jew jekk tħallasx lill-aġent ta’ rkupru direttament?

47.

Fil-fehma tiegħi ma tagħmilx.

48.

Mid-digriet tar-rinviju u mill-informazzjoni fil-fajl nazzjonali jidher ċar li fil-kawża prinċipali l-persuna li tissellef hija fil-fatt responsabbli skont il-ftehim ta’ kreditu inizjali (għall-inqas indirettament) għal dak il-ħlas ( 48 ).

49.

L-ispejjeż inkwistjoni għandhom ikunu ogħla minn dawk dovuti skont il-ftehim ta’ kreditu inizjali meta l-persuna li tissellef tkun naqset milli tħallas sabiex arranġament ma jkunx kopert mill-Artikolu 2(2)(j)? ( 49 )

50.

Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għal dik il-mistoqsija hija “le”.

51.

Tali kundizzjoni, li tifforma parti mill-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 2(2)(j), tidhirli li hija inkompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tad-Direttiva 2008/48. It-teknika regolatorja użata tul din id-direttiva hija li konsumatur li jkun informat kif xieraq u bis-sħiħ huwa wieħed li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu r-responsabbiltà għall-arranġamenti ta’ self tiegħu ( 50 ).

52.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(j) għandhiex influwenza fuq l-operat tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2008/48.

53.

Fil-fehma tiegħi ma għandhiex. Iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu reġimi distinti. L-Artikolu 2(2)(j) ma huwiex diskrezzjonali, dan jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 ftehimiet fejn il-persuni li jissellfu jiksbu kreditu mingħajr ħlas.

54.

B’kuntrast ma’ dan, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk japplikawx ir-reġim regolatorju inqas strett jew le introdott mill-Artikolu 2(6) ( 51 ). Skont din id-dispożizzjoni dawn jistgħu jiddeċiedu li ċerti artikoli biss tad-Direttiva 2008/48 japplikaw għal ftehimiet ta’ kreditu li jipprevedu arranġamenti li għandhom jiġu miftiehma mill-persuni li jsellfu u l-persuni li jissellfu fir-rigward ta’ ħlas differit jew metodi ta’ radd lura ( 52 ), fejn persuna li tissellef tkun diġà naqset fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu inizjali u fejn tali arranġamenti x’aktarx li jevitaw proċedimenti legali rigward in-nuqqas u l-persuna li tissellef b’hekk ma tkunx suġġetta għal termini inqas favorevoli minn dawk stabbiliti fil-ftehim ta’ kreditu inizjali. L-Artikolu 6 [li japplika, inter alia, għal “kwalunkwe ftehim ta’ kreditu jew offerta li jikkonċernaw ftehim ta’ kreditu” kif isir riferiment għalih, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(6)] jistabbilixxi lista ta’ punti obbligatorji li l-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jridu jipprovdu fi żmien debitu lill-konsumatur qabel ma dan ikun marbut. Madankollu, peress li l-Awstrija għażlet ma tiħux vantaġġ mill-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 2(6), huwa l-Artikolu 5 li jibqa’ rilevanti għall-kawża prinċipali ( 53 ).

55.

Għaldaqstant nikkonkludi li, meta ftehim ta’ kreditu inizjali jistipula li l-persuna li tissellef tkun responsabbli biex tkopri l-ispejjeż ta’ rkupru f’każijiet ta’ nuqqas u l-persuna li tissellef sussegwentement tidħol fi ftehim ta’ ħlas bin-nifs mal-persuna li ssellef skont arranġament organizzat minn aġent ta’ rkupru, tali arranġament ma jikkostitwixxix ftehim ta’ kreditu relatat ma’ ħlas differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48, lanqas meta l-persuna li tissellef tkun diġà responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ rkupru stabbiliti fil-ftehim ta’ kreditu inizjali jew inkella tkun meħtieġa tħallas dawk l-ispejjeż skont regoli nazzjonali.

Konklużjoni

56.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) kif ġej:

—

Aġenzija ta’ rkupru li tippreżenta ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs lill-konsumaturi f’isem il-kredituri sabiex tirkupra d-djun pendenti tagħhom għal onorarju hija intermedjarju tal-kreditu għall-finijiet tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE.

—

Meta ftehim ta’ kreditu inizjali jistipula li l-persuna li tissellef tkun responsabbli biex tkopri l-ispejjeż ta’ rkupru f’każijiet ta’ nuqqas u l-persuna li tissellef sussegwentement tidħol fi ftehim ta’ ħlas bin-nifs mal-persuna li ssellef skont arranġament organizzat minn aġent ta’ rkupru, tali arranġament ma jikkostitwixxix ftehim ta’ kreditu relatat ma’ ħlas differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(j) tad‑Direttiva 2008/48, lanqas meta l-persuna li tissellef tkun diġà responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ rkupru stabbiliti fil-ftehim ta’ kreditu inizjali jew inkella tkun meħtieġa tħallas dawk l-ispejjeż skont regoli nazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008 L 133, p. 66) (“id-Direttiva”). Id-Direttiva kienet ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE, tal‑14 ta’ Novembru 2011, (ĠU 2011 L 296, p. 35) u d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014 L 60, p. 34): ara ulterjorment il-punt 11 iktar ’il quddiem. Dawn l-emendi ma biddlux il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

( 3 ) Premessa 7.

( 4 ) Premessa 8.

( 5 ) Premessa 9.

( 6 ) Premessi 18 u 19.

( 7 ) Premessi 13, 16, 17 u 24.

( 8 ) Premessa 26.

( 9 ) Ara l-Artikolu 2(2)(a) u (b).

( 10 ) L-Artikoli 1 sa 3 ikopru s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet (Kapitolu I). L-Artikoli 4 sa 7 jittrattaw informazzjoni u prattiki preliminari għall-konklużjonijiet tal-ftehim ta’ kreditu (Kapitolu II). L-Artikolu 5 dwar informazzjoni prekuntrattwali (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il quddiem) ma huwiex elenkat fl-Artikolu 2(6). L-Artikolu 9 jiżgura li fil-każ ta’ kreditu transkonfinalii, kredituri mill-Istati Membri li ma humiex dawk fejn ġiet ivvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur ikollhom aċċess għad-databases użati f’dak l-Istat (Kapitolu III). L-Artikoli 10, 11, 13, 16 u 18 jagħmlu dispożizzjoni dwar informazzjoni u drittijiet li jirrigwardaw ftehim ta’ kreditu (Kapitolu IV). L-Artikolu 19 jirregola l-kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena (Kapitolu V) u l-Artikoli 20 u 21 ikopru kredituri u intermedjarji ta’ kreditu (Kapitolu VI). Fl-aħħar nett, l-Artikoli 22 sa 28 u 29 sa 32 jistabbilixxu, rispettivament, il-miżuri implementattivi (Kapitolu VII) u d-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali (Kapitolu VIII).

( 11 ) Dik l-informazzjoni trid tiġi pprovduta fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. Il-kredituri jitqiesu li jkunu ssodisfaw l-obbligu li jipprovdu informazzjoni prekuntrattwali obbligatorja fl-Artikolu 5(1) meta l-informazzjoni tkun ipprovduta permezz tal-formola ta’ Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur fl-Anness II għad-Direttiva 2008/48. Ara ulterjorment il-konklużjonijiet tiegħi f’Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:431, punti 24 sa 29.

( 12 ) L-Artikolu 6 jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali għal ċerti ftehim ta’ kreditu fil-forma ta’ faċilità ta’ overdraft u għal ċerti ftehim ta’ kreditu speċifiċi. L-Artikolu 7 jipprevedi li l-obbligi fl-Artikoli 5 u 6 ma japplikawx għal fornituri ta’ merkanzija jew servizzi li jkunu qed jaġixxu ta’ intermedjarji tal-kreditu f’kapaċità anċillari. L-ebda wieħed ma huwa rilevanti hawnhekk.

( 13 ) Artikolu 21(a).

( 14 ) Artikolu 21(b) u (ċ) rispettivament.

( 15 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009 L 110, p. 30).

( 16 ) Artikolu 1.

( 17 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).

( 18 ) Artikolu 2.

( 19 ) Artikolu 3. Tali korpi jinkludu, b’mod partikolari, korpi pubbliċi indipendenti responsabbli biex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom (skont il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali) huwa li jipproteġu tali interessi.

( 20 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 60, p. 34).

( 21 ) Premessi 5 sa 8 u 15.

( 22 ) Dan ir-riferiment ma jikkonċernax ftehim ta’ kreditu relatat ma’ proprjetà immobbli residenzjali. Il-konvenut fil-kawża prinċipali madankollu fittex li jibbaża fuq id-Direttiva 2014/17 fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 23 ) Ir-rata ta’ interessi statutorji hija stabbilita fil-paragrafu 1000(1) tal-ABGB. Bħalissa hija ta’ 4 %.

( 24 ) Il-qorti tar-rinviju tiddikjara fid-digriet tar-rinviju li l-ammonti fil-kawża huma ta’ EUR 30500 u EUR 5500.

( 25 ) Ara ulterjorment il-punt 54 iktar ’il quddiem.

( 26 ) Ara wkoll il-premessi 16 u 17.

( 27 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

( 28 ) Ara l-punti 14 u 15 iktar ’il fuq. Il-kampjun ta’ ftehim ta’ ħlas bin-nifs ġie prodott minn Inko fil-kawża prinċipali. Skont dak il-kampjun ta’ ftehim, il-persuna li tissellef taqbel li, jekk hija tonqos milli tħallas pagament, Inko se tkun intitolata tavviċina lill-persuna li tħaddimha bl-għan li tikseb ħlas dirett mill-paga tagħha. Il-persuna li tissellef hija mistiedna wkoll taqbel biex trodd lura lil Inko permezz ta’ debitu dirett.

( 29 ) Premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2008/48.

( 30 ) Fost il-punti ta’ informazzjoni prekuntrattwali obbligatorja elenkati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 hemm: rati tal-interessi fil-każ ta’ ħlas tard u arranġamenti għal aġġustament kif ukoll imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas [Artikolu 5(1)(l)], u twissija dwar il-konsegwenzi li jinqabżu xi ħlasijiet [Artikolu 5(1)(m)].

( 31 ) Ara, pereżempju, l-għanijiet ġenerali fil-premessi 7 sa 9.

( 32 ) Ara l-premessi 18 u 19.

( 33 ) Ara l-premessa 26.

( 34 ) Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu għall-konsumaturi, COM(2002) 443 finali (ĠU 2002 C 331 E, p. 200) (“il-proposta oriġinali”). Il-kunċett ta’ intermedjarju tal-kreditu huwa deskritt fiha bħala: “kunċett ġenerali li jkopri diversi tipi ta’ attività u diversi kategoriji ta’ intermedjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (fil-paġna 8).

( 35 ) Ara d-dokument prodott f’isem id-DĠ Suq Intern u Servizzi intitolat: “Study on Credit Intermediaries in the Internal Market” tal-15 ta’ Jannar 2009, punti 3.20 sa 3.23.

( 36 ) Ara l-Artikolu 21(a) u (b) rispettivament. L-APR hija ddefinita fl-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48 bħala l-ispiża totali tal-kreditu.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 29 sa 34 fil-Kapitolu 11 tad-Direttiva 2014/17.

( 38 ) Ara ulterjorment il-paġna 9 tal-proposta oriġinali li tiddikjara: “Fil-prinċipju, l-avukati u n-nutara ma humiex koperti lanqas jekk konsumatur javviċinahom għal parir dwar il-portata ta’ ftehim ta’ kreditu jew jekk jipprovdu assistenza fl-abbozzar ta’ ftehim jew jawtentikawh, sakemm ir-rwol tagħhom ikun limitat għall-għoti ta’ parir legali u dawn ma jidderiġux lill-klijenti tagħhom lejn kredituri partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 39 ) Ara l-premessa 24.

( 40 ) Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.

( 41 ) Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.

( 42 ) Il-premessa 13 tiddikjara li d-Direttiva 2008/48 ma għandhiex tapplika għal ċerti tipi ta’ ftehim ta’ kreditu meta jkun hemm spiża insinjifikattiva jew l-ebda spiża għall-persuna li tissellef. Il-proposta oriġinali inkludiet eżenzjonijiet għal ftehimiet għal ħlas differit jew akkomodazzjoni finanzjarja simili, possibbilment bl-użu ta’ karta tal-ħlas jew tad-debitu, fejn tali tranżazzjonijiet ikunu mingħajr ħlas u kkompletati fi żmien tliet xhur. Ma hemmx dispożizzjoni ekwivalenti tal-Artikolu 2(2)(j), li ddaħħal fil-proposta mmodifikata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumaturi li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE (COM(2005) 483 finali).

( 43 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 32.

( 44 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 5(1)(l) tad-Direttiva 2008/48.

( 45 ) Ara l-punti 16 u 27 iktar ’il fuq.

( 46 ) Ovvjament, din iċ-ċifra tista’ tiżdied matul ir-relazzjoni.

( 47 ) Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-imposti jistgħu jiżdiedu. Il-pożizzjoni tiddependi min-numru ta’ tfakkiriet li jinħarġu. Fi ftit kliem, l-ewwel sett ta’ onorarji jammontaw għal madwar 40 % tal-pretensjoni tal-persuna li ssellef. Fl-eżempju fil-formola mudell, fejn it-talba u l-ispejjeż ta’ dak li jsellef jammontaw għal EUR 98.75, l-onorarji ulterjuri jammontaw għal madwar 65 % tal-pretensjoni tal-persuna li ssellef. Iċ-ċifri mogħtija huma illustrattivi. Ir-relazzjoni bejn l-miżati ta’ Inko u d-debitu pendenti tiddependi b’mod ċar fuq l-ammont tad-dejn pendenti fi kwalunkwe każ partikolari.

( 48 ) Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.

( 49 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

( 50 ) Ara l-premessi 24 u 26. Ara ulterjorment is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014f’CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 21.

( 51 ) L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2008/48 ġie introdott meta d-Direttiva kienet qiegħda tiġi nnegozjata fil-Kunsill; ara l-paġna 3 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill rigward ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi, COM(2007) 546 finali, tal-21 ta’ Settembru 2007.

( 52 ) Ara l-punt 5 iktar ’il fuq.

( 53 ) Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.