Brussell, 23.1.2025

COM(2025) 21 final

2025/0007(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju


2025/0007 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”) mill-Belġju fit-30 ta’ April 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 2 . Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 3 u fl-10 ta’ Diċembru 2024 4 .

(2)Fis-7 ta’ Jannar 2025, il-Belġju għamel talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP ma għadux jista’ jinkiseb għalkollox minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, il-Belġju ppreżenta RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241

(3)L-emendi tal-RRP li ressaq il-Belġju minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw miżura waħda.

(4)Il-Belġju spjega li miżura waħda ġiet emendata biex tiġi implimentata alternattiva aħjar li tippermetti li jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li xorta jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura rispettiva. Dan jikkonċerna l-objettiv intermedju 68 u l-objettiv intermedju 69 taħt il-miżura I-2.09: Diġitalizzazzjoni tal-Gvern Fjamming tar-Reġjun Fjamming, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-2.09 taħt il-komponent 2.2 tal-Amministrazzjoni Pubblika. Abbażi ta’ dan, il-Belġju talab biex titneħħa informazzjoni ta’ sfond mhux meħtieġa jew elementi proċedurali li ma jikkontribwixxux għall-objettivi tal-miżura, u għas-simplifikazzjoni tad-deskrizzjoni tal-miżura u tal-objettivi intermedji li joħolqu piż amministrattiv mhux ġustifikat biex jintlaħqu l-objettivi tal-miżuri rispettivi. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. 

(5)Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ippreżentati mill-Belġju jiġġustifikaw l-emenda/i skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

Korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali

(6)Ġew identifikati 14-il żball klerikali fit-test tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, li jaffettwaw żewġ objettivi intermedji, u ħames miżuri taħt sitt komponenti. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tiġi emendata biex jiġu kkoreġuti dawn l-iżbalji klerikali li ma jirriflettux il-kontenut tal-RRP ippreżentat lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2021, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Belġju. Dawk l-iżbalji klerikali huma relatati mal-isem tal-objettiv intermedju 63 fit-tabella “it-tieni pagament parzjali (appoġġ mhux ripagabbli)”; id-deskrizzjoni tal-investiment I-3A: “Infrastruttura taċ-ċikliżmu”; id-deskrizzjoni tal-investiment I-3.03a: “Infrastruttura taċ-ċikliżmu” — Vélo Plus — RBC tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali taħt il-komponent 3.1: Infrastruttura għaċ-ċikliżmu u għall-mixi; l-isem tal-miżura I-3F: “Għodod ta’ Mobbiltà Intelliġenti” tar-reġjun tal-Kapitali ta’ Brussell; id-deskrizzjoni tal-investiment I-3.15a: “FLOYA app” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali taħt il-komponent 3.2: Bidla Modali; l-objettiv intermedju 119 tar-riforma R-3.04: Stazzjonijiet tal-iċċarġjar — WAL, taħt il-komponent 3.3: Ekoloġizzazzjoni tat-Trasport bit-Triq; isem l-objettiv intermedju 174 fit-tabella “It-tielet pagament parzjali (appoġġ mhux ripagabbli)”; isem tal-objettiv intermedju 187 fit-tabella “It-sitt pagament parzjali (appoġġ mhux ripagabbli)”; isem l-objettiv intermedju 206 fit-tabella “it-tieni pagament parzjali (appoġġ mhux ripagabbli)”; isem l-objettiv intermedju I-7.05 fit-tabella “Il-ħames pagament parzjali (appoġġ mhux ripagabbli)”; l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2: “Kost totali stmat tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza”. Dawk il-korrezzjonijiet ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(7)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(8)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi li ppreżenta l-Belġju ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (ST 10161/21, ST 15570 2023 INIT) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP tal-Belġju rigward ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (c), (d),(da), (db), (e), (f), (g), (h), (i), (j) and (k). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-objettivi intermedji 250 u 251 fi ħdan il-komponent tal-awditu u l-kontroll tal-Anness.

Valutazzjoni pożittiva

(9)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat meta nstab li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-objettivi intermedji, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont li għandu jsir disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(10)Il-kostijiet totali tal-RRP emendat tal-Belġju jammontaw għal EUR 5 279 567 854. Peress li l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Belġju, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikoli 4(a) tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , l-Artikolu 20(4) u 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 allokata għall-Belġju l-RRP emendat jenħtieġ li tkun ugwali għal EUR 5 033 950 235. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Belġju tibqa’ l-istess.

Għoti ta’ self

(11)L-appoġġ b’self li sar disponibbli għall-Belġju li jammonta għal EUR 244 200 000 jibqa’ l-istess.

(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD 1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Belġju jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li jiġi sostitwit kompletament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP modifikat tal-Belġju abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inklużi l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti relatati mal-pagament ta’ appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura, u l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tas-self, l-indikaturi rilevanti relatati mal-issodisfar tal-objettivi intermedji u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti l-aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(2) l-Anness huwa sostitwit bit-test tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2)    ST 1161/21; ST 10161/21 ADD 1.
(3)    ST 15570 2023 INIT.
(4)    ST 15974 2024 INIT.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).