7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2020/971

tal-20 ta’ Novembru 2017

li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftħu n-negozjati mar-Repubblika tal-Armenja dwar ftehim qafas.

(2)

Dawk in-negozjati ġew kompluti b’suċċess, u l-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie inizjalat fil-21 ta’ Marzu 2017.

(3)

Il-Ftehim ser jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u applikat fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 385 tal-Ftehim, sakemm jidħol fis-seħħ f’data aktar tard.

(4)

Il-Ftehim ikopri wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(5)

L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma soġġetti għal proċedura separata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi konkluż ukoll f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom.

(7)

L-Artikolu 102 tat-Trattat Euratom jiddikjara li l-Ftehim ma jistax jidħol fis-seħħ għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika sakemm il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx ġiet notifikata mill-Istati Membri li l-Ftehim sar applikabbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

(8)

Jenħtieġ li l-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f’isem il- Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tiġi approvata fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, inkluża l-applikazzjoni proviżorja tiegħu (1), hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. REPS


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tiegħu.