Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 406 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija UE-Libanu, sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Libanu



ANNESS

DEĊIŻJONI Nru xx/2021 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-LIBANU 

ta’ [dd/mm/yyy] 

li jaqbel dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija bejn l-UE u l-Libanu

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-LIBANU,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Libanu, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”),

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fis-17 ta’ Ġunju 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006 1 .

(2)Skont l-Artikolu 76 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(3)L-Artikolu 86 tal-Ftehim jipprovdi li l-Partijiet jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u jaraw li jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-Ftehim.

(4)Bid-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-11 ta’ Novembru 2016, l-UE u l-Libanu qablu dwar Prijoritajiet ta’ Sħubija biex jiggwidaw is-sħubija tagħhom għall-perjodu 2016-2020, bil-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Libanu filwaqt li jfittxu li jittrattaw l-impatt tal-kunflitt fit-tul fis-Sirja 2 . 

(5)Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ Partijiet qablu dwar il-validità kontinwa tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Libanu bħala dokument ta’ gwida biex jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

(6)L-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistipula l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub bejn is-sessjonijiet jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li jaġixxi bi proċedura bil-miktub, jiddeċiedi li l-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Libanu annessi mad-Deċiżjoni tiegħu Nru 1/2016 tal-11 ta’ Novembru 2016, jiġu estiżi sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Libanu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi xx, [jum xahar sena].

   Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

(1)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra; ĠU L 143; 30.5. 2006
(2)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Libanu tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu; ĠU L 350/114; 22.12.2016.