|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2934 |
27.5.2025 |
AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI
dwar il-pubblikazzjoni tad-dettalji għall-kalkolu tad-differenza fil-prezz bejn il-kerosin u l-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli rilevanti u għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-użu ta’ fjuwils eliġibbli skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE
(C/2025/2934)
1. Introduzzjoni
L-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva KE/2003/87 (1) introduċa mekkaniżmu ta’ appoġġ addizzjonali għall-użu tal-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli. Biex jiġi inċentivat l-użu bikri tal-fjuwils alternattivi bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, mill-1 ta’ Jannar 2024 twarrbu 20 miljun kwota tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”, Emissions Trading System).
Fis-6 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/723 (2) (“ir-Regolament”) li jistabbilixxi r-regoli għall-kalkolu annwali tad-differenza fil-prezz bejn il-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli u l-kerosin fossili, filwaqt li jitqiesu l-inċentivi mill-prezz tal-karbonju u mil-livelli minimi armonizzati ta’ tassazzjoni, kif ukoll ir-regoli għall-allokazzjoni bla ħlas tal-għadd ta’ kwoti li jirriżulta.
Il-kwoti jkopru d-differenza kollha li jifdal fil-prezz jew parti minnha bejn il-kerosin fossili u l-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli użati mill-operaturi individwali tal-inġenji tal-ajru kummerċjali fuq it-titjiriet tagħhom koperti minn ipprezzar effettiv tal-karbonju permezz tal-EU ETS. Kundizzjonijiet ekwi huma żgurati billi l-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li joperaw fuq dawn ir-rotot jiġu ttrattati b’mod ugwali.
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament jistabbilixxi l-formula għall-kalkolu tad-differenza fil-prezz, inklużi l-elementi kollha meħtieġa għal dan il-kalkolu.
L-għan ta’ dan l-Avviż tal-Kummissjoni huwa li jiġu ppubblikati d-dettalji meħtieġa għall-kalkolu tad-differenza fil-prezz bejn il-kerosin u l-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli rilevanti, kif ukoll id-differenza fil-prezz għall-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli ppumpjati fl-2024 f’konformità mal-Artikolu 4(7) tar-Regolament.
2. Differenza fil-prezz bejn il-kerosin u l-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli rilevanti u d-dettalji għall-kalkolu
Skont l-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament, meta l-prezz tas-suq ikun disponibbli fir-rapport tekniku ppubblikat mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“rapport tekniku tal-EASA”, European Aviation Safety Agency) imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2023/2405 (3) (“ReFuelEU Aviation”), il-prezz huwa l-prezz tas-suq ippubblikat f’dak ir-rapport. Fil-25 ta’ Frar 2025, l-EASA ppubblikat il-prezzijiet ta’ referenza tal-fjuwils tal-avjazzjoni tal-2024 għall-briefing tar-ReFuelEU Aviation (4) (“briefing tal-EASA”). Dan iservi bħala pubblikazzjoni minn qabel tal-prezzijiet ta’ referenza tal-fjuwils tal-avjazzjoni tar-ReFuelEU li se jiġu inklużi fl-ewwel rapport tekniku tal-EASA, li għandu jiġi ppubblikat f’Settembru 2025. Il-prezzijiet ta’ referenza inklużi fir-rapport tekniku tal-EASA se jkunu l-istess bħal fil-briefing tal-EASA.
Il-kategorija tal-bijofjuwils tal-avjazzjoni kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (8)(b) u (c) tar-ReFuelEU Aviation biss kellha prezz tas-suq fl-2024. Il-bijofjuwils tal-avjazzjoni fil-briefing tal-EASA jikkorrispondu għall-bijofjuwils tal-avjazzjoni u bijofjuwils tal-avjazzjoni oħra fit-tabella ta’ hawn taħt.
F’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b) tar-Regolament, il-prezz tal-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli li ma kellhomx prezz tas-suq ippubblikat fil-briefing tal-EASA huwa l-prezz minimu tal-bejgħ tagħhom. Għall-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli użati fl-2024, ir-rapportar tal-prezzijiet f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ma kienx applikabbli; dan ir-rapportar se jkun attivat għall-fjuwils użati fl-2025. Il-prezz minimu tal-bejgħ huwa ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament bħala l-istima tal-kost tal-produzzjoni ppubblikata fil-briefing tal-EASA bl-applikazzjoni ta’ marġni ta’ 10 %.
Il-briefing tal-EASA jinkludi l-fjuwils koproċessati fil-kategorija rispettiva tagħhom tal-fjuwils tal-avjazzjoni tar-ReFuelEU, u għalhekk il-prezz ta’ kull subkategorija tal-fjuwils koproċessati fit-tabella ta’ hawn taħt huwa identiku għall-prezz iddeterminat għas-subkategorija tal-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli rispettiva tagħhom.
Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament, il-prezz tal-kerosin fossili huwa l-prezz tal-kerosin fossili ppubblikat fil-briefing tal-EASA, li huwa EUR 734 għal kull tunnellata.
Il-prezz tal-kwota tal-emissjonijiet tal-ETS huwa l-prezz medju ponderat tal-irkantijiet imwettqa f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 (5) matul l-2024 kif ippubblikat fuq il-pjattaforma tal-irkant komuni. Il-prezz huwa ta’ EUR 64,74 għal kull kwota tal-emissjonijiet tal-ETS.
Id-differenza fil-prezz hija ppubblikata kif ikkalkolata bl-użu tal-formula stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament. Il-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli kollha elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt jistgħu jingħataw klassifikazzjoni żero f’konformità mal-Artikolu 54c tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 (6), u għalhekk id-differenza fil-prezz tinkludi l-prezz tal-ETS f’konformità mal-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Fl-2024, ma kien hemm l-ebda differenza fit-tassazzjoni bejn il-kerosin fossili u l-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (7), u għalhekk dan l-element huwa 0.
Il-prezz ta’ kull subkategorija ta’ fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli kif ukoll id-differenza fil-prezz għall-fjuwils ippumpjati fl-2024, ikkalkolati f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament huma stabbiliti fit-tabella li ġejja:
|
Subkategorija ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli |
Prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli (f’EUR għal kull tunnellata) |
Differenza fil-prezz għall-kerosin fossili (f’EUR għal kull tunnellata) |
Livell ta’ appoġġ dirett tal-EU ETS stabbilit fl-Artikolu 3c(6), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE (*1) |
Appoġġ dirett tal-ETS ibbażat fuq il-livell ta’ appoġġ tas-subkategorija (f’EUR għal kull tunnellata) |
|
|
1 |
Fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika |
8 465 |
7 526 |
95 % |
7 150 |
|
2 |
Fjuwils rinnovabbli koproċessati ta’ oriġini mhux bijoloġika |
8 465 |
7 526 |
95 % |
7 150 |
|
3 |
Bijofjuwils avvanzati tal-avjazzjoni |
2 987 |
2 048 |
70 % |
1 434 |
|
4 |
Bijofjuwils avvanzati koproċessati |
2 987 |
2 048 |
70 % |
1 434 |
|
5 |
Idroġenu rinnovabbli għall-avjazzjoni |
8 272 |
7 333 |
70 % |
5 133 |
|
6 |
Bijofjuwils tal-avjazzjoni |
2 085 |
1 146 |
50 % |
573 |
|
7 |
Bijofjuwils oħra tal-avjazzjoni |
2 085 |
1 146 |
50 % |
573 |
|
8 |
Idroġenu mhux fossili b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-avjazzjoni |
5 121 |
4 182 |
50 % |
2 091 |
|
9 |
Fjuwils sintetiċi mhux fossili b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, għall-avjazzjoni |
6 078 |
5 139 |
50 % |
2 569 |
|
10 |
Bijofjuwils koproċessati |
2 085 |
1 146 |
50 % |
573 |
(1) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/723 tas-6 ta’ Frar 2025 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-kalkolu annwali tad-differenzi fil-prezz bejn il-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli u l-kerosin fossili u għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-EU ETS għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli (ĠU L, 2025/723, 16.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/723/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation) (ĠU L, 2023/2405, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2405/oj).
(4) 2024 Aviation Fuels Reference Prices for ReFuelEU Aviation (25.2.2025, https://www.easa.europa.eu/en/downloads/141675/en).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dwar il-kalendar, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L, 2023/2830, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2830/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj).
(*1) Il-livell ta’ appoġġ għajr meta l-fjuwil jiġi ppumpjat f’ajruport identifikat fl-Artikolu 3c(6), it-tielet subparagrafu, il-punt (c), tad-Direttiva 2003/87/KE, meta l-livell ta’ appoġġ ikun ta’ 100 % għas-subkategoriji tal-fjuwils eliġibbli kollha.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2934/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)