KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil-21 ta’ Lulju 2016 ( 1 )
Kawża C‑156/15
Private Equity Insurance Group SIA
vs
Swedbank AS
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja)]
“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Integrazzjoni tas-swieq finanzjarji — Arranġamenti finanzjarji kollaterali — Direttiva 2002/47/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċetti ta’ ‘arranġament dwar kollateral finanzjarju’ u ta’ ‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ — Artikolu 2(1)(a) u (f) — Provvista ta’ kollateral finanzjarju — Kunċetti ta’ ‘pussess’ jew ta’ ‘kontroll’ tal-kollateral finanzjarju — Artikolu 2(2) — Nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar l-insolvenza — Artikoli 4 u 8 — Kuntratt ta’ kont bankarju kurrenti li fih klawżola ta’ rahan finanzjarju favur il-bank”
Introduzzjoni
|
1. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar is-sistema armonizzata applikabbli għall-arranġamenti finanzjarji kollaterali, stabbilita mid-Direttiva 2002/47/KE ( 2 ). |
|
2. |
L-għoti ta’ kollateral finanzjarju — fil-forma ta’ flus kontanti jew strumenti finanzjarji — jiffavorixxi l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji billi jippermetti li jiġi limitat ir-riskju fit-tranżazzjonijiet. Id-Direttiva 2002/47/KE għalhekk tikkostitwixxi strument importanti fl-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq, billi tissemplifika l-konklużjoni tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali, billi tillimita l-formalitajiet marbuta magħhom u billi tipproteġi lil dawn l-arranġamenti minn ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-insolvenza ( 3 ). |
|
3. |
Din il-kawża, li tinvolvi b’mod partikolari l-kontestazzjoni tal-validità ta’ klawżola kuntrattwali li tipprevedi r-rahan ta’ fondi ddepożitati f’kont kurrenti favur il-bank, toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE u, b’mod iktar ġenerali, biex teżamina l-bilanċ stabbilit minn din id-direttiva bejn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-effikaċja tas-suq u dawk marbuta maċ-ċertezza legali tal-partijiet fl-arranġament u ta’ terzi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
L-Artikolu 1(4) u (5) tad-Direttiva 2002/47/KE ( 4 ), intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi:
[…] 5. Din id-Direttiva tapplika għall-kollateral finanzjarju, ladarba tkun ġiet ipprovduta u jekk dik l-għotja tkun tista tiġi testimonjata bil-mik[t]ub. Ix-xhieda ta’ l-għoti ta’ kollateral finanzjarju għandha tippermetti għall-identifikazzjoni tal-kollateral finanzjarju li għalih japplika. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li jiġi ppruvat illi l-kollateral tal-garanziji tat-tiniżżil fil-ktieb, ikunu ġew ikkreditati ġo kont magħżul [jew jikkostitwixxi kreditu fih u li l-kollateral fi flus kontanti jkun ġie kkreditat fil-kont magħżul jew jikkostitwixxi kreditu fih]. […]” |
|
5. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi: “1. Għall għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…] 2. Referenzi f’din id-Direttiva għal kollateral finanzjarju bħala jkun ‘ipprovdut’, jew għall ‘għoti’ ta’ kollateral finanzjarju, huma għall-kollateral finanzjarju bħala konsenjat, trasferit, miżmum, reġistrat jew xort’oħra msejjaħ sabiex ikun fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral jew ta’ persuna li tkun qed taġixxi għan-nom ta’ min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral[.]Kwalunkwe dritt ta’ sostituzzjoni jew sabiex jiġi rtirat l-eċċess tal-kollateral finanzjarju, favur min ikun qiegħed jipprovdi l-kollateral, m’għandux jippreġudika il-kollateral finanzjarju, bħala pprovdut lil min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral, kif imsemmi f’din id-Direttiva.” |
|
6. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47/KE, intitolat “L-enforzar ta’ l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju”, jiddisponi: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi meta jseħħ avveniment t’enforzar, min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista jirrealizza permezz tas-segwenti, kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut taħt, u soġġett għat-termini mifthiema f’arranġament dwar il-kollateral finanzjarju tal-garanzija: […]
[…] 4. Il-manjieri ta’ kif jiġi realizzat il-kollateral finanzjarju li għalih saret referenza fil-paragrafu 1, għandhom ikunu soġġetti għat-termini mifthiema fl-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta’ garanzija:
5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu, nonostante l-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral. […]” |
|
7. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/47/KE jillimita l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-insolvenza ( 5 ). |
Id-dritt Latvjan
|
8. |
Id-Direttiva 2002/47/KE ġiet trasposta fid-dritt Latvjan mill-Finanšu nodrošinājuma likums (liġi dwar il-kollateral finanzjarju). |
Il-kawża prinċipali
|
9. |
Fl-14 ta’ April 2007, l-Izdevniecība Stilus SIA, li s-suċċessur fid-dritt tagħha huwa l-Private Equity Insurance Group SIA, ikkonkludiet kuntratt standard ta’ kont kurrenti ma’ Swedbank AS. |
|
10. |
Il-klawżola 3.9 ta’ dan il-kuntratt hija fformulata kif ġej: “Il-fondi tal-klijenti li jinsabu jew ser ikunu jinsabu fil-kont għandhom jingħataw b’rahan lill-bank bħala rahan finanzjarju u għandhom jiggarantixxu d-dejn kollu tal-bank. Jekk il-klijent ma jkunx poġġa fil-kont il-fondi neċessarji għat-twettiq tal-pagamenti kif ukoll fil-każijiet l-oħra kollha fejn, konformement mal-kuntratt jew ma’ ftehimiet oħra konklużi mal-bank kif ukoll abbażi ta’ kwalunkwe bażi legali oħra, il-bank ikollu dejn fil-konfront tal-klijent, dan għandu d-dritt li jitħallas bl-infurzar tar-rahan finanzjarju, jiġifieri l-bank għandu d-dritt, mingħajr ma jinforma b’dan minn qabel lill-klijent, li jiġbed (jittrasferixxi) is-somma dovuta mill-kont. […]” |
|
11. |
Fil-25 ta’ Ottubru 2010, Izdevniecība Stilus ġiet iddikjarata falluta. Sussegwentement, l-amministratur tal-proċedura ta’ falliment ikkonkluda kuntratt ġdid ta’ kont kurrenti li jinkludi l-istess klawżola ta’ rahan finanzjarju. |
|
12. |
Fit-8 ta’ Ġunju 2011, Swedbank ġibed LVL 192.30 (madwar EUR 274) mill-kont kurrenti ta’ Izdevniecība Stilus, bħala spejjeż taż-żamma tal-kont għall-perijodu sad-dikjarazzjoni ta’ falliment. |
|
13. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irrappreżentata mill-amministratur tal-proċedura ta’ falliment, ressqet talba ġudizzjarja kontra Swedbank biex tirkupra dan l-ammont, billi bbażat ruħha fuq il-prinċipji tad-dritt nazzjonali li jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza kif ukoll fuq il-projbizzjoni għal kreditur individwali li jwettaq atti li jikkawżaw dannu lil kredituri oħra. |
|
14. |
Il-qrati Latvjani, tal-ewwel istanza u tal-appell, ċaħdu t-talba billi invokaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/47/KE, li jeskludu l-kollateral finanzjarju mill-applikazzjoni tad-dritt tal-insolvenza. |
|
15. |
L-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), bħala qorti ta’ kassazzjoni, għandha dubji fir-rigward tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u fir-rigward tal-konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit mill-kostituzzjoni Latvjana. Il-qorti tar-rinviju tqis li, qabel il-possibbiltà li l-kawża titressaq quddiem is-Satversmes tiesa (qorti kostituzzjonali, il-Latvja), għandhom jitneħħew id-dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE. |
|
16. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kollateral finanzjarju tipprevedi prijorità assoluta għal riċevitur ta’ kollateral finanzjarju fuq il-kredituri l-oħra, anki fis-sitwazzjoni ta’ krediti privileġġati, bħall-krediti tal-Istat jew tal-impjegati. Hija tistaqsi dwar jekk tali prijorità hijiex iġġustifikata mill-għanijiet tad-Direttiva 2002/47/KE. |
|
17. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk id-Direttiva 2002/47/KE tapplikax għal kollateral mogħti b’ratba ma’ kont kurrenti li ma jintużax fil-kuntest ta’ sistemi ta’ saldu tat-titoli previsti mid-Direttiva 98/26/KE ( 6 ). Barra minn hekk, hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2002/47/KE, billi tistaqsi dwar il-konformità, mal-għan previst minn din id-direttiva, tal-prijorità tal-kollateral finanzjarju fuq it-tipi l-oħra kollha ta’ garanziji, b’mod partikolari dawk imdaħħla f’reġistru bħall-ipoteka. |
Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
18. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Augstākā tiesa (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
19. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju, tal-11 ta’ Marzu 2015, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2015. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konvenut fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Latvjan, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
20. |
Dawn il-partijiet u partijiet ikkonċernati, kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ipparteċipaw ukoll fis-seduta, li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2016. |
Analiżi
Fuq l-ewwel domanda
Osservazzjonijiet preliminari
|
21. |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2002/47/KE tipprevedix kollateral li jiġi pprovdut fi flus kontanti ddepożitati f’kont kurrenti u li jkopri l-krediti kollha tal-bank lejn id-detentur tal-kont, meta dan il-kont ma jkunx maħsub biex jintuża fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli previsti mid-Direttiva 98/26. |
|
22. |
Minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47/KE, mill-kontenut tad-domanda magħmula jirriżulta li din tfittex li tiddetermina, b’mod ġenerali, jekk tali kollateral jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
23. |
Din id-domanda teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2002/47/KE, li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jiddefinixxu l-kunċetti rilevanti. |
|
24. |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 1(4)(a) u l-Artikolu 2(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2002/47/KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu kollateral bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta dan ma jkollu ebda rabta mas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli, previsti mid-Direttiva 98/26. |
|
25. |
Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet dwar il-provvista ta’ kollateral finanzjarju previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddetermina jekk il-kollateral ikkonċernat f’dan il-każ ġiex ipprovdut konformement ma’ dawn il-kundizzjonijiet u jistax għalhekk jaqa’ taħt is-sistema stabbilita minn din id-direttiva. |
|
26. |
Nosserva li, minkejja li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47/KE ma humiex previsti mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva espressament id-dritt li testendi l-portata tad-domandi preliminari sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, bil-kundizzjoni li tiġi ppreżervata s-sustanza tad-domanda magħmula ( 7 ). |
|
27. |
Din il-kundizzjoni, fil-fehma tiegħi, hija ssodisfatta f’dan il-każ, peress li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2002/47/KE hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk il-klawżola inkwistjoni taqax taħt is-sistema stabbilita minn din id-direttiva. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet kienet is-suġġett ta’ mistoqsija bil-miktub indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra, li setgħu għalhekk jesprimu ruħhom b’mod utli dwar dan is-suġġett matul is-seduta. |
Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4)(a) u tal-Artikolu 2(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2002/47/KE
|
28. |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-portata tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/47/KE b’rabta ma’ żewġ aspetti, jiġifieri s-suġġett tal-kollateral u l-obbligi koperti. |
|
29. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suġġett tal-kollateral, konformement mal-Artikolu 1(4)(a) tad-Direttiva 2002/47/KE, il-kollateral previst minn din id-direttiva għandu jingħata f’forma ta’ strumenti finanzjarji jew flus kontanti. Il-kunċett ta’ “flus kontanti” huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2002/47/KE, bħala flus ikkreditati ġo kont kif ukoll krediti simili għall-ħlas lura ta’ flus ( 8 ). Din id-definizzjoni hija fformulata b’mod wiesa’ u tkopri l-flus kontanti ddepożitati f’kont kurrenti. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2002/47/KE ma tillimita l-applikazzjoni tagħha biss għall-kollateral ipprovdut fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli previsti mid-Direttiva 98/26. |
|
30. |
Fil-fatt, għalkemm mill-premessi 1 u 4 tad-Direttiva 2002/47/KE jirriżulta li l-adozzjoni ta’ din id-direttiva tidħol fil-kuntest ġuridiku stabbilit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 98/26, u li l-esperjenza wriet li jkun vantaġġuż li l-kollateral ipprovdut fil-kuntest tas-sistemi previsti minn din id-direttiva tal-aħħar ikun suġġett għal regoli komuni, din il-kunsiderazzjoni fiha nfisha ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE huwa limitat għall-kollateral ipprovdut fil-kuntest tal-imsemmija sistemi. Tali konklużjoni ma tirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE. Barra minn hekk, skont l-imsemmija premessa 4 ċċitata iktar ’il fuq, is-sistema prevista mid-Direttiva 2002/47/KE tikkomplementa l-istrumenti leġiżlattivi fis-seħħ billi tindirizza kwistjonijiet oħra u billi tmur lil hinn minnhom. |
|
31. |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju, li minnu jirriżulta li l-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li skontha, għalkemm id-Direttiva 98/26 kienet tirregola l-kollateral ipprovdut fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji, kienu meħtieġa miżuri oħra biex jiffavorixxu l-użu effikaċi tal-kollateral finanzjarju, li jmorru lil hinn mill-avvanzi permessi mid-Direttiva 98/26 ( 9 ). Bl-istess mod, mir-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE jirriżulta li għalkemm id-Direttiva 98/26 kienet diġà pprevediet li tagħti ċerta protezzjoni lill-kollateral ipprovdut b’rabta ma’ parteċipazzjoni f’sistema prevista minn din id-direttiva, l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE kienet tistrieħ fuq in-neċessità ta’ approċċ iktar globali, bl-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kollateral finanzjarju, fuq kollox fit-tranżazzjonijiet transkonfinali ( 10 ). |
|
32. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti”, mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47/KE jirriżulta li l-obbligi finanzjarji kkonċernati huma dawk li jagħtu dritt għal ħlas fi flus kontanti u/jew għall-kunsinna ta’ strumenti finanzjarji u li dawn jistgħu jikkonsistu, totalment jew parzjalment, f’obbligi preżenti jew futuri, obbligi ta’ terzi jew f’obbligi ta’ klassi jew tip speċifiku, li jqumu minn żmien għal żmien. |
|
33. |
Din id-definizzjoni tkopri s-sitwazzjoni, li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kollateral ikopri l-krediti kollha tar-riċevitur lejn min jipprovdi l-kollateral. Fil-fatt, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2002/47/KE jirriżulta li l-kunċett ta’ “obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti” kellu jinkludi l-użu ta’ klawżoli tat-tip all monies, li jestendu l-kollateral għal kull obbligu preżenti jew futur tal-emittent lejn ir-riċevitur ( 11 ). Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit irrileva, matul is-seduta, li tali klawżoli jintużaw b’mod wiesa’ fil-prattika. |
|
34. |
Nosserva li mir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar id-Direttiva 2002/47/KE jirriżulta li ċerti Stati Membri rrestrinġew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kollateral fir-rigward ta’ ċerti obbligi finanzjarji, fil-każ partikolari fejn min jipprovdi l-kollateral ma huwiex persuna msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2002/47/KE ( 12 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jittrasponu l-imsemmija direttiva billi jillimitaw l-applikazzjoni tas-sistema armonizzata biss għall-korpi pubbliċi u għall-istituzzjonijiet finanzjarji previsti fl-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2002/47/KE. Madankollu, il-fatt li l-Istati Membri eżerċitaw din il-possibbiltà ma huwiex rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’dan il-każ, peress li r-Repubblika tal-Latvja ma invokatx l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/47/KE matul it-traspożizzjoni. |
|
35. |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li d-Direttiva 2002/47/KE ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprevedi esklużivament il-kollateral ipprovdut fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47/KE, l-obbligi rilevanti ma humiex ristretti għal dawk b’rabta mas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli, iżda jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, kull obbligu li jagħti dritt għal ħlas fi flus kontanti. L-imposti marbuta mal-ġestjoni ta’ kont kurrenti jaqgħu b’mod ċar taħt din il-kategorija ta’ obbligi. |
|
36. |
Fl-aħħar nett, il-partijiet kollha li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża jaqblu dwar tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/47/KE. Il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat, matul is-seduta, li l-interpretazzjoni li kull obbligu li jagħti dritt għal ħlas fi flus kontanti huwa kopert hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-direttiva, fid-dawl tad-diversità kbira ta’ obbligi rilevanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji. |
|
37. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 1(4)(a) u l-Artikolu 2(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2002/47/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu kollateral, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi pprovdut fi flus kontanti ddepożitati f’kont bankarju u li jkopri l-krediti kollha tal-bank fil-konfront tad-detentur tal-kont. Il-kwistjoni dwar jekk dan il-kont jintużax fil-kuntest ta’ sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli previsti mid-Direttiva 98/26 ma hijiex rilevanti. |
Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE
|
38. |
Skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/47/KE, din tal-aħħar tapplika ladarba l-kollateral finanzjarju jkun ġie pprovdut u jekk din il-provvista tkun tista’ tintwera bil-miktub. |
|
39. |
Din id-dispożizzjoni tinqara fid-dawl tal-premessa 10 tad-Direttiva 2002/47/KE, li skontha din id-direttiva, filwaqt li teżenta l-konklużjoni ta’ arranġament finanzjarju kollaterali minn ċerti rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali ( 13 ), għandha tipprovdi bilanċ bejn l-effikaċja tas-suq u ċ-ċertezza legali tal-partijiet fil-kuntratt u ta’ terzi. Skont din l-istess premessa, id-Direttiva 2002/47/KE tiżgura li jintlaħaq dan il-bilanċ bil-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri biss l-arranġamenti finanzjarji kollaterali li jipprevedu “xi forma ta’ spussess”, fi kliem ieħor il-provvista tal-kollateral finanzjarju, u meta l-provvista tal-kollateral finanzjarju tista’ tintwera bil-miktub. |
|
40. |
Ir-rekwiżit tal-provvista tal-kollateral għalhekk jikkostitwixxi quid pro quo għad-deroga, fl-interess tal-effikaċja tas-suq, mir-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali ( 14 ). |
|
41. |
Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE, il-kunċett ta’ “għoti” tal-kollateral jindika li dan jiġi kkunsinnat, ittrasferit, miżmum, irreġistrat jew li jissejjaħ mod ieħor sabiex ikun fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ min ikun qiegħed jakkwistah jew ta’ persuna li tkun qiegħda taġixxi f’isem min ikun qiegħed jakkwistah. |
|
42. |
Din il-kundizzjoni ta’ akkwist tal-“pussess jew […]kontroll” hija element ewlieni li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-arranġament kollaterali partikolari jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE. Arranġament kollaterali jista’ jiġi kklassifikat biss bħala “arranġament dwar kollateral finanzjarju”, fis-sens tad-Direttiva 2002/47/KE, jekk il-kollateral jiġi pprovdut, b’tali mod li r-riċevitur tal-kollateral jakkwista l-pussess jew il-kontroll tiegħu. |
|
43. |
Madankollu, minbarra l-arranġamenti kollaterali finanzjarji dwar trasferiment ta’ titolu, li jimplikaw li, bla ħsara għall-ftehimiet dwar xiri mill-ġdid, il-proprjetà sħiħa ta’ strumenti finanzjarji jew ta’ flus kontanti mogħtija bħala kollateral tgħaddi għand ir-riċevitur ta’ dan tal-aħħar sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi finanzjarji rilevanti ( 15 ), l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ akkwist tal-“pussess” jew ta’ “kontroll”, fil-kuntest tal-flus kontanti jew tal-istrumenti finanzjarji, hija problematika. Ċerti awturi jsostnu li din probabbilment tirrigwarda l-aspett l-iktar kontroversjali tas-sistema tal-kollateral finanzjarju stabbilit mid-Direttiva 2002/47/KE ( 16 ). |
|
44. |
Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni jirriżulta li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti inkwistjoni qajmet diffikultajiet fil-prattika, li huma riflessi b’mod partikolari f’żewġ sentenzi tal-qrati tar-Renju Unit li jinterpretaw, fost oħrajn, it-terminu “kontroll”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE. |
|
45. |
Fil-kawża Gray ( 17 ), dwar il-kollateral f’forma ta’ flus kontanti ddepożitati f’kont bankarju, id-dibattitu kien ikkonċentrat fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni relatata mal-kontroll hijiex issodisfatta meta l-kont, minkejja li ġestit mir-riċevitur tal-kollateral, ma jkunx imblokkat. Il-qorti tar-Renju Unit iddeċidiet li l-provvista tal-kollateral tippreżupponi li r-riċevitur ikun jista’ jimpedixxi lil min jipprovdi l-kollateral milli jiddisponi minnu. Barra minn hekk, ir-riċevitur għandu jkollu kontroll “legali” fuq is-suġġett tal-kollateral, peress li sempliċi kontroll amministrattiv jew prattiku ma huwiex biżżejjed. Dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti f’dan il-każ, peress li min jipprovdi l-kollateral seta’ jitlob l-irtirar tal-fondi ddepożitati fil-kont mingħajr restrizzjoni. |
|
46. |
Il-problema tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE reġgħet qamet fil-kawża Lehman Brothers International (Europe) ( 18 ). Il-qorti Brittanika osservat li s-sentenza Gray kienet is-suġġett ta’ kummenti li jikkritikaw il-fatt li l-applikazzjoni stretta tar-rekwiżit ta’ kontroll “legali” tista’ teskludi mis-sistema tad-Direttiva 2002/47/KE ċerti arranġamenti użati fil-prattika u mfassla bl-intenzjoni li dawn jiddaħħlu fiha. Filwaqt li tinnota dawn il-kritiki, dik is-sentenza essenzjalment ikkonfermat l-approċċ segwit fil-kawża Gray fir-rigward tal-kriterju ta’ “kontroll legali”, billi kkonstatat li sempliċi kontroll amministrattiv tas-suġġett tal-kollateral ma jkunx biżżejjed sabiex jissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE, b’mod partikolari meta min jipprovdi l-kollateral ikollu d-dritt li jiddisponi mill-fondi kkonċernati mingħajr restrizzjoni. |
|
47. |
Fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tosserva li l-provvista tal-kollateral finanzjarju timplika li r-riċevitur jeżerċita “kontroll legali” fuq is-suġġett tal-kollateral, mifhum bħala s-setgħa li min jipprovdi l-kollateral ma jitħalliex jiddisponi minnu. Id-dritt, għal min jipprovdi l-kollateral, li jirtira liberament flus kontanti mill-kont li jkunu s-suġġett tal-kollateral imur kontra din il-kundizzjoni. Matul is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li hija għalhekk issostni, essenzjalment, l-istess pożizzjoni adottata mill-qrati tar-Renju Unit fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq. |
|
48. |
Naħseb li l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-qrati tar-Renju Unit biex jiċħdu l-argument li sempliċi kontroll amministrattiv eżerċitat fuq is-suġġett tal-kollateral ikun biżżejjed huma wkoll rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE f’dan il-każ. |
|
49. |
Fil-fatt, kif jindikaw ġustament il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, ir-rekwiżit dwar l-akkwist tal-“pussess jew […] il-kontroll” tal-kollateral mir-riċevitur, previst fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE ( 19 ), ikun nieqes minn kull effett utli jekk dan jiġi interpretat fis-sens li jkopri s-sitwazzjoni li fiha min jipprovdi l-kollateral jista’ jkompli jiddisponi minnu liberament. |
|
50. |
Nosserva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE tivvalida t-tekniki tal-kollateral li jippermettu lil min jipprovdi l-kollateral jissostitwixxih jew jirtira l-kollateral eċċessiv. Minn dan jista’ jiġi dedott, a contrario, li drittijiet iktar estiżi mogħtija lil min jipprovdi l-kollateral ifissru li r-rekwiżit tal-provvista tal-kollateral ma huwiex issodisfatt. |
|
51. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, fl-ipoteżi ta’ kollateral ipprovdut f’forma ta’ flus kontanti ddepożitati f’kont, l-akkwist tal-pussess jew tal-kontroll mir-riċevitur tal-kollateral jimplika neċessarjament li dan ma jkollux biss kontroll prattiku fuq il-kont li jkun is-suġġett tal-kollateral, iżda li jkollu wkoll id-dritt li jimpedixxi l-irtirar tal-flus kontanti minn min jipprovdi l-kollateral, sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi rilevanti. |
|
52. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk teżamina jekk il-kuntratt dwar il-kont kurrenti konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fihx klawżola li tipprevedi, fir-rigward ta’ Swedbank, tali dritt li jillimita l-irtirar tal-fondi ddepożitati fil-kont ikkonċernat. Bla ħsara għal dan l-eżami, li jaqa’ taħt ir-rwol awtonomu tal-qorti tar-rinviju, nirrileva li, matul is-seduta, il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu sabiex jgħidu li l-kuntratt inkwistjoni ma fih l-ebda klawżola li tippermetti lill-bank jillimita l-irtirar jew li timponi li ċertu ammont għandu jinżamm imblokkat fil-kont. Jekk din iċ-ċirkustanza fattwali tiġi stabbilita, din twassal għall-konklużjoni li l-kollateral inkwistjoni ma jistax jitqies li ġie pprovdut konformement mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2002/47/KE u, għaldaqstant, li dan ma huwiex kopert minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
53. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista tal-kollateral finanzjarju f’forma ta’ flus kontanti ddepożitati f’kont bankarju timplika l-eżistenza ta’ klawżola kuntrattwali li tagħti lir-riċevitur tal-kollateral id-dritt li jillimita l-użu tal-fondi ddepożitati f’dan il-kont, sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi rilevanti. |
Fuq it-tieni domanda
|
54. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2002/47/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 8 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tiggarantixxi lir-riċevitur tal-kollateral id-dritt li jirrealizza kwalunkwe kollateral finanzjarju, irrispettivament mit-tnedija jew mill-kontinwazzjoni ta’ proċedura ta’ stralċ jew ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral. Hija tenfasizza li tali prijorità mogħtija lir-riċevitur tal-kollateral finanzjarju tista’ tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza (paritas creditorum). |
|
55. |
Nosserva li għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2002/47/KE, id-domanda magħmula tikkonċerna iktar l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li tikkonċerna b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-infurzar tal-kollateral finanzjarju. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti eventwali restrizzjonijiet għad-dritt tar-riċevitur tal-kollateral li jikseb is-sodisfazzjon tal-krediti tiegħu f’każ ta’ falliment ta’ min jipprovdi l-kollateral. Skont dik il-qorti, fin-nuqqas ta’ tali restrizzjonijiet impliċiti, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/47/KE tista’ tidher dibattibbli mill-perspettiva tal-imsemmi prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri. |
|
56. |
Ninnota li mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47/KE, moqri fid-dawl tal-premessi 3, 5 u 10 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tas-sistema stabbilita minn din l-istess direttiva jikkonsisti fil-protezzjoni tal-kollateral finanzjarju kontra l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza ( 20 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/47/KE jipprevedi d-dritt tar-riċevitur tal-kollateral li jirrealizza kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà. Il-paragrafi 4 u 5 tal-istess artikolu jipproteġu dan id-dritt mill-effetti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza. Minn naħa, dan il-paragrafu 4 jippermetti r-realizzazzjoni rapida tal-kollateral f’każ ta’ inadempjenza ta’ min jipprovdi l-kollateral, billi jagħmel inapplikabbli l-obbligi elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-imsemmi paragrafu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi paragrafu 5 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li arranġament finanzjarju kollaterali jkun jista’ jidħol fis-seħħ irrispettivament mit-tnedija jew mill-kontinwazzjoni ta’ proċedura ta’ stralċ jew ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral jew tar-riċevitur. |
|
57. |
Dawn id-dispożizzjonijiet, fil-fehma tiegħi, ma jistgħux jinqraw fis-sens li r-riċevitur tal-kollateral ma jkunx jista’ jirrealizza l-kollateral f’każ ta’ falliment ta’ min jipprovdih, sabiex ma jiġux ippreġudikati d-drittijiet tal-kredituri l-oħra. Għall-kuntrarju, dawn għandhom l-għan li jeżentaw il-kollateral finanzjarju mill-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza. |
|
58. |
Fil-fehma tiegħi, din il-kunsiderazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argument, imqajjem mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Latvjan, li jirreferi għas-sitwazzjoni tal-kredituri privileġġati, bħall-Istat, l-impjegati jew id-detenturi ta’ garanzija rreġistrata. |
|
59. |
Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni, mill-perspettiva tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/47/KE, ma tqumx il-kwistjoni tal-gradazzjoni tal-kreditur fil-proċedura ta’ falliment, peress li din id-direttiva tfittex sempliċement li tiżgura d-dritt li jiġi rrealizzat il-kollateral fil-każijiet kollha li jwasslu għall-infurzar tiegħu. Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata min-neċessità li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali u li tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom ( 21 ). |
|
60. |
Minkejja dan, id-Direttiva 2002/47/KE fiha dispożizzjonijiet li jippermettu li jinżamm il-bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-effikaċja tas-suq u dawk marbuta maċ-ċertezza legali. |
|
61. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/47/KE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu l-arranġamenti li fihom waħda mill-partijiet ma tkunx awtorità, korp pubbliku, istituzzjoni finanzjarja sorveljata jew kontroparti ċentrali, aġent għall-ħlas jew clearing house fis-sens tad-Direttiva 98/26 ( 22 ). |
|
62. |
It-tieni nett, is-sistema prevista mid-Direttiva 2002/47/KE tapplika biss għall-kollateral “ipprovdut”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tagħha, li jimplika ċerta forma ta’ “spussess” ta’ min jipprovdi l-kollateral. Is-sistema prevista mid-Direttiva 2002/47/KE għalhekk tapplika biss jekk ir-riċevitur tal-kollateral jakkwista l-“pussess jew […] il-kontroll” tiegħu, fis-sens ta’ din id-direttiva ( 23 ). |
|
63. |
It-tielet nett, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/47/KE jipprevedi ċerti limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza fir-rigward tal-kollateral ipprovdut qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza iżda li għalih tapplika r-regola tas-“siegħa żero”, li tagħti effett retroattiv lil tali proċedura (paragrafi 1 u 3), kif ukoll, eċċezzjonalment, fir‑rigward tal-kollateral ipprovdut wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, meta r-riċevitur tal-kollateral jagħti prova tal-bona fides tiegħu (paragrafu 2) ( 24 ). |
|
64. |
Madankollu, bla ħsara għas-sitwazzjonijiet previsti mill-imsemmi Artikolu 8, is-sistema prevista mid-Direttiva 2002/47/KE ma tkoprix il-kollateral ipprovdut wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. |
|
65. |
Din il-kunsiderazzjoni twieġeb, fil-fehma tiegħi, għat-tħassib espress mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Latvjan, ibbażat fuq il-fatt li t-trattament speċjali tal-kollateral finanzjarju jista’ jqajjem dubju dwar il-protezzjoni tal-kredituri ipotekarji. Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-ipoteżi fejn il-fondi miksuba mill-bejgħ ta’ oġġett li jappartjeni lill-parti falluta jitħallsu fil-kont bankarju kkonċernat mill-kollateral finanzjarju, ir-riċevitur ta’ dan il-kollateral ikun jista’ jużahom biex jikseb is-sodisfazzjon tal-krediti tiegħu. Fil-fehma tiegħi, dan it-tħassib huwa infondat, peress li l-kollateral ipprovdut wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma huwiex kopert mis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/47/KE. |
|
66. |
Fir-rigward tal-kawża prinċipali, kif josserva l-Gvern tar-Renju Unit, li qajjem dan l-aspett matul is-seduta, id-Direttiva 2002/47/KE ma tapplikax fl-ipoteżi fejn il-flus kontanti li permezz tagħhom jiġi pprovdut il-kollateral ikunu waslu fil-kont bankarju kkonċernat wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. |
|
67. |
Madankollu, għalkemm dan l-aspett ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali xorta waħda indikaw b’mod konsistenti matul is-seduta li l-fondi miġbuda minn Swedbank mill-kont kurrenti ta’ Izdevniecība Stilus kienu ġew iddepożitati f’dan il-kont biss wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Jekk din il-kronoloġija tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju, ikollu jiġi konkluż li l-kollateral inkwistjoni ma ġiex ipprovdut qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura u għalhekk ma huwiex kopert mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47/KE. |
|
68. |
Inqis għalhekk li l-Artikolu 4(1), (4) u (5) tad-Direttiva 2002/47/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riċevitur tal-kollateral għandu d-dritt li jirrealizza kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà, irrispettivament mit-tnedija jew mill-kontinwazzjoni ta’ proċedura ta’ stralċ jew ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt japplika għall-kollateral ipprovdut qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura. |
Fuq it-tielet u r-raba ’ domandi preliminari
|
69. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-liġi Latvjana dwar il-kollateral finanzjarju tapplika għall-persuni fiżiċi, filwaqt li dawn huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2002/47/KE skont l-Artikolu 1(2)(e) tagħha. Għalhekk hija tistaqsi, permezz tat-tielet u r-raba’ domandi preliminari, jekk tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE u, jekk ikun il-każ, jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex effett dirett. Filwaqt li taċċetta n-natura ipotetika ta’ dawn id-domandi fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqishom importanti, fid-dawl ta’ eventwali stħarriġ kostituzzjonali tal-liġi dwar il-kollateral finanzjarju. |
|
70. |
Nosserva li huwa paċifiku li l-kawża prinċipali ma tinvolvix persuni fiżiċi u li, għaldaqstant, id-domandi dwar il-possibbiltà li s-sistema prevista mid-Direttiva 2002/47/KE tiġi estiża għal dawn il-persuni huma ipotetiċi. |
|
71. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-istess domandi jistgħu jerġgħu jqumu fil-futur, matul l-eventwali eżami tal-kostituzzjonalità tal-liġi dwar il-kollateral finanzjarju mis-Satversmes tiesa (qorti kostituzzjonali), ma jistax ineħħi n-natura ipotetika ta’ dawn id-domandi f’din il-kawża. Fil-fatt, ir-raġuni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament riżolta kontroversja ( 25 ). Kieku l-qorti tar-rinviju kellha tressaq kwistjoni ta’ kostituzzjonalità quddiem is-Satversmes tiesa (qorti kostituzzjonali), ma hemm xejn li jostakola lil din il-qorti tal-aħħar, jekk tqis li dan ikun neċessarju, milli tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
72. |
Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domandi preliminari għandhom jitqiesu li huma inammissibbli. |
Fuq il-ħames domanda preliminari
|
73. |
Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina l-konsegwenzi li hija tista’ tislet, f’termini ta’ validità tal-klawżola inkwistjoni, fis-sitwazzjoni fejn il-portata tad-Direttiva 2002/47/KE tirriżulta li hija iktar stretta minn dik tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
74. |
Nosserva li r-rilevanza ta’ din id-domanda kif ukoll ir-rabta tagħha mad-domandi preliminari l-oħra ma humiex spjegati fid-dettall mill-qorti tar-rinviju. Madankollu mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda jista’ jiġi dedott li din hija intiża sabiex jiġi ddeterminat l-effett tad-Direttiva 2002/47/KE fuq il-kawża prinċipali, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ristrett għall-kollateral relatat mas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli. |
|
75. |
Fil-fatt, fis-sitwazzjoni fejn mir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni ma hijiex koperta mid-Direttiva 2002/47/KE, il-qorti tar-rinviju għalhekk tintalab tiddetermina l-konsegwenzi ta’ din id-differenza bejn il-portata ta’ din id-direttiva u dik tal-liġi nazzjonali, fir-rigward tal-validità ta’ din il-klawżola. |
|
76. |
Madankollu, mir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE ma jistax jitqies li huwa limitat għall-kollateral relatati mas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda. |
Konklużjoni
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja) bil-mod li ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89).
( 3 ) Ara l-premessi 7 u 9 sa 12 tad-Direttiva 2002/47/KE.
( 4 ) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47/KE applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali jippreċedu l-emendi introdotti bid-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar il-finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu (ĠU 2009, L 146, p. 37).
( 5 ) Jien ma niċċitax dan l-artikolu kompletament — bl-istess mod bħall-Artikolu 1(2)(e) u l-Artikolu 3 tal-istess direttiva — minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet, minkejja li jissemmew mill-qorti tar-rinviju, ma humiex direttament rilevanti għar-risposta li nipproponi li tingħata għad-domandi preliminari.
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 1998, dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 107).
( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C‑352/95, EU:C:1997:170, punt 14).
( 8 ) Dan għalhekk jeskludi l-karti tal-flus. Ara wkoll il-premessa 18 tad-Direttiva 2002/47/KE.
( 9 ) Ara l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali [COM(2001) 168, tas-27 ta’ Marzu 2001, p. 1]. Ara wkoll, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE fid-dritt Pollakk, Pisuliński, J., “Zabezpieczenia finansowe w systemie prawa cywilnego”, Przegląd Prawa Handlowego 6/2005, p. 27.
( 10 ) Ara r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar id-Direttiva dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (2002/47/KE) [COM(2006) 833 final, tal-20 ta’ Diċembru 2006, p. 3]. Nosserva li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE ma huwiex limitat għat-tranżazzjonijiet transkonfinali.
( 11 ) Ara COM(2001) 168, tas-27 ta’ Marzu 2001, espożizzjoni tal-motivi dwar l-Artikolu 2. Fil-kuntest tal-ewwel proposta leġiżlattiva tagħha, il-Kummissjoni eżaminat liema tipi ta’ riskji ta’ kreditu (exposure) kellhom ikunu koperti, u kkonkludiet li jkun kemm diffiċli kif ukoll inutli li wieħed jipprova jagħmel distinzjoni bejn diversi tranżazzjonijiet f’dan ir-rigward. Ara d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea “Working Document on Collateral: First preliminary draft proposal for a Directive”, 15 ta’ Ġunju 2000, p. 6, kif ukoll Yeowart, G., “Purpose of the Financial Collateral Directive”, f’Yeowart, G., u Parsons, R., Yeowart and Parsons on the Law of Financial Collateral, Edward Elgar Publishing, 2016, p. 19.
( 12 ) Kif jirriżulta minn dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż, fost l-oħrajn, fil-każ fejn min jipprovdi l-kollateral ma jkunx istituzzjoni finanzjarja, illimita l-kollateral rilevanti għal dak intiż li jipproteġi ċerti obbligi finanzjarji ddefiniti bi preċiżjoni, bl-esklużjoni b’mod partikolari tas-self f’kontanti għal terminu twil lil impriżi [ara COM(2006) 833 final, tal-20 ta’ Diċembru 2006, p. 9].
( 13 ) Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/47/KE.
( 14 ) Ara Parsons, R., “‘Possession’ or ‘Control’ test to be satisfied when creating a security financial collateral arrangement”, f’Yeowart, G., u Parsons, R., Yeowart and Parsons on the Law of Financial Collateral, Edward Elgar Publishing, 2016, p. 168.
( 15 ) Ara l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2002/47/KE.
( 16 ) Ara Parsons, R., op. cit., p. 167.
( 17 ) Gray and others v G-T-P Group Limited: Re F2G Realisations Limited (in liquidation) [2010] EWHC 1772 (Ch), punti 60 sa 62.
( 18 ) Lehman Brothers International (Europe) (In Administration) [2012] EWHC 2997 (Ch), punti 119 sa 126 u 131 sa 137.
( 19 ) Jien ninnota li, għalkemm din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni adottaw pożizzjonijiet diverġenti għal dak li jikkonċerna r-rabta bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-“pussess jew […] il-kontroll” jikkostitwixxi kundizzjoni waħda, filwaqt li, mill-perspettiva tal-ġurisprudenza invokata mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mid-duttrina tad-dritt Ingliż, dan jirrigwarda żewġ kriterji alternattivi. Ara wkoll Parsons, R., op. cit., p. 185.
( 20 ) Ara wkoll COM(2001) 168, tas-27 ta’ Marzu 2001, espożizzjoni tal-motivi dwar l-Artikolu 5.
( 21 ) F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2002/47/KE tagħmel parti mis-sistema iktar wiesgħa tad-dritt tal-insolvenza tal-Unjoni, li tinkludi b’mod partikolari l-istrumenti leġiżlattivi ċċitati fil-premessa 4 tagħha.
( 22 ) Fil-prattika, kif jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar id-Direttiva 2002/47/KE, ir-Repubblika tal-Awstrija biss iddeċidiet li tapplika din id-deroga kompletament, u ħames Stati Membri oħra japplikawha b’mod parzjali (ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Renju tal-Isvezja). Ara COM(2006) 833 final tal-20 ta’ Diċembru 2006, p. 9.
( 23 ) Ara l-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Ara wkoll COM(2001) 168, tas-27 ta’ Marzu 2001, espożizzjoni tal-motivi dwar l-Artikolu 9.
( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 29).