Brussell, 16.7.2025

COM(2025) 421 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-investiment fil-kompetittività u fit-tmexxija teknoloġika tal-UE

{SWD(2025) 194 final}


L-investiment fil-kompetittività u fit-tmexxija teknoloġika tal-UE

Rapport tal-Kummissjoni 
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

EVALWAZZJONI INTERIM TAL-PJATTAFORMA TAT-TEKNOLOĠIJI STRATEĠIĊI GĦALL-EWROPA (STEP)


Dan ir-rapport jipprovdi evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) 1 sa Marzu 2025. Stabbilita f’Marzu 2024 bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP), STEP hija komponent ewlieni tar-rispons tal-UE għall-isfidi dejjem akbar għat-tmexxija teknoloġika u r-reżiljenza industrijali tagħha. STEP mhijiex programm ta’ finanzjament ġdid li jżid max-xenarju ta’ finanzjament diġà kumpless 2 . Din hija pjattaforma innovattiva ta’ koordinazzjoni, li tmexxi l-investimenti tal-UE madwar 11-il programm ta’ finanzjament eżistenti tal-UE 3 biex tappoġġa teknoloġiji strateġiċi kritiċi fi tliet setturi - it-teknoloġiji diġitali u fondi, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u l-bijoteknoloġiji - immirati wkoll lejn in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. L-implimentazzjoni tal-iSTEP tiddependi mill-ġbir flimkien tal-investimenti taħt fondi eżistenti, l-għoti ta’Siġill (tas-Sovranità) tal-iSTEP 4 għall-proġetti ta’ kwalità għolja u l-għoti ta’ Portal (tas-Sovranità) tal-iSTEP 5 biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għall-promoturi tal-proġetti. L-iSTEP tappoġġja firxa wiesgħa ta’ benefiċjarji, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small to medium-sized enterprises), start-ups, istituzzjonijiet tar-riċerka u atturi industrijali, biex tgħinhom jiżviluppaw u jżidu teknoloġiji strateġiċi b’potenzjal għoli ta’ innovazzjoni jew bil-kapaċità li jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tadotta din l-evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-iSTEP kif meħtieġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-iSTEP 6 . Għalkemm ġie ppubblikat fi stadju bikri tal-implimentazzjoni tal-iSTEP - kmieni wisq għal evalwazzjoni tal-impatt sħiħa - dan ir-rapport iservi biex jiġu estratti tagħlimiet inizjali siewja. Dan l-għarfien huwa maħsub biex iservi ta’ bażi għad-diskussjonijiet dwar programmi futuri ta’ nfiq taħt il-QFP li jmiss, kif previst mir-Regolament. F’konformità mar-rekwiżiti tal-qafas għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-evalwazzjoni interim tivvaluta kif l-iSTEP qed tilħaq l-objettivi tagħha, abbażi tal-evidenza disponibbli. Tagħmel dan billi tqis il-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud Ewropew. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport jipprovdi aktar evidenza u sfond, filwaqt li jibni fuq sett wiesa’ ta’ sorsi ta’ evidenza, inkluża sejħa dedikata għall-evidenza, missjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn l-Istati Membri, u skambji mal-awtoritajiet nazzjonali, mar-rappreżentanti tal-industrija, u mal-istituzzjonijiet ta’ riċerka.

L-evalwazzjoni sabet li saru passi sinifikanti fit-tmexxija tar-riżorsi ta’ finanzjament tal-UE biex jimxu ’l quddiem l-objettivi strateġiċi tal-UE. L-Istati Membri ħadu azzjoni biex jintegraw il-prijoritajiet tal-iSTEP fil-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħhom, b’madwar EUR 6,3 biljun diġà mmobilizzati għal objettivi tal-iSTEP 7 . B’mod parallel, taħt il-programmi ta’ finanzjament tal-UE ġestiti mill-Kummissjoni, ġew mobilizzati madwar EUR 9,5 biljun permezz ta’ sejħiet immirati, b’aktar minn EUR 5,1 biljun diġà mogħtija lil proġetti magħżula. Barra minn hekk, ingħataw 190 Siġill STEP lil proġetti ta’ kwalità għolja ta’ valur strateġiku għall-UE 8 . Għalkemm għadu kmieni wisq għal valutazzjoni sħiħa u tfaċċaw xi kumplessitajiet fl-implimentazzjoni tagħha, indikazzjonijiet bikrija jissuġġerixxu li l-iSTEP qed tmexxi b’mod effettiv ir-riżorsi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE lejn setturi kritiċi essenzjali għas-sovranità teknoloġika tal-Ewropa.

Ir-rapport huwa strutturat kif ġej. It-Taqsima 1 tivvaluta l-progress li sar s’issa fl-implimentazzjoni tal-iSTEP, filwaqt li tiffoka fuq riżultati konkreti miksuba fil-prattika. It-Taqsima 2 tħares lejn dak li ħadem tajjeb u x’jista’ jittejjeb, u tidentifika t-tagħlimiet ewlenin li ttieħdu s’issa. It-Taqsima 3 tiġbor fil-qosor u tikkonkludi, u tiddeskrivi t-triq ’il quddiem.

1.L-implimentazzjoni b’suċċess tal-iSTEP miexja sew

Ġiet integrata l-iSTEP fl-implimentazzjoni ta’ ħames programmi tal-UE ġestiti direttament mill-Kummissjoni: Orizzont Ewropa, il-Fond għall-Innovazzjoni 9 , il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF, European Defence Fund), il-Programm Ewropa Diġitali (DEP, Digital Europe Programme), u l-UE għas-Saħħa. Sa Marzu 2025, total ta’ 60 sejħa għall-proposti rilevanti għall-iSTEP u żewġ sejħiet għall-offerti tnedew f’dawn il-programmi, b’allinjament mal-objettivi tal-iSTEP – li jammontaw għal EUR 9,5 biljun f’finanzjament. Is-sejħiet taħt il-Fond għall-Innovazzjoni, li jappoġġaw teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, ammontaw għall-akbar sehem. Kontribuzzjonijiet notevoli oħra kienu jinkludu s-sejħa dedikata tal-iSTEP “Scaleup” tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li tipprovdi investimenti ta’ ekwità biss lil applikanti magħżula. Sal-aħħar ta’ Marzu 2025, madwar EUR 5,2 biljun kienu diġà ġew allokati għal proġetti magħżula fit-tliet setturi strateġiċi identifikati fl-iSTEP, bil-maġġoranza tar-riżorsi jkunu ġew immobilizzati lejn teknoloġiji nodfa. L-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet ammonta għal EUR 53 miljun, mogħti taħt id-DEP biex jappoġġa l-ħiliet diġitali avvanzati fit-teknoloġiji kritiċi.

L-implimentazzjoni tal-iSTEP permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE qed tagħmel progress tajjeb fil-livell nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri. Sal-aħħar ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri wrew interess sostanzjali fl-użu tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni biex jappoġġaw il-prijoritajiet tal-iSTEP. Total ta’ 38 emenda għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni ġew sottomessi u approvati mill-Kummissjoni għar-riallokazzjoni ta’ EUR 6,3 biljun għal prijoritajiet dedikati tal-iSTEP. Dawn l-emendi kienu jikkonċernaw programmi minn 11-il Stat Membru 10 , b’mod partikolari taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund). L-investimenti fl-iżvilupp tal-ħiliet – parti essenzjali mill-objettivi tal-iSTEP – ammontaw għal madwar 15 % tal-allokazzjoni 11 . Barra minn hekk, Stati Membri magħżula 12 nedew EUR 2 biljun ta’ sejħiet għal proposti mmirati lejn investimenti rilevanti għall-iSTEP, b’EUR 148 miljun diġà allokati għal proġetti attwali u aktar allokazzjonijiet li għandhom isiru gradwalment fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Iċ-ċifri rrapportati sa mill-aħħar ta’ Marzu 2025 rigward l-allokazzjonijiet u l-finanzjament mogħtija għal investimenti tal-iSTEP - inklużi r-riżorsi allokati jew mogħtija għal investimenti fl-iżvilupp tal-ħiliet li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-iSTEP - għandhom jinftiehmu bħala ħarsa konċiża fi proċess kontinwu. Aktar inizjattivi ffukati fuq il-ħiliet jistgħu jkunu mistennija li jsegwu hekk kif tkompli l-implimentazzjoni tal-iSTEP. Filwaqt li jibnu fuq dawn ir-riżultati, ir-riżorsi finanzjarji identifikati allokati għall-objettivi tal-iSTEP għad iridu jimmaterjalizzaw fil-finanzjament ta’ proġetti attwali fis-setturi tat-teknoloġija fil-mira. Fejn il-proġetti jkunu diġà ntgħażlu għall-finanzjament taħt sejħiet għal proposti rilevanti għall-iSTEP, l-implimentazzjoni tagħhom hija mistennija li sseħħ matul is-snin li ġejjin. Dan jillimita l-possibbiltà attwali li jiġi vvalutat is-suċċess tal-iSTEP fl-appoġġ tat-teknoloġiji strateġiċi.

Minn Marzu 2025, l-ebda Stat Membru ma kien issottometta emendi għall-pjanijiet tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza (RPP, recovery and resilience plans) biex iżid prijoritajiet speċifiċi tal-iSTEP, u l-ebda Stat Membru ma kien għażel li jittrasferixxi r-riżorsi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) lejn il-kompartiment tiegħu tal-Istati Membri ta’ InvestEU speċifikament għal investimenti relatati mal-iSTEP 13 14 . . Dan jista’ jiġi spjegat permezz ta’ limitazzjonijiet ta’ żmien, bl-iSTEP introdotta aktar minn f’nofs l-iskeda ta’ implimentazzjoni tal-RRF.

Biex iżżid il-viżibbiltà u tiffaċilita finanzjament alternattiv u kumulattiv għall-proġetti, sal-lum il-Kummissjoni tat 190 Siġill (tas-Sovranità) tal-iSTEP. Is-Siġill STEP huwa maħsub biex jirrikonoxxi proġetti ta’ kwalità għolja u allinjati mal-objettivi tal-iSTEP, kemm jekk ikunu rċevew finanzjament kif ukoll jekk le (spiss minħabba finanzjament ġenerali insuffiċjenti disponibbli). Is-Siġill fih innifsu ma jinvolvi l-ebda garanzija li finanzjament alternattiv jew kumulattiv se jkun disponibbli: sa mill-aħħar ta’ Marzu 2025, il-proġetti b’Siġill STEP kienu għadhom ma rċevewx finanzjament mir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jew taħt l-RRF. Madankollu, l-ewwel Siġilli ngħataw biss f’Ottubru 2024, li jfisser li l-adozzjoni tagħhom xorta tista’ sseħħ fix-xhur li ġejjin.

Il- Portal (tas-Sovranità) tal-iSTEP , li tnieda f’April 2024, aġixxa bħala ċentru online uniku għal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u investiment relatati mal-iSTEP. Sa mill-aħħar ta’ Marzu 2025, il-portal elenka aktar minn 70 sejħa għal proposti , f’diversi sorsi ta’ finanzjament (politika ta’ koeżjoni, programmi tal-UE ġestiti mill-Kummissjoni eċċ.). Il-Portal STEP jinkludi mappa b’ħarsa ġenerali lejn l-emendi tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni adottati u bażi tad-data pubblika tal-proġetti mogħtija s-Siġill STEP , li żżid it-trasparenza u tipprovdi riżorsa għall-investituri pubbliċi u privati, inklużi l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri. Għaddejjin tħejjijiet tekniċi biex jiġi integrat simulatur li jaħdem bl-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u chatbot biex jgħin lill-promoturi tal-proġetti jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament xierqa tal-UE.

Meta ġiet iffaċċjata l-isfida li tiġi implimentata l-iSTEP b’mod konsistenti madwar 11-il programm differenti tal-UE, inħolqot firxa ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni. L-ewwel nett, ġie stabbilit network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs, national contact points) tal-iSTEP, b’rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri kollha 15 . In-network iltaqa’ ħames darbiet bejn l-2024 u l-bidu tal-2025, u pprovda forum għall-iskambju tal-esperjenzi, għall-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, u għall-kjarifika tal-aspetti regolatorji u operazzjonali tal-implimentazzjoni tal-iSTEP. It-tieni nett, network tal-Kummissjoni interservizzi li jinvolvi 14-il Direttorat Ġenerali 16 jiltaqa’ regolarment biex jallinja dwar il-prijoritajiet ta’ finanzjament, jikkondividi gwida operazzjonali u l-aħjar prattiki, u jissorvelja l-progress.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet diversi dokumenti ta’ gwida, inkluża Nota ta’ Gwida formali dwar l-ambitu tal-iSTEP, fuljett iddedikat għall-NCPs u għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni, u avviż aġġornat dwar l-emenda tal-RRPs biex jiġu inkorporati prijoritajiet tal-iSTEP 17 . S’issa, il-Kummissjoni wettqet missjonijiet tekniċi f’disa’ Stati Membri (il-Ġermanja, Franza, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Portugall u l-Greċja) biex tkompli tappoġġa l-isforzi nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

2.L-iSTEP tinsab f’pożizzjoni tajba biex tappoġġa t-teknoloġiji strateġiċi fl-UE, għalkemm għad hemm ostakli għall-implimentazzjoni

L-iSTEP għandha rwol tanġibbli fit-tmexxija tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE lejn teknoloġiji strateġiċi – madankollu, l-isfidi sistemiċi jillimitaw l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tagħha. L-iSTEP aġixxiet bħala katalizzatur biex jiġu kkoordinati l-istrumenti eżistenti u biex dawn jiġu ggwidati lejn teknoloġiji kritiċi fl-oqsma diġitali u profondi, nodfa u bijoteknoloġiċi, li jorjentaw mill-ġdid riżorsi finanzjarji sostanzjali fi żmien qasir. Madankollu, il-kwantità kbira u d-diversità tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE fi ħdan l-iSTEP u mfassla qabel l-istabbiliment tal-iSTEP — kull wieħed bi kriterji ta’ eliġibbiltà distinti, proċeduri ta’ applikazzjoni, skedi ta’ żmien, u rati ta’ kofinanzjament — jillimitaw kemm il-veloċità kif ukoll il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-iSTEP, u fl-aħħar mill-aħħar jillimitaw l-impatt ġenerali.

Filwaqt li s-Siġill STEP tejjeb il-viżibbiltà tal-proġetti, l-impatt tiegħu fuq l-użu tal-finanzjament għad irid jiġi stabbilit. Dan huwa mmexxi minn kwistjonijiet ta’ żmien 18 uostakli prattiċi. Id-distribuzzjoni reġjonali attwali tas-Siġilli STEP mogħtija madwar l-Istati Membri turi konċentrazzjoni relattiva fir-reġjuni l-aktar żviluppati tal-UE. Il-proġetti mogħtija Siġill STEP li jinsabu f’reġjuni “inqas żviluppati” u “fi tranżizzjoni” jistgħu, fil-prinċipju, jibbenefikaw minn sehem komparattivament akbar ta’ riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni. Irriżulta diffiċli li r-riżorsi finanzjarji jiġu kkombinati minn strumenti differenti tal-UE fil-prattika peress li joperaw skont regoli differenti, inklużi metodi ta’ valutazzjoni diverġenti għall-kostijiet eliġibbli. Barra minn hekk, it-trattament tal-għajnuna mill-Istat ta’ proġetti tal-iSTEP ivarja skont it-tip ta’ proġett — proġetti koperti mir-Regolament STEP jibbenefikaw biss minn reġim preferenzjali limitat 19 , — fattur li xi awtoritajiet nazzjonali nnotaw jista’ jillimita r-rieda tagħhom li jipprovdu finanzjament. Fl-aħħar nett, in-natura proprja ta’ ċerti proġetti b’Siġill STEP, li jinvolvu konsorzji tranżnazzjonali kbar, tikkumplika l-adozzjoni potenzjali tagħhom peress li tkun teħtieġ appoġġ simultanju minn diversi awtoritajiet ta’ ġestjoni.

Il-Portal STEP kien kapaċi joffri aċċess simplifikat għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament bħala punt ta’ dħul uniku. Madankollu, l-operazzjonijiet tiegħu jiddependu minn sistemi ta’ applikazzjoni separati. It-titjib ippjanat, bħall-iżvilupp ta’ simulatur li jaħdem bl-IA, huwa mistenni li jkompli jtejjeb l-effettività tiegħu. L-informazzjoni dwar l-għotjiet u l-azzjonijiet ta’ akkwist taħt programmi ġestiti direttament mill-Kummissjoni hija disponibbli fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti. Madankollu, sal-lum, ma hemm l-ebda punt ta’ dħul uniku li juri l-opportunitajiet ta’ finanzjament iffinanzjati mill-baġit tal-UE u ġestiti mis-sħab ta’ implimentazzjoni, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali.

L-iSTEP saħħet l-infiq tal-UE fuq teknoloġiji kritiċi meta mqabbel mal-istabbiliment inizjali tal-QFP, iżda d-differenzi strutturali bejn il-programmi għadhom jipprevjenu approċċ integrat bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-promoturi tal-proġetti. Pereżempju, diversi Stati Membri ppreżentaw eżempji ta’ proġetti li kienu ngħataw is-Siġill STEP taħt il-Fond għall-Innovazzjoni iżda li huma potenzjalment ineliġibbli għall-appoġġ mill-FEŻR u mill-JTF minħabba dispożizzjonijiet regolatorji 20 – fil-bażijiet legali tal-fondi – li jeskludu l-użu tagħhom għall-finanzjament ta’ installazzjonijiet koperti mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) 21 . Tali diskrepanzi jnaqqsu l-kapaċità tal-iSTEP li taġixxi bħala pont mingħajr xkiel bejn il-modi ta’ ġestjoni u jissottolinjaw il-kumplessità tal-allinjament ta’ strumenti ta’ finanzjament differenti post hoc.

B’mod strateġiku, l-iSTEP tagħti valur miżjud Ewropew billi tikkonċentra r-riżorsi u l-attenzjoni tal-politika fuq setturi u proġetti ta’ importanza kbira għall-kompetittività futura tal-UE u s-sigurtà ekonomika. L-iSTEP tipprovdi qafas madwar l-UE kollha biex jiġu promossi l-investimenti f’teknoloġiji kritiċi, għalkemm il-konċentrazzjoni reġjonali ta’ proġetti bis-Siġill STEP f’oqsma aktar żviluppati tirrifletti sfida potenzjali għal impatt inklużiv.

Ir-rilevanza tal-iSTEP hija kkonfermata mill-aġenda politika li qed tevolvi. L-inizjattivi tal-Kummissjoni taħt il-Patt għal Industrija Nadifa 22 u l-Boxxla għall-Kompetittività 23 jirriflettu kunsens wiesa’ dwar il-ħtieġa li jiġu appoġġati teknoloġiji strateġiċi permezz ta’ investimenti u azzjonijiet ffukati u kkoordinati. L-estensjoni proposta tal-ambitu tal-iSTEP biex jiġi kopert is-settur tad-difiża 24 tikkonferma l-potenzjal tagħha skont il-QFP attwali.

3.L-iSTEP se tkompli twassal u sservi ta’ bażi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet futuri dwar il-finanzjament tal-UE

Filwaqt li għadha qiegħda tiġi introdotta gradwalment, l-iSTEP tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi tagħha. Il-pjattaforma wriet il-benefiċċji ta’ koordinazzjoni akbar tal-programmi ta’ finanzjament madwar sett immirat ta’ objettivi ta’ politika. Il-Portal STEP huwa ppożizzjonat b’suċċess bħala inizjattiva pilota li ġġib opportunitajiet ta’ finanzjament u investiment rilevanti għall-iSTEP f’punt ta’ dħul uniku għall-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Minkejja dawn il-kisbiet, l-evalwazzjoni tenfasizza li l-iSTEP topera fil-limiti ta’ xenarju ta’ finanzjament kumpless u riġidu, u tenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni kontinwa biex tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni strateġika dejjem aktar meħtieġa fil-futur.

Meta wieħed iħares ’il quddiem, l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni tal-iSTEP ikomplu javvanzaw b’ħeffa kbira. Sa Marzu 2025, ġew sottomessi aktar emendi tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni relatati mal-iSTEP minn madwar l-UE. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom se jkunu l-fokus ewlieni f’din il-fażi l-ġdida. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkomplu jniedu sejħiet għal proposti u jagħtu finanzjament għal proġetti rilevanti għall-iSTEP. L-għadd dejjem akbar ta’ Siġilli STEP mogħtija mill-Kummissjoni, flimkien ma’ żieda fir-riżorsi finanzjarji allokati għal skopijiet tal-iSTEP fil-livell nazzjonali, jipprovdu sensiela ta’ proġetti ta’ kwalità għolja għall-investituri. Il-kisba tal-ambizzjonijiet tal-iSTEP sa tmiem il-QFP attwali fl-2027 se teħtieġ sforzi sostnuti u impenn kontinwu kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli tesplora modi kif tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-iSTEP u biex ittejjeb il-komplementarjetajiet fost l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE.

F’din it-tieni fażi ta’ implimentazzjoni, l-iSTEP tista’ tibbenefika minn ambitu akbar u minn inċentivi miżjuda. F’April 2025, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi r-raba’ settur taħt l-iSTEP - id-difiża - u li tespandi l-inċentivi finanzjarji disponibbli taħt l-iSTEP għall-politika ta’ koeżjoni. Dawn in-novitajiet ġew introdotti fil-proposta għal regolament li jinċentiva investimenti relatati mad-difiża fil-baġit tal-UE 25 u fil-proposta għal regolament fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-koeżjoni 26 . It-testi issa qed jiġu nnegozjati bejn l-istituzzjonijiet tal-UE.

F’dan l-istadju, ma humiex previsti aktar emendi għall-funzjonament tal-iSTEP – filwaqt li jitqies ukoll iż-żmien ta’ implimentazzjoni li jkun meħtieġ biex jiġu kkunsidrati l-benefiċċji possibbli taħt strument temporanju li jiskadi fi tmiem il-QFP attwali (tmiem l-2027). Madankollu, ħafna mit-tagħlimiet meħuda mill-iSTEP u l-limitazzjonijiet tagħha fl-indirizzar tal-isfidi eżistenti jistgħu jkunu sors ta’ informazzjoni fit-tfassil tal-QFP futur, kif kien previst fir-Regolament STEP, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfassil tal-finanzjament futur tal-UE għall-kompetittività u l-konverġenza ekonomika. Xi wħud mill-objettivi ewlenin tal-iSTEP - bħall-koordinazzjoni u l-integrazzjoni msaħħa fl-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE u l-aċċess issimplifikat għall-finanzjament għall-benefiċjarji b’regoli aktar sempliċi u punt ta’ dħul uniku - jistgħu jispiraw it-tfassil tal-istrumenti tal-QFP li jmiss.

(1)

Ara l- Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa - L-Unjoni Ewropea (STEP) .

(2)

Ir-Regolament STEP ma jipprevedi l-ebda allokazzjoni finanzjarja addizzjonali għall-iSTEP, ħlief għal tisħiħ immirat ta’ EUR 1,5 biljun lill-Fond Ewropew għad-Difiża għal azzjonijiet relatati mal-iSTEP.

(3)

Il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għad-Difiża, Orizzont Ewropa (HE, Horizon Europe), UE għas-Saħħa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u InvestEU.

(4)

Ara s- Siġill (tas-Sovranità) tal-iSTEP .

(5)

Ara l- Portal (tas-Sovranità) tal-iSTEP .

(6)

Ir-Regolament STEP (l-Artikolu 8) jirrikjedi li tiġi konkluża evalwazzjoni interim sa Diċembru 2025.

(7)

Mill-31 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni kienet approvat total ta’ 38 emenda tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni relatati mal-iSTEP fi 11-il Stat Membru.

(8)

Dan jinkludi 11-il Siġill STEP mogħti taħt il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni fit-3 ta’ April 2025.

(9)

Il-fond huwa ffinanzjat permezz ta’ dħul iġġenerat mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System).

(10)

Franza, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija, l-Italja, Spanja, id-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Polonja.

(11)

 Punt ta’ data li jirrappreżenta biss programmi b’assi prijoritarji tal-iSTEP dedikati jew ammonti magħrufa ddedikati għall-iSTEP.

(12)

Il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Italja, il-Latvja u r-Rumanija.

(13)

Madankollu, tmien Stati Membri (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Finlandja, il-Greċja, Malta, ir-Rumanija, Spanja u l-Portugall) ikkontribwew għall-kompartimenti tagħhom tal-Istati Membri ta’ InvestEU, ħamsa minnhom jużaw ir-riżorsi tal-RRF, għal objettivi speċifiċi mhux tal-iSTEP.

(14)

L-Istati Membri huma permessi jallokaw 6 % tar-riżorsi tal-RRF tagħhom lill-kompartiment tal-Istati Membri ta’ InvestEU għall-investimenti f’teknoloġiji rilevanti għall-iSTEP. Dan minbarra l-għażla eżistenti li jiġu ttrasferiti sa 4 % tal-fondi tal-RRF lil InvestEU għal skopijiet usa’, li tippermetti trasferiment ikkombinat sa 10 %. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll li jqisu bħala prijorità proġetti mogħtija s-Siġill STEP meta jirrevedu l-RRPs tagħhom. Barra minn hekk, is-Siġill STEP irid jitqies kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri f’konsultazzjonijiet dwar l-investimenti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (is-sieħeb ewlieni ta’ InvestEU) kif ukoll matul il-kontrolli tal-politika dwar l-investimenti minn sħab ta’ implimentazzjoni oħrajn ta’ InvestEU.

(15)

Mill-31 ta’ Marzu 2025, l-Irlanda biss kienet għadha ma ħatritx NCP.

(16)

Rappreżentanti tad-DĠ Baġit; DĠ għall-Azzjoni Klimatika; DĠ Networks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija; DĠ Kompetizzjoni; DĠ għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju; DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji; DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni; DĠ Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs; l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa; is-Servizz Legali; DĠ Politika Reġjonali u Urbana; DĠ Riċerka u Innovazzjoni; DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari; is-Segretarjat Ġenerali; u t-Task Force għar-Riformi u għall-Investimenti.

(17)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/3209, Nota ta’ Gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), 2024, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3209/oj .

(18)

L-ewwel Siġilli STEP ingħataw biss lejn tmiem il-perjodu ta’ evalwazzjoni.

(19)

F’Ġunju 2024, il-Kummissjoni emendat il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat biex iżżid l-intensitajiet massimi tal-għajnuna f’żoni megħjuna għal proġetti li jaqgħu fl-ambitu tal-iSTEP – ara EUR-Lex - 52024XC03516 - MT - EUR-Lex .

(20)

L-Artikolu 7 tar- Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni u l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(2)(h), tar- Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta .

(21)

Fl-1 ta’ April 2025, il-Kummissjoni ppubblikat proposta leġiżlattiva b’emendi mmirati għall-qafas regolatorju għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż li tippermetti investimenti relatati mal-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-ħżin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili, f’operazzjonijiet li jkunu rċevew Siġill STEP taħt il-Fond għall-Innovazzjoni u aktar appoġġ mill-FEŻR għal proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni li jkunu ngħataw Siġill STEP (eż. taħt il-Fond għall-Innovazzjoni) – disponibbli fuq Inforegio - Politika ta’ Koeżjoni modernizzata: Rieżami ta’ nofs it-terminu .

(22)

Ara COM(2025) 85 final.

(23)

Ara COM(2025) 30 final.

(24)

Proposta għal regolament li jinċentiva l-investimenti relatati mad-difiża fil-baġit tal-UE biex jiġi implimentat il-Pjan ReArm Europe, COM(2025) 188 final.

(25)

Ara EUR-Lex - 52025PC0188 - MT - EUR-Lex .

(26)

Ara Inforegio - Politika ta’ Koeżjoni modernizzata: Rieżami ta’ nofs it-terminu .