|
19.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/87 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Lulju 2008
dwar l-għajnuna mill-istat (C 25/2000 (ex N 149/99)) li l-Italja għandha l-intenzjoni li tattwa favur l-azjenda li topera fil-qasam tal-azzar Lucchini Siderurgica S.p.A
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3515)
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/389/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 88(2) a) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati (1) hawn fuq, u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Il-21 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali negattiva fil-każ nru. C 25/2000 - Lucchini (ex nru. 145/99), li jikkonċerna għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent li l-Italja kellha l-intenzjoni li tikkonċedi lill-istabbiliment għall-produzzjoni tal-azzar Lucchini SpA (“Lucchini”) (2) |
|
(2) |
Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata min-naħa tal-benefiċarju quddiem l-ewwel qorti B’sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, l-ewwel Qorti annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet qieset inkompatibbli s-somma ta’ 2,7 elf miljun lira (EUR 1 369 miljuni) f’għajnuna mogħtija għal investimenti fil-fran tal-kokk u s-somma ta’ 1,38 elf miljun lira (EUR 713,550) konċessi f’għajnuna għall-investiment f’impjant tal-ilma u tad-dranaġġ. Madanakollu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjant ta’ produzzjoni tal-azzar, tal-forn bir-riħ u l-estrazzjoni tad-dħaħen (3) ġiet ikkonfermata. |
|
(3) |
Fil-5 ta’ Settembru 2007, l-Italja permezz ta’ ittra wieġbet għar-rikjesta ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni għamlitilha fid-9 ta Awwissu 2007. Aktar tagħrif inġabar waqt spezzjoni fuq il-post (4) ta’ produzzjoni fi Piombino, ġewwa t-Toscana fl-għaxra ta’ Settembru 2007. L-Italja wieġbet permezz ta’ ittra datata 7 ta’ Novembru 2007 għall-aħħar talba għall-informazzjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007. |
2. ID-DESKRIZZJONI
2.1. L-Intrapriża u l-Impjanti
|
(4) |
L-istabbiliment għall-produzzjoni tal-azzar Lucchini jinstab fi Piombino, fit-Toscana (Italja), max-xtut tal-baħar Mediterran. Minħabba li qiegħed sitwat f’żona urbana, ftit mijjiet ta’ metri ‘l bogħod minn żona tajba għall-għawm u għas-sajd, il-popolazzjoni tkun disposta biss taċċetta l-preżenza ta’ dan l-istabbiliment jekk tingħata d-debita konsiderazzjoni lill-kobor tal-impatt ambjentali. |
|
(5) |
Fil-forn tal-kokk, il-faħam jiġi distillat f’temperaturi bejn 1 240 °Ċ u 1 250 °Ċ sabiex jiġi prodott il-kokk, li mbagħad jiġi utilizzat għall-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum. Il-batterija ta’ fran li jaħdmu bil-kokk hu magħmul minn serje ta’ fran dojoq, għoljin u fondi mpoġġijin wieħed ħdejn l-ieħor. Il-fran huma mifrudin minn kavità miksija bil-briks fejn issir il-kombustjoni u fejn jiġi maħruq il-gass li jsaħħan il-fran. Il-faħam jitgħabba fil-fran minn ġewwa fetħiet li jinstabu fil-parti ta’ fuq. Sabiex jiġi żvojtjat forn li jipproduċi l-kokk, iridu jinfetħu l-bibien li jinstabu fuq iż-żewġt’iġnub u l-kokk jiġi mbuttat ’il barra b’gaffa. |
|
(6) |
Il-proċess ta’ kokkefikazzjoni jieħu madwar 24 siegħa. Anki fl-eventwalità li l-proċess ta’ qabel jew ta’ waqt il-produzzjoni tal-kokk jitħaffef, dan ma jfissirx li se titħaffef il-produzzjoni ġenerali, u lanqas ma jfisser li se tiżdied il-kwantità ta’ kokk li tiġi prodotta fl-istess ħin. |
|
(7) |
Il-batterija ta’ fran li kien is-suġġett tal-investimenti notifikati ġiet mibnija fl-1971. F’dak iż-żmien, is-soċjetà Lucchini Piombino kellha għad-dispożizzjoni tagħha tlett settijiet li jaħdmu bil-kokk li kellhom rispettivament 27, 43 u 45 forn. F’Novembru 1992, il-produzzjoni ta’ kokk kienet ġiet imwaqqfa, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-amministrazzjoni fil-konfront tal-produzzjoni futura tal-kokk ġewwa dan l-istabbiliment. F’Marzu 1993, kien ġie deċiż li titkompla l-produzzjoni tal-kokk u il-batteriji tal-ifran reġgħu bdew jaħdmu. |
|
(8) |
Waqt ix-xhur ta’ waqfien, il-fran tal-kokk ġew żvojtjati bil-galbu u ġew mkesħin bil-mod sakemm jilħqu temperaturi bejn 900 oĊ u 950 oĊ. L-Italja spjegat, illi anki jekk dan il-waqfien tal-produzzjoni jiġi sorveljat bl-attenzjoni, huwa inevitabbli illi ssir ħsara lil dawn l-impjanti. |
|
(9) |
Fl-1996, kien ġie deċiż illi jsir xi titjib fil-fran tal-kokk. Għal dak li jirrigwardja il-batterija inkwistjoni, li kienet ta’ kwalità relattivament tajba u li kienet għadha f’kundizzjonijiet relattivament tajbin, kien ġie deċiż illi, permezz ta’ intervent ta’ titjib adegwat setgħet tkompli tibqa’ taħdem għal għaxar snin oħra. L-investimenti bdew fl-1998. Iż-żewġ settijiet l-oħrajn kienu ġew magħluqa u kien hemm l-intenzjoni li jinħattu. |
|
(10) |
L-impjant inkwistjoni huwa sistema ta’ ċirkolazzjoni magħluqa fejn l-ilma jintuża sabiex ikessaħ indirettament id-diversi impjanti tal-istabbiliment. L-ilma ma jidħolx direttament f’kuntatt fiżiku mal-impjanti u għaldaqstant ma tiġix alterata l-kompożizzjoni kimika tiegħu. |
|
(11) |
L-ilma ġej minn għajn speċifika (per eżempju, ilma baħar jew minn taħt l-art), fejn jerġa’ jmur wara li jintuża. Għall-istabbiliment Lucchini, il-baħar Mediterran huwa għajn importanti ta’ ilma għat-tkessieħ. L-ilma jiġi ppumpjat mill-baħar, utilizzat sabiex ikessaħ l-impjanti imbagħad jerġa’ jintefa’ lura ‘l baħar b’temperatura għola. Dan joħloq problema għall-flora u l-fawna tal-baħar, anki jekk it-temperatura hija inqas mill-massimu permess ta’ 35 °C. |
2.2. Skema ta’ għajnuna
|
(12) |
Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tal-valutazzjoni jirrigwardjaw id-diversi fażijiet ta’ produzzjoni tal-ifran tal-kokk. Il-miżuri individwali huma deskritti iktar fid-dettall fil-valutazzjoni segwenti. L-ammont totali tal-investimenti kien ta’ 38.45 elf miljun lira (li jammonta għal madwar EUR 19 200 000). |
|
(13) |
L-investimenti li saru fir-rigward tal-impjant tal-ilma u d-dranaġġ kienu mmirati sabiex jintuża ilma ġej mid-depuratur komunali minflok parti mill-ilma baħar. Anki jekk dan l-intervent ma tantx kellu effett fuq iż-żieda tat-temperatura tal-ilma, l-kwantità ta’ ilma msaħħan li reġgħet lura fil-baħar ġiet mnaqqsa b’mod sinifikattiv. L-investiment fir-rigward tal-impjant tal-ilma u d-drenaġġ kien ta’ ITL 19,7 biljun (li jammonta għal madwar EUR 9 850 000). |
3. DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
|
(14) |
Essenzjalment, il-Qorti tal-prim’istanza kkonkludiet illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet insuffiċjentement mmotivata għal dak li jirrigwardja l-partijiet annullati (5) |
|
(15) |
Il-Qorti tal-prim’istanza kkonfermat li l-kundizzjonjiet speċifiċi li jikkonċernaw l-għajnuna ambjentali lis-settur tal-produzzjoni tal-azzar huma stabbiliti fl-anness tas-sitt kodiċi dwar l-għajnuna lis-settur tal-azzar (6) u fil-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (“Linji Gwida”) (7) fis-seħħ f’dak iż-żmien (8). Iktar preċiżament, dawk id-dispożizzjonjiet li japplikaw għal dan il-każ kienu dawk li japplikaw għall-punti 3.2.1 u 3.2.3.B tal-linji gwida, li ġew definiti u addattati għall-kuntest tas-settur tal-azzar KEFA fit-tieni parti tal-anness tal-kodiċi. |
|
(16) |
Kif ġie affermat fil-punt 3.2.1. tal-linji gwida, “[…] l-għajnuniet li jkunu apparentement intiżi għal xi miżuri ta’ protezzjoni ambjentali iżda illi fir-realtà, jmorru għall-investimenti ġenerali huma esklużi minn dawn il-linji gwida […]”. Dan il-punt isaħħaħ il-prinċipju espress fl-anness tal-kodiċi, li skontu għall-għajnuna kollha mogħtija mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, il-Kummissjoni tista’ fil-każ ta’ bżonn timponi kundizzjonijiet u limiti rigorużi sabiex tevita għajnuna moħbija għall-investimenti għall-stabbilimenti jew tagħmir ġodda. F’dawn il-każi, il-valutazzjoni tibda bil-verifika tal-fatt jekk il-miżura inkwestjoni kinitx issir “xorta waħda”. Jekk, madanakollu, l-Istat membru jirnexxielu jipprova li l-għan tal-miżuri huwa li jħares l-ambjent, skont kif deċiż mill-Qorti tal-prim’istanza, tibdil pożittiv fil-produzzjoni ma jfissirx li l-miżura ma tkunx eliġibbli għall-għajnuna. F’dawn il-każijiet, jiġi sempliċiment imnaqqas xi benefiċċju kontinġenti marbut mal-produzzjoni (9). |
|
(17) |
Għal dak li jirrigwardja l-eliġibilità, il-kodiċi dwar l-għajnuna lill-industrija tal-azzar jistipula illi l-investimenti jiġu rrealizzati “xorta” jew “għal raġunijiet ekonomiċi jew inkella meta tittieħed inkonsiderazzjoni l-età tal-impjant jew tat-tagħmir eżistenti […]. Sabiex xi proġett ġdid ikun jista’ jibbenefika minn xi għajnuna, l-impjant jew it-tagħmir eżistenti li nbiddlu jrid jibqgħalhom ċiklu ta’ ħajja sinifikattiva (almenu il-25 %)” (10). Fil-każ li qed jiġi investigat, il-Qorti ddikjarat li l-Kummissjoni ma kellhiex motivazzjonjiet suffiċjenti biex tiddeċiedi li ma tilqax il-perizja ppreżentata mill-Italja li skontha t-tul taċ-ċiklu tal-ħajja li kien baqgħalha l-faċilità eżistenti inkwistjoni kien ta’ almenu 25 % (11). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-prim’istanza ikkonfermat illi l-proġetti li jridu jiġu realizzati għal raġunijiet tekniċi/produttivi kienu sejrin jiġu realizzati “xorta waħda” (12). |
|
(18) |
Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-prim’istanza kkonkludew illi, qabel dawn il-proġetti, L-istabbiliment Lucchini fi Piombino dejjem kien konformi mal-liġi. Il-punt applikabbli 3.2.3.B tal-linji gwida jirrigwardja każijiet ta’ għajnuna diretta biex tinkoraġġixxi “l-ottemperanza ma’ kriterji aktar rigorużi minn dawk previsti mil-liġijiet ambjentali fis-seħħ”. Il-Qorti tal-prim’istanza kkonkludiet illi l-proġetti tal-ifran tal-kokk kienu jippermettu “l-osservanza tal-kriterji l-aktar rigorużi” fil-qasam tal-ħarsien ambjentali: Iż-żewġ proġetti notifikati separatament kellhom jiġu ppreżentati bħala proġett wieħed (13). Il-Kummissjoni ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għala ma laqgħetx l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Italja. |
|
(19) |
Kundizzjoni waħda għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija illi l-investitur juri “li jkun b’mod ċar iddeċieda li jagħżel livelli ta’ ħarsien ambjentali aktar għoljin, jiġifieri li xi soluzzjoni bi spejjeż inqas kienet xorta tissodisfa r-regoli ambjentali il-ġodda” (14). Il-Qorti tal-prim’istanza kkonkludiet illi, fid-dawl tad-dokumenti u tal-elementi probatorji mogħtija mill-Italja, il-Kummissjoni ma rnexxiliex turi li l-impjanti tal-ħarsien ambjentali l-qodma ma kinux jaħdmu (15). |
4. VALUTAZZJONI
|
(20) |
Is-sussidji mogħtija mill-Italja biex issostni proġetti favur stabbiliment għall-produzzjoni tal-azzar jirrappreżentaw fondi pubbliċi li jagħtu lill-impriża Lucchini vantaġġ selettiv li jista’ jhedded il-kompetizzjoni ġusta u b’hekk ikollhom effett fuq in-negozju bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-termini tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat KE. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni pproċediet għal valutazzjoni ġdida taż-żewġ gruppi ta’ proġetti u analizzat il-miżuri individwalment, fost affarijiet oħrajn ivvalutat b’mod partikolari jekk dawn kinux isiru xorta waħda jew għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba l-età tal-impjanti inkwistjoni. |
4.1. Il-fran tal-kokk
4.1.1. Tħassib ambjentali fir-rigward tal-ifran tal-kokk
|
(22) |
Bħala dokument gwida biex issir il-klassifikazzjoni tal-miżuri ta’ investiment favur il-fran tal-kokk, il-Kummissjoni utilizzat dokument ta’ riferiment tal-Kummissjoni stess dwar l-aħjar tekniki disponibbli (Best available techniques, BAT) għall-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar ta’ Diċembru 2001 (16). Abbażi ta’ dan id-dokument, l-emmisjonijiet fl-atmosfera jirrapreżentaw problema partikolarment gravi għall-ifran tal-kokk. Ħafna emissjonijiet ġejjin minn diversi għejjun, mill-għottien, mill-bibien tal-ifran, mill-bieba ta’ twittija jew mill-pajpijiet li telgħin ’il fuq jew jiġu prodotti waqt ċerti operazzjonijiet bħal ma hu l-ħatt tal-faħam jew meta l-kokk jinħareġ mill-forn jew meta jkun qed jibred. Jistgħu jiġu rilevati ukoll fl-impjant ta’ trattament tal-gass tal-ifran tal-kokk. L-għajn ewlenija tal-emissjonijiet hi magħmula minn gassijiet tal-egżost li ġejjin mis-sistema ta’ kombustjoni. B’riżultat ta’ dan il-maġġoranza ta’ tekniki ta’ min jikkonsidra biex jiġi determinat il-BAT jirrigwardjaw ir-riduzzjoni għall-minimu tal-emissjonjiet fl-atmosfera. L-aspetti kruċjali huma t-tħaddim tajjeb u bla waqfien u l-manutenzjoni tal-ifran tal-kokk. Barra minn dan, id-desolforizzazzjoni tal-gassijiet tal-ifran għandha importanza kruċjali għat-tnaqqis għall-minimu tal-emissjonjiet tal-SO2, mhux biss għal dak li jirrigwardja l-fran tal-kokk imma anki f’impjanti oħrajn fejn il-gassijiet ta’ dawn il-fran jiġu użati bħala fjuwil. |
4.1.2. Miżuri permissibbli
|
(23) |
Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet illi l-Italja irnexxielha turi, għal dak li jirrigwardja investimenti f’ammont kumplessiv ta’ ITL 29,93 biljun, illi l-iskop aħħari tal-ħarsien ambjentali kien ġenwin. Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, l-Kummissjoni hi tal-fehma illi l-Italja uriet li kien ġie deċiż b’mod ċar li jintgħażlu livelli superjuri ta’ ħarsien ambjentali. Għal kull parti tal-istabbiliment li kien is-suġġett ta’ dawn l-investimenti, it-tul ta’ ċiklu ta’ ħajja jista’ jitqies mhux inqas minn 25 %. Din id-dikjarazzjoni magħmula mill-Italja ġiet kkonfermata matul il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Minnbarra dan, wieħed jippreżumi illi ma kenitx teżisti soluzzjoni orħos, ħlief li jiġu utilizzati l-istrutturi qodma, għal dak li jirrigwardja l-proġetti murija aktar ’il quddiem jikkostitwixxu miżuri esklussivament ambjentali. |
|
(24) |
Dawn l-interventi jiġu deskritti f’aktar dettal fil-punti li ġejjin. |
|
(25) |
L-impriża Lucchini kienet ippjanat li tinvesti 3 elef miljun lira (li jammontaw għal madwar EUR 1 500 000) f’ċinturin tal-konvejer ġdid. Il-konvejer li kien jintuża biex jġorr il-faħam mill-port sal-ifran tal-kokk kien sors sostanzjali ta’ tixrid tat-trabijiet. L-impriża Lucchini ddeċidiet għalhekk li tbiddlu ma’ ċinturin trasportatur ekoloġiku ġdid 0mdaħħal fi struttura tubolari. |
|
(26) |
Bħala miżura ulterjuri sabiex jiġu ridotti l-emissjonijiet tat-trabijiet, l-impriża Lucchini installat impjant ta’ umidifikazzjoni. L-ammont tal-investiment kien jilħaq il-ITL 269 miljun (li jammontaw għal madwar EUR 135 000) |
|
(27) |
Minħabba l-umidifikazzjoni, il-faħam għandu tendenza li jagħqad u jifforma sustanza li tostakola t-tgħabbija fil-fran. Sabiex tiġi evitata din l-eventwalità, kienu ġew installati impjanti ta’ ċirkolazzjoni tal-arja mit-torrijiet tat-tgħabbija. L-ammont ta’ investiment kien jilħaq il-ITL 295 miljun (li jammontaw għal madwar EUR 150 000). |
|
(28) |
Il-miżuri ma għandhom l-ebda effett fuq il-funzjonament tal-ifran tal-kokk, jew fuq l-impjant tal-produzzjoni tal-azzar inġenerali. |
|
(29) |
L-impriża Lucchini kienet ippjanat li tinvesti ammont kumplessiv ta’ ITL 14,3 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 5 900 000) f’interventi ta’ riduzzjoni ta’ emissjonijiet li jinħolqu waqt it-tgħabijja tal-ifran. |
|
(30) |
Il-fran kienu qegħdin jiġu mgħobbija permezz ta’ vetturi ta’ tgħabbija li jimxu matul il-parti ta’ fuq tal-batterija tal-ifran. Il-faħam kien jiġi trasferit mit-torri ta’ tgħabbija għall-vettura ta’ tgħabbija, li matul din il-fażi trid tkun taħt it-torri. Il-vettura tat-tgħabbija kienet iġġorr it-taħlita ta’ faħam matul il-binarju mqiegħed fuq il-parti ta’ fuq tal-batterija, biex imbgħad tħottu ġewwa l-forn minn ġewwa apertura speċjali li tinsab fil-parti ta’ fuq ta’ kull forn. |
|
(31) |
Qabel l-investiment, il-faħam kien jiġi mitfugħ fil-forn mingħajr protezzjoni supplimentari, b’hekk kienu jiġu kkawżati emmissjonjiet għolja ta’ gassijiet. L-għan tal-investiment kien dak li tiġi akkwistata ġuntura perfetta bejn dirgħajn mekkaniċi tal-vettura tat-tgħabbija u l-parti għolja tal-forn, sabiex jinħoloq proċess ta’ tagħbija mingħajr emissjonjiet. Dan l-investiment jista’ jiġi maqsum fi tlett komponenti: 1) sostituzjoni tal-vetturi tat-tgħabbija, għall-ammont ta’ ITL 5 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 2 500 000); 2) Li jinbiddlu l-aperturi fejn issir it-tgħabbija u li jiġu invellati s-soqfa tal-ifran (jew aħjar, il-bini mill-ġdid tas-soqfa tal-ifran), għal ammont li jilħaq is-ITL 7,7 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 3 300 000); 3) Li jinbidlu l-binarji, għal ammont li jilħaq ITL 1,5 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 750 000). |
|
(32) |
Il-kummissjoni vverifikat illi b’mod partikolari l-ammonti għoljin fl-ewwel żewġ miżuri kienu ġustifikati. It-tbiddil tal-vetturi ta’ tgħabbija saret neċċessarja minħabba li nasbiet ta’ kwalità aħjar kienu iktar twal minn dawk oriġinali, iktar sempliċi. Kieku kienu jitwaħħlu mal-vetturi tat-tgħabbija attwali, kienu jagħmlu lil dawn tal-aħħar twal wisq biex ikunu jistgħu jitqiegħdu taħt it-torrijiet ta’ tgħabbija. Għal dak li jirrigwardja t-tibdil tal-parti tas-soqfa tal-ifran, il-kobor tal-investiment kien minħabba l-materjal speċjali refrattarju li ġie utilizzat. |
|
(33) |
Il-miżuri ma kellhomx effett fuq il-livell ta’ produzzjoni. |
|
(34) |
Biex l-emissjonjiet li ġejjin mill-bibien tal-ifran jiġu ridotti għall-minimu, kienu saru xi interventi li b’kollox ġew jiswew ITL 5 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 2 130 000). Il-bibien il-qodma ma kinux jissiġillaw ruħhom meta jingħalqu u kienu jħallu l-gass joħroġ. Id-depożiti tal-qatran fuq il-bibien u anki fuq iċ-ċaċċiżi tal-ifran kienu jiffurmaw ruħhom ma’ kull tgħabbija u iktar kienu jimpedixxu l-isiġillar. Ma kienx possibli li jsir titjieb suffiċjenti tal-bibien, sempliċi u riġidi, u kellhom jinbiddlu l-54 bieba tal-ifran, bi spiża ta’ ITL 2,5 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 1 120 000). |
|
(35) |
It-tieni, il-bibien u ċ-ċaċċiżi rispettivi tagħhom, kellhom jitnaddfu regolarment sabiex jiġu mneħħija t-traċċi tal-qatran mħallat ma’ sustanzi perikolużi oħra, bħall-fosfru u l-kubrit. Oriġinarjament, it-tindif kien isir manwalment, darba fil-ġimgħa. L-awtomatizzazzjoni tat-tindif, li swiet ITL 2,1 biljun (jammontaw għal madwar EUR 1 000 000), ppermettiet lill-impriża Lucchini li tnaddaf ma’ kull tagħbija, jew aħjar kuljum minflok kull ġimgħa. Dan kollu għamilha possibbli illi jitnaqqas dejjem aktar it-tniġġiż ġenerali u li jitjieb il-mod kif jingħalqu l-bibien. |
|
(36) |
Fl-aħħar, meta jiġi kkunsidrat li l-bibien il-ġodda kienu jiżnu 1,5 tunellata iktar mill-qodma, kien sar wisq perikoluż għall-ħaddiema tal-fabbrika tal-azzar biex iħaddmu l-bibien bis-sistema l-qadima tal-katina. Għal dan l-iskop, ġie installat mekkaniżmu ieħor, li ġie jiswa madwar ITL 356 miljun (li jammontaw madwar EUR 175,000), li żied is-sigurtà tal-ħaddiema. Fiha nfisha. il-miżura ma kellhiex l-iskop ta’ ħarsien ambjentali, iżda peress li saret neċessarja minħabba t-twaħħil ta’ bibien ġodda, il-Kummissjoni tikkonsidra dan il-mekkaniżmu bħala investiment komplimentari li sar neċessarju minħabba l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ ħarsien ambjentali, u għalhekk tat il-kunsens tagħha biex tqis iż-żewġ miżuri bħala parti minn pakkett wieħed. |
|
(37) |
Il-miżuri ma għandhomx effett fuq il-proċess produttiv fit-totalità tiegħu. |
|
(38) |
L-impriża Lucchini investiet elf miljun lira (li jammontaw għal madwar EUR 500 000) fit-tibdil tal-impjant tal-estrazzjoni tal-gassijiet mill-fran. L-għan tal-impjant il-ġdid kien ir-regolazzjoni tal-ħeffa tal-mekkaniżmu tal-estrazzjoni tal-gassijiet. Il-pressjoni ġewwa t-tubi tvarja u meta ssir għolja żżejjed, l-appożiti valvijiet jinfetħu sabiex jemettu fl-atmosfera l-ammont neċessarju ta’ gassijiet. L-għan tal-investiment kien li jirregolarizza il-fluss tal-gass u għalhekk li jirriduċi l-frekwenza ta’ kemm jinfetħu l-valvijiet. |
|
(39) |
Barra minn hekk, it-tubu kollettur prinċipali, it-tubi li telgħin ’il fuq u t-tubi ta’ kollegament lejn is-sistema ta’ aspirazzjoni kienu integralment mibdula, fil-qafas ta’ pjan ta’ investiment tal-valur ta’ 1,5 elf miljun lira (li jammontaw għal madwar EUR 750 000). Is-sistema l-qadima kienet taħdem bl-istim u kien ikollha ħruġ ta’ stim fit-tubi ta’ kollegament u dan kien iwassal għal emissjonjiet ta’ gass, filwaqt illi it-tubi li telgħin ’il fuq ma kellhomx valvijiet idrawliċi. Is-sistema l-ġdida kienet taħdem fuq bażi ta’ tkessieħ permezz ta’ ammonja bi pressa qawwija, li tiggarantixxi, flimkien mat-tkessieħ, it-tnaqqis tas-sustanzi li jniġġsu preżenti fil-gassijiet. |
|
(40) |
Fil-kuntest ta’ investiment ieħor, ġie rranġjat l-impjant ta’ trattament tal-gass. Essenzjalment, ġew mibdula l-pajpijiet tal-alimentazzjoni u ġew installati impjant ġdid għat-tneħħija tan-naftalina u sistema ta’ sorveljanza informatika tal-impjant ta’ purifikazzjoni tal-gass. L-ammont tal-investiment kien jammonta għal ITL 1,5 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 750 000). |
|
(41) |
Is-sistema ta’ filtri elettrostatiċi li kienet tintuża sabiex issaffi l-partijiet volatili tal-gass ġiet ristrutturata għal kollox sabiex jiżdidilha l-kapaċità ta’ filtraġġ tal-qatran. L-ammont tal-investiment kien jammonta għal ITL 1,5 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 750 000). |
|
(42) |
Il-qatran li joħroġ matul il-proċess li fih jiġi prodott il-kokk jiġi preservat f’temperatura ta’ 70 °C. Il-qatran sħun jemetti gassijiet kanċeroġeni. L-impriża Lucchini ddeċidiet li tinvesti ITL 1 427 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 700 000) f’impjant għall-ġbir u l-ħruq tal-emissjonijiet tal-gassijiet kanċeroġeni. L-investiment ma kellux effett fuq il-livell ta’ produzzjoni. |
|
(43) |
Għal dak li jirrigwardja l-investimenti relatati mas-sistema ta’ purifikazzjoni tal-gass, il-kwantità u l-valur tas-sustanzi kimiċi li ġew estratti u mibjugħa żdied bi ftit. Min-naħa l-oħra, wieħed jistenna spejjeż ħafna aktar għoljin mis-sorveljanza kostanti rikjesta mill-impjant il-ġdid. Għaldaqstant, mhux qed jiġu reġistrati l-ebda benefiċċji ġenerali marbutin mal-produzzjoni li għandhom jitnaqqsu. |
|
(44) |
Sabiex jiġu kontrollati l-emissjonjiet ta’ SO2 fl-atmosfera saret neċessarja l-installazzjoni ta’ sistema biex tkejjel dawn l-emissjonjiet. L-investiment kien ġie realizzat esklussivament għal raġunijiet ambjentali u ġie jiswa ITL 138 miljun (li jammontaw għal madwar EUR 70 000). Il-miżura ma kellhiex effett fuq il-produzzjoni. |
4.1.3. Miżuri li kienu jsiru xorta waħda
|
(45) |
Għal dak li jirrigwardja l-miżuri murija aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li huma kienu xorta se jsiru u li allura mhux eliġibbli bħala għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent. L-investimenti jirrappreżentaw total ta’ ITL 8,52 biljun, li għaldaqstant ma jistgħux jiġu approvati bħala għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent, peress li ma kien ikollhom l-ebda effett ta’ inċentivazzjoni. |
|
(46) |
L-impriża Lucchini ddeċidiet li tinvesti ITL 4 241 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 2 100 000) għat-tiswija taċ-ċelel tal-ifran, billi ġew issiġillati jew mibdula parzjalment jew integralment il-briks. Il-Kummissjoni tqis li dan l-investiment sar għal raġunijiet marbutin mal-produzzjoni. L-ewwelnett, il-Kummissjoni tosserva illi l-batterija ta’ fran ma tagħmilx parti mit-“tagħmir ambjentali”, iżda tifforma l-qalba stess tal-istabbiliment. |
|
(47) |
It-tieni, it-tiswija permezz tal-issiġillar tal-briks tidħol fl-attivitajiet normali ta’ manutenzjoni ta’ batterija ta’ fran tal-kokk. |
|
(48) |
Barra minn hekk, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni li l-interruzzjoni tal-attività tal-batterija fl-1992-1993 għaġġlet il-proċess ta’ degradazzjoni tal-impjant, b’hekk kien hemm riduzzjoni tat-tul taċ-ċiklu tal-ħajja. Meta fl-1999, l-impriża ddeċidiet li tirranġa l-batterija, kienet qed tippjana illi tkun tista’ tiggarantixxi l-funzjonament tagħha għal tal-inqas għaxar snin oħra. Ġaladarba ġie meqjus neċessarju li jinbiddlu l-briks minflok jiġu siġillati, jrid jiġi preżunt li d-deterjorament tal-ħitan kien wasal fi stadju avvanzat ħafna. Peress li l-ħitan taċ-ċella tal-forn kienu f’kundizzjonjiet ħżiena, kien hemm ir-riskju, per eżempju, li jimbarmu ‘l ġewwa u li minħabba f’hekk il-vettura tat-tgħabbija ma kenitx tkun tista’ tgħaddi biex timbotta l-kokk barra miċ-ċella. F’dak il-każ, iċ-ċella ma kenitx tkun tista’ tiġi użata. Il-ħsara setgħet tipperikola saħansitra l-istabilità tas-saqaf tal-forn. |
|
(49) |
L-Italja sostniet illi l-għan tal-intervent fuq il-briks kien ta’ natura ambjentali. Kieku l-gass għadda miċ-ċella għall-kamra tal-kombustjoni, kienet tinbidel il-kompożizzjoni tal-gass ta’ kombustjoni u miċ-ċmiemi kien joħroġ duħħan iżwed. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni tilqa’ l-ispejgazzjonjiet tal-Italja dwar il-ħtieġa li għandu jkun hemm għeluq ermetiku bejn iċ-ċella tal-forn u l-kamra ta’ kombustjoni, iżda hi tal-fehma illi dawn l-ispjegazzjonjiet ma jurux illi l-investitur għamel għażla ċara dwar livelli ta’ ħarsien ambjentali aktar għoljin. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li l-investimenti setgħu saru xorta waħda, għar-raġunijiet murija aktar ’il fuq. Bl-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2007, l-Italja kellha l-possibiltà li twieġeb għall-osservazzjonjiet tal-Kummissjoni, iżda ma pproċedietx. Għaldaqstant il-Kummissjoni hija tal-fehma illi l-interventi fil-briks tal-ħitan tal-forn kienu xorta jsiru, għal raġunijiet ekonomiċi, jiġifieri biex tiġi garantita l-produzzjoni tal-kokk fl-istabbiliment. |
|
(51) |
Anki jekk hu minnu li l-qtugħ tad-dawl għandu effett ħażin fuq l-ambjent, Il-Kummissjoni hi tal-fehma illi l-installazzjoni ta’ ġeneratur ta’ riżerva tqiegħed għal raġunijiet primarjament marbutin mal-produzzjoni. Il-qtugħ tad-dawl għandu effetti ħżiena serji fuq il-produzzjoni u l-ġeneratur ta’ riżerva kien ikun installat xorta waħda. L-ammont ta’ investiment kien jilħaq il-ITL 1,8 biljun (li jammonta għal madwar EUR 900 000). |
|
(52) |
L-Impriża Lucchini nefqet ITL 220 miljun (li jammontaw għal madwar EUR 110 000) għall-akkwist ta’ filtri ġodda għall-filtraġġ tal-fwar maħluq mit-tkessieħ tal-kokk li jkun ħareġ mill-forn. Skont il-Kummissjoni, l-filtri kienu se jinbidlu xorta waħda, peress li kienu laħqu t-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (20 sena), kif ikkonfermat l-Italja matul iż-żjara fuq il-post. |
|
(53) |
L-operazzjoni ta’ livellar tal-faħam fil-forn għandha, pjuttost, effett pożittiv fuq l-ambjent. L-investiment inkwistjoni kien madanakollu jikkonsisti fl-awtomatizzazzjoni tal-operazzjoni li qabel kienet issir manwalment. Din l-awtomatizzazzjoni m’għandha prattikament l-ebda effett fuq l-emissjonjiet. Il-miżura kienet sejra ssir xorta waħda, għal raġunijet ekonomiċi. L-ammont ta’ investiment kien jilħaq il-ITL 1,5 biljun (li jammonta għal madwar EUR 750 000). |
|
(54) |
Il-pajp li minnu jgħaddi l-gass lejn il-kmamar ta’ kombustjoni sabiex isaħħnu il-forn beda jnixxi, u allura kien hemm ħruġ ta’ gass. Dan kien ikollu jinbidel xorta waħda, peress li l-gass huwa splussiv ħafna u l-ħruġ kien ta’ periklu serju għall-ħaddiema. L-ammont ta’ investiment kien jilħaq is-ITL 761 miljun (li jammonta għal madwar EUR 380 000). |
4.2. L-impjant tal-ilma u d-dranaġġ
|
(55) |
Qabel ma sar l-investiment, l-impjant tal-ilma u dranaġġ kien isegwi l-istandards obbligatorji fis-seħħ. |
|
(56) |
Il-kwantità ta’ ilma meħuda mill-baħar u għaldaqstant mitfugħa lura fil-baħar kienet ta’ 36 800 000 m3 qabel ma sar l-investiment, filwaqt li issa hija ta’ 26 000 000 m3. L-investiment serva essenzjalment sabiex jinbena pajp li kien konness mad-depuratur komunali u biex jinbidlu il-pajpjiet sabiex tiġi mnaqqsal-kwantità ta’ ilma neċessarja. Il-Kummissjoni hi tal-fehma illi din il-miżura għandha skop ġenwin ta’ ħarsien tal-ambjent. |
|
(57) |
L-investiment ippermetta tnaqqis tal-ispejjeż tal-ippumpjar ta’ EUR 206 712 fis-sena. L-ilma li kien ġej mid-depuratur mhux provdut gratuwitament, iżda jiswa EUR 0,15 kull m3; L-ispejjeż addizzjonali għalhekk jitilgħu għal EUR 226 200. Għaldaqstant, is-sistema ġiet tiswa lill-impriża Lucchini EUR 19 448 iktar b’paragun mal-qadim. Ma hemmx għalhekk benefiċċji marbutin mal-produzzjoni x’jitnaqqsu. |
5. KONKLUŻJONJIET
|
(58) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, għal dak li jirrigwardja l-fran tal-kokk, ITL 29,93 biljun f’investimenti (li jammontaw għal 72 % mill-investimenti kumplessivi) għandhom skop ambjentali u huma għaldaqstant eliġibbli, f’konformità mal-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent tal-1994 fis-seħħ f’dak iż-żmien (premessa 15 hawn fuq) (17) M’hemmx benefiċċji marbutin mal-produzzjoni. L-Italja nnottifikat intensità ta’ għajnuna ta’ 7 %. L-ammont korrispondenti ta’ għajnuniet, li jammonta għal ITL 2,095 biljun (li jammonta għal EUR 1 081 977,2), jista’ għalhekk jiġi meqjus kompatibbli. |
|
(59) |
Għal dak li jirrigwardja l-kumplament tal-investimenti fil-fran tal-kokk, li jammontaw għal ITL 8,52 biljun (li jammontaw għal madwar EUR 4 300 000), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li dawn kienu ser isiru xorta waħda għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba t-tul taċ-ċiklu tal-ħajja tal-impjanti. Peress illi mhix permessa ebda għajnuna reġjonali għall-proġettifil-qasam tal-produzzjoni tal-azzar, l-għajnuna korrispondenti li tammonta għal ITL 0,596 biljun (li jammontaw għal EUR 307 808,31) hija inkompatibbli. |
|
(60) |
Għal dak li jirrigwardja l-impjant tal-ilma u d-dranaġġ, il-miżura sħiħa tista’ titqies ġenwinament li għandha għan ta’ ħarsien tal-ambjent. Peress li mhemmx benefiċċji marbutin mal-produzzjoni, l-ammont sħiħ tal-għajnuna, li tilħaq il-ITL 1,379 biljun (EUR 712 184,06), tista’ tiġi approvata (intensità tal-għajnuna tas-7 %). |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Għajnuna mill-Istat li l-Italja għandha intenzjoni li tattwa favur l-impriża tal-produzzjoni tal-azzar Lucchini Siderirgica S.p.A li tammonta għal EUR 1 081 977,2 (ITL 2,095 biljun) għal investimenti ġewwa l-ifran tal-kokk bi skop ta’ ħarsien tal-ambjent, u EUR 712 184,06 (ITL 1,379 biljun) għal investimenti fl-impjant tal-ilma u dranaġġ bi skop ta’ ħarsien tal-ambjent, huma kompatibbli mas-suq komuni.
Artikolu 2
L-għajnuna mill-Istat li l-Italja għandha intenzjoni li tattwa favur l-impriża tal-produzzjoni tal-azzar Lucchini Siderirgica S.p.A li tammonta għal EUR 307 808,31 (ITL 0,569 biljun) għal investimenti fil-fran tal-kokk li huma differenti minn dawk ikkontemplati fl-Artikolu 1, huma inkompatibbli mas-suq komuni.
Din l-għajnuna ma tistax għalhekk tiġi eżegwita.
Artikolu 3
Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.
Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Lulju 2008.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 248, 23.10.2007, p. 25.
(2) ĠU L 163, 20.6.2001, p. 24.
(3) Każ T-166/01 Lucchini v Kummissjoni (2006) ECR II-2875.
(4) Din l-ispezzjoni saret minn żewġ funzjonarji tad-DĠ Kompetizzjoni u minn espert fil-qasam tal-azzar minn DĠ Intrapriżi u Industrija.
(5) Il-Punt 112 u suċċessivi tal-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
(6) Id-Deċizjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA tat-18 ta’ Diċembru 1996 li jistabilixxi r-regoli Kommunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-azzar (ĠU L 338,1996, p. 42).
(8) Il-Punt 59 tal-motivazzjonjiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
(9) Il-Punt 92 tal-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
(10) Idem.
(11) Il-Punt 103 tal-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
(12) Pereżempju, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni konċernanti l-proġett tal-forn tar-riħ. Il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni illi l-modernizazzjoni tal-forn tar-riħ kien għamel l-impjanti oriġinali li jħarsu l-ambjent, billi kellhom xorta waħda jiġu mibdula għall-raġunijiet produttivi.
(13) Il-Punt 107 u l-punti sussegwenti mill-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
(14) L-Anness mal-kodiċi tal-għajnuna għall-industrija tal-azzar, it-tieni parti, ittra a): “Meta l-impriżi jiddeċiedu illi jilħqu livelli ta’ protezzjoni ambjentali sinikattivament aktar għoljin minn dawk stipulati mir-regoli eżistenti, minbarra li jridu jissodisfaw il-kriterji stipulati hawn fuq f’ittra b), punt ii), l-investitur jkollu juri li jkun iddeċieda li jagħżel livelli aktar għoljin ta’ ħarsien ambjentali li jimplikaw investimenti addizzjonali, jiġifieri li soluzzjoni b’inqas spejjeż kienet xorta tissodisfa r-regoli ambjentali il-ġodda. Fi kwalunkwe każ il-maġġoranza tal-għajnuna (30 %, fir-rigward tal-15 % li f’dak iż-żmien seta’ jiġi konċess sabiex jissodisfa r-regoli eżistenti) ikun japplika biss għall-investiment relatat ma’ grad iktar għoli ta’ ħarsien ambjentali”.
(15) Il-Punt 104 u l-punti sussegwenti mill-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
(16) http://www.envir.ee/ippc/docs/iron%20and%20steel.doc
(17) Dan m’għandux effett fuq il-kwistjoni jekk itejbux it-tekniki disponibbli, kif jipprevedu l-linji gwida attwali dwar l-għajnuniet tal-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).