European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/890

16.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/890

tal-15 ta’ Mejju 2025

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Bahrain, mill-Eġittu u mit-Tajlandja soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Bahrain, mill-Eġittu u mit-Tajlandja.

(2)

Dan il-bidu segwa lment imressaq fit-3 ta’ Jannar 2025 minn Glass Fibre Europe f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa swiegli tal-fibra tal-ħġieġ imqatta’, ta’ tul ta’ mhux aktar minn 50 mm; faxex tal-fibra tal-ħġieġ, għajr faxex tal-fibra tal-ħġieġ li huma imprenjati u miksija u li jkollhom telf mat-tqabbid bin-nar ta’ aktar minn 3 % (kif determinat mill-Istandard tal-ISO 1887); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ. Il-prodott ikkonċernat attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00 , ex 7019 12 00 , 7019 14 00 u 7019 15 00 (kodiċijiet TARIC 7019 12 00 22, 7019 12 00 25, 7019 12 00 26, 7019 12 00 39). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

2.   REĠISTRAZZJONI

(4)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(5)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(6)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(7)

Il-kalkoli forniti fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping għall-Bahrain sa 49 %, għall-Eġittu sa 95 % u għat-Tajlandja sa 146 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu sa 37 %, 55 % u 57 % rispettivament għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2023 u t-30 ta’ Ġunju 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

(8)

Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(9)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħjut imqattgħin tal-fibra tal-ħġieġ, b’tul ta’ mhux aktar minn 50 mm; faxex tal-fibra tal-ħġieġ, għajr faxex tal-fibra tal-ħġieġ li huma imprenjati u miksija u li jkollhom telf mat-tqabbid bin-nar ta’ aktar minn 3 % (kif determinat mill-Istandard tal-ISO 1887); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ. Il-prodott ikkonċernat attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00 , ex 7019 12 00 , 7019 14 00 u 7019 15 00 (kodiċijiet TARIC 7019 12 00 22, 7019 12 00 25, 7019 12 00 26, 7019 12 00 39). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. Il-prodott ikkonċernat joriġina mill-Bahrain, mill-Eġittu u mit-Tajlandja.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/1135, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1135/oj.

(3)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/890/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)