SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
30 ta’ April 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 5(1) – Artikolu 5(3)(b) u (c) – Kontrafazzjoni – Kunċett ta’ ‘użu fil-kummerċ’ – Prodott irrilaxxat għal ċirkulazzjoni libera – Importazzjoni – Ħażna – Żamma ta’ prodotti għall-finijiet ta’ tqegħid fis-suq – Esportazzjoni”
Fil-Kawża C‑772/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura
A
vs
B,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal A, minn J. Kaulo, luvan saanut oikeudenkäyntiavustaja, |
|
– |
għal B, minn M. Jakobsson, asianajaja, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u I. Koskinen, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), moqri flimkien mal-Artikolu 5(3)(b) u (c) ta’ din id-direttiva. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A u B dwar azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark imressqa kontra B. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jiddisponi: “1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:
[…] 3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:
[…]” |
Id-dritt Finlandiż
|
4 |
Skont l-Artikolu 4(1) tat-tavaramerkkilaki (7/1964) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (7/1964)), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, id-dritt għal sinjal għandu l-effett li, fil-kummerċ, ħadd ħlief il-proprjetarju ta’ trade mark ma jista’ juża sinjal għal prodott li jista’ jiġi konfuż ma’ din it-trade mark, kemm jekk fuq l-imballaġġ tiegħu, fir-reklamar, f’dokumenti kummerċjali jew b’xi mod ieħor, inkluż verbalment. |
|
5 |
Din id-dispożizzjoni tapplika indipendentement mill-fatt jekk il-prodotti humiex imqiegħda fis-suq jew intiżi sabiex jitqiegħdu fis-suq fil-Finlandja jew barra mill-pajjiż, jew jekk humiex importati fit-territorju Finlandiż għall-finijiet tal-użu tagħhom fil-kummerċ jew sabiex jiġu miżmuma, maħżuna, jew esportati mill-ġdid lejn pajjiż terz. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
6 |
Fl‑4 ta’ April 2011, B, persuna fiżika ddomiċiljata fil-Finlandja, irċieva, miċ-Ċina, kunsinna ta’ 150 ball bearings, b’massa totali ta’ 710 kg, użati bħala partijiet ta’ bdil f’mekkaniżmi ta’ trażmissjoni, f’ġeneraturi u f’muturi kif ukoll fil-kostruzzjoni ta’ pontijiet u ta’ trammijiet. Kien hemm sinjal imwaħħal fuq dawn il-bearings li jikkorrispondi għat-trade mark internazzjonali verbali INA li A huwa l-proprjetarju tagħha b’mod partikolari għall-prodotti “Bearings”. |
|
7 |
Ladarba twettaq l-iżdoganament f’isem B, dan, fit‑12 ta’ April 2011, neħħa l-kunsinna mill-maħżen doganali fl-ajruport ta’ Helsinki-Vantaa (il-Finlandja) fejn din kienet maħżuna u ħadha d-dar. |
|
8 |
Ftit ġimgħat wara, il-bearings ingħataw lil terz sabiex jiġu esportati lejn ir-Russja. |
|
9 |
Bħala ħlas għal dawn is-servizzi, B irċieva pakkett sigaretti u flixkun cognac. |
|
10 |
Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa għal kontrafazzjoni kontra B quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), li magħhom ingħaqad A fir-rigward tal-interessi ċivili, din il-qorti ħelset lil B minħabba li ma setax jiġi stabbilit li dan kien wettaq reat intenzjonali. L-imsemmija qorti, madankollu, ipprojbixxiet lil B milli jkompli jew jirrepeti tali aġir u kkundannatu jsewwi u jikkumpensa d-dannu mġarrab minn A. |
|
11 |
B ikkontesta l-kundanna tiegħu quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki, il-Finlandja). |
|
12 |
Din il-qorti, billi rreferiet għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497), qieset, minn naħa, li l-attività ta’ B kienet, sa ċertu punt, ekwivalenti għal attività ta’ ħażna u ta’ tranżitu, u li l-persuna kkonċernata ma kellhiex l-għan li tikseb xi vantaġġ ekonomiku minn din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li r-remunerazzjoni rċevuta f’din l-okkażjoni ma kinitx ibbażata fuq l-isfruttament ekonomiku ta’ merkanzija fil-kuntest ta’ attività kummerċjali iżda kienet tikkostitwixxi biss il-korrispettiv tal-ħażna ta’ merkanzija f’isem terz. |
|
13 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki) qieset li B ma kienx uża fil-kummerċ sinjal simili għat-trade mark irreġistrata inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, iddeċidiet li t-talba għal kumpens u għad-danni mressqa minn A ma kinitx fondata. |
|
14 |
A ppreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja). |
|
15 |
Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) issostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-ammont tal-vantaġġ ekonomiku li tikseb persuna privata minħabba l-allegata kontrafazzjoni ta’ trade mark jikkostitwixxix element rilevanti sabiex tiġi ddeterminata jekk hemmx l-użu ta’ trade mark fil-kummerċ. |
|
16 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa evidenti li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 japplika meta l-persuna tuża trade mark fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha stess, ikun hemm dubju f’dan ir-rigward meta din il-persuna tagħmel użu minnha għall-benefiċċju ta’ terz. |
|
17 |
Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) issostni li, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497), ġie deċiż li l-proprjetarju ta’ maħżen fiskali u doganali li jillimita ruħu li jżomm f’isem terz prodotti li għandhom sinjal identiku jew simili għal trade mark ma jagħmilx użu minn dan is-sinjal. Hija tistaqsi dwar jekk tali ġurisprudenza tistax tiġi applikata b’analoġija f’kawża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna, bi skambju ta’ flixkun cognac u ta’ pakkett sigaretti, importat merkanzija f’isem terz u żammitha u ħażnitha, qabel ma din tneħħiet sabiex tiġi mibgħuta mill-ġdid lejn Stat terz. |
|
18 |
Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar jekk huwiex possibbli li l-fatt li persuna tikkomunika l-indirizz tagħha lil grossist ta’ merkanzija, li tirċeviha mingħajr ma din il-merkanzija tintbagħat fuq talba tagħha u li ma tadottax attitudni attiva oħra jitqies li jikkostitwixxi importazzjoni ta’ prodotti, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(c) tad-Direttiva 2008/95. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti huwa suġġett għar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera fis-sens tal-Artikolu 29 TFUE, li jimplika li d-dazji doganali u t-taxxi b’effett ekwivalenti eżiġibbli ġew miġbura f’dan l-Istat Membru. Hija ssostni li teżisti inċertezza dwar jekk jistax jitqies li hemm importazzjoni meta l-persuna kkonċernata sempliċement taċċetta merkanzija mibgħuta fl-indirizz tagħha mingħajr ma din tkun intbagħtet fuq talba tagħha u li ma teżistix parteċipazzjoni attiva oħra ta’ din il-persuna fit-trasport tal-merkanzija fil-pajjiż. |
|
20 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
21 |
Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3)(b) u (c) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma teżerċitax attività kummerċjali b’titolu professjonali li tirċievi, tirrilaxxa għal ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru u żżomm prodotti manifestament mhux intiżi għall-użu privat li kienu ntbagħtu fl-indirizz tagħha minn pajjiż terz u li fuqhom, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, hemm trade mark għandha titqies li użat it-trade mark fil-kummerċ, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
22 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 humiex issodisfatti għandha tiġi ddeterminata biss abbażi ta’ elementi oġġettivi. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, l-espressjoni “[użu] fl-eżerċizzju tal-kummerċ”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, timplika li d-drittijiet esklużivi mogħtija minn trade mark jistgħu bħala prinċipju jiġu invokati mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark biss fil-konfront tal-operaturi ekonomiċi u, konsegwentement, biss fil-kuntest ta’ attività kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 54). Barra minn hekk, jekk it-tranżazzjonijiet imwettqa jaqbżu, minħabba l-volum tagħhom, il-frekwenza tagħhom jew minħabba karatteristiċi oħra, l-isfera ta’ attività privata, dak li jwettaqhom jidħol fil-kuntest tal-kummerċ (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 55). |
|
24 |
F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ball bearings li jiżnu b’kollox 710 kg, li huma ġeneralment użati fl-industrija peżanti. |
|
25 |
Għalhekk, peress li dawn il-prodotti, fid-dawl tan-natura u tal-volum tagħhom, ma humiex manifestament intiżi għal użu privat, it-tranżazzjonijiet relatati magħhom għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt attività kummerċjali, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
26 |
Barra minn hekk, persuna li tikkomunika l-indirizz tagħha bħala l-post fejn il-prodotti kkonċernati għandhom jintbagħtu, li twettaq jew li tqabbad lil aġent sabiex iwettaq l-iżdoganament ta’ dawn il-prodotti u li tirrilaxxahom għal ċirkulazzjoni libera twettaq importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3)(c) tad-Direttiva 2008/95. |
|
27 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-persuna kkonċernata tistax titqies li hija stess għamlet użu minn sinjal identiku għal trade mark, minkejja li hija kienet qiegħda taġixxi fl-interess ekonomiku ta’ terz, għandu jiġi rrilevat li, għall-konstatazzjoni ta’ użu fil-kummerċ, is-sjieda tal-prodotti li fuqhom hemm trade mark hija irrilevanti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li operatur juża sinjal li jikkorrispondi għal trade mark għal prodotti li ma jkunux il-prodotti tiegħu stess, fis-sens li huwa ma jkollux titolu fuq dawn tal-aħħar, ma jipprekludix fih innifsu li dak l-użu jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 91). |
|
28 |
Il-fatt li persuna importat u rrilaxxat għal ċirkulazzjoni libera tali prodotti huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li hija aġixxiet fil-kummerċ mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat it-trattament ulterjuri ta’ dawn il-prodotti, b’mod partikolari jekk kinux maħżuna mill-importatur jew tqiegħdux fis-suq fl-Unjoni jew ġewx esportati lejn pajjiżi terzi. |
|
29 |
Fl-aħħar nett, l-importanza tar-remunerazzjoni li l-importatur irċieva bħala korrispettiv għall-attività tiegħu hija wkoll irrilevanti. |
|
30 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3)(b) u (c) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma teżerċitax attività kummerċjali b’titolu professjonali li tirċievi, tirrilaxxa għal ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru u żżomm prodotti manifestament mhux intiżi għall-użu privat, li kienu ntbagħtu fl-indirizz tagħha minn pajjiż terz u li fuqhom, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, hemm trade mark għandha titqies li użat it-trade mark fil-kummerċ, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
Fuq l-ispejjeż
|
31 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3)(b) u (c) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma teżerċitax attività kummerċjali b’titolu professjonali li tirċievi, tirrilaxxa għal ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru u żżomm prodotti manifestament mhux intiżi għall-użu privat, li kienu ntbagħtu fl-indirizz tagħha minn pajjiż terz u li fuqhom, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, hemm trade mark għandha titqies li użat it-trade mark fil-kummerċ, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.