52011DC0585

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul /* KUMM/2011/0585 finali */


I. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul (LTRs) – minn hawn 'il quddiem imsejħa 'id-Direttiva'[1] – ġiet adottata fil-25 ta' Novembru tal- 2003. Din kienet it-tieni Direttiva[2] dwar il-migrazzjoni legali li ġiet adottata wara li t-Trattat ta' Amsterdam introduċa l-kompetenza li titfassal leġiżlazzjoni f'dan il-qasam fil-livell tal-UE.

L-istatus il-ġdid li nħoloq mid-Direttiva kien intalab mill-Kunsill Ewropew fl-1999 bil-għan li tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni ta' LTRs fl-Istati Membri u għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Biex jinkiseb dan il-għan, l-LTRs jingħataw status ta' residenza sikur, fosthom sett ta' drittijiet uniformi li jkunu kemm jista' jkun simili għal dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-UE u, skont ċerti kundizzjonijiet, id-dritt għal residenza fi Stati Membri oħrajn.

Għaldaqstant id-Direttiva hija element sinifikanti fl-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni, li tikkonċerna lil aktar minn nofs miljun[3] ċittadin ta' pajjiżi terzi fl-24 Stat Membru[4] fejn tapplika din id-Direttiva. Reċentement il-kamp ta' applikazzjoni tagħha ġie estiż għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali permezz tad-Direttiva ta' emenda 2011/51/UE tal-11 ta' Mejju tal-2011.

Dan ir-rapport huwa konformi mal-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva. Huwa jagħti stampa ġenerali tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u jidentifika l-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta' problema. Huwa tfassal abbażi ta' studju li sar f'isem il-Kummissjoni[5] u sorsi oħrajn, fosthom għadd ta' mistoqsijiet ad hoc li saru min-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni[6], ilmenti individwali, mistoqsijiet, petizzjonijiet, diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kwistjonijiet prattiċi li joħorġu mill-applikazzjoni tad-Direttiva u studji oħrajn[7].

L-Istati Membri ngħataw l-opportunità li jirrevedu u jaġġornaw l-informazzjoni fattwali.

II. IL-MONITORAĠĠ U L-QAGĦDA TAT-TRASPOŻIZZJONI

Kif stipulat fl-Artikolu 26 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom ikunu konformi mad-Direttiva sat-23 ta' Jannar tal-2006.

Il-Kummissjoni organizzat diversi laqgħat mal-Istati Membri biex tiddiskuti xi kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva bejn l-2005 u l-2010.

Fl-2007, il-Kummissjoni fetħet proċediment ta' ksur kontra 20 Stat Membru[8] skont l-Artikolu 258 (preċedentement l-Artikolu 226) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għaliex ma kinux implimentaw id-Direttiva fil-waqt jew għaliex ma kinux infurmaw kif xieraq lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qatgħet sentenzi kontra tliet Stati Membri[9]. Minn dakinhar, hekk kif l-Istati Membri kollha gradwalment innotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, il-proċeduri ta' ksur għal nuqqas ta' komunikazzjoni ngħalqu.

III. IL-KONFORMITÀ MAL-MIŻURI TA' TRASPOŻIZZJONI

3.1. Il-kamp ta' applikazzjoni personali (Artikolu 3)

Id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu legalment fit-territorju ta' Stat Membru. Madanakollu, huma previsti sensiela ta' esklużjonijiet. Jeżistu problemi speċifiċi fir-rigward tal-esklużjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew ammessi biss fuq bażi temporanja (l-Artikolu 3(2)(e)). Uħud mill-Istati Membri japplikaw interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-eċċezzjoni li tinsab fid-dispożizzjoni u jiddefinixxu l-istatus ta' ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi bħala temporanju. Dan minkejja l-fatt li l-permess ta' residenza tagħhom ikun jista' jiġġedded għal perjodu potenzjalment indefinit, mingħajr ebda skadenza definita u indipendentement mit-tul ta' żmien tar-residenza fl-Istat Membru. Għaldaqstant, artisti, atleti, ministri tar-reliġjon, ħaddiema fil-qasam soċjali, riċerkaturi, membri tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu b'mod permanenti, ħaddiema migranti bi ftit kwalifiki li l-permanenza tagħhom hija definita mingħajr ġustifikazzjoni bħala 'temporanja' jistgħu jiġu esklużi minn status ta' residenza fit-tul fl-UE fl-Awstrija, f'Ċipru, fil-Greċja, fl-Italja u fil-Polonja. Din ir-restrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni personali tad-Direttiva taffettwa b'mod serju l-'effet utile' tad-Direttiva.

Din il-kwistjoni hija s-suġġett ta' talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mir-Raad van State tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kawża C-502/10 (M. Singh).

3.2. Il-Kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus fl-ewwel Stat Membru (l-Artikoli 4, 5, 6 u 7(1))

- Residenza regolari għal 5 snin (Artikolu 5)

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi huma obbligati li jkollhom residenza legali u kontinwa fit-territorju għal ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal status ta' LTR.

L-Istati Membri għad għandhom f'idejhom id-dritt li jiddefinixxu l-kunċett ta' 'residenza regolari' skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din id-definizzjoni għandha tkun fil-limiti tal-liġi tal-UE. Madanakollu, ladarba jiddefinixxu dan il-kunċett, huma ma jkunux jistgħu jillimitawh matul it-traspożizzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva. Il-fatt li r-residenza regolari tiġi ristretta għal residenza b'permess ta' residenza u l-esklużjoni, bi prinċipju, ta' viżi u suriet oħrajn ta' awtorizzazzjoni għal permenanza tista' tikkostitwixxi traspożizzjoni inkorretta ta' din id-dispożizzjoni meta dawn il-permanenzi ma jkunux jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2). B'rabta ma' dan, jista' jkun hemm problemi ma' Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Isvezja u s-Slovakkja.

Skont l-Artikolu 4(3), perjodu ta' assenza mit-territorju tal-Istat Membru li jkun iqsar minn sitt xhur konsekuttivi u li ma jkunx jaqbeż total ta' 10 xhur fi żmien ħames snin ma jkunx jinterrompi l-perjodu ta' residenza ta' ħames snin[10]. Il-Litwanja ma ttrasponietx din id-dispożizzjoni[11]. Ħafna Stati Membri[12] użaw il-possibbiltà li jiġu permessi perjodi itwal ta' assenza f'każijiet ta' ċirkostanzi "speċifiċi jew eċċezzjonali" (bħal mard serju, studji, raġunijiet ta' xogħol) mingħajr l-interruzzjoni tal-perjodu ta' ħames snin.

L-Artikolu 4(2) jipprevedi regoli (fakultattivi) speċifiċi għall-kalkolu għal studenti u apprentisti vokazzjonali li ġew trasposti mill-maġġoranza tal-Istati Membri[13].

- Ir-riżorsi u l-assigurazzjoni għall-mard (l-Artikolu 5 (1))

Ir-rekwiżit ta' introjtu jvarja bejn l-Istati Membri differenti, għaliex normalment dan jiġi stabbilit b'referenza għal-livell ta' assistenza soċjali, l-istandard ta' għajxien minimu jew is-salarju/pensjoni minimi. Ħafna Stati Membri jipprovdu għal limiti li jiżdiedu fi proporzjon mal-għadd ta' membri tal-familja u jqisu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. Sabiex tingħata prova tal-istabbiltà u r-regolarità tar-riżorsi, Ċipru jitlob li l-kuntratt tax-xogħol ikun validu għal tal-anqas 18-il xahar, li fil-prattika jista' jkun ta' tfixkil serju f'suq tax-xogħol li huwa kkaratterizzat minn kuntratti tax-xogħol għal żmien qasir.

Il-mod li bih jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet ta' membri tal-familja jqajjem kwistjonijiet ulterjuri. Fil-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Malta, il-Polonja u r-Rumanija, il-qafas legali jirrekjedi li l-membri tal-familja li japplikaw għal status ta' LTR għandhom jagħtu prova li jkollhom biżżejjed riżorsi u dawn ma jinkludux l-introjtu tal-isponser. L-interpretazzjoni restrittiva tar-rekwiżit tar-riżorsi timpedixxi lill-membri tal-familja milli jiksbu sitwazzjoni stabbli u tmur kontra l-għan li tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni tal-LTRs.

- Ir-rekwiżiti tal-integrazzjoni (Artikolu 5 (2))

Minbarra dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li ċittadini ta' pajjiżi terzi jikkonformaw ma' kundizzjonijiet ta' integrazzjoni, bħal ma hu fil-każ tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u r-Rumanija[14]. Dawn il-kundizzjonijiet ta' integrazzjoni jinkludu l-profiċjenza fil-lingwa, għalkemm il-livelli jvarjaw. Jinkludu wkoll aktar għarfien dwar is-soċjetà ospitanti, tipikament l-istorja tagħha, l-ordni legali u l-valuri[15]. Ċerti Stati Membri jitolbu li ċittadini ta' pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami[16], li jista' jkun ippreċedut minn korsijiet obbligatorji. Pajjiżi oħrajn jobbligawhom jattendu korsijiet ta' integrazzjoni[17].

Fit-traspożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom iżommu konformi mal-iskop tad-Direttiva u jqisu l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE, bħal ma huwa l-prinċipju tal-effikaċja ("effet utile") u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex issir valutazzjoni bħal din, in-natura u l-livell tal-għarfien mistenni mill-applikant, anke f'paragun mal-għarfien tas-soċjetà ospitanti, il-kost tal-eżami, l-aċċessibbiltà tat-taħriġ u t-testijiet tal-integrazzjoni, il-paragun bejn ir-rekwiżiti tal-integrazzjoni imposti fuq LTR prospettiv u dawk applikati għal ċittadini prospettivi (li mistennija li jkunu aktar stretti), kollha huma indikaturi siewja.

- L-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika (Artikolu 6)

B'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istatus ta' LTR ifisser li tali persuna tkun diġà rresjediet fl-Istat Membru kkonċernat għal tal-anqas 5 snin, il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrifjutaw applikazzjoni fuq il-bażi tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika hija aktar limitata milli f'Direttivi oħrajn dwar il-migrazzjoni legali, għaliex l-Istati Membri għandhom iqisu l-erba' fatturi li ġejjin: il-gravità jew it-tip tar-reat kontra l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika; il-periklu li l-persuna kkonċernata tkun tirrappreżenta; it-tul ta' żmien tar-residenza tal-persuna; u l-eżistenza ta' rabtiet mal-pajjiż ta' residenza.

F'dan il-qasam huwa diffiċli li ssir valutazzjoni ta' kemm it-traspożizzjoni tkun saret b'mod sħiħ: mhux talli l-kliem użat fil-miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali korrispondenti ta' sikwit ikun ivarja kemxejn mit-test tad-Direttiva, iżda tipikament dan ikun ukoll imsejjes fuq diversi sorsi tal-liġi. Dan jirriżulta fil-fatt li jkun diffiċli li ssir valutazzjoni tal-mod kif jintuża u s-saħħa legali tiegħu. Suġġett għal dawn ir-riżervi, ma jidhirx li l-liġi nazzjonali tiggarantixxi li kull wieħed mill-elementi speċifikati f'dan l-artikolu tad-Direttiva jittieħed inkunsiderazzjoni kull meta tittieħed deċiżjoni ta' rifjut tal-istatus fl-Awstrija, l-Belġju, Spanja, Franza, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja[18] u s-Slovakkja (traspożizzjoni inkompluta tal-kriterji, formulazzjoni vaga wisq, rabta awtomatika bejn ċerti sentenzi ta' kustodja/kondotta ħażina u rifjut).

- L-evidenza bil-miktub (Artikolu 7(1))

Apparti minn dokument tal-ivvjaġġar validu u dokumentazzjoni li tikkonferma akkomodazzjoni xierqa, id-dokumentazzjoni li tista' tintalab bħala sostenn tal-applikazzjoni tinsab speċifikata fl-Artikoli 4 u 5. Għaldaqstant, dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali li titlob dokumenti addizzjonali b'mod sistemtatiku, bħal siltiet mill-kondotta (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija u s-Slovenja) jew kurrikulu ddettaljat (il-Bulgarija[19]), ma jidhirx li tkun konformi mad-Direttiva.

Kwistjoni problematika oħra fir-rigward ta' xi liġijiet nazzjonali tikkonċerna l-konsegwenzi ta-nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar akkomodazzjoni xierqa - normalment dan il-kunċett jirreferi għal akkomodazzjoni normali konformi mal-istandards ġenerali dwar is-saħħa u s-sikurezza jew għal akkomodazzjoni konformi mal-istandards ta' akkomodazzjoni li tingħata bħala assistenza soċjali. Billi din mhijiex kundizzjoni marbuta mal-ammissjoni, dik il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li tiddikjara li n-nuqqas ta' tali evidenza huwa bażi għar-rifjut ta' applikazzjoni tmur kontra d-Direttiva[20]. Barra minn hekk, ir-rekwiżit speċifiku fil-leġiżazzjoni Maltija li l-akkomodazzjoni ma tistax tkun kondiviża ma persuna/i oħrajn li mhumiex membri tal-familja ma jidhirx li hija ġġustifikata.

Mhux hekk biss, in-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni legali speċifika dwar l-evidenza bil-miktub, kif jidher li huwa l-każ fil-Ġermanja, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi, diffiċilment huwa rikonċiljabbli mal-prinċipju ġenerali li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħhom[21].

- Ir-rekwiżiti addizzjonali

Fl-Awstrija, il-ħruġ ta' permess ta' LTR tal-UE huwa fformulat bħala klawsola ta' 'possibbiltà' u huwa kundizzjonali fuq il-ħruġ ta' permess ta' stabbiliment, li fih innifsu jiddependi fuq l-issodisfar tal-kriterju tal-kwoti jew fuq il-ksib ta' għadd suffiċjenti ta' punti (sistema ta' punti bbażata fuq il-kwalifiki), li mhijiex kompatibbli mad-Direttiva.

Fir-rigward tat-tariffi li jintalbu mill-24 Stat Membru għall-ipproċessar tal-applikazzjoni, meta dawn it-tariffi jkunu għoljin wisq, dawn jistgħu jitqiesu bħala li jmorru kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità u, bħala ekwivalenti ta' kundizzjoni addizzjonali illegali għall-ammissjoni, u jipperikolaw l-"effet utile" tad-Direttiva. F'dan ir-rigward, il-grupp ta' Stati Membri li ġej: il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall, fejn it-tariffi jvarjaw bejn EUR 260 u EUR 600, jistgħu jitqiesu bħala problematiċi. Din il-kwistjoni hija suġġetta għal proċedura ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja[22].

3.3. Il-permess u l-istatus ta' LTR (l-Artikolu 8 (1) (2) u (3))

Id-Direttiva tistabbilixxi distinzjoni fundamentali bejn l-istatus ta' LTR u l-permess ta' residenza, għaliex l-istatus ta' LTR huwa permanenti filwaqt li l-permess jiċċertifika l-istatus biss[23]. Fid-dawl ta' dan, in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet espliċiti fil-liġi nazzjonali (fi Franza, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u l-Isvezja) dwar in-natura permanenti tal-istatus tista' tagħti lok għal kwistjoni legali.

L-Istati ttrasponew id-dispożizzjoni dwar il-perjodu tal-validità tal-permess (l-Artikolu 8(2)) b'mod korrett, u għajr għal xi eċċezzjonijiet, dan il-perjodu ġie ffissat għal 5 snin[24].

Ir-regoli li japplikaw għall-format tal-permess (l-Artikolu 8 (3)) inbidlu bir-Regolament tal-Kunsill 380/2008 tat-18 ta' April li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Fir-rigward tar-referenzi obbligatorji dwar il-permess, dawn ma ġewx stabbiliti minn għadd ta' Stati Membri (eż. Spanja[25], l-Italja u r-Rumanija) matul l-ewwel snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dan ikkawża problemi b'rabta mal-mobbiltà fl-UE.

3.4. Il-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-permess u t-telf tal-istatus (l-Artikoli 8 (2) u 9)

- It-tiġdid tal-permess ta' LTR (l-Artikolu 8(2))

Dwar id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(2) dwar it-tiġdid awtomatiku, li hija marbuta mill-qrib mal-Artikolu 9(6) dwar l-iskadenza ta' permess ta' LTR, saret traspożizzjoni korretta f'dawk l-Istati Membri fejn ma hemm l-ebda proċedura ta' tiġdid għaliex il-permess jibqa' validu għal perjodu indefinit. Saret ukoll b'mod korrett fl-Istati Membri fejn il-permess ta' LTR jiġġedded b'mod awtomatiku meta jiskadi jew meta ssir rikjesta. La t-tariffi għoljin applikati f'din iċ-ċirkostanza (Ċipru), u lanqas il-multi għoljin (sa EUR 1659) li huwa rrappurtat li qegħdin jiġu applikati fis-Slovakkja fil-konfront ta' LTR li ma japplikawx għat-tiġdid tal-permess tagħhom fil-waqt ma jidhru li huma kompatibbli mal-kunċett tat-tiġdid awtomatiku.

- L-irtirar jew it-telf tal-istatus ta' LTR (l-Artikolu 9)

L-Artikolu 9 jirregola l-kundizzjonijiet għall-irtirar jew it-telf tal-istatus ta' LTR. L-iritirar għandu jseħħ f'ħames każijiet speċifiċi elenkati fl-Artikolu 9 (1) u (4) u jista' jseħħ fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 9(3). L-irtirar tal-istatus ta' LTR ma jistax jiġi ġġustifikat fuq bażijiet oħrajn.

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(2) jippermetti lill-Istati Membri jiritiraw il-permess fil-każ ta' assenza mit-territorju tal-UE għal aktar minn 12-il xahar, sakemm ma jiġux permessi perjodi itwal[26] għal raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali (eż. l-iżvilupp ta' proġett fil-pajjiżi ta' oriġini). Ġiet irrapportata t-traspożizzjoni inkorretta fis-Slovakkja u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tagħti lok għal telf tal-istatus fiċ-ċirkostanza ta' assenza għal perjodu ta' 180 jum mit-territorju nazzjonali.

Skont it-termini tal-Artikolu 9(3) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-LTR ma jibqax intitolat li jżomm l-istatus tiegħu jew tagħha f'każijiet fejn huwa/hija jkun/tkun ta' theddida għall-politika pubblika, iżda theddida bħal din mhijiex raġuni biżżejjed għal tkeċċija. Il-liġijiet nazzjonali ta' ħafna mill-Istati Membri jipprovdu għal din il-possibbiltà; madanakollu, mhuwiex dejjem ċar jekk tingħatax kunsiderazzjoni għall-gravità tar-reati mwettqa. B'mod partikolari, jidher li l-leġiżlazzjoni Franċiża, li tipprevedi li l-istatus ta' LTR jista' jiġi rtirat fiċ-ċirkostanza li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun impjegat mingħajr il-permess tax-xogħol, tmur lil hinn mill-bażijiet għall-irtirar stabbiliti fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 9(4), li jirrigwarda t-telf tal-istatus ta' LTR fl-ewwel Stat Membru meta jingħata l-istatus ta' LTR fi Stat Membru ieħor jew wara sitt snin ta' assenzja mit-territorju tal-ewwel Stat Membru, ġie traspost fl-Istati Membri kollha.

B'rabta mal-Artikolu 9(5) u l-proċedura ffaċilitata għall-istatus ta' LTR (eż. meta r-rekwiżit ta' residenza jew integrazzjoni jitneħħa jew jiġi llaxkat) fir-rigward tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c) u l-Artikolu 9(4), jidher li Ċipru, Spanja[27], il-Litwanja u Malta ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni.

3.5. Dritt għal trattament ugwali fl-ewwel Stat Membru (l-Artikolu 11)

Skont it-termini tal-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-LTR jiġu trattati b'mod ugwali bħaċ-ċittadini f'għadd ta' oqsma, fosthom l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-ħarsien soċjali u l-aċċess għal prodotti u servizzi. B'riżultat partikolarment tan-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi skont il-liġijiet ta' ħafna Stati Membri, sfortunatament f'dan il-qasam teżisti lakuna ta' informazzjoni. Għaldaqstant huwa diffiċli li ssir valutazzjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-Artikolu 11. Madanakollu, l-għadd ta' lmenti li tressqu f'dan il-qasam jindika li t-traspożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni tista' tkun waħda problematika, speċjalment fejn il-prinċipju ta' trattament ugwali jiġi implimentat minn firxa differenti ta' awtoritajiet reġjonali u lokali.

12-il Stat Membru[28] użaw il-possibbiltà prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 biex jillimitaw it-trattament ugwali għal każi fejn il-post ta' residenza abitwali rreġistrat tal-LTR, jew dak tal-membri tal-familja tiegħu jew tagħha, ikun fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, il-Greċja hija l-uniku Stat Membru fejn, skont il-paragrafu 4, il-leġiżlatur nazzjonali jillimita t-trattament ugwali għall-aktar benefiċċji importanti fir-rigward tal-assistenza soċjali u l-ħarsien soċjali[29]. Fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, il-leġiżlazzjoni fi 17-il Stat Membru[30] tinkludi restrizzjonijiet jew teskludi lill-LTR minn attivitajiet li jinvolvu l-eżerċitar ta' awtorità pubblika.

Hemm kwistjonijiet marbuta mat-traspożizzjoni b'rabta ma': l-aċċess għall-edukazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi (l-universitajiet jistgħu jitolbu tariffi ogħla mingħand iċ-ċittadini li mhumiex mill-pajjiżi taż-ŻEE, fosthom l-LTR); l-akkwist ta' proprjetà immobbli fil-Polonja; l-aċċess ħieles għat-territorju fil-Litwanja (il-libertà tal-moviment tal-barranin tista' tiġi ristretta abbażi ta' lista twila ta' raġunijiet, fosthom il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħrajn).

Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 11 ta' konċessjoni nazzjonali għall-akkomodazzjoni, li hija limitata għaċ-ċittadini tal-UE, hija s-suġġett ta' riferiment preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn tribunal Taljan[31].

3.6. Ir-relazzjoni mal-permess nazzjonali ta' residenza permanenti - dispożizzjonijiet aktar favorevoli (l-Artikolu 13)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri joħorġu permessi nazzjonali ta' residenza permanenti taħt termini aktar favorevoli. Dawn il-permessi jagħtu d-dritt li l-persuna kkonċernata tmur fi Stat Membru ieħor. 13-il Stat Membru[32] użaw din il-possibbiltà, inkluż għall-vantaġġ ta' persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, investituri maġġuri jew ċittadini minn pajjiżi terzi b'relazzjoni speċjali mal-Istat Membru kkonċernat, għaliex ikunu twieldu jew irresjedew għal żmien twil fit-territorju tiegħu, jew iżżewġu ċittadin tiegħu.

Jista' jkun hemm problemi f'dawk l-Istati Membri[33] fejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ma jistgħux ikollhom permess ta' LTR fl-istess waqt li jkollhom permess ta' residenza ieħor u jkollhom jagħżlu bejn iż-żewġ permessi. Għażla bħal din mhijiex konformi mal-Artikoli 4(1) u 7(3), li jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta' LTR meta applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-Direttiva. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni toħloq riskju ta' kompetizzjoni bejn permessi nazzjonali u tal-UE, li mhux neċessarjament twassal għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar favorevoli fil-konfront ta' ċittadin ta' pajjiż terz, għaliex ta' sikwit il-paragun tal-vantaġġi li jinkisbu minn dawn iż-żewġ tipi ta' permessi rispettivament jiżvolġi fi kwistjoni delikata li tkun titlob għarfien fid-dettall tal-liġi dwar l-immigrazzjoni u valutazzjoni bir-reqqa.

3.7 Il-kundizzjoni għal residenza u xogħol fi Stat Membru ieħor (l-Artikoli 14, 15, 16, 18)

Il-faċilitazzjoni tal-moviment ta' LTR fl-UE hija waħda mill-valuri miżjudin ewlenin tad-Direttiva, li tagħti kontribut sabiex is-suq intern jinkiseb b'mod effettiv. It-traspożizzjoni ma twassalx għall-ilħuq ta' din l-ambizzjoni. F'ħafna Stati Membri, il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar ir-residenza fl-Istati Membri l-oħrajn ġie traspost biss b'mod parzjali jew inkella l-implimentazzjoni tiegħu ddewmet. Barra minn hekk, inqalgħu problemi fir-rigward tal-permessi ta' residenza li ma nħarġux skont l-ispeċifikazzjonijiet tad-Direttiva (ara l-punt 3.3). Din is-sitwazzjoni wasslet biex l-LTR fi Stat Membru ieħor ma tħallewx jidħlu abbażi ta' raġunijiet li mhumiex previsti fid-Direttiva, jew li ma tħallewx jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom.

Il-mobbiltà fl-UE hija ferm aktar b'saħħitha f'dawk l-Istati Membri fejn l-LTR li jkunu kisbu dak l-istatus fi Stat Membru ieħor jiġu eżentati mit-testijiet tas-suq tax-xogħol (u f'xi każi anke mir-rekwiżit ta' permess tax-xogħol), jiġifieri fil-Belġju[34], Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall u l-Isvezja. Fl-Italja, ir-Rumanija u s-Slovenja japplikaw kwoti nazzjonali differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 14(4)[35]. Il-konformità ta' dawn il-kwoti mad-Direttiva tiddependi fuq jekk humiex ibbażati fuq valutazzjoni tas-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, jidher li l-kwoti tal-Italja maqsumin skont in-nazzjonalità jmorru kontra d-Direttiva.

Xi Stati Membri neħħew ir-rekwiżiti ta' riżorsi stabbli u regolari u evidenza ta' assigurazzjoni għall-mard fil-konfront ta' detenturi ta' status ta' LTR minn Stat Membru ieħor meta dawn japplikaw għal permess ta' residenza. L-applikazzjoni skont l-Artikolu 15 ta' rekwiżiti ta' introjtu li huma aktar stretti minn dawk tal-Artikolu 5, kif inhuwa previst fi Franza, l-Italja u r-Rumanija għal ċerti kategoriji ta' LTR, tfixkel il-mobbiltà fl-UE u tqajjem kwistjonijiet ta' konformità abbażi tal-prinċipji tal-proporzjonalità u l-effikaċja tad-Direttiva.

L-Artikolu 15(3) jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lil LTR japplikaw għal permess ta' residenza biex ikunu konformi ma' 'miżuri' ta' integrazzjoni, sakemm il-kundizzjoni ta' integrazzjoni ma tkunx ġiet applikata għal dak l-LTR ikkonċernat fl-ewwel Stat Membru. Kif inhu muri mill-kliem li ntuża u mil-limitazzjonijiet previsti fir-rigward tal-applikazzjoni u l-kontenut tagħhom, dawn il-'miżuri' ta' integrazzjoni mhumiex ekwivalenti għall-'kundizzjonijiet' ta' integrazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2). Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, minkejja l-applikazzjoni ta' kundizzjoni ta' integrazzjoni fl-ewwel Stat Membru, detentur tal-istatus ta' LTR minn Stat Membru ieħor għandu jkun konformi mal-miżuri ta' integrazzjoni li jkunu jinkludu aktar minn sempliċement l-attendenza f'kors tal-lingwa tagħmel dan bi ksur tad-Direttiva. Dan huwa l-każ fl-Awstrija, l-Estonja[36], Franza, il-Ġermanja u l-Latvja.

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva jirregola l-possibbiltà li l-Istati Membri jirrifjutaw l-applikazzjonijiet fiċ-ċirkostanza ta' theddida għas-saħħa pubblika. F'xi Stati Membri ma joħroġx ċar jekk il-mard imsemmi huwiex suġġett għal miżuri protettivi fir-rigward taċ-ċittadini. Il-Belġju, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja u r-Rumanija[37] ma ttrasponewx l-Artikolu 18(3) dwar ir-rifjut ta' permess minħabba mard li jkun ittieħed wara l-ewwel permess ta' residenza. Aktar minn hekk, minkejja l-Artikolu 18(4) li jipprojbixxi t-twettiq ta' eżami mediku fuq bażi sistematika u l-ħlas għal tali eżami, fil-Greċja u l-Litwanja d-dokumentazzjoni medika hija meħtieġa fil-każi kollha, u f'Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija l-applikant għandu jħallas l-ispejjeż tal-eżami jew tad-dokumentazzjoni medika.

Fir-rigward tal-Artikolu 16(1) li jipprevedi d-dritt tal-konjuġi u tat-tfal minorenni li jakkumpnjaw lil LTR jekk il-familja kienet diġà nbniet fl-ewwel Stat Membru, hemm problemi ta' traspożizzjoni fl-Estonja u l-Litwanja[38], fejn japplikaw ir-regoli ġenerali dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, u fi Spanja u l-Italja li japplikaw rekwiżit ta' akkomodazzjoni. Barra minn hekk, il-klawsola ta' 'possibbiltà' li tinsab fil-leġiżlazzjoni tal-Ungerija tista' tkun ta' diżgwid b'rabta mad-dritt li l-familja takkumpanja lil LTR.

3.8 Il-permess ta' residenza maħruġ lil LTR fit-tieni Stat Membru (l-Artikoli 19(2), (3) u (21))

Skont l-Artikolu 19(2), it-tieni Stat Membru għandu jagħti permess ta' residenza li jiġġedded lil LTR jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati u għandu jinforma lill-ewwel Stat Membru dwar id-deċiżjoni tiegħu. Dan l-obbligu li tingħata informazzjoni ma ġiex traspost fi Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja u r-Rumanija.

Minnufih hekk kif l-LTR jingħata permess ta' residenza fit-tieni Stat Membru, huwa/hija għandu/għandha jibbenefika/tibbenefika minn trattament ugwali fl-oqsma koperti mill-Artikolu 11 fit-tieni Stat Membru, kif previst fl-Artikolu 21(1). Hemm kwistjonijiet speċifiċi marbuta mat-traspożizzjoni: fil-Finlandja, il-Litwanja, is-Slovenja u s-Slovakkja, fejn it-trattament ugwali japplika biss għal dawk l-LTR li għandhom permess permanenti; fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn il-permess ta' residenza temporanja għal LTR jista' jiġi rtirat jekk huwa/hija japplika għal assistenza soċjali.

il-Bulgarija, il-Finlandja, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovenja[39] u s-Slovakkja għadhom qegħdin japplikaw restrizzjonijiet għall-aċċess għax-xogħol wara l-ewwel 12-il xahar, bi ksur tad-Direttiva. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq dan il-punt mhijiex ċara f'Ċipru u l-Greċja.

Fir-rigward tal-membri tal-familja (l-Artikolu 19(3)), it-tieni Stat Membri għandu joħorġilhom permessi ta' residenza li jiġġeddu u li jkunu validi għall-istess perjodu bħall-permess tal-LTR. Din id-dispożizzjoni speċifika ma ġietx trasposta fir-Rumanija u s-Slovakkja, filwaqt li fis-Slovenja u l-Litwanja[40] jiġu applikati restrizzjonijiet eċċessivi. Hekk kif il-membri tal-familja jingħataw dan il-permess ta' residenza, huma għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja. Din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta fl-Estonja, il-Latvja u r-Rumanija, filwaqt li ma ġietx ittrasposta b'mod tajjeb fis-Slovenja f'dak li jirrigwarda l-aċċess għas-suq tax-xogħol u fil-Finlandja b'rabta mal-edukazzjoni.

3.9. Il-protezzjoni minn tkeċċija (l-Artikoli 12 u 22)

It-tkeċċija minn Stat Membru hija rregolata b'mod strett mid-Direttiva (l-Artikolu 12): huwa biss meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun jirrappreżenta 'theddida attwali u suffiċjentement serja' għall-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika, bl-esklużjoni ta' kull kunsiderazzjoni ekonomika, li Stat Membru jista' jkeċċi LTR. Id-deċiżjoni ta' tkeċċija għandha tiġi ppreċeduta minn valutazzjoni dettaljata taċ-ċirkostanzi partikolari tal-persuna u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni, ibbażata fuq sett ta' kriterji speċifiċi (l-Artikolu 12(3)). Jeżistu kwistjonijiet legali fir-rigward ta' dawk il-liġijiet nazzjonali li ma jirreferux b'mod espliċitu għal theddida partikolari (Spanja, ir-Rumanija, l-Isvezja); li ma jikkunsidrawx is-sett sħiħ ta' kriterji (il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u l-Isvezja); li jipprovdu għal aktar bażijiet minn dawk tal-politika pubblika jew is-sigurtà nazzjonali; jew li ma jeskludux b'mod speċifiku kunsiderazzjonijiet ekonomiċi kif inhu stipulat fl-Artikolu 12(2).

L-Artikolu 22 ikopri l-possibbiltà tat-tkeċċija ta' LTR li jkun ingħata permess ta' residenza fi Stat Membru ieħor, iżda li jkun għadu ma kisibx l-istatus ta' LTR f'dan l-Istat Membru. Bl-eċċezzjoni ta' Malta, il-Portugall u l-Isvezja, l-Istati Membri ma adottawx id-dispożizzjonijiet speċjali f'dan ir-rigward. Dan huwa fatt li joħloq problemi għaliex il-parti l-kbira tal-Istati Membri jistabbilixxu għadd ta' bażijiet ulterjuri għar-rifjut jew l-irtirar tal-permessi ta' residenza.

Id-Direttva 2008/115/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment kellha impatt fuq l-Artikolu 22(2) u (3) għaliex, skont l-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fit-territorju ta' Stat Membru illegalment u li jkollhom permess ta' residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu obbligati jmorru fit-territorju ta' dak l-Istat Membru l-ieħor minnufih. Huwa biss fiċ-ċirkostanza ta' nuqqas ta' konformità taċ-ċittadini ta' pajjiż terz ikkonċernat ma' dan l-obbligu li l-Istati Membri jistgħu joħorġu deċiżjoni ta' ritorn. Il-garanziji proċedurali u d-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni ta' dħul kif previsti fid-Direttiva 2008/115/KE għandhom jiġu rrispettati.

3.10. Il-garanziji proċedurali (l-Artikoli 7 (2), 10, 19 (1) u 20)

- Il-limitu ta' żmien għall-ipproċessar tal-applikazzjoni (l-Artikoli 7(2) u 19(1))

Skont l-Artikolu 7(2), il-parti l-kbira tal-Istati Membri jirrispettaw il-limitu ta' żmien ta' 6 xhur għall-ipproċesssar tal-applikazzjoni ta' LTR għal permess ta' residenza[41] u jużaw il-possibbiltà li dan il-limitu ta' żmien jiġi estiż f'"ċirkostanzi eċċezzjonali". Il-Belġju u l-Ġermanja huma każi legalment problematiċi għaliex f'dawn il-pajjiżi ma jiġi previst l-ebda perjodu ta' żmien massimu espliċitu. Barra minn hekk, f'xi Stat Membri l-prattika tista' tkun differenti mill-perjodi ta' żmien uffiċjali[42].

Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, l-LTR jitħalla jibqa' fit-tieni Stat Membri sakemm ma jsir l-ipproċessar tal-applikazzjoni għal permess ta' residenza.

L-Istati Membri huma obbligati jiddeterminaw il-konsegwenzi ta' jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fil-limitu ta' żmien preskritt (pereżempju l-estensjoni tal-permess ta' residenza temporanju tal-applikant; deċiżjoni pożittiva jew deċiżjoni negattiva li wara li tittieħed l-applikant ikun jista' jressaq appell). It-traspożizzjoni ma saritx b'mod korrett f'dan ir-rigward fil-Greċja, fil-Finlandja u fl-Italja, fejn ma saru l-ebda dispożizzjonijiet dwar dan.

Skont ir-rispett tal-'effet utile' tad-Direttiva, id-deċiżjoni pożittiva għandha tkun tfisser l-istess bħal li wieħed ikollu l-permess attwali tal-LTR, kif inhuwa previst fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, jew li fi kwalunkwe ċirkostanza ma ddewwimx l-aċċess għad-drittijiet marbuta mal-permess.

- Garanziji proċedurali oħrajn (l-Artikoli 7(2) (it-3 et par.) 10 u 20)

Jidher li l-obbligu ta' informazzjoni kif inhuwa stipulat fl-Artikolu 7(2), it-tielet subparagrafu, mhuwiex irrispettat b'mod sħiħ fil-prattika, speċjalment b'rabta mal-firxa ta' drittijiet li jingħataw lil-LTR f'konformità mal-Artikolu 11.

Fir-rigward tal-garanziji proċedurali l-oħra stipulati fl-Artikoli 10 u 20, dawn huma inklużi fil-parti l-kbira tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Madanakollu, it-telf tal-istatus ta' LTR fir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva ma jistax jiġi rrikużat.

IV. KONKLUŻJONIJIET

Il-promozzjoni tal-integrazzjoni u tan-nondiskriminazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u partikolarment ta' LTR, huwa impenn li l-UE ilha tiġġieled favuru. Id-Direttiva dwar l-LTR hija għodda kruċjali għall-kisba ta' dan l-għan u hija kolonna tal-politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni. Bħala skema innovattiva li hija ispirata kemm mir-reġim applikabbli għaċ-ċittadini tal-UE u mill-politika dwar l-immigrazzjoni, din id-Direttiva tiggarantixxi li l-LTR ikunu jistgħu jibbenfikaw minn sett estiż ta' drittijiet madwar l-Ewropa, u tippromwovi l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni filwaqt li għall-ewwel darba tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw il-mobbiltà bejn Stat Membru u ieħor.

Fil-kuntest ta' dan l-għan ambizzjuż, wieħed ma jistax ħlief jinnota b'dispjaċir li l-impatt tad-Direttiva dwar l-LTR kien wieħed dgħajjef f'ħafna mill-Istati Membri. Fl-2009, madwar erba' minn kull ħames ċittadini ta' pajjiżi terzi bi status ta' LTR kienu qegħdin jgħixu f'erba' Stati MembriL l-Estonja (187 400), l-Awstrija (166 600), ir-Repubblika Ċeka (49 200) u l-Italja (45 200). Fi Franza u l-Ġermanja, kienu biss 2 000 resident minn pajjiżi terzi li ngħataw il-permess ta' LTR[43]. Aktar minn hekk, id-dejta disponibbli tindika li sa issa kienu biss numri żgħar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi bl-istatus ta' LTR li użaw din it-triq għal mobbiltà madwar l-Ewropa (anqas minn ħamsin għal kull Stat Membru). Għalkemm iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu għal aktar minn 5 snin ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jingħataw status ta' LTR b'mod awtomatiku (pereżempju, għaliex ma jkunux jissodisfaw ir-rekwiżit tal-introjtu) jew possibbilment jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza u jippreferu jiskbu dan l-istatus, id-differenza bejn l-LTR potenzjali u dawk li jingħataw dan l-istatus speċifiku hija importanti.

Dan ir-rapport joħroġ fid-dieher nuqqas ġenerali ta' informazzjoni fost iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi dwar l-istatus ta' LTR u dwar id-drittijiet marbutin ma' dan l-istatus, u kif ukoll nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (pereżempju, interpretazzjoni restrittiva dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, kundizzjonijiet addizzjonali għall-ammissjoni, bħal tariffi għoljin, tfixkil illegali għall-mobbiltà fl-UE, tnaqqis tal-effett tad-dritt tat-trattament ugwali u tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija) li għandhom iwasslu biex jittieħdu passi ulterjuri, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll f'dak nazzjonali.

V. IL-PASSI LI GĦADHOM JITTIEĦDU

Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta u implimentata b’mod korrett madwar l-UE. Sabiex dan il-għan jintlaħaq, il-Kummissjoni se tuża s-setgħat kollha tagħha skont it-Trattat u tkompli tniedi proċeduri ta' ksur meta jkun meħtieġ. Ħames snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttva, issa wasal iż-żmien li tibda tintuża b'mod sħiħ.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ser tissokta bil-ħidma tagħha mal-Istati Membri fil-livell tekniku. Il-Kumitat ta' Kuntatt ser ikompli jidentifika d-diffikultajiet, jiffaċilita l-iskambju ta' fehmiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttva u joffri gwida. Xi kwistjonijiet legali u tekniċi jistgħu jiġu diskussi u ċċarati aktar. Dawn jinkludu: il-miżuri u l-kundizzjonijiet tal-integrazzjoni; ir-regoli speċifiċi dwar l-ammissjoni ta' LTR fi Stat Membru ieħor; il-ħarsien mit-tkeċċija; u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-LTR għandhom jiġu informati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom skont din id-Direttva. Il-Kummissjoni ser tagħmel l-aħjar użu mill-websajts eżistenti, l-aktar permezz tal-Portal tal-Immigrazzjoni li ser jinfetaħ aktar tard, u qiegħda tikkunsidra li tħejji gwida ssimplifikata għal-LTR. Il-Kummissjoni tista' wkoll tħeġġeġ u tgħin lill-Istati Membri biex jibdew kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex l-LTR jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom.

Fl-aħħar nett, sabiex issir il-promozzjoni tal-istatus ta' LTR, tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u biex jittejjeb l-iffunzjonar tas-suq intern, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll emendi għad-Direttva, bħal pereżempju: li l-permanenzi temporanji jiġu rrappreżentati aħjar fil-kalkolu tal-perjodu ta' 5 snin; li l-migrazzjoni ċirkolari tiġi inkoraġġita aktar permezz ta' arranġamenti aktar flessibbli fir-rigward tal-perjodi ta' assenza mit-territorju tal-UE, f'konformità mal-iskema tal-Karta Blue tal-UE[44]. li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol tat-tieni Stat Membru; filwaqt li l-għoti tal-istatus ta' LTR fit-tieni Stat Membru jiġi ssimplifikat aktar.

[1] ĠU L 16 tat-23.1.2004, p. 44.

[2] L-ewwel Direttiva kienet id-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

[3] 567 100 fl-2009 (sors: il-Eurostat).

[4] Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit mhumiex marbutin b'din id-Direttva.

[5] Studju appoġġjat mill-Kummissjoni u li sar minn konsorzju mmexxi minn Andersson Effers Felix (AEF) u li jinvolvi l- Matrix Insight Ltd (Matrix) u s-Centre for Migration Law (CMR). L-istudju jaġġorna l-istudju li twettaq fl-2007 mill- Academic Network for Legal Studies on Immigration and Asylum in Europe -‘Odysseus’.

[6] Ara b'mod partikolari l-mistoqsijiet ad hoc Nru 7, 41, 46, 53, 57, 148, 180, 209.

[7] D. Acosta Arcarazo, The Long-Term Residence Status as a Subsidiary Form of EU Citizenship. An Analysis of Directive 2003/109, Martinus Nijhoff, 2011.

[8] L-Istati Membri kollha ħlief l-Awstrija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Polonja.

[9] Il-Kawżi C-5/07 (Il-Kummissjoni kontra l-Portugall), C-59/07 (Il-Kummissjoni kontra Spanja) u C- 34/07 (Il-Kummissjoni kontra l-Lussemburgu).

[10] Għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu detenturi tal-hekk imsejħa 'Karta Blu' skont id-Direttiva 2009/50 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin, dan il-perjodu ta' assenza huwa estiż sa 12-il xahar konsekuttiv għal perjodu totali ta' mhux aktar minn 18-il xahar.

[11] Qegħdin jitħejjew emendi.

[12] L-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Rumanija.

[13] L-Istati Membri kollha ħlief Ċipru, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Litwanja u l-Isvezja.

[14] Madanakollu, dan ir-rekwiżit jitneħħa għal membri tal-familja fil-Ġermanja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta u r-Rumanija.

[15] L-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, Malta u l-Pajjiżi l-Baxxi.

[16] L-Awstrija, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u r-Rumanija.

[17] Korsijiet ċiviċi fi Franza.

[18] Qegħdin jitħejjew emendi.

[19] Qegħdin jitħejjew emendi.

[20] F'dan il-qasam tista' timmaterjalizza kwistjoni marbuta mat-traspożizzjoni fl-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja.

[21] CJUE, 30/05/1991, kawża C-361/88.

[22] Il-kawża C-508/10 (il-Kummissjoni kontra l-Pajjiżi l-Baxxi).

[23] Ara l-Premessa 11.

[24] 10 snin: ir-Repubblika Ċeka, Franza; tul ta' żmien indefinit: il-Finlandja, l-Italja, il-Ġermanja u s-Slovenja.

[25] Qegħdin jitħejjew emendi.

[26] L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall u s-Slovenja.

[27] Qegħdin jitħejjew emendi.

[28] L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Polonja.

[29] Jiġifieri dawk il-benefiċċji li jolqtu l-protezzjoni tat-tfulija, tal-persuni fqar u tal-familja.

[30] L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Isvezja u s-Slovenja.

[31] Kawża C-571/10.

[32] Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, l-Isvezja u s-Slovenja.

[33] L-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

[34] Matul l-applikazzjoni ta' miżuri tranżitorji għaċ-ċittadini tal-UE, u biss għal impjiegi li ma tantx ikun hemm ħaddiema għalihom.

[35] Jintużaw biss mill-Awstrija.

[36] Madanakollu, dan l-obbligu mhuwiex applikabbli għal permessi ta' residenza temporanja.

[37] Qegħdin jitħejjew emendi.

[38] Qegħdin jitħejjew emendi.

[39] Qegħdin jitħejjew emendi.

[40] Qegħdin jitħejjew emendi.

[41] 30 jum: is-Slovenja; xahrejn: ir-Repubblika Ċeka; tliet xhur: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Spanja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u s-Slovakkja; erba' xhur: Franza u l-Ungerija.

[42] Pereżempju l-Italja.

[43] Sors: Eurostat.

[44] Id-Direttiva 2009/50/KE