27.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/813

tas-26 ta' Mejju 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2011/137/PESK.

(2)

Fis-27 ta' Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni UNSCR 2213 (2015) li tipprovdi, fost oħrajn, għal ċerti emendi għall-kriterji għall-elenkar fir-rigward ta' restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u miżuri tal-iffriżar ta' assi.

(3)

Il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont l-UNSCR 1970 (2011) aġġorna l-lista ta' persuni u entitajiet suġġetti għal restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u miżuri tal-iffriżar ta' assi, fost oħrajn billi ġiet speċifikata l-informazzjoni li tikkonċerna l-entitajiet li l-fondi tagħhom, iffriżati fis-16 ta' Settembru 2011, għandhom jibqgħu ffriżati.

(4)

Fis-26 ta' Mejju 2015, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK)2015/818 (3) biex jitwettqu l-miżuri adottati mill-UNSCR 2213 (2015) u biex tipprovdi għall-applikazzjoni ta' miżuri tal-iffriżar ta' assi kif stabbilit fl-UNSCR 2213 (2015) għal persuni u entitajiet oħrajn mhux koperti mill-Annessi I, III jew VII tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK. Barra minn hekk, il-Kunsill emenda wkoll il-kriterji għall-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar u l-miżuri tal-iffriżar ta' assi għal persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Annessi II u IV tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK, f'konformità mal-kjarifiki pprovduti fil-premessi 7 sa 12 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/818.

(5)

Din il-miżura taqa' fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata.

(6)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5(4) jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati fis-16 ta' Settembru 2011 mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI u li jinsabu barra mil-Libja f'dik id-data, għandhom jibqgħu ffriżati”

.

(2)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafi 19, 22 jew 23 tal-UNSCR 1973 (2011), il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014) jew il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2213 (2015).

2.   L-Anness III għandu jikkonsisti f'persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness II u li:

(a)

huma involuti fi jew kompliċi fl-ordni, fil-kontroll jew fid-direzzjoni b'mod ieħor, tat-twettiq ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż b'involviment jew b'kompliċità fl-ippjanar, il-kmand, l-ordni jew it-twettiq ta' attakki, inkluż il-bombardamenti mill-ajru, bi ksur tal-liġi internazzjonali, fuq popolazzjonijiet jew faċilitajiet ċivili;

(b)

kisru jew assistew fil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1970 (2011), tal-UNSCR 1973 (2011) jew ta' dan ir-Regolament;

(c)

ġew identifikati bħala li kienu involuti fil-politika repressiva tar-reġim preċedenti ta' Muammar Qadhafi fil-Libja, jew b'xi mod ieħor preċedentement assoċjati ma' dak ir-reġim, u li jippreżentaw riskju kontinwu għall-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew għat-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Libja;

(d)

huma impenjati fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jimminaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Libja, inkluż:

(i)

bil-pjanifikazzjoni, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti fil-Libja li jiksru d-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-Libja;

(ii)

b'attakki kontra kwalunkwe port tal-ajru, tal-art jew tal-baħar fil-Libja, jew kontra istituzzjoni jew installazzjoni statali Libjana, jew kontra kwalunkwe missjoni barranija fil-Libja;

(iii)

bil-provvediment ta' appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illeċitu ta' żejt mhux maħdum jew kwalunkwe riżorsi naturali oħra fil-Libja;

(iv)

b'theddid jew koerċizzjoni lill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat Libjan u l-Kumpanija Nazzjonali Libjana taż-Żejt, jew involviment fi kwalunkwe azzjoni li tista' twassal għal jew tirriżulta f'miżapproprjazzjoni ta' fondi tal-istat Libjan;

(v)

billi jiksru, jew jassisti fl-evażjoni tad-dispożizzjonijiet tal-embargo tal-armi fil-Libja stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) u l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament;

(vi)

billi huma persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' kwalunkwe waħda minn dawn t'hawn fuq, jew billi huma entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew minn persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II jew III, jew

(e)

għandhom fil-pussess tagħhom jew jikkontrollaw fondi tal-Istat Libjan miżapproprijati matul dak li qabel kien ir-reġim ta' Muammar Qadhafi fil-Libja li jistgħu jintużaw biex jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jimminaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha.

3.   L-Annessi II u III għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-elenkar ta' persuni, entitajiet u korpi elenkati, kif previst mill-Kunsill tas-Sigurtà, jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Anness II.

4.   L-Annessi II u III għandhom jinkludu, fejn disponibbli, informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ta' persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet u korpi kkonċernati, kif ipprovdut mill-Kunsill tas-Sigurtà, jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Anness II. Fir-rigward ta' persuni naturali, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, inklużi psewdonimi, data u post tat-twelid, nazzjonalità, numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness II għandu jinkludi wkoll id-data tan-nomina mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

5.   L-Anness VI għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar għall-persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 5(4) ta' dan ir-Regolament, kif ikun ipprodvut mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”

(3)

Fl-Artikolu 16(1) ir-referenza għall-“Anness II” hija sostitwita bir-referenza għall-“Anness II jew VI”.

Artikolu 2

L-Anness għal dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness VI għar-Regolament (UE) Nru 204/2011.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/818 tas-26 ta' Mejju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (Ara paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

“ANNESS VI

Lista ta' persuni, entitajiet jew korpi msemmijin fl-Artikolu 5(4)

1.

Isem: AWTORITÀ TAL-INVESTIMENT LIBJAN

Magħrufa wkoll bħala: Libyan Foreign Investment Company (LFIC) Qabel magħrufa wkoll bħala: mhux applikabbli Indirizz: 1 Fateh Tower Office No. 99 22nd Floor, Borgaida Street, Tripoli, 1103 Libya Elenkata fis-: 17 ta' Marzu 2011 Informazzjoni oħra: Elenkata skont il-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 1973, kif modifikat fis-16 ta' Settembru skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni 2009.

Informazzjoni addizzjonali

Taħt il-kontroll ta' Muammar Qadhafi u l-familja tiegħu, u sors potenzjali ta' finanzjament għar-reġim tiegħu.

2.

Isem: LIBYAN AFRICA INVESTMENT PORTFOLIO

Magħrufa wkoll bħala: mhux applikabbli Qabel magħrufa wkoll bħala: mhux applikabbli Indirizz: Jamahiriya Street, LAP Building, PO Box 91330, Tripoli, il-Libya Elenkata fi: 17 ta' Marzu 2011 Informazzjoni oħra: Elenkata skont il-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 1973, kif modifikat fis-16 ta' Settembru skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni 2009.

Informazzjoni addizzjonali

Taħt il-kontroll ta' Muammar Qadhafi u l-familja tiegħu, u sors potenzjali ta' finanzjament għar-reġim tiegħu.”