SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 56(1)(b) – Obbligu għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li jinforma lill-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ‘mingħajr dewmien’ dwar it-telf, is-serq, il-miżapproprjazzjoni jew kwalunkwe użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas tiegħu – Artikolu 58 – Senjalazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Korrezzjoni ta’ tali tranżazzjoni mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas suġġetta għall-obbligu tal-utent ta’ dawn is-servizzi li jissenjala din it-tranżazzjoni ‘mingħajr dewmien […] u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu’ – Artikoli 60 u 61 – Responsabbiltajiet rispettivi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u ta’ min iħallas fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata – Suċċessjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati li jirriżultaw mit-telf, mis-serq, mill-miżapproprjazzjoni jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ strument ta’ ħlas – Senjalazzjoni tardiva mhux intenzjonata u mhux dovuta għal negliġenza gravi – Portata tad-dritt għar-rimbors”
Fil-Kawża C‑665/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
IL
vs
Veracash SAS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Veracash SAS, minn R. Froger, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u T. Lechevallier, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret u G. Goddin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56, 58, 60 u 61 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IL, persuna fiżika, u Veracash SAS dwar rifjut ta’ rimbors ta’ tranżazzjonijiet ta’ ġbid ta’ flus li twettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ IL, minħabba s-senjalazzjoni allegatament tardiva ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 31 sa 35 tad-Direttiva 2007/64 kienu jiddikjaraw:
|
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kien jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
5 |
It-Titolu IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Drittijiet u obbligi fir-rigward tal-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ ħlas”, kien jinkludi ħames kapitoli. Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-Titolu IV, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, kien jinkludi l-Artikolu 51, li kien jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Titolu IV. Dan l-Artikolu 51 kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn l-utent ta’ sevizzi tal-ħlas ma jkunx konsumatur, il-partijiet jistgħu jiftiehmu li […] l-Artikoli 59, 61, 62, 63, 66 u 75 ma għandhomx japplikaw għal kollox jew parzjalment. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu wkoll dwar perijodu ta’ żmien differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 58.” |
|
6 |
Il-Kapitolu 2 tal-istess Titolu IV kien intitolat “Awtorizzazzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas” u kien jinkludi l-Artikoli 54 sa 63 tal-istess direttiva. L-Artikolu 56 ta’ din tal-aħħar, intitolat “Obbligi ta’ l-utent ta’ sevizzi tal-ħlas fir-rigward ta’ strumenti tal-ħlas”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas intitolat li juża strument tal-ħlas għandu jirrispetta l-obbligi li ġejjin: […]
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Obbligi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fir-rigward ta’ strumenti tal-ħlas”: “1. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jkun qed joħroġ l-istrument tal-ħlas għandu jirrispetta l-obbligi li ġejjin: […]
2. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jġorr ir-riskju li jibgħat strument tal-ħlas lil min iħallas jew li jibgħat kwalunkwe karratteristiċi personalizzati ta’ sigurtà tiegħu.” |
|
8 |
L-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas eżegwita mingħajr awtorizzazzjoni jew imwettqa skorrettament”, kien jispeċifika: “L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas biss jekk jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni, […] u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta’ ħlas skond it-Titolu III[, dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni għas-servizzi ta’ ħlas].” |
|
9 |
L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Evidenza dwar l-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta’ ħlas”, kien jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta’ sevizzi tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor. 2. Fejn utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta’ strument tal-ħlas irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux fih innifsu ikun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kinet awtorizzata minn min iħallas jew li min iħallas ikunx aġixxa b’mod frodulenti jew naqas b’intenzjoni jew traskuraġni serja milli jissodisfa obbligu jew obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56.” |
|
10 |
L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, intitolat “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.” |
|
11 |
L-Artikolu 61 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Responsabbiltà ta’ min iħallas għal transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata”, kien ifformulat kif ġej: “1. B’deroga mill-Artikolu 60, min iħallas għandu jġorr it-telf relatat ma’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, sa massimu ta’ EUR 150, li jirriżulta mill-użu ta’ strument tal-ħlas mitluf jew misruq jew, jekk min iħallas naqas milli jħares il-karatteristiċi personalizzati tas-sigurtà, mill-misapprorjazzjoni ta’ strument tal-ħlas. 2. Min iħallas għandu jġorr it-telf kollu li jirrigwardaw transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk hu jkun ġarrabhom b’aġir frodulenti jew billi jkun naqas milli jissodisfa obbligu jew obbligi taħt l-Artikolu 56 b’intenzjoni jew bi traskuraġni serja. F’tali każijiet, l-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika. 3. F’każijiet fejn min iħallas ma jkun la aġixxa b’mod frodulenti u lanqas bi ħsieb u naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, b’kont meħud, b’mod partikolari tan-natura tal-karatteristiċi personalizzati ta’ sigurtà ta’ l-istrument tal-ħlas u ċ-ċirkostanzi li fihom intilef, insteraq jew ġie misapproprjat. 4. Min iħallas m’għandux iġorr konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-użu ta’ strument tal-ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat wara n-notifika skond l-Artikolu 56(1)(b), ħlief fejn ikun aġixxa b’mod frodulenti. 5. Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma jipprovdix mezzi xierqa biex tkun tista ssir in-notifika f’kull ħin meta jintilef, jinsteraq jew jiġi miżapproprjat strument tal-ħlas, kif rikjest mill-Artikolu 57(1)(ċ), min iħallas m’għandux ikun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-użu ta’ dak l-istrument tal-ħlas, ħlief meta jkun aġixxa b’mod frodulenti.” |
|
12 |
L-Artikolu 62 ta’ din id-direttiva kien jinkludi regoli dwar il-“[ħ]las lura għal transazzjonjiet ta’ ħlas mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu”, filwaqt li l-Artikolu 63 tagħha kien jirrigwarda t-[talbiet għal ħlas lura għal [tali] transazzjonjiet ta’ ħlas […]”. |
|
13 |
Id-Direttiva 2007/64 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mit‑13 ta’ Jannar 2018, bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97), konformement mal-Artikolu 114 tad-Direttiva 2015/2366. |
Id-dritt Franċiż
|
14 |
Il-code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju), fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-ordonnance no 2009‑866, du 15 juillet 2009, relative aux conditions régissant la fourniture de services de paiement et portant création des établissements de paiement (id-Digriet Nru 2009‑866 tal‑15 ta’ Lulju 2009 dwar il-Kundizzjonijiet li Jirregolaw il-Provvista ta’ Servizzi ta’ Ħlas u dwar il-Ħolqien ta’ Istituzzjonijiet ta’ Ħlas) (JORF tas‑16 ta’ Lulju 2009, test Nru 13, u rettifika fil-JORF tal‑25 ta’ Lulju 2009, test Nru 18) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Monetarju u Finanzjarju”), jipprovdi, fl-Artikolu L. 133‑17 tiegħu: “I – Malli jsir jaf bit-telf, bis-serq, bil-miżapproprjazzjoni jew bi kwalunkwe użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas tiegħu jew tad-data assoċjata ma’ dan l-istrument, l-utent ta’ servizz ta’ ħlas għandu jinforma b’dan mingħajr dewmien, għall-finijiet tal-imblokkar tal-istrument, lill-fornitur tiegħu jew lill-entità indikata minn dan il-fornitur. […]” |
|
15 |
L-Artikolu L. 133‑18 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata ssenjalata mill-utent fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 133‑24, il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jirrimborsa immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata u, jekk ikun il-każ, għandu jerġa’ jistabbilixxi l-kont addebitat fl-istat li fih kien ikun li kieku t-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata ma seħħitx.” |
|
16 |
L-Artikolu L. 133‑19 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi: “I. – Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li tirriżulta mit-telf jew mis-serq tal-istrument ta’ ħlas, min iħallas għandu jġarrab, qabel l-informazzjoni prevista fl-Artikolu L. 133‑17, it-telf marbut mal-użu ta’ dan l-istrument, sa limitu massimu ta’ [EUR] 150. Madankollu, min iħallas ma għandux jinżamm responsabbli fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata mwettqa mingħajr l-użu tal-apparat ta’ sigurtà ppersonalizzat. II. – Min iħallas ma għandux jinżamm responsabbli jekk it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata tkun twettqet b’miżapproprjazzjoni, mingħajr l-għarfien ta’ min iħallas, tal-istrument ta’ ħlas jew tad-data assoċjata miegħu. Min iħallas lanqas ma għandu jinżamm responsabbli fil-każ ta’ kontrafazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jekk, fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, min iħallas kellu fil-pussess tiegħu l-istrument tiegħu. III. – Ħlief jekk ikun aġixxa b’mod frawdolenti, min iħallas ma għandu jbati ebda konsegwenza finanzjarja jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma jipprovdix mezzi xierqa li jippermettu li jiġi informat sabiex ikun jista’ jiġi mblokkat l-istrument ta’ ħlas, kif previst fl-Artikolu L. 133‑17. IV. – Min iħallas għandu jbati t-telf kollu relatat ma’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk dan it-telf jirriżulta minn aġir frawdolenti min-naħa tiegħu jew jekk ma jkunx issodisfa, intenzjonalment jew b’negliġenza gravi, l-obbligi msemmija fl-Artikoli […] u L. 133‑17.” |
|
17 |
Skont l-Artikolu L. 133‑24 tal-istess kodiċi: “L-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jissenjala, mingħajr dewmien, lill-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas tiegħu tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew imwettqa ħażin u sa mhux iktar tard minn tlettax-il xahar wara d-data tad-debitu taħt piena ta’ dekadenza sakemm il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ma jkunx ipprovdielu jew ma jkunx qiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni ta’ ħlas […] Ħlief fil-każijiet fejn l-utent ikun persuna fiżika li taġixxi għal bżonnijiet mhux professjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18 |
IL għandu kont ta’ depożitu tad-deheb ma’ Veracash. Fl‑24 ta’ Marzu 2017, din tal-aħħar bagħtet fl-indirizz ta’ IL kard ġdida ta’ ġbid u ta’ ħlas. Bejn it‑30 ta’ Marzu 2017 u s‑17 ta’ Mejju 2017, saru tranżazzjonijiet ta’ ġbid kuljum minn fuq dan il-kont (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjonijiet ta’ ġbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). |
|
19 |
Filwaqt li sostna li huwa la kien irċieva din il-kard ta’ ħlas u lanqas ma kien awtorizza dawn it-tranżazzjonijiet ta’ ġbid, IL adixxa lit-tribunal de grande instance d’Évry (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Évry, Franza), li saret, mill‑1 ta’ Jannar 2020, it-tribunal judiciaire d’Évry, u talab li Veracash tiġi kkundannata għar-rimbors tas-somom li jikkorrispondu għall-imsemmija tranżazzjonijiet ta’ ġbid kif ukoll għall-ħlas ta’ danni. |
|
20 |
Peress li r-rikors tiegħu ġie parzjalment miċħud fl-ewwel istanza, IL appella quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), li ċaħditu permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Jannar 2022. Dik il-qorti, bħall-qorti tal-ewwel istanza, qieset li IL ma setax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 133‑18 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju sa fejn huwa ma kienx issenjala t-tranżazzjonijiet ta’ ġbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil Veracash “mingħajr dewmien” u “immedjatament”, iżda fit‑23 ta’ Mejju 2017, jiġifieri kważi xahrejn wara l-ewwel tranżazzjoni ta’ ġbid ikkontestata. |
|
21 |
IL għalhekk ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tiegħu, IL jinvoka żewġ aggravji, li wieħed minnhom huwa, fl-ewwel parti tiegħu, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu L. 133‑24 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju. Permezz ta’ din il-parti, IL isostni li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kisret dan l-Artikolu L. 133-24 meta qieset, essenzjalment, li s-senjalazzjoni tiegħu lil Veracash tat-tranżazzjonijiet ta’ ġbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet saret tard minħabba li saret kważi xahrejn wara l-ewwel tranżazzjoni ta’ ġbid ikkontestata, filwaqt li, fil-fehma tiegħu, skont l-imsemmi Artikolu L. 133-24, l-utent ta’ kard bankarja għandu, sabiex jagħmel tali senjalazzjoni, terminu ta’ tlettax-il xahar mid-data tad-debitu kkontestat. |
|
22 |
Veracash issostni, mill-banda l-oħra, li dan l-istess Artikolu L. 133‑24 jistabbilixxi terminu doppju u li t-terminu ta’ tlettax-il xahar huwa terminu massimu. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li l-utent, hekk kif jinduna b’anomalija, għandu jissenjalaha immedjatament lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-eżitu tat-tilwima li għandha quddiemha jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jistax jirrifjuta li jirrimborsa l-ammont ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata meta min iħallas, minkejja li jkun issenjala din it-tranżazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tlettax-il xahar mid-data tad-debitu, ikun dam sabiex jagħmel dan, mingħajr ma dan id-dewmien kien intenzjonali jew kien dovut għal negliġenza gravi min-naħa tiegħu. |
|
24 |
Filwaqt li tirrileva li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju għandhom jiġu interpretati konformement mad-Direttiva 2007/64, applikabbli ratione temporis għat-tilwima li għandha quddiemha, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għaliha, hija tal-fehma li qari letterali tal-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, li hija tqis huwa sostnut mill-premessa 31 tagħha, jista’, ċertament, iwassal sabiex jitqies li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu d-dritt li jirrifjuta r-rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata għas-sempliċi raġuni li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun issenjalahielu tard, anki jekk din tkun ġiet issenjalata lilu f’dan it-terminu ta’ tlettax-il xahar. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li jidher li huwa diffiċli li din l-interpretazzjoni tiġi kkonċiljata mal-Artikolu 61(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, jekk, fi kwalunkwe każ, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas ma jkunx obbligat jirrimborsa lil min iħallas l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li dan tal-aħħar ikun issenjalalu tard, isir irrilevanti jekk dan id-dewmien kienx intenzjonat jew kienx jirriżulta minn negliġenza gravi, minkejja li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 56 tal-istess direttiva, tipprevedi li dan l-obbligu ta’ rimbors għandu jkun eskluż f’dawn iċ-ċirkustanzi biss. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:671), interpretat l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, hija ma tatx deċiżjoni dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza minn min iħallas tal-obbligu li jinforma mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu dwar il-fatt li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, ċertament, jeżisti interess li min iħallas jiġi mħeġġeġ juża diliġenza sabiex jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. Madankollu, l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64 jindika, skont il-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kellux l-intenzjoni li jissanzjona kull dewmien, irrispettivament miċ-ċirkustanzi, permezz taċ-ċaħda totali tad-dritt ta’ min iħallas għal rimbors. Hija għalhekk inklinata li tinterpreta din id-direttiva fis-sens li, minbarra l-ipoteżi ta’ aġir frawdolenti ta’ min iħallas u minbarra l-ipoteżi ta’ senjalazzjoni li ssir wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tlettax-il xahar, min iħallas għandu jiġi mċaħħad biss mid-dritt għar-rimbors fir-rigward tat-telf ikkawżat minn tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati li seta’ jiġi evitat permezz ta’ senjalazzjoni mingħajr dewmien, u dan bil-kundizzjoni li d-dewmien tas-senjalazzjoni ikun intenzjonali jew ikun ir-riżultat ta’ negliġenza gravi min-naħa tiegħu. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
28 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tranżazzjonijiet ta’ ġbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqu permezz ta’ kard li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega li ma waslitlux. |
|
29 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, minn naħa, li, konformement mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, il-ġbid ta’ fondi jikkostitwixxi “tranżazzjoni ta’ ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont il-punt 23 ta’ dan l-Artikolu 4, il-kunċett ta’ “strument ta’ ħlas” ikopri kull apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri miftiehma bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u użat mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal “ordni ta’ ħlas”, fejn dan l-aħħar kunċett ikopri, skont il-punt 16 tal-imsemmi Artikolu 4, kull istruzzjoni minn min iħallas jew minn min jitħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li titlob l-eżekuzzjoni ta’ “tranżazzjoni ta’ ħlas”. |
|
30 |
It-tilwima fil-kawża prinċipali għalhekk tikkonċerna serje ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas allegatament mhux awtorizzati li jirriżultaw mill-użu ta’ strument ta’ ħlas. Madankollu, fl-assenza ta’ indikazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk dan l-istrument ta’ ħlas għandux jitqies bħala li kien is-suġġett ta’ telf, ta’ serq, ta’ miżapproprjazzjoni jew ta’ użu b’mod mhux awtorizzat, b’tali mod li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu kkunsidrati dawn il-possibbiltajiet kollha. |
|
31 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2007/64 jipprevedi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jġarrab ir-riskju marbut mal-kunsinna lil min iħalllas ta’ strument ta’ ħlas jew ta’ kull apparat ta’ sigurtà ppersonalizzat tiegħu. Fid-dawl tal-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li ser ikollha tivverifika, qabel kollox, li ebda riskju ta’ din in-natura ma mmaterjalizza meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas inkwistjoni bagħat l-istrument ta’ ħlas li ntuża għat-tranżazzjonijiet ta’ ġbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali, riskju li l-konsegwenzi tiegħu kellu jbatihom dan il-fornitur. |
Fuq l-ewwel domanda
|
32 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-obbligu ta’ senjalazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati li għandu l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Issa, dan l-obbligu ta’ senjalazzjoni huwa speċifikament previst fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64. |
|
33 |
Għaldaqstant, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas huwa mċaħħad mid-dritt li jikseb il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni jekk ma jkunx issenjala mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, anki jekk ikun issenjalahielu fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. |
|
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, Cymdek, C‑20/24, EU:C:2025:139, punt 38). |
|
35 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li ntalbet l-interpretazzjoni tagħha, għandu jitfakkar li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 jipprevedi li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jikseb korrezzjoni ta’ tranżazzjoni fil-każ biss li huwa jissenjala mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita b’mod mhux korrett u li tagħti lok għal pretensjoni, u dan mhux iktar tard minn tlettax-il xahar mid-data tad-debitu, sakemm, jekk ikun il-każ, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew iqiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni ta’ ħlas konformement mat-Titolu III ta’ din id-direttiva. Dan it-Titolu III jikkonċerna t-trasparenza tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni marbuta mas-servizzi ta’ ħlas. |
|
36 |
Huwa għalhekk abbażi tal-premessa li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas issodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni li huwa għandu taħt it-Titolu III tal-imsemmija direttiva li għandha titkompla l-interpretazzjoni tal-Artikolu 58 tal-istess direttiva. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi l-obbligu, għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, li jissenjala “mingħajr dewmien” lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata, b’mod partikolari, tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, “u mhux iktar tard minn” tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. Għaldaqstant, jidher li, skont l-imsemmija formulazzjoni, id-dritt tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li jikseb il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata huwa suġġett għall-osservanza minn qabel ta’ kundizzjoni temporali doppja. |
|
38 |
Huwa minnu li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 jużaw il-konġunzjoni “u”. Madankollu, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jindikaw li l-obbligu tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li jissenjala “mingħajr dewmien” lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jibda jiddekorri mill-mument li fih dan l-utent isir jaf b’din it-tranżazzjoni. Mill-banda l-oħra, it-terminu ta’ tlettax-il xahar jibda jiddekorri mid-data tad-debitu. Dan jindika li dawn huma żewġ kundizzjonijiet temporali differenti. |
|
39 |
Barra minn hekk, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 44, 47 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, l-obbligu ta’ senjalazzjoni “mingħajr dewmien” huwa ta’ natura suġġettiva, sa fejn jimplika li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jaġixxi malajr kemm jista’ jkun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jkun jinsab fihom, mill-mument li fih isir jaf bit-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. Għalhekk, dan l-obbligu huwa differenti mill-obbligu ta’ senjalazzjoni “fit-tlettax-il xahar”, li huwa ta’ natura oġġettiva, peress li jibda jiddekorri mid-data tad-debitu tat-tranżazzjoni li tagħti lok għal pretensjoni. |
|
40 |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 tindika għalhekk li, bħala prinċipju, sabiex jikseb il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni, l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas huwa obbligat kemm li jissenjala mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata kif ukoll li jagħmel din is-senjalazzjoni sa mhux iktar tard minn tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. |
|
41 |
Din l-interpretazzjoni letterali hija, fit-tieni lok, ikkorroborata mill-kuntest ta’ dan l-Artikolu 58. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-premessa 31 tad-Direttiva 2007/64 tirreferi għall-ħtieġa li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jissenjala lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, “kemm jista’ jkun malajr”, kull kontestazzjoni li tikkonċerna tranżazzjonijiet ta’ ħlas allegatament mhux awtorizzati. Ir-riferiment għal dan l-obbligu ta’ senjalazzjoni “kemm jista’ jkun malajr”, sa fejn huwa differenti minn obbligu ta’ senjalazzjoni f’terminu fiss, li barra minn hekk ma huwiex imsemmi fil-premessi tad-Direttiva 2007/64, jikkonferma li l-obbligu ta’ senjalazzjoni “mingħajr dewmien”, previst fl-imsemmi Artikolu 58, huwa ta’ natura awtonoma. Għalhekk, dan l-obbligu huwa differenti mill-obbligu ta’ senjalazzjoni fit-terminu ta’ tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2007/64, l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzat juża strument ta’ ħlas għandu l-obbligu, meta jsir jaf bit-telf, bis-serq, bil-miżapproprjazzjoni jew bi kwalunkwe użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas tiegħu, li jinforma b’dan mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jew lill-entità indikata minn dan il-fornitur. |
|
43 |
Huwa minnu li t-terminu li fih dan l-obbligu ta’ informazzjoni għandu jiġi ssodisfatt huwa differenti mill-obbligu ta’ senjalazzjoni “mingħajr dewmien” ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata previst fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dan it-terminu jibda jiddekorri minn meta jsir jaf mhux biss b’kull użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas, iżda, jekk ikun il-każ, minn meta jsir jaf bit-telf, bis-serq jew bil-miżapproprjazzjoni ta’ dan l-istrument. Issa, wieħed jista’ jsir jaf b’dawn l-avvenimenti anki qabel ma l-imsemmi strument jintuża sabiex titwettaq tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ obbligi jiddistingwu ruħhom minn xulxin anki minħabba l-fatt li huwa possibbli li ma jkunx il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, iżda entità indikata minnu li jkollha tiġi informata bit-telf, bis-serq, bil-miżapproprjazzjoni jew bl-użu mhux awtorizzat tal-istrument inkwistjoni. |
|
44 |
Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif juru ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, huwa possibbli li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 56(1)(b) tal-imsemmija direttiva u l-obbligu ta’ senjalazzjoni previst fl-Artikolu 58 tagħha jitnisslu fl-istess ħin. Issa, f’tali ċirkustanza, ikun inkoerenti li jiġi kkunsidrat li s-sempliċi osservanza tat-terminu ta’ tlettax-il xahar mid-data tad-debitu hija biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li t-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni ġiet issenjalata konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, filwaqt li l-Artikolu 56(1)(b) tagħha jimponi bħala prinċipju senjalazzjoni iktar rapida. |
|
45 |
L-imsemmija interpretazzjoni letterali hija, fit-tielet lok, sostnuta mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2007/64. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, skont il-premessa 31 ta’ din id-direttiva, li tiċċara l-portata tal-Artikolu 58 tagħha, l-obbligu tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li jissenjala lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas “kemm jista’ jkun malajr” kwalunkwe kontestazzjoni relatata ma’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas allegatament mhux awtorizzati huwa intiż li jnaqqas ir-riskji u l-konsegwenzi tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. |
|
47 |
Għalhekk, minn din il-premessa 31 jirriżulta li l-obbligu ta’ senjalazzjoni “mingħajr dewmien” previst f’dan l-Artikolu 58 għandu għan preventiv. Issa, dan l-għan preventiv jiġi ppreġudikat jekk is-sempliċi osservanza tat-terminu ta’ tlettax-il xahar mid-data tad-debitu titqies li hija suffiċjenti fi kwalunkwe każ sabiex jitqies li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas issodisfa l-obbligu ta’ senjalazzjoni impost fuqu skont l-imsemmi Artikolu 58. |
|
48 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu ta’ tlettax-il xahar huwa terminu massimu, li fl-iskadenza tiegħu l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkollux iktar il-possibbiltà li jinvoka r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għat-tranżazzjoni kkonċernata, u dan lanqas abbażi ta’ sistema ta’ responsabbiltà differenti minn dik prevista fl-Artikolu 58 u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64. Dan it-terminu huwa intiż għalhekk li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali kemm tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas kif ukoll tal-fornituri ta’ tali servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punti 48 sa 52). |
|
49 |
Issa, il-fatt li dan l-għan huwa differenti minn dak imfittex mill-obbligu ta’ senjalazzjoni “mingħajr dewmien” jikkonferma li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 jinkludi żewġ kundizzjonijiet temporali, li bħala prinċipju huma distinti. Barra minn hekk, jekk jitqies li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu d-dritt li jikseb il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li kien jaf biha, iżda li dam sabiex jissenjala lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, dan jippreġudika ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ibbilanċjar tal-interessi rispettivi tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu mwettaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta d-Direttiva 2007/64. |
|
50 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 60(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bla ħsara għal dan l-Artikolu 58, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jirrimborsa immedjatament lil min iħallas l-ammont ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, jekk ikun il-każ, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat fl-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħitx it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. Li kieku kien permess li l-pretensjoni magħmula mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas skont l-imsemmi Artikolu 58 tiddewwem sa tlettax-il xahar mid-data tad-debitu tat-tranżazzjoni, u dan minkejja li dan l-utent ikun ikkonstata t-tranżazzjoni inkwistjoni ferm qabel, il-perijodu ta’ inċertezza legali jiġi estiż mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, għad-detriment tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernat, u b’hekk jippreġudika din iċ-ċertezza legali u dan l-ibbilanċjar. |
|
51 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu ta’ senjalazzjoni previst fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva huwa meqjus li ġie ssodisfatt biss taħt il-kundizzjoni doppja li, minn naħa, l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jissenjala mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, min-naħa l-oħra, din is-senjalazzjoni ssir mhux iktar tard minn tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. |
|
52 |
B’dan premess, għandu jitfakkar ukoll li, fl-istruttura tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tad-Direttiva 2007/64, l-obbligu ta’ senjalazzjoni mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata huwa l-kundizzjoni sabiex l-imsemmija sistema tkun tista’ tapplika għall-benefiċċju ta’ dan l-utent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punti 38 sa 39). |
|
53 |
Għalhekk, kif tindika l-premessa 31 ta’ din id-direttiva billi tagħmel riferiment għas-senjalazzjoni, b’mod partikolari, ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas “allegatament” mhux awtorizzati, dan l-obbligu ta’ senjalazzjoni huwa prerekwiżit intiż sabiex il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jiġi informat bil-fatt li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonstata tranżazzjoni li huwa jqis li hija tranżazzjoni mhux awtorizzata, filwaqt li l-kisba effettiva tal-korrezzjoni mitluba hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva. |
|
54 |
B’mod partikolari, il-kisba effettiva ta’ din il-korrezzjoni hija, minn naħa, suġġetta għall-kundizzjoni li din l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tiġi kkonfermata, peress li l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2007/64 jinkludi, f’dan ir-rigward, ċerti preċiżazzjonijiet dwar il-prova ta’ awtentikazzjoni u ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Min-naħa l-oħra, din il-kisba hija suġġetta għar-regoli dwar it-tqassim tar-responsabbiltajiet rispettivi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u ta’ min iħallas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 60 u 61 ta’ din id-direttiva, li huma intiżi, kif tindika l-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, li jirregolaw it-tqassim tat-telf fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kif jirriżulta mill-punti 7 u 10 tal-Artikolu 4 tagħha, il-kunċett ta’ “min iħallas” huwa inkluż f’dak ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” u jkopri, b’mod partikolari, persuna fiżika li tawtorizza ordni ta’ ħlas jew li tagħti ordni ta’ ħlas. Barra minn hekk, l-Artikoli 62 u 63 tal-istess direttiva jittrattaw rispettivament ir-rimbors ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mibdija minn jew permezz tal-benefiċjarju u t-talbiet għal tali rimbors. |
|
55 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2007/64, meta l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx konsumatur, il-partijiet jistgħu, minn naħa, jiddeċiedu li, b’mod partikolari, l-Artikoli 59, 61, 62 u 63 tagħha ma japplikawx, kompletament jew parzjalment, u, min-naħa l-oħra, jaqblu dwar terminu differenti minn dak previst fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva. |
|
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu, bħala prinċipju, jiġi mċaħħad mid-dritt li jikseb il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni jekk ma jkunx issenjala mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, anki jekk ikun issenjalahielu fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. |
Fuq it-tieni domanda
|
57 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament indikati fid-domandi li jkunu sarulha minn dawn il-qrati (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1993, Viessmann, C‑280/91, EU:C:1993:103, punt 17; tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18; u tat‑8 ta’ Mejju 2025, HUK-COBURG Haftpflicht-Unterstützungs-Kasse, C‑697/23, EU:C:2025:338, punt 22). |
|
58 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet dwar eventwali ċirkustanzi li jippermettu li jitqies li dewmien fis-senjalazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata huwa effettivament ta’ natura li jċaħħad lil min iħallas mid-dritt tiegħu għar-rimbors ta’ din it-tranżazzjoni, meta din tal-aħħar tirriżulta mit-telf, mis-serq, mill-miżapproprjazzjoni jew minn użu mhux awtorizzat ta’ strument ta’ ħlas. |
|
59 |
Issa, f’dan ir-rigward ma humiex rilevanti biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, dwar b’mod partikolari s-senjalazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, iżda wkoll dawk tal-Artikolu 60(1) u tal-Artikolu 61(2) ta’ din id-direttiva, dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u ta’ min iħallas fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, kif ukoll dawk tal-Artikolu 56 tal-imsemmija direttiva, li għalih jirreferi dan l-Artikolu 61(2), u b’mod iktar partikolari d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu 56, li jirrigwardaw preċiżament iċ-ċirkustanzi fattwali indikati fl-aħħar tal-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
60 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, u fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jinftiehem li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58, l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqrija flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta tkun inkwistjoni tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li tirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas misruq, mitluf jew miżapproprjat jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat, u meta din it-tranżazzjoni ġiet issenjalata minn min iħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu, min iħallas għandu jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jikseb il-korrezzjoni effettiva tal-imsemmija tranżazzjoni biss jekk ikun dam sabiex jissenjalaha lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza gravi. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li mir-riferiment magħmul mill-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għall-Artikolu 58 tagħha kif ukoll mill-premessa 31 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà minħabba tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati stabbilita fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tal-imsemmija direttiva hija suġġetta għas-senjalazzjoni, mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas b’osservanza ta’ dan l-Artikolu 58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punti 34, 35, 38 u 39) li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, jinkludi kundizzjoni temporali doppja. |
|
62 |
Fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà minħabba tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2007/64 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ oneru tal-prova favorevoli għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Sostanzjalment, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li għandu jipprova li t-tranżazzjoni tkun ġiet awtentikata, debitament irreġistrata u rreġistrata fil-kontabbiltà. Fil-prattika, ir-regoli dwar l-oneru tal-prova stabbiliti f’dan l-Artikolu 59 iwasslu, kemm-il darba s-senjalazzjoni prevista fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva tkun saret fit-terminu hemmhekk previst, sabiex il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jiġi suġġett għal obbligu ta’ rimbors immedjat, skont l-Artikolu 60(1) tal-istess direttiva (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 40). |
|
63 |
Madankollu, dan l-obbligu ta’ rimbors immedjat tal-ammont tat-tranżazzjoni kkonċernata huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 61 tad-Direttiva 2007/64. B’mod partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 61 jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li min iħallas għandu jbati t-telf kollu kkawżat minn tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk dan it-telf jirriżulta minn aġir frawdolenti min-naħa tiegħu jew mill-fatt li min iħallas ma jkunx issodisfa, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi, wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva. |
|
64 |
Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, fost l-obbligi imposti fuq min iħallas skont dan l-Artikolu 56 hemm, fil-paragrafu 1(b) tal-imsemmi artikolu, l-obbligu, għal min iħallas, li jinforma mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jew lill-entità indikata minn dan il-fornitur meta jsir jaf bit-telf, bis-serq, bil-miżapproprjazzjoni jew bi kwalunkwe użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas tiegħu. |
|
65 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqrija flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) u mal-Artikolu 60(1) tagħha, jirriżulta li min iħallas ma huwiex obbligat ibati t-telf ikkawżat mit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati li jirriżultaw mill-użu tal-istrument ta’ ħlas tiegħu ħlief meta jaġixxi b’mod frawdolenti jew meta jkun dam, b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza gravi, sabiex jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tiegħu jew lill-entità indikata minn dan il-fornitur bit-telf, bis-serq, bil-miżapproprjazzjoni jew bi kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ dan l-istrument. Għaldaqstant, huwa biss f’tali każijiet li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jinħeles mill-obbligu tiegħu li jirrimborsah l-ammont tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. |
|
66 |
Din l-interpretazzjoni hija, fit-tieni lok, ikkorroborata mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(1)(b), tal-Artikolu 58, tal-Artikolu 60(1) u tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64. |
|
67 |
Fil-fatt, minn naħa, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, jista’ jiġri li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2007/64 u l-obbligu ta’ senjalazzjoni previst fl-Artikolu 58 tagħha jitnisslu fl-istess ħin. Għaldaqstant, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti ta’ din id-direttiva, l-osservanza tal-obbligu ta’ senjalazzjoni previst f’dan l-Artikolu 58 għandha, fiċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-Artikolu 56(1)(b), u ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa ta’ min iħallas, tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tal-imsemmija direttiva. |
|
68 |
Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 57(1)(d) tad-Direttiva 2007/64, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li joħroġ strument ta’ ħlas għandu l-obbligu li jipprekludi kull użu ta’ dan l-istrument wara senjalazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 56(1)(b) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 61(4) tagħha jipprevedi li, ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa tiegħu, min iħallas ma għandu jbati ebda konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat, liema użu jkun seħħ wara s-senjalazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 56(1)(b). Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, min iħallas ma għandux interess li jdewwem is-senjalazzjoni li huwa obbligat jagħmel skont din l-aħħar dispożizzjoni u lanqas, jekk ikun il-każ, is-senjalazzjoni li għandu jwettaq skont l-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva jekk dawn iż-żewġ obbligi jitnisslu fl-istess ħin. |
|
69 |
Fit-tielet lok, fuq il-livell teleoloġiku, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-interpretazzjoni indikata fil-punt 65 ta’ din is-sentenza hija ta’ natura li tħares l-effett utli tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64. Għal dan l-għan, għandu jiġi evitat li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jinvoka kontra min iħallas dewmien sempliċi fis-senjalazzjoni tal-konstatazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata sabiex jaħrab mill-obbligu ta’ rimbors tiegħu taħt l-Artikolu 60(1) ta’ din id-direttiva, meta din it-tranżazzjoni tirriżulta mit-telf, mis-serq, mill-miżapproprjazzjoni jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ strument ta’ ħlas u meta min iħallas ikun sar jaf b’dan it-telf, b’dan is-serq, b’din il-miżapproprjazzjoni jew b’dan l-użu mhux awtorizzat biss fil-mument li fih ikun ikkonstata din it-tranżazzjoni. Fil-fatt, li kieku l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas kellu tali possibbiltà, din l-ewwel sentenza titlef kull effett utli tagħha peress li min iħallas ikun imċaħħad mid-dritt għar-rimbors tiegħu minkejja li t-telf li jkun ġarrab ma jirriżultax mill-fatt li huwa, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi, naqas milli jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jew lill-entità indikata minn dan il-fornitur skont l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2007/64. |
|
70 |
Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan imfittex mid-Direttiva 2007/64, kif imfisser fil-premessa 32 tagħha, li huwa li, sabiex jingħata inċentiv lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jissenjala, mingħajr dewmien, lill-fornitur tiegħu s-serq jew it-telf ta’ strument ta’ ħlas u sabiex b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, l-utent għandu jkun responsabbli biss għal ammont limitat, ħlief jekk l-utent ikun aġixxa bi frodi jew b’negliġenza gravi. Fil-fatt, din il-premessa tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiffavorixxi, meta jkun hemm inkwistjoni s-serq jew it-telf ta’ strument ta’ ħlas, protezzjoni ikbar għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Għalhekk, l-imsemmija interpretazzjoni ma tippreġudikax il-bilanċ bejn l-interessi ta’ min iħallas u dawk tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, kif ġew ibbilanċjati minn dan il-leġiżlatur. |
|
71 |
Għaldaqstant, mill-Artikolu 58, mill-Artikolu 60(1) u mill-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, ikkunsidrati flimkien u moqrija flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, jirriżulta li, meta tkun inkwistjoni tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li, minn naħa, tirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ tali strument u, min-naħa l-oħra, kienet ġiet issenjalata minn min iħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu, min iħallas, bħala prinċipju u ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa tiegħu, għandu jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jikseb ir-rimbors ta’ din it-tranżazzjoni biss jekk ikun dam sabiex jissenjala t-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza gravi. |
|
72 |
Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ għal kull waħda mit-tranżazzjonijiet ta’ ġbid inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li dan l-Artikolu 58 jipprevedi espressament is-senjalazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas individwali. |
|
73 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-elementi esposti mill-qorti tar-rinviju, spjegati fil-qosor fil-punti 22 sa 26 ta’ din is-sentenza, għandu jingħad ukoll li, minn naħa, skont l-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2007/64, meta utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta’ strument tal-ħlas, kif irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, ma huwiex neċessarjament biżżejjed, bħala tali, sabiex jiġi stabbilit li t-tranżazzjoni ta’ ħlas kienet awtorizzata minn min iħallas jew li dan tal-aħħar aġixxa b’mod frawdolenti jew naqas milli jissodisfa, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi, wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-premessa 33 tagħha tippreċiża b’mod partikolari li, sabiex tiġi evalwata l-eventwalità ta’ negliġenza min-naħa tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u li l-provi u l-grad ta’ negliġenza allegata għandhom jiġu evalwati konformement mad-dritt nazzjonali. |
|
74 |
Madankollu, fost il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, hemm “traskuraġni serja” min-naħa ta’ min iħallas, jiġifieri, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, ksur serju ta’ obbligu ta’ diliġenza. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom jinsab min iħallas. Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa ta’ dan tal-aħħar u bla ħsara għall-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2007/64, huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma ssenjalax “immedjatament” lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li tirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ tali strument. |
|
75 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 61 tad-Direttiva 2007/64 jinkludi preċiżazzjonijiet dwar il-portata tat-telf li għandu, jekk ikun il-każ, jiġi effettivament sostnut minn min iħallas, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi indikati fil-punt 71 ta’ din is-sentenza. |
|
76 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 58, l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqrija flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jkun hemm tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata li tirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat, jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ tali strument, u meta din it-tranżazzjoni tkun ġiet issenjalata minn min iħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu, min iħallas, bħala prinċipju u ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa tiegħu, ma għandux jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jikseb il-korrezzjoni effettiva tal-imsemmija tranżazzjoni sakemm ma jkunx dam sabiex jissenjalaha lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza gravi li tikkonsisti fi ksur serju ta’ obbligu ta’ diliġenza. |
Fuq it-tielet domanda
|
77 |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tielet domanda tagħha fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li min iħallas għandu jiġi mċaħħad mid-dritt li jikseb il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni meta jkun dam sabiex jissenjala lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, anki jekk ikun issenjalahielu fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu. |
|
78 |
Għalkemm din l-ewwel domanda, essenzjalment, ingħatat risposta fl-affermattiv, din ir-risposta hija madankollu, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 55 ta’ din is-sentenza, ikkundizzjonata minn diversi elementi, u b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni domanda, mill-fatt li, ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa ta’ min iħallas, meta t-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata tirriżulta mit-telf, mis-serq, mill-miżapproprjazzjoni jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas tiegħu, jekk min iħallas ikun informa lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu dwar tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata fi żmien tlettax-il xahar mid-data tad-debitu tat-tranżazzjoni ta’ ħlas, huwa ma jkunx jista’ jitqies li dam sabiex jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li kkonstata din it-transazzjoni sakemm id-dewmien tiegħu ma jkunx intenzjonat jew ikun ir-riżultat ta’ negliġenza gravi. |
|
79 |
Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa u tikklassifika l-fatti inkwistjoni quddiemha fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preċiżazzjonijiet esposti fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza. |
|
80 |
Għaldaqstant, din it-tielet domanda għandha tiġi rriformulata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni r-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda. |
|
81 |
Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58, l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqrija flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta, minn naħa, ikun hemm tranżazzjonijiet ta’ pagament mhux awtorizzati suċċessivi, li jirriżultaw mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ tali strument, u meta, min-naħa l-oħra, min iħallas, filwaqt li jkun osserva t-terminu ta’ tlettax-il xahar mid-dati tad-debitu tagħhom, dam parzjalment sabiex jissenjalahom lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza gravi, min iħallas għandu jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għar-rimbors tat-telf kollu kkawżat minn dawn it-tranżazzjonijiet. |
|
82 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64, ir-responsabbiltà għat-telf imġarrab minħabba tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati taqa’, bħala prinċipju, fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. Madankollu, skont l-Artikolu 61(2) tagħha, li t-termini tiegħu huma diġà mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, min iħallas għandu jbati t-telf “kollu” kkawżat minn tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk dan it-telf “jkun ġarrabhom”, b’mod partikolari, minħabba li ma ssodisfax, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi, l-obbligu ta’ senjalazzjoni impost fuqu skont l-Artikolu 56(1)(b) ta’ din id-direttiva u, f’dan il-każ, l-ammont massimu ta’ EUR 150, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma japplikax. |
|
83 |
Il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 61(2) tistabbilixxi għalhekk rabta kawżali bejn, minn naħa, l-aġir ta’ min iħallas u, min-naħa l-oħra, it-telf imġarrab li ma jkunx jista’ jikseb il-korrezzjoni tiegħu. |
|
84 |
Barra minn hekk, mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda preliminari jirriżulta li l-kwistjoni ta’ jekk is-senjalazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fl-imsemmi Artikolu 61(2), moqri flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, għandhiex titqies bħala li saret effettivament tard, għandha tiġi evalwata b’mod distint għal kull tranżazzjoni. |
|
85 |
Minn dan jirriżulta li, anki fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati mwettqa b’mod repetut fiż-żmien, li jirriżultaw kollha mill-istess telf, mill-istess serq jew mill-istess miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas inkwistjoni, min iħallas jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt biss li jikseb il-korrezzjoni tat-tranżazzjonijiet biss li huwa jkun intenzjonalment jew b’negliġenza gravi dam sabiex jissenjala lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. |
|
86 |
Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mhux biss mill-fatt li l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64 huwa dispożizzjoni li tidderoga mill-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 60(1) tagħha u li għalhekk għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, iżda wkoll mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza. |
|
87 |
Fil-fatt, konformement mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 61, ħlief fil-każ ta’ aġir frawdolenti min-naħa tiegħu, min iħallas ma għandu jbati ebda konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat, u li sseħħ wara s-senjalazzjoni prevista fl-Artikolu 56(1)(b) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, konformement mal-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 61, jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma jipprovdix mezzi xierqa li jippermettu li titwettaq, f’kull mument, is-senjalazzjoni tat-telf, tas-serq jew tal-miżapproprjazzjoni ta’ strument ta’ ħlas, konformement mal-Artikolu 57(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, min iħallas ma jistax ikun meħtieġ ibati, sakemm ma jkunx hemm aġir frawdolenti min-naħa tiegħu, il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan l-istrument ta’ ħlas. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonfermaw li min iħallas ma jistax jinżamm responsabbli għat-telf li ma setax jevita. |
|
88 |
L-imsemmija interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2007/64. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ min iħallas u t-telf li huwa ġarrab u li ma jkunx jista’ jikseb ir-rimbors tiegħu min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu huwa konformi mal-ibbilanċjar tal-interessi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, kif imwettaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’din id-direttiva. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit, billi jqiegħed responsabbiltà fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, iħeġġeġ lil dan tal-aħħar, konformement mal-premessi 31 u 32 tal-imsemmija direttiva, sabiex ma jdumx indebitament sabiex jissenjala, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati li huwa jkun ikkonstata. Bl-istess mod, permezz ta’ dan ir-rekwiżit, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huwa mħeġġeġ josserva l-obbligi tiegħu sabiex dan l-utent ikun f’pożizzjoni li jikkonstata tali tranżazzjonijiet. |
|
89 |
Barra minn hekk, l-imsemmi rekwiżit jippermetti li jiġi ggarantit l-effett utli kemm tal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll tal-Artikolu 61(3) tagħha. Fil-fatt, minn naħa, dan ir-rekwiżit iħalli l-possibbiltà għall-partijiet, meta l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx konsumatur, li, b’mod partikolari, jiddeċiedu li l-Artikolu 61 ta’ din id-direttiva ma japplikawx jew jaqblu dwar terminu differenti minn dak previst fl-Artikolu 58 tagħha u għalhekk li jipprevedu tqassim ta’ responsabbiltà differenti u li joffri, jekk ikun il-każ, inqas protezzjoni għall-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas li ma jkunux konsumaturi. Min-naħa l-oħra, dan ir-rekwiżit iżomm il-possibbiltà, li l-Artikolu 61(3) tal-imsemmija direttiva joffri lill-Istati Membri, li jagħżlu li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ min iħallas imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 61 meta dan ma jkunx aġixxa b’mod frawdolenti u lanqas ma jkun naqas intenzjonalment milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 tal-istess direttiva, b’mod partikolari, kif tindika l-premessa 34 tagħha, sabiex jinżammu l-livelli eżistenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u sabiex tiġi promossa l-fiduċja fl-użu sigur tal-istrumenti ta’ ħlas elettroniku. |
|
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 58, l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqrija flimkien mal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta, minn naħa, ikun hemm tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati suċċessivi, li jirriżultaw mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat jew minn kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ tali strument, u meta, min-naħa l-oħra, min iħallas, filwaqt li josserva t-terminu ta’ tlettax-il xahar mid-dati tad-debitu tagħhom, ikun parzjalment dam sabiex jissenjalahom lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza gravi, min iħallas, bħala prinċipju, għandu jiġi mċaħħad biss mid-dritt li jikseb ir-rimbors tat-telf biss li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet li huwa dam intenzjonalment jew b’negliġenza gravi sabiex jissenjala lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.