SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 3 – Direttiva (UE) 2018/2001 – Artikolu 4 – Inċentivi nazzjonali għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli – Skema ta’ għajnuna – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 108 TFUE – Kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ tali skema ta’ għajnuna mas-suq intern – Rikors ippreżentat mill-benefiċjarju ta’ għajnuna taħt din l-iskema, quddiem qorti nazzjonali, li jikkontesta modalità tal-imsemmija skema li hija marbuta inseparabbilment mal-funzjonament tagħha – Inammissibbiltà, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ta’ talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi”
Fil-Kawża C‑514/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
Tiberis Holding Srl
vs
Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA,
Ministero dello Sviluppo economico,
Ministero dell’Ambiente e della Sicurezza energetica,
fil-preżenza ta’:
Conza Energia Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev u M. Condinanzi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Tiberis Holding Srl, minn F. Bassan, I. Perego, G. M. Roberti, A. Sascaro u S. Venturini, avvocati, |
|
– |
għal Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA, minn R. Lener, A. Pugliese u C. San Mauro, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn L. G. V. Delbono u P. Garofoli, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. De Meester u A. Spina, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Tiberis Holding Srl (iktar ’il quddiem “Tiberis”) u min-naħa l-oħra, Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA, Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u Ministero dell’Ambiente e della Sicurezza energetica (il-Ministeru għall-Ambjent u għas-Sigurtà tal-Enerġija, l-Italja), dwar fatturi li permezz tagħhom GSE talbet lil Tiberis tħallasha lura parti mill-għajnuna li din tal-aħħar kienet irċeviet taħt skema ta’ inċentiv għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli għajr l-enerġija fotovoltajka. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) 2015/1589
|
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), jinkludi d-definizzjonijiet segwenti: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 109 [TFUE] jew skont kull disposizzjoni oħra rilevanti tagħhom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. […]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament: “Għajnuna notifikabbli skont l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew jitqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza dik l-għajnuna.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004
|
6 |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament 2015/1589 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 tas‑27 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 325, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 794/2004”), jipprevedi li, għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament 2015/1589, “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni. […]”. |
Id-Deċiżjoni SA.43756
|
7 |
Permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 2726 final tat‑28 ta’ April 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.43756 (2015/N) – Italja, Sostenn għall-enerġija elettrika prodotta fl-Italja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni SA.43756), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ għajnuna li kienet ġiet innotifikata lilha mir-Repubblika tal-Italja, taħt il-forma ta’ abbozz ta’ digriet ministerjali, intiża sabiex tippromwovi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, abbażi tal-fatt li din hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
8 |
Il-parti 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolata “Deskrizzjoni tal-miżura”, tinkludi, fit-Taqsima 2.1 tagħha, intitolata “Kuntest u għanijiet tal-iskema ta’ għajnuna”, il-premessi segwenti:
|
|
9 |
Il-parti 3 tal-imsemmija deċiżjoni, li tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, tinkludi l-premessi 28 sa 66 tal-istess deċiżjoni. F’din il-Parti 3, il-Kummissjoni tispeċifika, fil-premessi 31 u 32, li peress li hija intiża sabiex tappoġġja l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, l-iskema nnotifikata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida 2014‑2020 u għalhekk huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom, jiġifieri dawk li jinsabu fit-Taqsima 3.2, kif ukoll dawk fis-Subtaqsimiet 3.3.1 u 3.3.2 ta’ dawn il-linji gwida, li hija evalwat il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mal-Artikolu 7(3)(c) TFUE. |
|
10 |
Il-premessa 34 tad-Deċiżjoni SA.43756, li tinsab taħt it-titolu “Għan ta’ interess komuni”, tipprovdi: “L-għan tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata huwa li li tingħata għajnuna lill-Italja sabiex tilħaq l-għanijiet fit-tul tal-bidla fil-klima u tas-sostenibbiltà tal-enerġija stabbiliti mill-[Unjoni Ewropea] fil-kuntest tal-politika tal-enerġija tal-[Unjoni]. Din l-iskema ser tgħin lill-Italja tilħaq l-għanijiet tagħha. Skont il-punti 30 u 31 tal-[Linji Gwida 2014‑2020], l-Italja ddefinixxiet l-għan tal-miżura u spjegat li l-miżura se tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika tal-enerġija Ewropea [ara l-premessa (2)].” |
|
11 |
Taħt it-titolu “Neċessità ta’ għajnuna, strument xieraq u effett ta’ inċentiv”, il-premessi 36 sa 42 ta’ din id-deċiżjoni jsemmu b’mod partikolari l-punti 107, 116 u 49 tal-Linji Gwida 2014‑2020. |
|
12 |
Taħt it-titolu “Proporzjonalità” hemm il-premessi segwenti:
[…]
[…]
|
|
13 |
Il-premessa 66 tad-Deċiżjoni SA.43756, li tinsab taħt it-titolu “Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura”, tipprovdi: “Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-iskema nnotifikata ssegwi għan ta’ interess komuni b’mod neċessarju u proporzjonat mingħajr ma taffettwa indebitament il-kompetizzjoni u l-kummerċ u li, għalhekk, l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-[Linji Gwida 2014‑2020].” |
Id-dritt Taljan
|
14 |
Id-Decreto del Ministero dello Sviluppo Economico – Incentivazione dell’energia elettrica prodotta da fonti rinnovabili diverse dal fotovoltaico (id-Digriet tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku dwar il-Promozzjoni tal-Enerġija Elettrika Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli Minbarra dawk Fotovoltajċi) tat‑23 ta’ Ġunju 2016 (GURI Nru 150, tad‑29 ta’ Ġunju 2016, p. 8, iktar ’il quddiem id-“digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016”), jirreferi, fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu, fost l-oħrajn għad-Direttiva 2009/28 u għad-Deċiżjoni SA.43756. |
|
15 |
L-Artikolu 4 tad-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 jiddetermina, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, il-proċeduri ta’ aċċess għas-sistema ta’ inċentivi li huwa jistabbilixxi, jiġifieri, rispettivament, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru rilevanti, li jiġi stabbilit skont is-sors ta’ enerġija u t-tip ta’ installazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-operatur fi proċeduri ta’ rkant b’deprezzament u l-aċċess dirett. Dan l-Artikolu 4 jippreċiża, għal kull tip ta’ proċedura, il-kategoriji ta’ installazzjonijiet eliġibbli, stabbiliti, essenzjalment, skont il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-installazzjoni kkonċernata. |
|
16 |
L-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet jirrigwarda l-istabbiliment tat-tariffi rregolati u tal-inċentivi. Il-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi li, għall-installazzjonijiet ta’ kapaċità inqas jew ugwali għal 500 kilowatts (kW), GSE takkwista, jekk ikun il-każ, l-elettriku injettat fin-network, billi tħallas, għall-produzzjoni netta injettata fin-network, tariffa ta’ inċentiv globali, stabbilita abbażi tal-Anness 1 tal-istess digriet. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 7 jippreċiża li, fil-każ fejn l-operatur ta’ tali installazzjoni jagħżel li jżomm l-enerġija fil-pussess tiegħu u jbigħha fis-suq ħieles, GSE twettaq “irtirar globali”, peress li l-bdil minn metodu ta’ ħlas tal-inċentiv għal ieħor ma huwiex awtorizzat iktar minn darbtejn matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ inċentiv. Il-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 7 jipprovdi li, għall-installazzjonijiet ta’ potenza nominali ogħla minn 500 kW li jibbenefikaw minn inċentiv permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedura ta’ rkant b’deprezzament, GSE tħallas, fir-rigward tal-produzzjoni netta injettata fin-network, l-inċentiv stabbilit b’applikazzjoni tal-istess digriet, u l-enerġija prodotta minn dawn l-installazzjonijiet tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-produttur. |
|
17 |
Il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-inċentivi huma ppreċiżati fil-Parti 1 tal-Anness 1 tad-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016, intitolat “Determinazzjoni tal-miżuri ta’ inċentiv għall-installazzjonijiet il-ġodda”. Il-punt 1 ta’ din il-Parti 1 jiddefinixxi dawn il-modalitajiet għall-installazzjonijiet b’kapaċità inqas jew ugwali għal 500 kW li jagħżlu t-tariffa ta’ inċentiv globali, fis-sens tal-Artikolu 7(4) ta’ dan id-digriet. Il-punt 2 tal-imsemmija Parti 1 jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-inċentiv għall-installazzjonijiet l-oħra. |
|
18 |
It-tariffi bażiċi ta’ inċentiv li jservu għall-kalkolu tal-inċentiv jiġu ddifferenzjati skont is-sors ta’ enerġija rinnovabbli, it-tip ta’ installazzjoni u s-saħħa tiegħu. Dawk applikabbli għal installazzjonijiet kbar huma iktar baxxi minn dawk applikabbli għal installazzjonijiet ta’ daqs medju. |
|
19 |
L-Artikolu 26(1) tad-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 jipprevedi li GSE għandha tippubblika proċeduri ta’ applikazzjoni speċifiċi tas-sistema ta’ inċentivi stabbilita minn dan id-digriet, b’mod partikolari r-regoli operattivi dwar, rispettivament, il-proċeduri ta’ rkant u l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
20 |
Tiberis topera impjant idroelettriku fuq ix-xmara Tevere, b’saħħa ta’ 2.747 megawatts (MW). Fit‑8 ta’ Settembru 2017, GSE laqgħet it-talba tagħha, imressqa fit‑22 ta’ Diċembru 2016, sabiex tkun tista’ tibbenefika mis-sistema ta’ inċentivi għall-produzzjoni tal-elettriku prevista mid-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016, kif issupplimentat mill-proċeduri ta’ applikazzjoni stabbiliti minn GSE fil‑15 ta’ Lulju 2016, konformement mal-Artikolu 26 ta’ dan id-digriet. |
|
21 |
Fil‑5 ta’ Ottubru 2017, Tiberis ikkonkludiet ma’ GSE kuntratt li jirregola l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-inċentiv dovut lilha taħt din is-sistema. Mis-sena 2017 sas-sena 2021, Tiberis irċeviet total ta’ EUR 4044 340.75 bħala għajnuna. Madankollu, b’żewġ fatturi tal‑4 ta’ April 2022 u b’fattura tat‑2 ta’ Mejju 2022, GSE talbet lil Tiberis tħallas lura parti mill-għajnuna rċevuta, ta’ ammont totali ta’ EUR 1224 210.86. |
|
22 |
Għaldaqstant, Tiberis ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), intiż għall-annullament ta’ dawn it-talbiet għal ħlas lura kif ukoll tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali u regolatorji li kienu bbażati fuqhom. Insostenn tar-rikors tagħha, Tiberis invokat, fost l-oħrajn, ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001. GSE u Conza Energia Srl, il-parti l-oħra fil-proċedura, sostnew li r-rikors kien inammissibbli minħabba tardività u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
23 |
Dik il-qorti ddeċidiet li r-rikors kien ammissibbli, iżda infondat. |
|
24 |
Tiberis adixxiet lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża sabiex tinkiseb modifika ta’ din is-sentenza, billi tenniet il-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001. GSE u Conza Energia jitolbu li dan ir-rikors jiġi miċħud. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, prima facie, il-Parti 1 tal-punt 2 tal-Anness 1 tad-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 jidher li jmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu ħames kriterji kumulattivi sabiex l-inċentivi jkunu legali. L-ewwel nett, dawn għandhom ikunu bbażati fuq is-suq, it-tieni nett, jippermettu lill-benefiċjarji jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq, it-tielet nett, jevitaw kull distorsjoni inutli fis-swieq, ir-raba’ nett, jiggarantixxu li l-produtturi jwieġbu għas-sinjali tal-prezz tas-suq u, il-ħames nett, jiżguraw li l-produtturi jimmassimizzaw id-dħul tagħhom mis-suq. Dawn l-inċentivi għandhom, barra minn hekk, jingħataw b’mod miftuħ, trasparenti, kompetittiv, nondiskriminatorju u kosteffiċjenti. |
|
26 |
Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li ġġiegħel lill-produtturi jirrinunzjaw għall-inċentivi, li jmur kontra l-għan tal-iskema ta’ inċentivi. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 4 tad-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 jipprevedi li l-aċċess għal dawn l-inċentivi huwa miftuħ abbażi ta’ tliet proċeduri differenti, iżda l-produtturi ma humiex liberi jagħżlu proċedura partikolari, peress li l-proċedura li jkunu intitolati għaliha tiddependi esklużivament mill-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impjant ikkonċernat. Għaldaqstant, Tiberis ma setgħetx tagħżel liberament bejn li tibbenefika minn inċentiv minħabba r-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru jew li tibbenefika minn inċentiv minħabba l-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ rkant. Madankollu, il-produtturi li jibbenefikaw mill-inċentiv minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru għandhom jirrimborsaw lil GSE d-differenza bejn il-prezz tas-suq u t-tariffa tal-inċentiv iggarantita minn GSE meta l-prezz tas-suq ikun ogħla mit-tariffa tal-inċentiv, għall-kuntrarju ta’ produtturi li jkollhom installazzjonijiet kbar, li jibbenefikaw mill-inċentiv permezz ta’ partiċipazzjoni fi proċedura ta’ rkant u jistgħu jiġbru l-prezz tas-suq kollu. |
|
27 |
Barra minn hekk, l-arranġament li jikkonsisti f’aġġustament favur GSE meta l-prezz tas-suq ikun ogħla minn din it-tariffa jidher li huwa potenzjalment inkompatibbli mad-Direttivi 2009/28 u 2018/2001, sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-direttivi jobbligaw lill-Istati Membri jippermettu lill-operaturi jirreaġixxu għad-dinamika tas-suq sabiex jevitaw id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-eliminazzjoni tar-reattività tal-produtturi għad-domanda, peress li, fid-dawl ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ “inċentiv negattiv”, il-produtturi benefiċjarji tal-inċentiv permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru ma jkollhom ebda interess li jirreaġixxu għal din id-dinamika tas-suq. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 3 tad-Direttiva [2009/28] u 4 tad-Direttiva [2018/2011] jipprekludu jew ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-kuntest ta’ skema ta’ inċentivi nazzjonali tipprevedi, b’riferiment għal każijiet fejn il-produtturi jbigħu l-enerġija fis-suq ħieles, tariffa ta’ inċentiv li tiggarantixxi prezz minimu, li fl-istess ħin ikun ukoll prezz massimu, bis-saħħa ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament/rimbors ta’ somom li jaqbżu l-valur tal-inċentiv fejn il-prezz tas-suq huwa ogħla minn dan tal-aħħar (l-hekk imsejjaħ inċentiv negattiv), fejn barra minn hekk il-mekkaniżmu ta’ aġġustament japplika biss fejn il-produttur li jbigħ l-enerġija fis-suq ħieles jaċċessa l-inċentiv billi jirreġistra fir-reġistru rilevanti u mhux ukoll fejn jaċċessah permezz ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ rkant?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
29 |
GSE ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju ma indikatx il-fatti rilevanti kollha u lanqas esponiet ir-raġunijiet preċiżi li għalihom hija tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, kif jistipula l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi r-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company,C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
32 |
Dan premess, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Taljan isostni wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, iżda dan minħabba li l-qorti tar-rinviju ma tistax tilqa’ t-talba ta’ Tiberis, b’tali mod li d-domanda magħmula hija ipotetika. Fil-fatt, skont dan il-gvern, il-fatt li tintlaqa’ din it-talba jwassal għal modifika sostanzjali tal-għajnuna awtorizzata bid-Deċiżjoni SA.43756, li jkun jimplika li dik il-qorti tagħti għajnuna ġdida li la ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lanqas awtorizzata minn din tal-aħħar. Dan huwa prekluż mill-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini,338/85, EU:C:1988:194, punt 8, kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret,C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret,C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari, tintalab teżamina jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu s-suġġett tad-domandi preliminari jistgħux jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. Jekk ma jkunx il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u d-deċiżjoni preliminari mitluba ma tkunx neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti s-sentenza tagħha, b’tali mod li dawn id-domandi jkollhom jiġu ddikjarati inammissibbli (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret,C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 38). |
|
36 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Tiberis tikkontesta l-legalità, fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv previst mid-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016, li jikkostitwixxi modalità ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli għajr l-enerġija fotovoltajka, stabbilita minn dan id-digriet. |
|
37 |
Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mid-diskussjonijiet waqt is-seduta quddiemha jirriżulta li huwa paċifiku li din l-iskema ta’ promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli għajr l-enerġija fotovoltajka tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll tal-punt 5 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/2001, li ġiet innotifikata mill-awtoritajiet kompetenti Taljani lill-Kummissjoni u li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni SA.43756. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tal-iskema, peress li qieset li din l-iskema hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
38 |
F’din il-kawża, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali minn operatur ekonomiku sabiex jikkontesta modalità ta’ implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat intiża li tippromwovi l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, li huwa benefiċjarju tagħha u li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jistax jiġi evalwat minn din il-qorti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 jew tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, invokati minn dan l-operatur u li huma s-suġġett tad-domanda magħmula. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat FUE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari iżda distinti (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds,C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw is-salvagwardja, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. F’dan ir-rigward, huma jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat, stabbilita mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll preliminari tal-Artikolu 108(3) TFUE, għandhiex tiġi suġġetta għaliha jew le. Għall-kuntrarju, dawn il-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, din l-evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE,C‑574/14, EU:C:2016:686, punti 31 u 32, kif ukoll tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds,C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għaldaqstant, għajnuna li, fiha nnifisha jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, fejn il-modalitajiet ta’ għajnuna jkunu tant inseparabbilment marbuta mal-finalità tal-għajnuna jew tal-iskema ta’ għajnuna, jew mal-funzjonament tagħhom, li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati separatament, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna jew tal-iskema ta’ għajnuna fl-intier tagħha għandu neċessarjament jiġi evalwat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds,C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punti 96 u 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ tali modalitajiet ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds,C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Hemm lok ukoll li jitfakkar li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jastjenu milli jieħdu dawk il-miżuri li jistgħu jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jastjenu milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, li l-evalwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din l-istituzzjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE,C‑574/14, EU:C:2016:686, punti 33 u 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, NFŠ,C‑28/23, EU:C:2024:893, punt 59). |
|
44 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv ikkontestat fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi modalità ta’ funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna prevista fid-Deċiżjoni SA.43756, fatt li barra minn hekk ġie kkonfermat matul id-diskussjonijiet waqt is-seduta. F’dan ir-rigward, jirriżulta fil-fatt, b’mod partikolari mill-premessi 43, 44, 47, 48, 50 u 51 tad-Deċiżjoni SA.43756 li huwa l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv ikkontestat fil-kawża prinċipali li jiddetermina in fine l-ammont tal-għajnuna li jingħata individwalment lill-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni abbażi tar-reġistrazzjoni tagħhom f’reġistru. Għalhekk, huwa dan il-mekkaniżmu li ppermetta lill-Kummissjoni tikkonkludi li, preċiżament għall-proġetti li jiġu rreġistrati f’reġistru, din l-iskema ta’ għajnuna tissodisfa l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità. |
|
45 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, din il-modalità, li hija marbuta inseparabbilment mal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, ma tistax tiġi evalwata b’mod separat minnha. |
|
46 |
Barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni SA.43756 bħala kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, mingħajr ma tkun żgurat ruħha minn qabel li din l-iskema ta’ għajnuna ma tiksirx, barra minn hekk, dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 100). |
|
47 |
Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li jekk fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, qorti nazzjonali tkun awtorizzata tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, dan ikun ifisser, essenzjalment, li din il-qorti tingħata s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha mal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni SA.43756 u li tiġi awtorizzata, bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, tinvadi l-kompetenzi esklużivi ta’ din l-istituzzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, kif ukoll li tikser l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE,C‑574/14, EU:C:2016:686, punti 36 u 37). |
|
48 |
Il-fatt li d-Deċiżjoni SA.43756 ma tirreferix espressament għad-Direttiva 2009/28, b’mod partikolari għall-Artikolu 3 tagħha, imsemmi fid-domanda magħmula, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
49 |
L-iskema ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni hija intiża preċiżament, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 4 u 34 tagħha, sabiex tippromwovi, fl-Italja, il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għajr l-enerġija fotovoltajka u, kif indikat fil-premessa 31 tal-imsemmija deċiżjoni, l-iskema nnotifikata, li tikkorrispondi għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġiet evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-Linji Gwida 2014‑2020. Il-punt 107 tagħhom, li tirreferi għalih il-premessa 36 tad-Deċiżjoni SA.43756, ifakkar li l-Unjoni stabbilixxiet għanijiet ambizzjużi fil-qasam tat-tibdil fil-klima u tal-użu sostenibbli tal-enerġija, li diversi atti leġiżlattivi tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2009/28, diġà jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, u li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista’ tikkostitwixxi strument xieraq sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni u tal-għanijiet nazzjonali relatati magħhom. |
|
50 |
Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni SA.43756, evalwat il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, inkluż il-modalità ta’ funzjonament tagħha li tikkostitwixxi l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv, hija neċessarjament ħadet inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2009/38. |
|
51 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, jew anki mal-Artikolu 6 tagħha, invokat b’mod partikolari mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li din id-direttiva ġiet adottata wara d-Deċiżjoni SA.43756, b’tali mod li ma jistax jitqies li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni neċessarjament evalwat dan il-mekkaniżmu billi żgurat li ma jiksirx waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
52 |
Madankollu, minn naħa, peress li l-iskema ta’ għajnuna stabbilita bid-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-imsemmija deċiżjoni, hija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589. |
|
53 |
L-Artikolu 108(1) TFUE jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li, flimkien mal-Istati Membri, twettaq eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna f’dawn l-Istati. Dan l-eżami jista’ jwassal lill-Kummissjoni tipproponi lill-Istat Membru kkonċernat il-miżuri adegwati meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq komuni, u jekk ikun il-każ, tirtira jew timmodifika għajnuna li hija tqis inkompatibbli ma’ dan is-suq (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P,C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, is-sitwazzjoni legali ma tinbidilx sal-punt li fih l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta proposti ta’ miżuri xierqa jew sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 61). |
|
55 |
L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mas-suq intern tibqa’ għalhekk taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. |
|
56 |
Barra minn hekk, fil-każ ineażmi, il-Kummissjoni, permezz tal-Komunikazzjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022” (ĠU 2022, C 80, p. 1), li ssostitwixxiet il-Linji Gwida 2014‑2020 fit‑18 ta’ Frar 2022, ipproponiet lill-Istati Membri, bħala “miżuri xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE, jimmodifikaw, jekk ikun meħtieġ, l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom għall-protezzjoni ambjentali u għall-enerġija eżistenti sabiex irenduhom konformi ma’ dawn il-linji gwida mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2023. |
|
57 |
Dan it-terminu kien għadu ma skadiex fl‑4 ta’ April 2022, u lanqas fit‑2 ta’ Mejju 2022, dati li fihom inħarġu l-fatturi li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, li hemm riferiment għalihom fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. |
|
58 |
Min-naħa l-oħra, kull modifika li ssir lill-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba żieda eventwali tal-intensità tal-għajnuna li tista’ tirriżulta minnha, tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu huwa marbut inseparabbilment mal-funzjonament ta’ din l-iskema u, fin-nuqqas tal-imsemmi mekkaniżmu, huwa possibbli li l-Kummissjoni kienet tqis li l-imsemmija skema ta’ għajnuna ma kinitx proporzjonata u li, konsegwentement, hija ma kinitx tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Tali modifika tikkostitwixxi għalhekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, “modifika ta’ għajnuna eżistenti” u, għaldaqstant, “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE u li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni. |
|
59 |
Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tapplika wkoll għall-każ fejn modifika ta’ dan il-mekkaniżmu ma ssirx erga omnes, kif titlob Tiberis fil-każ ineżami, iżda biss għall-benefiċċju ta’ benefiċjarju partikolari, bħal Tiberis. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Kummissjoni f’deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet tapplika biss sa fejn il-fatturi kollha meħuda inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni f’din id-deċiżjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern jiġu osservati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 83). Għaldaqstant, skema ta’ għajnuna li tiġi implimentata, fuq livell individwali, mingħajr ma tikkorrispondi għall-iskema ta’ għajnuna nnotifikata u awtorizzata mill-Kummissjoni tista’ wkoll titqies bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 86). |
|
60 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istabbiliment bħala tali ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, iżda huwa suġġett għal evalwazzjoni dwar il-perkors xieraq li ma taqax taħt il-funzjonijiet ta’ qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES,C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 76). |
|
61 |
Barra minn hekk, huwa minnu li, fil-punti 121 u 122 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tkun adita b’talba intiża għall-ħlas ta’ għajnuna illegali, abbażi tal-fatt li din tal-aħħar ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, il-kompitu ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-qorti nazzjonali għandu, fil-prinċipju, iwassal lil din tal-aħħar sabiex tiċħad din it-talba, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li, madankollu, deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-għajnuna, iżda bil-kundizzjoni li din tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u li din l-istituzzjoni tagħti l-kunsens tagħha, jew titqies li tat il-kunsens tagħha, hija wkoll ta’ natura li tipprevjeni li għajnuna ġdida titħallas bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589. |
|
62 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-kuntest tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ma tistax tqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni li tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 52 sa 60 ta’ din is-sentenza. Fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura li tipprevjeni li għajnuna ġdida titħallas bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, kull modifika li ssir għall-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv hija suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE u l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-modifika mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni. |
|
63 |
Mill-kunsiderazzjonijit kollha preċedenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-qorti tar-rinviju tevalwa l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 jew tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dan il-mekkaniżmu huwa marbut inseparabbilment mal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq intern bid-Deċiżjoni SA.43756. |
|
64 |
Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 jew tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
65 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
66 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2023, hija inammissibbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.