Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑879/24
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju tad-Danimarka
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Stabbiliment ta’ qafas komuni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali minimi għan-navigazzjoni interna – Direttiva (UE) 2017/2397 u Direttiva (UE) 2021/1233 – Artikoli 39(3) u (4) – Obbligu li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata osservanza ta’ dawn id-direttivi – Ebda traspożizzjoni u/jew ebda komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum”
I. Introduzzjoni
1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ (i) l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (2), u (ii) l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2021/1233 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri ta’ tranżizzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi (3), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet.
2. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum mid-data tal-għoti tas-sentenza.
3. Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu żewġ aspetti prinċipali. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kriterju li n-navigazzjoni interna ma hijiex teknikament possibbli fit-territorju ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397, li fuq il-bażi tiegħu Stat Membru huwa kompletament eżentat mill-obbligu ta’ traspożizzjoni.
4. It-tieni aspett huwa proċedurali u jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Din id-dispożizzjoni, introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, tipprovdi mekkaniżmu li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru, sa mill-ewwel konstatazzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, li fiha jkun stabbilit li l-Istat Membru kkonċernat ma wettaqx l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri li jittrasponu direttiva adottata taħt proċedura leġiżlattiva.
5. Il-kawża ineżami tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li teżamina l-applikabbiltà tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 260(3) TFUE f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta approċċ immirat għat-traspożizzjoni u l-Istat Membru kkonċernat jibbaża ruħu fuq dispożizzjoni speċifika tad-direttiva kkonċernata li tagħti eżenzjoni mill-obbligu tat-traspożizzjoni lill-Istati Membri meta jiġu ssodisfatti ċerti kriterji. Għar-raġunijiet li ser nispjega fil-konklużjonijiet tiegħi, naħseb li l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex applikabbli meta l-eżistenza stess ta’ obbligu ta’ transpożizzjoni teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Direttiva 2017/2397
6. L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2017/2397, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jinqara kif ġej:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39(3), din id-Direttiva wkoll ma tapplikax għal persuni li jinnavigaw fi Stati Membri li m’għandhomx passaġġi fuq l-ilma interni konnessi man-netwerk navigabbli ta’ Stat Membru ieħor u li esklużivament:
a) jinnavigaw vjaġġi limitati ta’ interess lokali, fejn id-distanza mill-punt tat-tluq fl-ebda mument ma tkun aktar minn għaxar kilometri; jew
b) jinnavigaw fuq bażi staġjonali.”
7. L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2017/2397, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi li:
“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Jannar 2022. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.
[...]
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru li fih il-persuni kollha huma eżentati skont l-Artikolu 2(3) għandu biss ikun obbligat idaħħal fis-seħħ dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jiżguraw konformità mal-Artikolu 10 fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-ktieb tar-rekords tas-servizz, mal-Artikolu 38 fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ ċertifikati validi, kif ukoll mal-Artikolu 15. Tali Stat Membru għandu jdaħħal fis-seħħ dawk il-miżuri sas‑17 ta’ Jannar 2022.
Tali Stat Membru ma jistax joħroġ ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni jew japprova programmi ta’ taħriġ jew simulaturi sakemm ikun ittraspona u implimenta d-dispożizzjonijiet li fadal ta’ din id-Direttiva u jkun għarraf lill-Kummissjoni li għamel dan.
4. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru ma għandux ikun obbligat jittrasponi din id-Direttiva sakemm in-navigazzjoni f’passaġġi fuq l-ilma interni ma tkunx teknikament possibbli fit-territorju tiegħu.
Tali Stati Membru ma jistax joħroġ ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni jew japprova programmi ta’ taħriġ jew simulaturi qabel ma jkun ittraspona u implimenta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għarraf lill-Kummissjoni li jkun għamel dan.”
B. Direttiva 2021/1233
8. Id-Direttiva 2021/1233 emendat id-Direttiva 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri tranżitorji għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2021/1233 emenda, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2017/2397 u żied is-seba’ paragrafu mal-Artikolu 38 ta’ din l-aħħar direttiva.
9. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2021/1233 jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Jannar 2022. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 39(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 għandha tapplika għal din id-Direttiva, mutatis mutandis.”
III. Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
10. Fl‑24 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tad-Danimarka, fejn allegat li ma kinitx ikkomunikat magħha l-miżuri adottati biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet elenkati taħt l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2021/1233, meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, jiġifieri s‑17 ta’ Jannar 2022.
11. Fir-risposta tagħha tal‑25 ta’ Mejju 2022, ir-Renju tad-Danimarka sostna li ma kienx meħtieġ li jittrasponi dawn iż-żewġ direttivi fid-dritt nazzjonali tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa bbaża ruħu fuq l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 li, fil-fehma tiegħu, eżentah milli jittrasponi dawn iż-żewġ direttivi.
12. Minħabba li t-tweġiba tar-Renju tad-Danimarka ma kinitx waħda sodisfaċenti, il-Kummissjoni kellha diversi laqgħat mal-awtoritajiet Daniżi. Madankollu, dawn il-laqgħat ma wasslux għall-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni.
13. Fit‑28 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tad-Danimarka opinjonijiet motivati li jindikaw li l-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2017/2397 u tad-Direttiva 2021/1233 ma kinux ġew adottati u talbet lir-Renju tad-Danimarka josserva l-obbligi tiegħu taħt dawn id-direttivi fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni ta’ dawn l-opinjonijiet motivati.
14. Ir-Renju tad-Danimarka wieġeb għall-opinjonijiet motivati tal-Kummissjoni fit‑28 ta’ Novembru 2023. Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka rrepeta b’mod estensiv ir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, billi insista li kien eżenti mill-obbligu li jittrasponi d-Direttiva 2017/2397 skont l-Artikolu 39(4) tagħha u li għalhekk lanqas ma kien obbligat jittrasponi d-Direttiva 2021/1233. Huwa reġa’ sostna li ma kienx hemm passaġġi fuq l-ilma interni fid-Danimarka.
15. Il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors wara li waslet għall-konklużjoni li r-Renju tad-Danimarka ma kienx ittraspona d-Direttiva 2017/2397 fil-mod limitat stabbilit fl-Artikolu 39(3) tagħha, ma kienx ittraspona d-Direttiva 2021/1233, u ma kkomunikax il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni rilevanti.
IV. Evalwazzjoni
16. Skont l-Artikolu 1, id-Direttiva 2017/2397 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tal-persuni involuti fit-tħaddim ta’ inġenju li jopera fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni, kif ukoll għar-rikonoxximent ta’ dawn il-kwalifiki fl-Istati Membri. Billi tintroduċi ċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki professjonali, din id-direttiva hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, sabiex tiffaċilita l-mobbiltà, tiżgura s-sigurtà tan-navigazzjoni u tiżgura l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent (4).
17. Madankollu, skont il-premessa 10, id-Direttiva 2017/2397 tirrikonoxxi ċerti eċċezzjonijiet għat-traspożizzjoni kompleta fir-rigward tal-Istati Membri li fihom il-passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali ma humiex konnessi ma’ passaġġ fuq l-ilma ta’ Stat Membru ieħor u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Skont il-premessa 15 ta’ din id-direttiva, huma rrikonoxxuti eċċezzjonijiet għall-Istati Membri li fihom in-navigazzjoni interna hija attività mhux frekwenti, li sservi biss interessi lokali jew staġjonali f’passaġġi fuq l-ilma mhux konnessi ma’ Stati Membri oħra. Filwaqt li f’dawn l-Istati Membri, il-prinċipju tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati professjonali skont din id-direttiva għandu jiġi rrispettat, il-piż amministrattiv għandu jkun proporzjonat. Din il-premessa tippreċiża li huwa għalhekk iġġustifikat li l-Istati Membri kkonċernati jitħallew jimplimentaw biss id-dispożizzjonijiet minimi meħtieġa għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati professjonali.
18. Barra minn hekk, mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, għal ċerti Stati Membri li għalihom in-navigazzjoni interna ma tkunx teknikament possibbli, obbligu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxi għalihom piż amministrattiv sproporzjonat.
19. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha huma riflessi fl-approċċ immirat ta’ traspożizzjoni (5) previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2017/2397. Fi kliem ieħor, dan l-artikolu jikkategorizza lill-Istati Membri fi tliet gruppi ta’ traspożizzjoni: dawk l-Istati Membri li huma obbligati jittrasponu d-Direttiva b’mod sħiħ (l-Artikolu 39(1)), dawk l-Istati Membri li huma obbligati jittrasponuha b’mod limitat u minimu (l-Artikolu 39(2) u (3)) u dawk l-Istati Membri li ma humiex obbligati jittrasponuha (l-Artikolu 39(4)). Id-derogi mit-traspożizzjoni sħiħa huma bbażati prinċipalment fuq in-nuqqas ta’ passaġġi fuq l-ilma interni konnessi man-network navigabbli ta’ Stat Membru ieħor (l-Artikolu 39(2) u (3)) u fuq l-impossibbiltà teknika ta’ navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni (l-Artikolu 39(4)).
20. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397 jipprevedi obbligu limitat ħafna (jew minimu) li jiġu trasposti biss tliet dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikoli 10, 38 u 15. Din id-deroga minn traspożizzjoni sħiħa tapplika għall-Istati Membri fejn il-persuni kollha huma eżentati skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva. L-eżenzjoni tkopri persuni li jinnavigaw fi Stati Membri li ma għandhomx passaġġi fuq l-ilma interni konnessi man-network navigabbli ta’ Stat Membru ieħor u li jinnavigaw esklużivament fuq vjaġġi qosra ta’ interess lokali (meta d-distanza mill-punt tat-tluq qatt ma taqbeż l-10 kilometri) jew li jinnavigaw fuq bażi staġjonali.
21. L-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 jistabbilixxi deroga sħiħa mit-traspożizzjoni u din tkun tapplika għal Stat Membru dment li n-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni ma tkunx teknikament possibbli fit-territorju tiegħu.
22. Id-Direttiva 2021/1233 emendat id-Direttiva 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri tranżitorji għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ pajjiżi terzi. L-emenda tikkonċerna b’mod iktar partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2017/2397 (dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma s-suġġett tal-obbligu minimu ta’ traspożizzjoni, skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397). L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2021/1233 jipprovdi li d-deroga prevista fl-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 tapplika mutatis mutandis għad-Direttiva 2021/1233.
23. Wara dawn l-ispjegazzjonijiet, ser neżamina qabelxejn il-kwistjoni dwar jekk ir-Renju tad-Danimarka naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE u, sussegwentement, l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami.
A. Il-ksur ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE
1. Argumenti tal-partijiet
24. Il-Kummissjoni tirrileva li r-Renju tad-Danimarka huwa wieħed mill-Istati Membri marbuta li tittrasponi d-Direttiva 2017/2397 b’mod limitat, abbażi tal-Artikolu 39(3) tagħha. Ir-Renju tad-Danimarka għandu wkoll l-obbligu li jittrasponi d-Direttiva 2021/1233 skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397. Fil-kawża ineżami, ir-Renju tad-Danimarka ma kkomunika ebda miżura ta’ traspożizzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ direttivi.
25. Skont il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, huma biss ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta li ma għandhomx passaġġi fuq l-ilma interni fejn in-navigazzjoni hija possibbli, li huma eżentati mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397. Minkejja li l-passaġġi fuq l-ilma interni Daniżi ma humiex konnessi man-network navigabbli ta’ Stat Membru ieħor, it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni huwa possibbli fid-Danimarka u huwa effettivament imwettaq, pereżempju fil-port ta’ Aalborg, fuq il-Gudenå (ix-xmara Guden), fuq ix-xmara Odense u fil-port ta’ Kopenħagen. Il-port ta’ Aalborg huwa awtodeskritt bħala “port intern” filwaqt li l-port ta’ Odense huwa deskritt bħala “port tal-kanal.” Fuq ix-xmara Guden, l-operatur prinċipali jwettaq kruċieri fuq bażi staġjonali. Fil-port ta’ Kopenħagen, operatur jipproponi eskursjonijiet ta’ dgħajjes fuq il-kanali.
26. Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2017/2397 huma ssodisfatti għal ċerti portijiet, kanali u passaġġi fuq l-ilma interni, dan l-Istat Membru huwa għalhekk obbligat jittrasponi ż-żewġ direttivi b’mod limitat, skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397.
27. Din l-istituzzjoni żżid tgħid li r-riferiment magħmul mir-Renju tad-Danimarka għal dokumenti jew atti legali oħra li jsemmu l-assenza ta’ passaġġi fuq l-ilma interni fit-territorju Daniż, bħall-mappa tan-network trans-Ewropew (TEN-T) (6) tal‑1996 jew id-Direttiva (UE) 2016/1629 (7), ma huwiex rilevanti. Il-mappa TEN-T tindika biss li l-portijiet Daniżi ma jagħmlux parti min-networks trans-Ewropej. Id-Direttiva 2016/1629 għandha portata differenti minn dik tad-Direttiva 2017/2397. Filwaqt li d-Direttiva 2016/1629 tikkonċerna r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, id-Direttiva 2017/2397 tikkonċerna l-kwalifiki professjonali fil-qasam tan-navigazzjoni interna.
28. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-assenza, fi Stat Membru partikolari, ta’ ċerta attività koperta minn direttiva ma tistax teżenta lil dan l-Istat mill-obbligu tiegħu li jieħu miżuri sabiex jiżgura t-traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva (8).
29. Fir-risposta tagħha, ir-Renju tad-Danimarka tindika, preliminarjament, li t-tilwima tirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata tad-Direttivi 2017/2397 u 2021/1233. Ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni għandhom nuqqas ta’ qbil fundamentali dwar jekk in-navigazzjoni interna hijiex “teknikament possibbli” fid-Danimarka, fis-sens tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397. Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk ir-Renju tad-Danimarka ħax azzjoni f’waqtha biex jittrasponi dawn iż-żewġ direttivi u jikkomunikahom lill-Kummissjoni, iżda pjuttost jekk huwiex obbligat jittrasponi dawn iż-żewġ direttivi fid-dritt nazzjonali tiegħu. Din il-preċiżazzjoni hija essenzjali fid-dawl tat-talbiet ifformulati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(3) TFUE, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ma humiex issodisfatti.
30. L-ewwel nett, dan l-Istat Membru jenfasizza, li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li n-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni hija teknikament possibbli fit-territorju tiegħu, ħaġa li hija ma għamlitx.
31. It-tieni nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-oriġini leġiżlattiva tad-Direttiva 2017/2397 tindika li d-Danimarka, Ċipru u Malta kienu espressament esklużi mill-portata tagħha sa kważi tliet ġimgħat qabel il-ftehim finali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jikkonferma l-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka.
32. It-tielet nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-portata tad-Direttivi 2017/2397 u 2021/1233 għandha tinftiehem flimkien mal-portata tad-Direttiva 2016/1629. Il-lista tal-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni fl-Anness I ta’ din l-aħħar direttiva ma tagħmel l-ebda riferiment għall-passaġġi fuq l-ilma interni Daniżi. Barra minn hekk, l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2016/1629 jeskludi lid-Danimarka mill-portata tagħha.
33. Ir-raba’ nett, ir-Renju tad-Danimarka jenfasizza li strumenti legali oħra, bħall-mappa tal-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet tan-network ewlieni tal-Istati Membri elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/1679 (9) jew il-mappa tan-Network tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni u tal-Portijiet Ewropej li tirriżulta mill-Ftehim Ewropew dwar il-Kanali Interni Ewlenin ta’ Importanza Internazzjonali (AGN) (10), jikkonfermaw in-nuqqas ta’ passaġġi fuq l-ilma interni fit-territorju Daniż.
34. Il-ħames nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li ċerti portijiet jew kanali li għalihom tirreferi l-Kummissjoni huma konnessi mal-baħar u għalhekk ma jistgħux jiġu ddefiniti bħala passaġġi fuq l-ilma interni fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “passaġġ fuq l-ilma” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2017/2397. Dan huwa l-każ ta’ Limfjord (il-port ta’ Aalborg), tal-fjord ta’ Odense (il-port ta’ Odense) u tal-kanali ta’ Kopenħagen (il-port ta’ Kopenħagen). Lagi jew xmajjar oħra, bħal-lagi ta’ Silkeborg, ix-xmara Guden u x-xmara Odense), jintużaw għan-navigazzjoni rikreattiva u għad-dgħajjes żgħar, kuntrarjament għan-networks tax-xmajjar u tal-kanali kbar li d-Direttiva 2017/2397 hija intiża prinċipalment li tirregola.
35. Fl-aħħar nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ tiżgura r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tad-detenturi ta’ ċertifikat għan-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni.
36. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija wriet, permezz ta’ provi suffiċjenti, li r-Renju tad-Danimarka huwa suġġett għall-obbligu limitat ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397, skont l-Artikolu 39(3) tagħha, fid-dawl tal-elementi pprovduti relatati man-navigazzjoni staġjonali jew man-navigazzjoni f’żona ġeografika limitata li tkopri distanza ta’ inqas minn 10 kilometri. Peress li huwa r-Renju tad-Danimarka li jixtieq jinvoka d-deroga prevista fl-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397, huwa għandu l-oneru li jipprova li jissodisfa l-kundizzjonijiet stretti previsti minn din l-eżenzjoni, ħaġa li ma għamilhiex.
37. Fir-rigward tal-oriġini leġiżlattiva tad-Direttiva 2017/2397, il-Kummissjoni ssostni li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma waslux għal konklużjoni ċara li r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta għandhom jitqiesu bħala Stati Membri eżentati mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fit-test finali adottat, dawn l-Istati Membri ma humiex imsemmija fl-Artikolu 39, li jħalli lok għal interpretazzjoni dwar x’inhu teknikament possibbli f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma destinatarji ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 41 tagħha.
38. Skont il-Kummissjoni, l-argument tar-Renju tad-Danimarka, li huwa bbażat fuq l-esklużjoni tiegħu mill-portata tad-Direttiva 2016/1629, għandu jiġi miċħud. L-eżenzjoni mogħtija lir-Renju tad-Danimarka minn din id-direttiva ma testendix awtomatikament għad-Direttiva 2017/2397, li l-portata tagħha hija differenti, minkejja s-similaritajiet bejn iż-żewġ atti legali. Barra minn hekk, il-premessa 27 tad-Direttiva 2016/1629 kif ukoll l-istrumenti legali l-oħra invokati mir-Renju tad-Danimarka ma jippermettux li jiġi konkluż li ma hemmx passaġġi fuq l-ilma interni f’dan l-Istat Membru.
39. L-istess japplika għall-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka sabiex jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-eżempji ta’ portijiet, ta’ passaġġi fuq l-ilma interni u ta’ lagi pprovduti mill-Kummissjoni bħala passaġġi fuq l-ilma interni. Il-fatt li dawn il-passaġġi fuq l-ilma huma konnessi mal-baħar, l-impatt tal-kundizzjonijiet marittimi jew li ma jagħmlux parti minn network tax-xmajjar kbar ma jaffettwax il-klassifikazzjoni ta’ kull waħda minnhom bħala “passaġġ fuq l-ilma intern”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2017/2397. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, skont l-Artikolu 50, dwar id-delimitazzjoni tal-ilmijiet interni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (“UNCLOS”) (11), il-bokka tax-xmara, il-bajjiet u l-portijiet huma kklassifikati bħala “ilmijiet interni”, kunċett distint minn dak ta’ “baħar territorjali”.
40. Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jqis, l-ewwel nett, li l-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 2016/1629 għandu jkollhom effett fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 2017/2397. Iż-żewġ direttivi jirregolaw l-istess żona marittima. Il-kunċett ta’ passaġġi fuq l-ilma interni għandu għalhekk jiġi interpretat bl-istess mod sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti. It-tieni nett, huwa jirrepeti li l-eżempji ta’ passaġġi fuq l-ilma interni mogħtija mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali passaġġi fid-Danimarka. Il-portijiet ta’ Kopenħagen, Aalborg u Odense (li ssemmew mill-Kummissjoni bħala eżempji) kollha jikkonċernaw passaġġi fuq l-ilma konnessi mal-baħar u għalhekk suġġetti għal kundizzjonijiet marittimi bħall-marea u l-influwenza tal-ilma tal-baħar. Id-delimitazzjoni prevista fl-Artikolu 50 tal-UNCLOS ma tbiddilx dan.
2. Analiżi
41. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti f’dak l-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ tqis l-ebda tibdil sussegwenti (12).
42. Kif jidher mid-difiża u mill-kontroreplika ppreżentati mir-Renju tad-Danimarka f’dawn il-proċeduri, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati tat‑28 ta’ Settembru 2023, ir-Renju tad-Danimarka ma kienx adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu mal-obbligu limitat ta’ traspożizzjoni skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2021/1233 u, għalhekk, dak l-Istat Membru lanqas ma kien ikkomunika dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni fl-iskadenza ta’ dak it-terminu (13).
43. Madankollu, skont ir-Renju tad-Danimarka, ma hemmx nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għaliex, f’dan l-Istat Membru, in-navigazzjoni interna ma hijiex teknikament possibbli, ħaġa li twassal għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397.
44. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Renju tad-Danimarka jistax jinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi ddeterminata l-portata ta’ din l-eżenzjoni.
45. Il-kunċett ta’ “passaġġ fuq l-ilma intern” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2017/2397 bħala “passaġġ fuq l-ilma minbarra l-baħar, miftuħ għan-navigazzjoni b’inġenju msemmi fl-Artikolu 2.”
46. Il-kunċett ta’ navigazzjoni “teknikament possibbli” fuq passaġġi fuq l-ilma interni ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2017/2397. Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (14). L-oriġini ta’ dispożizzjoni bħal din tista’ tiżvela wkoll informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (15).
47. Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 39(4), il-kunċett ta’ navigazzjoni “teknikament possibbli” jirreferi għall-passaġġi fuq l-ilma interni navigabbli. In-navigazzjoni teknikament possibbli hija ddeterminata mill-kundizzjonijiet ġeografiċi u mir-rekwiżiti tekniċi (bħall-fond u l-pixka tal-passaġġi fuq l-ilma interni) li jippermettu navigazzjoni sikura (16). In-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni tista’ għalhekk titqies li ma hijiex teknikament possibbli jew meta l-passaġġi fuq l-ilma interni ma jeżistux fi Stat Membru, jew meta dawn ma jkunux adattati għall-attivitajiet ta’ navigazzjoni.
48. Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-kunċett ta’ navigazzjoni “teknikament possibbli” fuq passaġġi fuq l-ilma interni, għandu jiġi rrilevat li dan jaqa’ fil-kuntest ta’ deroga mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397. Bħala deroga mir-regola ġenerali ta’ traspożizzjoni, din għandha tiġi interpretata b’mod strett.
49. Kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, id-Direttiva 2017/2397 tistabbilixxi approċċ ta’ traspożizzjoni mmirat ibbażat fuq il-karatteristiċi ġeografiċi tal-Istati Membri (17) sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kemm is-sitwazzjoni tal-Istati Membri li fihom ma hemmx attività transfruntiera jew fejn in-navigazzjoni interna hija attività mhux frekwenti li sservi biss interessi lokali jew staġjonali u dik tal-Istati Membri li fihom in-navigazzjoni interna ma tkunx teknikament possibbli.
50. Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2017/2397, għall-Istati Membri li fihom in-navigazzjoni interna hija attività mhux frekwenti, li sservi biss interessi lokali jew staġjonali f’passaġġi fuq l-ilma li ma għandhomx konnessjonijiet ma’ Stati Membri oħra, l-obbligu ta’ traspożizzjoni huwa limitat sabiex jiġi żgurat li l-piż amministrattiv ta’ traspożizzjoni jkun proporzjonat. Skont il-premessa 16, għall-Istati Membri fejn in-navigazzjoni interna ma tkunx teknikament possibbli, ma għandux ikun hemm piż sproporzjonat ta’ traspożizzjoni.
51. Mill-kuntest tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 jirriżulta li l-assenza ta’ konnessjonijiet bil-passaġġi fuq l-ilma interni lejn Stati Membri oħra jew l-assenza ta’ trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni ma hijiex biżżejjed sabiex Stat Membru jiġi eżentat kompletament mit-traspożizzjoni. Fl-istess ħin, l-eżistenza ta’ attività minima ta’ navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni hija biżżejjed sabiex l-Istat Membru kkonċernat jidħol fil-portata tal-obbligu minimu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397.
52. Fir-rigward tal-għan tal-espressjoni “teknikament possibbli” u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2017/2397 hija intiża li tarmonizza l-kwalifiki professjonali tal-membri tal-ekwipaġġ fil-qasam tan-navigazzjoni interna sabiex tiffaċilita l-mobbiltà, tiżgura s-sigurtà tan-navigazzjoni u tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent. Mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżenzjoni mit-traspożizzjoni għall-Istati Membri fejn in-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni ma hijiex teknikament possibbli għandha l-għan li tevita piż amministrattiv sproporzjonat għal dawn l-Istati Membri. Dan l-għan ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa rifless ukoll għall-Istati Membri fejn in-navigazzjoni interna hija attività mhux frekwenti, li sservi biss interessi lokali jew staġjonali.
53. Minn dan isegwi li d-derogi mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397 jeżistu sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Sabiex l-għan tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv jipprevali fuq l-għan ta’ traspożizzjoni sħiħa, jiġifieri li jiġu żgurati l-mobbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent, Stat Membru għandu jkun jista’ juri li ma hemm l-ebda attività ta’ navigazzjoni interna teknikament possibbli. Jekk ikun hemm livell minimu ta’ din l-attività (jew il-possibbiltà teknika li din l-attività tiġi eżerċitata), l-obbligu minimu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva jiġi enfasizzat u l-eżenzjoni totali ma tapplikax.
54. L-oriġini leġiżlattiva tad-Direttiva 2017/2397 turi li l-obbligu ta’ traspożizzjoni kien is-suġġett ta’ dibattitu qabel l-adozzjoni definittiva. Il-proposta tal-Kummissjoni għad-direttiva pprevediet biss obbligu ġenerali ta’ traspożizzjoni (18). Fid-djalogu interistituzzjonali tripartitiku bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2017 (19), il-Parlament issuġġerixxa eżenzjoni espliċita mill-obbligu li d-Direttiva tiġi trasposta fir-Renju tad-Danimarka, fir-Repubblika ta’ Ċipru u fir-Repubblika ta’ Malta “sakemm in-navigazzjoni interna ma tkunx teknikament possibbli fit-territorju tagħhom.” Madankollu, fit-test finali adottat, ma kien hemm l-ebda referenza nominattiva għal dawn it-tliet Stati Membri.
55. Fl-assenza ta’ referenza nominattiva, ma hemmx prova, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, li n-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni ma hijiex teknikament possibbli f’dan l-Istat Membru. Dan pjuttost juri li l-leġiżlatur ma wasalx għal konklużjoni dwar dan il-punt u, kif sostniet il-Kummissjoni, ħalla l-kwistjoni ta’ dak li huwa teknikament possibbli miftuħa għall-interpretazzjoni.
56. Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni ssostni li n-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni hija possibbli u tista’ effettivament issir, pereżempju fil-port ta’ Aalborg, fuq ix-xmara Guden, fuq ix-xmara Odense u fil-port ta’ Kopenħagen. B’riferiment speċifiku għax-xmara Guden u għax-xmara Odense, il-Kummissjoni tindika li jeżisti servizz staġjonali għall-bastiment tal-kruċiera.
57. Ir-Renju tad-Danimarka ma jikkontestax l-eżistenza ta’ attività fuq dawn il-passaġġi, iżda jikkontesta l-klassifikazzjoni tagħhom bħala passaġġi fuq l-ilma interni. Huwa jippreċiża li l-port ta’ Aalborg, ix-xmara Odense u l-port ta’ Kopenħagen huma konnessi mal-baħar u huma suġġetti għal kundizzjonijiet marittimi bħall-marea u l-influwenza tal-ilma tal-baħar. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala passaġġi fuq l-ilma interni sa fejn il-kunċett ta’ “passaġġi fuq l-ilma interni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2017/2397 ikopri passaġġ fuq l-ilma “minbarra l-baħar.”
58. Jiena ma naqbilx mal-interpretazzjoni ta’ “passaġġ fuq l-ilma intern” proposta mir-Renju tad-Danimarka fis-sens tad-Direttiva 2017/2397. Għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “passaġġ fuq l-ilma intern” hija partikolarment wiesgħa. Il-kliem “minbarra l-baħar” ma jipprekludux li passaġġ fuq l-ilma li huwa konness jew ġej mill-baħar jiġi kklassifikat bħala “passaġġ fuq l-ilma intern”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm dan il-passaġġ fuq l-ilma jkun miftuħ għan-navigazzjoni mill-inġenji msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din direttiva.
59. Il-Kummissjoni ssostni li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-UNCLOS. Anki jekk naqbel li tali interpretazzjoni tikkorrobora d-delimitazzjoni tal-ilmijiet interni tal-baħar terrestri skont l-UNCLOS (20), għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tad-Direttiva 2017/2397, l-Artikolu 3(1) tagħha jiddefinixxi l-kunċett ta’ “passaġġ fuq l-ilma intern” b’mod awtonomu. Din id-definizzjoni hija biżżejjed sabiex tiġi adottata interpretazzjoni li tispjega li passaġġ tal-ilma konness mal-baħar jaqa’ fil-portata ta’ “passaġġ fuq l-ilma intern” fis-sens ta’ din id-direttiva (21).
60. Ir-Renju tad-Danimarka indikat li eżempji oħra, bħalma huma l-lagi ta’ Silkeborg, ix-xmara Guden jew ix-xmara Odense, ma humiex navigabbli mit-tip ta’ bastimenti msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2017/2397. Dawn il-lagi u x-xmajjar jintużaw għal dgħajjes żgħar u għan-navigazzjoni staġjonali u ma humiex konnessi man-network navigabbli ta’ Stat Membru ieħor li jiddistingwihom min-networks tax-xmajjar u tal-kanali kbar li din id-direttiva hija intiża prinċipalment li tirregola.
61. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li attività koperta minn direttiva tkun għadha ma teżistix fi Stat Membru ma jistax jeżenta lil dan l-Istat mill-obbligu tiegħu li jadotta liġijiet jew regolamenti sabiex jiżgura traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva (22). Huwa biss meta t-traspożizzjoni ta’ direttiva ma tkunx meħtieġa għal raġunijiet ġeografiċi li t-traspożizzjoni ma tkunx obbligatorja (23). Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-Renju tad-Danimarka. L-applikabbiltà tad-Direttiva 2017/2397 ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-Istati Membri jkollhom “networks tax-xmajjar u tal-kanali kbar”, terminu li barra minn hekk ma jintużax minn din id-direttiva. L-assenza ta’ attivitajiet transfruntiera u n-natura mhux frekwenti tan-navigazzjoni interna ma jammontawx għal impossibbiltà teknika tan-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni, li hija l-unika raġuni għall-eżenzjoni ta’ Stat Membru mit-traspożizzjoni skont l-Artikolu 39(4) ta’ din id-direttiva.
62. Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2017/2397 tipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li ma għandhomx passaġġi fuq l-ilma interni konnessi man-network navigabbli ta’ Stat Membru ieħor u li n-navigazzjoni tagħhom hija biss staġjonali, skont l-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva. L-eżempji ta’ passaġġi fuq l-ilma pprovduti mir-Repubblika tad-Danimarka ma humiex biżżejjed biex juru li t-traspożizzjoni tad-direttiva hija inutli għal raġunijiet ġeografiċi jew li n-navigazzjoni ma hijiex “teknikament possibbli”. Dawn pjuttost juru li n-navigazzjoni interna hija attività mhux frekwenti, li tiġġustifika obbligu minimu ta’ traspożizzjoni skont l-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva.
63. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni wkoll li l-eżenzjoni ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397 minn dan l-Istat Membru tista’ tiġi dedotta mill-eżenzjoni ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/1629 li minnha jibbenefika dan l-istess Stat Membru.
64. Id-Direttiva 2016/1629 tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Din tipprovdi, fl-Anness I tagħha, lista tal-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni maqsuma ġeografikament fiż-Żoni 1, 2 u 3. Din il-lista ma tinkludi ebda riferiment għall-passaġġi fuq l-ilma interni Daniżi. Barra minn hekk, l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2016/1629 jeskludi espliċitament ċertu numru ta’ Stati Membri, fosthom ir-Renju tad-Danimarka, mill-obbligu ta’ traspożizzjoni.
65. Il-ġustifikazzjoni tal-esklużjoni tat-traspożizzjoni skont id-Direttiva 2016/1629 hija esposta fil-premessa 27 ta’ din l-istess direttiva. Din il-premessa tipprovdi li, “[f]id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Latvja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u l-Finlandja, ma hemmx passaġġi fuq l-ilma interni, jew ma tintużax in-navigazzjoni interna b’mod sinifikanti”. Għal din ir-raġuni, ikun “obbligu sproporzjonat u mhux meħtieġ” għall-Istati Membri li jittrasponu u jimplimentaw din id-direttiva.
66. Ikolli naqbel li hemm xebh fil-portata u fid-definizzjonijiet bejn id-Direttiva 2016/1629 u d-Direttiva 2017/2397. Barra minn hekk, id-Direttiva 2016/1629 twettaq klassifikazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni, li ma tinkludix id-Danimarka. Wieħed jista’ jargumenta li fl-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni fil-kuntest tad-Direttiva 2017/2397, jista’ jsir riferiment għall-klassifikazzjoni prevista mid-Direttiva 2016/1629.
67. Madankollu, il-problema tal-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni prevista fid-Direttiva 2016/1629 għad-Direttiva 2017/2397 hija li, kif jindika l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1629, din il-klassifikazzjoni ssir “għall-finijiet ta’ din id-Direttiva” (jiġifieri d-Direttiva 2016/1629). Anki jekk il-kundizzjonijiet ġeografiċi ta’ Stat Membru jibqgħu l-istess, il-kunsiderazzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni li fuqhom hija bbażata l-applikabbiltà ta’ strument legali partikolari jistgħu jkunu differenti. B’differenza mid-Direttiva 2016/1629, fid-Direttiva 2017/2397 il-leġiżlatur stabbilixxa approċċ immirat għat-traspożizzjoni bbażat fuq kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk li fuqhom kienet ibbażata d-direttiva preċedenti.
68. Għalhekk, mill-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma Daniżi fil-kuntest tad-Direttiva 2016/1629 ma jistax jiġi dedott li ma jeżistux passaġġi fuq l-ilma interni fid-Danimarka. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, ebda konklużjoni differenti ma tista’ tinsilet mill-premessa 27 ta’ din l-aħħar direttiva. Din il-premessa ssemmi żewġ ġustifikazzjonijiet alternattivi għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ traspożizzjoni minn ċerti Stati Membri, jew minħabba li “ma hemmx passaġġi fuq l-ilma interni, jew [minħabba li n-]navigazzjoni interna [ma tintużax] b’mod sinifikanti.” Din il-premessa tikkorrobora l-argument li, f’ċerti Stati Membri, in-navigazzjoni interna tista’ tkun teknikament possibbli iżda ma tintużax b’mod sinjifikattiv.
69. Għandu jiġi enfasizzat ukoll il-fatt li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2016/1629, billi jeskludi espressament 11‑il Stat Membru, fosthom ir-Renju tad-Danimarka, fost id-destinatarji tagħha, jeżenta lil dawn l-Istati Membri mill-obbligu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, din l-eżenzjoni ma tistax tiġi estiża awtomatikament għad-Direttiva 2017/2397, li ma teskludi espressament ebda Stat Membru mid-destinatarji tagħha.
70. Fil-fatt, skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2017/2397, din id-direttiva tkopri lill-Istati Membri, mingħajr ebda eċċezzjoni.
71. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-qasam irregolat miż-żewġ direttivi huwa differenti. Id-Direttiva 2016/1629 tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għan-navigazzjoni interna filwaqt li d-Direttiva 2017/2397 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tal-persuni involuti fl-operat ta’ inġenju li jinnaviga fuq il-passaġġi fuq l-ilma tal-Unjoni u għar-rikonoxximent ta’ dawn il-kwalifiki fl-Istati Membri.
72. Id-differenza fis-suġġett taż-żewġ direttivi turi li l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lil-leġiżlatur sabiex jeżenta lil ċerti Stati Membri mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/1629, li tikkonċerna r-rekwiżiti tekniċi, ma kinux jipprevalu fir-rigward tal-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397, li jikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku. Filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li t-traspożizzjoni tar-rekwiżiti tekniċi tad-Direttiva 2016/1629 għall-bastimenti tkun sproporzjonata għall-Istati Membri fejn “ma hemmx passaġġi fuq l-ilma interni” jew għal dawk li fihom “ma tintużax in-navigazzjoni interna b’mod sinifikanti”, kien hemm diversi kunsiderazzjonijiet li kienu rilevanti f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku rregolat mid-Direttiva 2017/2397, li stabbilixxiet approċċ immirat għat-traspożizzjoni.
73. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm “sinerġiji” bejn iż-żewġ direttivi, fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fejn in-navigazzjoni interna ma hijiex sinjifikattiva u ma għandhiex passaġġi fuq l-ilma interni konnessi ma’ Stati Membri oħra.
74. Madankollu, is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn l-Istati Membri hija diġà inkluża fir-rikonoxximent mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ obbligu ta’ traspożizzjoni limitat skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397.
75. Għal raġunijiet essenzjalment identiċi, ma jistax jinsilet argument differenti mill-assenza ta’ riferiment għad-Danimarka fil-mapep tan-networks trans-Ewropej tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (24). Il-fatt li l-passaġġi fuq l-ilma Daniżi ma jagħmlux parti min-network komprensiv u ċentrali tat-trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni fis-sens tar-Regolament 2024/1679, ma jaffettwax il-portata tad-Direttiva 2017/2397. Kif diġà indikajt, id-Direttiva 2017/2397 tipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li ma għandhomx passaġġi fuq l-ilma interni konnessi man-network navigabbli ta’ Stat Membru ieħor u li ma jagħmlux parti minn network ewlieni.
76. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka għandha obbligu limitat li jittrasponi d-Direttiva 2017/2397, konformement mal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397 u mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2021/1233.
77. Għalhekk, billi ma adottax, fl-iskadenza tat-terminu preskritt fl-opinjonijiet motivati tat‑28 ta’ Settembru 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha meħtieġa biex jikkonforma ruħu ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, u, għalhekk, billi naqas milli jikkomunikahom lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka ma wettaqx l-obbligi tiegħu skont dawk id-dispożizzjonijiet.
B. Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu skont l-Artikolu 260(3) TFUE
1. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE
a) Argumenti tal-partijiet
78. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 260(3) TFUE għandu l-għan li jħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi adottati skont proċedura leġiżlattiva fit-termini stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li b’hekk jiżgura l-effettività reali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
79. Fil-kawża ineżami, id-Direttiva 2017/2397 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u r-Renju tad-Danimarka ma ssodisfax l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva u skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2021/1233 li jadotta u jippubblika, sa mhux iktar tard mis‑17 ta’ Jannar 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu ma’ dawn id-direttivi u biex jikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huma ssodisfatti.
80. Fid-difiża tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE. Il-qofol tal-kwistjoni mqajma f’dan ir-rikors huwa n-nuqqas ta’ qbil fuq il-mertu dwar jekk in-navigazzjoni interna hijiex possibbli jew le fir-Renju tad-Danimarka, fis-sens tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397. Għalhekk, il-kwistjoni mqajma ma hijiex jekk ir-Renju tad-Danimarka adottax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu ma’ dawn id-direttivi u jikkomunikahom lill-Kummissjoni, iżda pjuttost jekk dawn id-direttivi kinux applikabbli għar-r-Renju tad-Danimarka. Fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima, l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex applikabbli f’dan ir-rikors.
81. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li minn ġurisprudenza (25) stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax fil-kuntest ta’ rikors dwar jekk it-traspożizzjoni hijiex inkorretta, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun diġà informa lill-Kummissjoni b’tali traspożizzjoni. Għalhekk, il-portata tal-Artikolu 260(3) TFEU teskludi rikors li fih l-eżistenza ta’ ksur teħtieġ l-interpretazzjoni tal-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ direttiva.
82. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka informa lill-Kummissjoni, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, jiġifieri permezz tal-ittra tad‑19 ta’ Awwissu 2021, kif ukoll permezz ta’ notifika fis-sistema THEMIS, li huwa kien eżentat mit-traspożizzjoni skont l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka kkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu li “jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva” skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Fil-fatt, dan l-obbligu għandu jinftiehem fil-kuntest tal-att li għandu jiġi traspost. L-Artikolu 260(3) TFUE ma jobbligax lill-Istati Membri jipproċedu għal traspożizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-att leġiżlattiv rilevanti.
83. Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jżid jgħid li l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 ma jindikax preċiżament liema Stati Membri huma eżentati. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta biss huma eżentati mit-traspożizzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
84. Fl-aħħar nett, ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li, li kieku l-Artikolu 260(3) TFEU kien japplika fil-kawża ineżami, dan kien iċaħħdu mill-possibbiltà li jiddefendi l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkun f’riskju li jkun suġġetta għal sanzjonijiet pekunjarji.
85. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjoni tar-Renju tad-Danimarka li l-qofol tal-problema f’dan il-każ huwa “nuqqas ta’ qbil fuq il-mertu” dwar il-portata tal-Artikolu 39(4), hija żbaljata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tevalwa l-kontenut tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, peress li dawn ma ġewx ikkomunikati.
86. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-affermazzjoni tar-Renju tad-Danimarka li huwa kkonforma ruħu mal-obbligu ta’ komunikazzjoni. Il-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni ma tkoprix “kull miżura”, iżda għandha tkun utli (26). Id-dokumenti ppreżentati mir-Renju tad-Danimarka ma jissodisfawx dan il-kriterju.
b) Analiżi
87. Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, din tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas dan l-Istat Membru, li hija tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkustanzi. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità sal-limitu tal-ammont indikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.
88. Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod li, minn naħa, tippermetti li jiġu ggarantiti l-prerogattivi miżmuma mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża u l-pożizzjoni proċedurali li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 258 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 260(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, tpoġġi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha ta’ deċiżjoni, f’proċediment wieħed, dwar jekk l-Istat Membru inkwistjoni wettaqx l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri li jittrasponu d-direttiva inkwistjoni u, fejn ikun rilevanti, tevalwa l-gravità tan-nuqqas iddikjarat u timponi s-sanzjoni pekunjarja li tqis l-iktar adattata għaċ-ċirkustanzi tal-kawża partikolari (27).
89. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, fis-sens li dawn jirrigwardaw l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, fejn l-Istati Membri huma meħtieġa jindikaw, għal kull dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet ta’ direttiva, id-dispożizzjonijiet li jittrasponuha (28). Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fi proċeduri ġudizzjarji mibdija skont l-Artikolu 260(3) TFUE, li għandha teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni (29).
90. Għaldaqstant, il-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE tkopri mhux biss is-sitwazzjoni ta’ nuqqas totali ta’ attività ta’ Stat Membru sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu “proċedurali” ta’ komunikazzjoni, iżda wkoll in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu materjali li l-Kummissjoni tingħata informazzjoni ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni għal kull dispożizzjoni ta’ direttiva. Is-sitwazzjoni ta’ transpożizzjoni żbaljata, madankollu, hija eskluża, u trid tiġi indirizzata fil-kuntest tal-proċeduri normali skont l-Artikolu 258 TFUE (30).
91. Fil-kawża ineżami, ma huwiex ikkontestat li r-Renju tad-Danimarka ma kkomunika lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni relatata mal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397. Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa ċar li l-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli. B’kuntrast ma’ dan, skont ir-Renju tad-Danimarka, dan ma huwiex il-każ peress li ma kienx obbligat jittrasponi d-Direttiva, skont l-Artikolu 39(4) tagħha. Fil-fatt, fid‑19 ta’ Awwissu 2021 – sew qabel l-iskadenza tad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – ir-Renju tad-Danimarka kkomunika lill-Kummissjoni li kien iqis ruħu eżentat mill-obbligu li jittrasponi d-direttiva skont dik l-aħħar dispożizzjoni (31).
92. Il-mistoqsija li titqajjem hija dwar jekk sitwazzjoni bħal din tistax titqies bħala nuqqas ta’ twettiq ta’“l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva” skont it-tifsira tal-Artikolu 260(3) TFUE.
93. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitqies il-metodu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva, li huwa s-suġġett tar-rikors tal-Kummissjoni, u l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-derogi mill-obbligu ta’ traspożizzjoni. Id-Direttiva 2017/2397 ma tipprevedix obbligu ta’ traspożizzjoni uniformi għall-Istati Membri kollha. Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq (32), hemm approċċ immirat għat-traspożizzjoni fejn il-portata tal-obbligu ta’ traspożizzjoni tvarja minn traspożizzjoni sħiħa, traspożizzjoni limitata u minima sa ebda traspożizzjoni, skont, kull darba, l-issodisfar ta’ċerti kriterji.
94. L-approċċ immirat ta’ traspożizzjoni stabbilit minn din id-direttiva ma jeżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża lill-Kummissjoni (33). Madankollu, il-kontenut ta’ din l-informazzjoni jiddependi neċessarjament mill-portata tal-obbligi ta’ traspożizzjoni tagħhom skont id-dispożizzjoni invokata.
95. L-analiżi tiegħi iktar ’il fuq dwar l-eżistenza ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE turi li d-determinazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ traspożizzjoni previst mid-Direttiva 2017/2397 ma hijiex evidenti. Hija teħtieġ interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(3) u (4) tad-Direttiva 2017/2397. Filwaqt li l-portata tal-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva tista’ tiġi ddeterminata b’riferiment għall-Artikolu 2(3) tagħha, dik tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 teżiġi li interpretazzjoni tal-kriterju astratt tan-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni ma tkunx “teknikament possibbli”.
96. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-proposta tiegħi li l-Kummissjoni rnexxielha tissodisfa l-oneru tal-prova li l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397 huwa applikabbli fil-kawża ineżami, għall-kuntrarju tal-Artikolu 39(4) tagħha, dan ma jistabbilixxix awtomatikament l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Fil-kawża ineżami, dan ir-rikors jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel tiddetermina l-portata tal-obbligi ta’ traspożizzjoni previsti minn din id-direttiva.
97. Id-determinazzjoni dwar jekk ir-Renju tad-Danimarka kellux raġun meta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 biex iqis ruħu eżentat mit-traspożizzjoni, tikkonċerna, fl-aħħar mill-aħħar, il-korrettezza tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (34), tista’ tiġi stabbilita biss skont l-Artikolu 258 TFUE mingħajr ma l-ksur iwassal għall-impożizzjoni immedjata ta’ sanzjonijiet skont l-Artikolu 260(3) TFUE.
98. Fil-kuntest ta’ tali approċċ immirat u speċifiku tat-traspożizzjoni, meta l-eżenzjoni totali mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tkun ibbażata fuq kriterji astratti, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva minn Stat Membru, li jqis li jissodisfa dawn il-kriterji, ma huwiex biss ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ azzjoni. Din tirriżulta mill-interpretazzjoni li huwa jadotta tal-portata tal-eżenzjoni. Il-validità ta’ din l-interpretazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja skont l-Artikolu 258 TFUE.
99. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku l-Istati Membri koperti mill-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397 kellhom jissemmew b’mod espliċitu. F’tali sitwazzjoni, ma jkun hemm ebda tilwima sostantiva dwar liema Stat Membru jaqa’ fil-portata tal-eżenzjoni. Li kieku t-test finali kellu jsemmi biss lir-Repubblika ta’ Ċipru u lir-Repubblika ta’ Malta – l-Istati Membri li, skont il-Kummissjoni, huma l-uniċi li fit-territorju tagħhom in-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni ma hijiex “teknikament possibbli” – ma kien ikun hemm l-ebda dubju li r-Renju tad-Danimarka ma jkunx eżentat mill-obbligu li jittrasponi d-Direttiva.
100. Madankollu, din ma kinitx l-għażla tal-leġiżlatur. Is-sens tal-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, “huwa suġġett għal interpretazzjoni ta’ dak li huwa teknikament possibbli f’kull Stat Membru” (enfasi miżjuda minni).
101. Għandu jiġi rrikonoxxut ukoll li l-fatt li r-Renju tad-Danimarka ġie eżentat fi stadji preċedenti tal-proċedura leġiżlattiva jżid mal-inċertezza dwar il-portata tal-eżenzjoni li għalhekk teħtieġ interpretazzjoni.
102. Fil-każ ta’ tilwima dwar l-interpretazzjoni ta’ kull waħda mill-għażliet ta’ traspożizzjoni previsti minn din id-direttiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-għażla applikabbli. Din il-kwistjoni, mhux talli ma hijiex evidenti, iżda teħtieġ qabelxejn li tingħata sentenza ta’ kjarifika fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 258 TFUE (35). Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza, huwa biss f’dan il-każ li jkun possibbli li jiġu imposti sanzjonijiet skont l-Artikolu 260(2) TFUE.
103. Jekk jiġi aċċettat li f’sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli, dan ikun irrikonċiljabbli mal-għan ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan segwit bl-introduzzjoni tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu kemm jista’ jkun malajr il-ksur ta’ obbligi li, fl-assenza ta’ miżura bħal din, ikomplu jippersistu, iżda wkoll biex jissimplifika u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunarji għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali li tittrasponi direttiva adottata permezz ta’ proċedura leġiżlattiva (36).
104. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ma huwiex possibbli li l-proċedura mħaffa għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet isservi l-għanjiet li jħeġġu lill-Istat Membru kkonċernat jittrasponi d-direttiva u li jissimplifika u jħaffef il-proċedura. Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss fil-preżenza ta’ obbligu ta’ traspożizzjoni ċar u mhux ikkontestat. Madankollu, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur eżenta kompletament lill-Istati Membri mit-traspożizzjoni meta jissodisfaw kriterji astratti li jeħtieġu interpretazzjoni.
105. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara li din tkun tat deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni korretta tal-portata tal-obbligu ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, dan japplika iktar u iktar fil-kuntest ta’ dan ir-rikors fejn, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, id-ir-Renju tad-Danimarka sostna l-pożizzjoni tiegħu li huwa ma għandux passaġġi fuq l-ilma interni u għalhekk huwa eżenti mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397 fuq il-bażi tal-Artikolu 39(4) tagħha (37).
106. Il-kuntest leġiżlattiv li minnu jagħmel parti l-Artikolu 260(3) TFUE, li jinkludi l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE, isaħħaħ ukoll l-interpretazzjoni li qegħda nipproponi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE tagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jikkontestaw il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni f’kawża partikolari, fir-rigward tal-miżuri li jippermettu li tiġi żgurata transpożizzjoni korretta tad-direttiva inkwistjoni, mingħajr ma jkunu esposti immedjatament għar-riskju li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuqhom. Tali sanzjoni tista’ tiġi imposta biss, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-ewwel sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (38).
107. Fi kliem ieħor, Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jaqsam il-perspettiva tiegħu dwar il-portata tal-obbligu ta’ traspożizzjoni meta dan l-obbligu jiddependi fuq kriterji stabbiliti mil-leġiżlatur u jikkontesta l-pożizzjoni diverġenti tal-Kummissjoni, mingħajr it-theddida ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti immedjatament marbuta ma’ din il-possibbiltà. Inkella, kif sostna r-Renju tad-Danimarka, l-effettività tal-proċedura prekontenzjuża tista’ tiġi kompromessa.
108. Ir-riskju ta’ sanzjonijiet pekunjarji kif ukoll il-mument li minnu jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet jikkostitwixxu differenza sinjifikattiva bejn sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE u sentenza mogħtija skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Kif ġie enfasizzat fid-duttrina, filwaqt li skont l-Artikolu 258 TFUE, somma f’daqqa tista’ tiġi imposta biss wara t-tieni sentenza tal-Artikolu 260(2) TFUE, “skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tista’ tiġi imposta somma f’daqqa għall-perijodu qabel l-għoti ta’ (l-ewwel u l-unika) sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (39).” L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq Stat Membru minn din “l-ewwel u l-unika” sentenza għal nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva b’eċċezzjoni integrata għat-traspożizzjoni tkun ta’ natura li tippreġudika l-kredibbiltà tas-sistema ta’ sanzjonijiet.
109. Bħala kumment finali, nixtieq nenfasizza li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar każijiet ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni minkejja li l-Istati Membri kienu kkontestaw l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni minħabba l-allegata irrilevanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttivi kkonċernati.
110. Huwa minnu li jirriżulta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tali evalwazzjoni minn Stat Membru hija manifestament insuffiċjenti sabiex teżentah mill-obbligu tiegħu li jadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ direttiva jew mill-obbligu tiegħu li jikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (40).
111. Madankollu, dan ir-rikors ma jikkonċernax Stat Membru li jikkontesta r-rilevanza tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li huwa normalment obbligat jittrasponi. Din hija direttiva li tipprevedi approċċ immirat speċifiku għat-traspożizzjoni fejn l-eżenzjoni totali mit-traspożizzjoni hija inkorporata f’dispożizzjoni li tista’ twassal għal interpretazzjonijiet differenti.
112. Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax fiċ-ċirkustanzi tar-rikors ineżami sa fejn teżisti tilwima sostantiva dwar il-portata tal-obbligu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397, u b’mod iktar partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju astratt li jeżenta Stat Membru mit-traspożizzjoni, skont l-Artikolu 39(4) tagħha. Għalhekk, it-talba tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma għandhiex tintlaqa’.
2. Is-sanzjonijiet pekunjarji
a) Argumenti tal-partijiet
113. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Renju tad-Danimarka kemm somma f’daqqa kif ukoll pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sa mill-jum tal-għoti tas-sentenza, fuq il-bażi tal-Artikolu 260(3) TFUE, wara l-konstatazzjoni li dan l-Istat Membru kien naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2017/2397 u 2021/1233.
114. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet skont il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex tiġi evitata kull ripetizzjoni, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal‑2023/C 2/01 intitolat “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (41).
115. Ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji li, fil-fehma tiegħu, ma humiex xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami. Dan għandu jkollu l-possibbiltà li jieħu miżuri sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE jintlaqa’. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tiġi imposta sanzjoni pekunjarja, huma biss pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li jkunu xierqa u jidħlu fis-seħħ minn data sussegwenti għal dik tas-sentenza.
b) Analiżi
116. Ma nara l-ebda bżonn li nagħti opinjoni dwar il-kalkolu eżatt tas-sanzjonijiet finanzjarji, peress li jien tal-opinjoni li l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami. Madankollu, nixtieq ngħaddi xi kummenti, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħi.
117. Għandu jiġi enfasizzat li l-awturi tal-Artikolu 260(3) TFUE, sabiex jilħqu l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, ipprevedew żewġ tipi ta’ sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità.
118. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-miżuri tiddependi mill-kapaċità rispettiva tagħhom li jilħqu l-għan imfittex skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża. Jekk l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tidher partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ lil Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, jista’ jippersisti, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija bbażata iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat li jwettaq l-obbligi tiegħu fuq l-interessi pubbliċi u privati, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (42).
119. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar li, f’kull kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża li hija ppreżentata biha kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, is-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (43).
120. Fil-kawża ineżami, għar-raġunijiet li spjegajt fit-tul fl-analiżi tiegħi iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Renju tad-Danimarka huwa dovut għall-interpretazzjoni żbaljata tiegħu tal-portata tal-obbligu tiegħu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/2397. Din il-kwistjoni għandha, qabelxejn, tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Istat Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji ma sservix bħala deterrent sabiex jiġi evitat li ksur simili tad-dritt tal-Unjoni jerġa’ jseħħ fil-futur.
121. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq li timponi sanzjoni pekunjarja, nipproponi, skont dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, li jiġu imposti biss pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.
122. Fir-rigward tal-kalkolu tal-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li għandha tiddetermina d-data li fiha l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ (44). Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża ineżami (45), jidher xieraq li l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum jiġu imposti minn data sussegwenti għall-għoti tas-sentenza, li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti tal-Ġustizzja (46), sakemm l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat (47). L-iffissar ta’ din id-data tal-bidu tad-dekorrenza wara d-data tal-għoti tas-sentenza jippermetti lir-Renju tad-Danimarka jikkonforma ruħu mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 39(3) u (4) tad-Direttiva 2017/2397.
V. Spejjeż
123. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha ġġarrab l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li, kif nipproponi, il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka tilfu rispettivament fuq talba, għandhom jiġu kkundannati jġarrbu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
VI. Konklużjoni
124. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
(1) Tiddikjara li billi, fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjonijiet motivati tal-Kummissjoni Ewropea tat‑28 ta’ Settembru 2023, ir-Renju tad-Danimarka ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/EEC u 96/50/KE u mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2021/1233 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri ta’ tranżizzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi, jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, huwa naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet,
(2) Tiċħad il-kumplament tar-rikors
(3) Tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju tad-Danimarka jġarrbu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 ĠU 2017, L 345, p. 53.
3 ĠU 2021, L 274, p. 52.
4 Ara, b’mod ġenerali, Grimaldi, M., Inland waterway transport: the European legal framework, Routledge, Oxon/New York, 2023, p. 132 sa 212.
5 Ara l-premessa 43 tad-Direttiva 2017/2397.
6 Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 2, p. 364) (iktar ’il quddiem il-“mappa TEN-T”).
7 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU 2016, L 252, p 118; rettifika fil-ĠU 2019, L 181, p. 123).
8 Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, IlKummissjoni vs IlBelġju (C‑422/05, EU:C:2007:342, punt 59), u tal‑14 ta’ Jannar 2010, IlKummissjoni vs IrRepubblika Ċeka (C‑343/08, EU:C:2010:14, punti 39 sa 42).
9 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L 2024/1679; rettifika ĠU L 2025/90901).
10 Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2072, p. 313.
11 Konkluża f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, p. 3).
12 Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2002, IlKummissjoni vs IlGreċja (C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 23), u tal‑25 ta’ April 2024, IlKummissjoni vs IlPolonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 28).
13 Fl-analiżi sussegwenti tiegħi, għall-konvenjenza tal-qarrej, sa fejn id-Direttiva 2021/2397 temenda dispożizzjonijiet li għalihom jeżisti obbligu ta’ traspożizzjoni limitata skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397, ser nirreferi biss għal din l-aħħar direttiva.
14 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (C‑292/82, EU:C:1983:335, punt 12), u tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea (C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 23).
15 Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2025, IdDanimarka vs IlParlament u IlKunsill (Pagi minimi adegwati) (C‑19/23, EU:CEU:C:2025:865, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara Jessen, H., “EU Law and Inland Waterway Transportation’ f’Jessen, H. u Werner, M.J., (eds.), EU Maritime Transport Law, , Beck, Hart, Nomos, 2016, p. 54 u van Dorsser, C., “Existing waterway infrastructures and future needs” f’ Wiegmans, B. u Konings, R. (edituri), Inland waterway transport – Challenges and prospects, Routledge, Londra, 2016, p. 99 sa 124, fil-p. 99.
17 Ara l-punt 19 aktar il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
18 Ara l-Artikolu 35 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KE COM (2016) 82 final, 18.2.2016 (ara l-Artikolu 35 tal-proposta).
19 Dokument ta’ ħidma tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, Brussell 9 ta’ Ġunju 2017.
20 L-Artikolu 8(1) tal-UNCLOS jipprovdi li, bl-eċċezzjoni tal-Parti IV ta’ din il-konvenzjoni (dwar l-Istati arċipelaġiċi), “ilmijiet il-ġewwa lejn l-art mil-linja bażi tal-baħar territorjali jifformaw parti mill-ilmijiet interni tal-Istat.” Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ilmijiet interni huma ilmijiet kostali ddefiniti b’kuntrast mal-baħar terrestri. Ara Bangert, K., “Internal Waters” f’Max Planck Encyclopaedia of Public International Law (Oxford Public International Law) u Churchill, R.R u Lowe, A.V., The Law of the Sea, it-tielet edizzjoni, Juris Publishing, Manchester University Press, 1999, p. 60, li jispjegaw li l-ilmijiet interni huma dawk li “jinsabu fuq l-art mil-linja bażi tal-baħar territorjali u żoni marittimi oħra.”
21 Dan ma jipprekludix klassifikazzjoni ġuridika differenti mill-Istat Membru kkonċernat għal finijiet oħra minbarra d-Direttiva 2017/2397. Ara Coelho, N.F. u Raakjaer, J., “Governance of inland port classification: insights from the Limfjord in Denmark” WMU Journal of Maritime Affairs, Vol. 25, 2025, p. 119.
22 Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, IlKummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑343/08, EU:C:2010:14, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Ibid, punt 42.
24 Ara l-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/1679.
25 Ir-Renju tad-Danimarka jirreferi għas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, IlKummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 55).
26 Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punti 51 sa 54).
27 Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 230(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 58) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 55).
28 Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 230(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 56). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba dawn jiġu kkomunikati, u wara li tkun irċeviet ukoll, fejn applikabbli, tabella ta’ korrelazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, għall-finijiet tat-talba ta’ sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta fuq l-Istat Membru inkwistjoni, prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, jekk ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni humiex manifestament nieqsa jew ma jkoprux it-territorju kollu tal-Istat Membru inkwistjoni.
29 Ibid.
30 Ara Prete, L., “Infringement proceedings in EU Law’, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2017, p. 239-290; idem, “Infringement Procedures and Sanctions under Article 260 TFEU: Evolution, Limits and Future Prospects’ in Montaldo, S., Costamagna, F. u Miglio, A. (edituri) EU Law Enforcement: The Evolution of Sanctioning Powers, Routledge, Londra, 2021, p. 71, f’p. 75 et seq.
31 L-ittra rilevanti mibgħuta mir-Renju tad-Danimarka lill-Kummissjoni hija parti mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
32 Ara l-punt 19 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
33 Dan jirriżulta wkoll mill-premessa 43 tad-Direttiva 2017/2397.
34 Ara l-punt 90 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:322, punt 71).
36 Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 230(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52) u tas‑6 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs Ir-Reppubblika Ċeka (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑152/23, EU:C:2025:147, punt 78).
37 Fl-ittra tagħha tad‑19 ta’ Awwissu 2021, wara li rreferiet għall-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2017/2397, ir-Renju tad-Danimarka jikkonkludi li “għalhekk, aħna nqisu li ma huwiex possibbli li tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba, peress li l-komunikazzjonijiet elenkati fl-Anness tal-ittra huma kollha relatati ma’ attivitajiet relatati mal-passaġġi fuq l-ilma interni u mat-taħriġ tal-persunal tal-passaġġi fuq l-ilma interni li ma jeżistux fid-Danimarka.”
38 Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, IlKummissjoni vs IlBelġju (Artikolu 260(3) TFUE – Network b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 57).
39 Prete, L., u Smulders, B., “The age of maturity of infringement proceedes”, Common Market Law Review, Vol. 58, Issue 2, 2021, p. 285 sa 332, fil-p. 329. Ara wkoll A. Wendenburg, “The one stage infringement procedure (Artikolu 260(3) TFUE) and the irrelevance of political crises in Member States in the recent case law of the CJEU”, (2021) Vol. 54, Revista General de Derecho Europeo, Vol. 54, 2021, p. 3.
40 Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑152/23, EU:C:2019:147, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 ĠU 2023 C 2, p. 1.
42 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, IlKummissjoni vs LIrlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 76).
43 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, IlKummissjoni vs LIrlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 78).
44 Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 91).
45 Ċirkustanzi li fid-dawl tagħhom, għar-raġunijiet li diġà esponejt iktar ’il fuq (punti 87 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet), għandu jitqies li l-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax.
46 Fid-dawl tal-obbligu limitat ta’ traspożizzjoni, previst fl-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2017/2397, ta’ numru minimu ta’ dispożizzjonijiet, terminu ta’ ftit xhur mill-għoti tas-sentenza jista’ jkun biżżejjed.
47 Pagamenti ta’ penalità jistgħu jiġu imposti biss sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja.