Official Journal L 337 , 04/12/1990 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 35 P. 0171
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 35 P. 0171
Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 tas-26 ta’ Novembru 1990 dwar l-importazzjoni ta’ ross li joriġina fil-Bangladexx IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 113 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi l-Komunità ntrabtet, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Urugwaj Round, li toffri arranġamenti preferenzjali ta’ importazzjoni għar-ross li joriġina mill-Istati l-anqas żviluppati mhux tal-ACP li wrew interess u li huma mniżżla f’Anness V li jinsab mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4258/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 li japplika preferenzi ġenerali ta’ tariffi għall-1989 fir-rigward ta’ ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw f’pajjiżi li qed jiżviluppaw [1]; Billi l-arranġamenti preferenzjali tal-importazzjoni li huma suġġetti għall-offerta indirizzata lill-pajjiżi l-anqas żviluppati jinvolvu tnaqqis fl-imposta fuq importazzjoni lejn il-Komunità fil-limiti ta’ dawk il-kwantitajiet bi tradizzjoni mportati mill-Komunità, bil-kondizzjoni li t-taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ ammont li jikkorrispondi mat-tnaqqis tinġabar mill-pajjiż li qed jesporta; Billi wieħed mill-pajjiżi li lilu l-offerta kienet indirizzata, il-Bangladexx, wera l-interess tiegħu fl-iżvilupp tal-kummerċ fir-ross; Billi ċertifikat ta’ oriġini jista’ jiżgura li l-vantaġġi tal-arranġamenti huma ristretti biss għar-ross li joriġina fil-Bangladexx, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Bangladexx u fil-limiti tal-kwantitajiet stipulati f’Artikolu 2, l-imposta tal-importazzjoni fuq ir-ross li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 100610 (eskluż il-kodiċi NM 10061010), 100620 u 100630 tkun daqs l-imposta applikabbli fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, imnaqqsa bi: (a) għar-ross għadu fil-fosdqa li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 100610, eskluż il-kodiċi NM 10061010; - 50 %, u - EKU 3,6; (b) għar-ross bil-qoxra li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 100620: - 50 % u - EKU 3,6; (ċ) għar-ross parzjalment mitħun jew mitħun kollu li jaqa’ taħt il-kodiċi tal-NM 100630: - l-ammont tal-protezzjoni tal-industrija msemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1418/76 [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1806/89 [3], fil-każ ta’ ross parzjalment mitħun, skond ir-rata tal-konverżjoni għar-ross mitħun kollu u ross parzjalment mitħun kif imsemmi fit-tielet inċiż ta’ Artikolu 19(a) ta’ dak ir-Regolament, - 50 % u - EKU 5,4. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika unikament: - għall-importazzjonijiet li għalihom l-importatur jipprovdi evidenza li taxxa tal-esportazzjoni ta’ ammont li jikkorrispondi mat-tnaqqis imsemmi f’dak il-paragrafu tkun inġabret mill-pajjiż esportatur, - għall-prodott li għalih l-awtorità kompetenti tal-pajjiż esportatur tkun ħarġet ċertifikat ta’ oriġini. Artikolu 2 1. It-tnaqqis fl-imposta provdut f’Artikolu 1 għandu jkun limitat, bis-sena kalendarja, għal kwantità ekwivalenti għal 4000 tunnellati metriċi ta’ ross bil-qoxra. Il-kwantitajiet fi stadji tat-titħin għajr l-istadju tar-ross bil-qoxra jinqalbu bl-użu tar-rati tal-konverżjoni stabbiliti f’Artikolu 1 tar-Regolament Nru 467/67/KEE [4], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 2325/88 [5]. 2. Il-Kummissjoni għandha twaqqaf l-applikazzjoni tal-Artikolu 1 hekk kif tkun ċerta li, matul is-sena kurrenti, l-importazzjonijiet li jikkwalifikaw taħt id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu kisbu l-kwantità ndikata fil-paragrafu 1. Artikolu 3 Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond il-proċeduri preskritti f’Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 1418/76. Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika b’effett mill-1 ta’ Novembru 1990. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-26 ta’ Novembru 1990. Għall-Kunsill Il-President C. Donat Cattin [1] ĠU L 375, tal-31.12.1988, p. 47. [2] ĠU L 166, tal-25.6.1976, p. 1. [3] ĠU L 177, tal-24.6.1989, p. 1. [4] ĠU C 204, tal-24.8.1967, p. 1. [5] ĠU L 202, tas-27.7.1988, p. 41. --------------------------------------------------