European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/897

16.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/897

tal-15 ta’ Mejju 2025

li japprova l-elenkar tal-portijiet f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi regoli u miżuri dwar il-marġni ta’ tolleranza permess f’estimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord il-bastimenti tas-sajd.

(2)

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi biex jiġu stmati b’mod preċiż il-qabdiet abbord skont l-ispeċi, l-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jipprevedi deroga mill-marġni ta’ tolleranza eżistenti li tista’ tingħata għall-iżbarki ta’ qabdiet mhux magħżula mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. L-istess deroga tapplika għall-estimi rreġistrati fid-dikjarazzjoni tat-trażbord, f’konformità mal-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

(3)

Tali deroga tista’ tingħata biss jekk l-ispeċijiet maqbuda f’dak is-sajd jiġu żbarkati jew trażbordati fil-portijiet elenkati u dan soġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, tal-Istati Membri kostali u tal-Istati Membri tal-bandiera stabbiliti fil-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 (3).

(4)

Għall-elenkar tal-portijiet, il-portijiet iridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 u approvati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Id-Danimarka ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tinkludi sitt portijiet li jinsabu fit-territorju tagħha, jiġifieri l-portijiet ta’ Skagen, Thyborøn, Hirtshals, Grenå, Hvide Sande u Hanstholm, fil-lista tal-portijiet approvati mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474.

(6)

Il-Latvja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tinkludi port wieħed li jinsab fit-territorju tagħha, jiġifieri l-port ta’ Ventspils, fil-lista ta’ portijiet li jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474.

(7)

Abbażi tal-informazzjoni u tal-evidenza ppreżentata mid-Danimarka u mil-Latvja fl-applikazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 għal kull port li ġie propost biex ikun elenkat ġew issodisfati, wara valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mid-Danimarka, il-portijiet ta’ Skagen, Thyborøn, Hirtshals, Grenå, Hvide Sande u Hanstholm jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 għall-elenkar tal-portijiet fl-Unjoni. Il-portijiet għandhom fis-seħħ proċeduri biex jiżguraw l-użin preċiż tal-qabdiet kollha. B’mod speċifiku, dawn il-portijiet huma mgħammra b’sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV, closed-circuit television), imwieżen tat-tagħbija u mwieżen għal kwantitajiet sfużi, delu tal-kampjunar semiawtomatizzat konness direttament mas-separaturi tal-ilma, u piżaturi indipendenti terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti għall-użin preċiż huma appoġġati ulterjorment mill-pjanijiet ta’ kampjunar u kontroll approvati mill-Kummissjoni għall-portijiet ta’ Skagen, Thyborøn, Hirtshals, Grenå, Hvide Sande u Hanstholm, li ġew implimentati mid-Danimarka skont l-Ordni Nazzjonali Nru 1765 tat-3 ta’ Settembru 2021.

(9)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mil-Latvja, il-port ta’ Ventspils jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 għall-elenkar tal-portijiet fl-Unjoni. Il-port għandu fis-seħħ proċeduri biex jiżgura l-użin preċiż tal-qabdiet kollha. B’mod speċifiku, dan il-port huwa mgħammar b’sistema ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tas-CCTV, imwieżen tal-pallets, kif ukoll delu tal-kampjunar semiawtomatizzat konness direttament mas-separatur tal-ilma u persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali li jimmonitorjaw bis-sħiħ il-preċiżjoni tal-użin ta’ kull żbark u trażbord tal-qabdiet. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti għall-użin preċiż huma appoġġati ulterjorment mill-pjan ta’ kampjunar approvat mill-Kummissjoni li ġie implimentat mil-Latvja skont ir-Regolamenti Nazzjonali Nru 94.

(10)

Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata, jenħtieġ li l-portijiet proposti biex jiġu elenkati mid-Danimarka u mil-Latvja, jiġu approvati u jiddaħħlu fil-lista tal-portijiet imsemmija fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tal-elenkar tal-portijiet

Il-Kummissjoni tapprova l-portijiet li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2842/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 tal-24 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fl-estimi tal-qabdiet għall-kwantitajiet mhux magħżula, żbarkati u trażbordati mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża (ĠU L, 2024/1474, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1474/oj).


ANNESS

Lista tal-portijiet approvati skont il-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474

Isem tal-port elenkat

Post

L-Unjoni / Pajjiż terz

Stat Membru applikant

Skagen (DNKSKA)

Id-Danimarka

L-Unjoni

Id-Danimarka

Hirtshals (DNKHIR)

Id-Danimarka

L-Unjoni

Id-Danimarka

Hanstholm (DNKHAN)

Id-Danimarka

L-Unjoni

Id-Danimarka

Thyborøn (DNKTHY)

Id-Danimarka

L-Unjoni

Id-Danimarka

Hvide Sande (DNKHVS)

Id-Danimarka

L-Unjoni

Id-Danimarka

Grenå (DNKGRE)

Id-Danimarka

L-Unjoni

Id-Danimarka

Ventspils (LVVEN)

Il-Latvja

L-Unjoni

Il-Latvja


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/897/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)