9.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1614

tal-10 ta’ Lulju 2023

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem l-Unjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ta’ persuni arrestati u detenuti skont il-liġi nazzjonali tiegħu talli ħadu sehem, ’il barra mix-xtut tas-Somalja, bi ksur tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-Somalja jew fi traffikar ta’ drogi narkotiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill, bid-Deċiżjoni (PESK) 2020/2188 (1), estenda l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK (2), sal-31 ta’ Diċembru 2022 u wessa’ l-mandat tagħha sabiex jiġu inklużi ż-żewġ kompiti eżekuttivi sekondarji ta’ kontribut għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-Somalja u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ drogi narkotiċi ’l barra mix-xtut tas-Somalja.

(2)

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK tipprevedi li jistgħu jiġu konklużi ftehimiet ma’ Stati terzi, abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija fuq bażi ta’ każ b’każ mill-Kunsill, biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment minn Stat Membru ta’ persuni arrestati u detenuti skont il-liġi nazzjonali tiegħu talli pparteċipaw bi ksur tal-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi fuq is-Somalja jew fit-traffikar ta’ drogi narkotiċi ’l barra mix-xtut tas-Somalja, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni ta’ tali persuni. Tali ftehimiet għandhom jinkludu kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ tali persuni konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi ggarantit b’mod partikolari li l-persuni kkonċernati ma jkunux soġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.

(3)

Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment minn Stat Membru ta’ persuni arrestati u detenuti skont il-liġi nazzjonali tiegħu talli ħadu sehem bi ksur tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-Somalja jew fi traffikar ta’ drogi narkotiċi ’l barra mix-xtut tas-Somalja.

(4)

Fit-12 ta’ Diċembru 2022, permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2441 (3), il-Kunsill biddel l-isem ta’ Atalanta f’EUNAVFOR ATALANTA’, estenda l-mandat tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2024 u ddeċieda li, filwaqt li teżerċita l-kompiti tagħha, din għandha tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar.

(5)

Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tas-Seychelles abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-20 ta’ Mejju 2021.

(6)

Jenħtieġ li l-ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tas-Seychelles jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ta’ persuni arrestati u detenuti skont il-liġi nazzjonali tiegħu talli ħadu sehem, ’il barra mix-xtut tas-Somalja, bi ksur tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-Somalja jew fi traffikar ta’ drogi narkotiċi (il-“Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2188 tat-22 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 74).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (EUNAVFOR ATALANTA) ((ĠU L 301 12.11.2008, p. 33).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2441 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 80).

(4)  Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.