KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2019 ( 1 )

Kawża C‑26/18

Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung

vs

Hauptzollamt Frankfurt am Main

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dejn doganali — Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ importazzjoni — Rekwiżit ta’ dħul ta’ merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni — Preżunzjoni”

1. 

Fis-sentenzi Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig ( 2 ) u Wallenborn Transports ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domandi preliminari, magħmula mill-Finanzgericht Hamburg u l-Hessisches Finanzgericht (il-Qrati tal-Finanzi ta’ Hamburg u ta’ Hesse, il-Ġermanja), dwar il-possibbiltà li, b’mod simultanju, isir kemm il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, kif ukoll tad-dejn doganali, meta fit-tranżazzjoni ntaxxata ma jkunux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tad-dwana.

2. 

Fil-konklużjonijiet fl-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kawżi ( 4 ), enfasizzajt li din il-possibbiltà ma hijiex awtomatika kif jista’ jiġi dedott minn qari inizjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Mejju 2014, X ( 5 ). Sostnejt li t-tnissil ta’ dejn doganali ma għandux għalfejn jimplika, b’mod inevitabbli, il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-teorija fiż-żewġ sentenzi msemmija iktar ’il fuq.

3. 

Il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse) tagħmel domanda preliminari ġdida dwar l-impożizzjoni doppja. B’mod partikolari, temmen li fl-aħħar żewġ sentenzi hemm ċerta kontradizzjoni, fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ċċarat jekk merkanzija tkunx ġiet inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Definittivament, dan huwa l-fattur ewlieni li jippermetti li jiġi deċiż jekk dan id-dejn doganali għandux jiġi akkumulat mad-dejn tal-VAT.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 6 )

4.

Skont l-Artikolu 202:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)

l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b)

l-introduzzjoni kontra l-liġi f’parti oħra ta’ dak it-territorju ta’ dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

[…]”

5.

L-Artikolu 203 jispeċifika li:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

–

tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

[…]”

6.

L-Artikolu 204 jipprovdi li:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)

tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

(b)

tan-nuqqas ta’ konformità ma’ kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji,

f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.

[…]”

2. Id-Direttiva 2006/112/KE ( 7 )

7.

Konformement mal-Artikolu 2(1)(d), “l-importazzjoni ta’ merkanzija” tiġi suġġetta għall-VAT.

8.

L-Artikolu 30 jindika li:

“‘Importazzjoni ta’ merkanzija’ għandha tfisser id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu 24 tat-Trattat.

Minbarra t-transazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li tinsab f’ċirkolazzjoni ħielsa, li ġejja minn territorju terz li jifforma parti mit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jitqies bħala l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

9.

Skont l-Artikolu 60 tad-Direttiva 2006/112:

“Il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol fil-Komunità.”

10.

L-Artikolu 61 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li:

“Bħala deroga mill-Artikolu 60, fejn, malli tidħol fil-Komunità, merkanzija li mhijiex f’ċirkolazzjoni ħielsa titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 156, jew taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju ta’ importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ transitu esterni, il-post ta’ importazzjoni ta’ tali merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

B’mod simili, meta, mad-dħul fil-Komunità, merkanzija li hija f’ċirkolazzjoni ħielsa titpoġġa taħt waħda mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 276 u 277, il-post ta’ l-importazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.”

11.

Skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2006/112:

“1.   Meta, mad-dħul fil-Komunità, il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skond politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta’ dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.

2.   Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali.”

12.

Konformement mal-Artikolu 156(1)(a), l-Istati Membri jistgħu jeskludu, fost tranżazzjonijiet oħrajn, “il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li tiġi ppreżentata lid-dwana u, fejn applikabbli, poġġuta f’ħżin temporanju”.

B.   Id-dritt nazzjonali. L-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) ( 8 )

13.

Skont l-Artikolu 1:

“(1) It-tranżazzjonijiet li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa:

1.   il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa t-territorju Ġermaniż minn impriża fil-kuntest tal-attività tagħha.

[…]

4.   L-importazzjonijiet ta’ merkanzija fil-Ġermanja […] (taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni);

[…]”

14.

Skont l-Artikolu 13, l-Artikolu 21(2) tal-UStG japplika għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni.

15.

L-Artikolu 21(2) tal-UstG jistabbilixxi li:

“[i]r-regoli doganali japplikaw b’analoġija għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni […]”.

II. Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2008, l-Uffiċċju tad-Dwana tal-ajruport ta’ Ateni informa lill-Hauptzollamt Frankfurt am Main (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Frankfurt am Main; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tad-Dwana”) li, f’Jannar 2008, kien hemm xi irregolaritajiet fl-iskema ta’ tranżitu Komunitarju bl-ajru fir-rigward ta’ 18-il kunsinna li saru mill-Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung (iktar ’il quddiem “FedEx”). L-investigazzjonijiet indikaw li kien hemm involuta merkanzija li kienet ġejja minn Iżrael, il-Messiku u l-Istati Uniti, b’destinazzjoni fil-Greċja.

17.

L-Uffiċċju tad-Dwana bagħat lil FedEx, fit‑30 ta’ Novembru u fl‑1 ta’ Diċembru 2010, total ta’ ħames notifiki, fejn talab lura, b’mod partikolari, il-VAT fuq l-importazzjoni tal-imsemmija kunsinni.

18.

Skont l-Uffiċċju tad-Dwana,

–

f’14 minn dawn il-kunsinni, il-merkanzija ma kkonformatx mal-Artikolu 40 tal-KDK (preżentazzjoni lid-dwana) u, għaldaqstant, ġiet importata irregolarment fit-territorju doganali tal-Unjoni, li rriżulta f’dejn doganali (Artikolu 202 tal-KDK). Fir-rigward tal-VAT fuq l-importazzjoni, l-Uffiċċju tad-Dwana invoka l-Artikolu 21(2) tal-UStG;

–

l-4 kunsinni l-oħrajn ġew irtirati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-depożitu, li wassal għal dejn doganali konformement mal-Artikolu 203 tal-KDK.

19.

FedEx ħallset il-VAT fuq l-importazzjoni li tirriżulta mill-avviżi ta’ impożizzjoni rċevuti. Madankollu, f’Novembru 2011, hija talbet ir-rimbors ta’ din il-VAT, fejn allegat, b’mod partikolari, li t-taxxa doppja applikata kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

20.

L-Uffiċċju tad-Dwana rrifjuta t-talba għal rimbors tal-VAT. Il-maġġoranza tal-ilmenti ta’ FedEx lanqas ma rnexxew, u din ippreżentat rikors quddiem il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse).

21.

Skont din il-qorti, it-tilwima tirrigwarda l-merkanzija li waslet fl-Unjoni, li l-ewwel daħlet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-ajru sabiex, sussegwentement, tiġi ttrasportata, minn dan l-istess ajruport, f’ajruplan ieħor għall-Greċja. Għandu jiġi ċċarat jekk il-VAT fuq l-importazzjoni fil-Ġermanja saritx dovuta meta l-introduzzjoni ta’ din il-merkanzija fl-Unjoni kisret id-dispożizzjonijiet doganali jew meta, ladarba ma twettaqx tali ksur, it-trasport ulterjuri tagħha lejn il-Greċja sar mingħajr ma ġie suġġett għall-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern.

22.

F’dan il-kuntest, il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse) tagħmel dawn id-domandi preliminari:

“1)

Importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/112 […] tippreżupponi li l-merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema?

Fil-każ fejn importazzjoni tippreżupponi d-dħul tal-merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni:

2)

Merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol awtomatikament fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fil-każ fejn, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, din ma titqiegħed taħt l-ebda skema fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2006/112 jew, għalkemm tkun ċertament inizjalment tqiegħdet taħt tali skema, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, sussegwentement ma tibqax suġġetta għal din l-iskema, jew, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, id-dħul fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li jista’ jiġi preżunt li, minħabba dan il-ksur, il-merkanzija tkun daħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fit-territorju fiskali tal-Istat Membru li fih twettaq il-ksur u setgħet kienet is-suġġett ta’ konsum jew ta’ użu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2018.

24.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn FedEx, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, kif ukoll ir-rappreżentant tal-Uffiċċju tad-Dwana, kienu preżenti fis-seduta pubblika li saret fil‑5 ta’ Diċembru 2018.

25.

FedEx issostni li, wara l-wasla tagħha f’Ateni, il-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera u għall-konsum, wara li ġiet suġġetta għall-VAT fuq l-importazzjoni tal-Greċja. Fl-opinjoni tagħha, mis-sentenza Wallenborn Transports jirriżulta li, sabiex mad-dejn doganali jiżdied dejn tal-VAT, ma huwiex suffiċjenti s-sempliċi riskju li, riżultat tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li wassal għal dejn doganali, il-merkanzija setgħet tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, minħabba li hija l-ġurisdizzjoni nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan id-dħul sarx.

26.

Skont FedEx, għalkemm tnissel dejn doganali skont l-Artikolu 202(1) jew l-Artikolu 203(1) tal-KDK, xorta għandu jiġi eżaminat jekk saritx importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112. Ma huwiex suffiċjenti li l-merkanzija tkun ġiet introdotta fl-Unjoni, minħabba li għandha tkun f’ċirkulazzjoni libera jew tkun irriżultat minn wieħed mill-arranġamenti previsti fl-Artikolu 61 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(1) ta’ din id-direttiva.

27.

Konsegwentement, skont FedEx, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li importazzjoni tippreżupponi li l-merkanzija li tasal fit-territorju tal-Unjoni tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tagħha u li, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, jista’ jiġi preżunt li l-merkanzija ġiet introdotta f’dan iċ-ċirkwit mit-territorju fiskali tal-Istat Membru fejn ikun twettaq il-ksur.

28.

L-Uffiċċju tad-Dwana jsostni li l-introduzzjoni tal-merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni kienet saret fil-Ġermanja, minħabba li huwa f’dan l-Istat Membru li sar il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. Għaldaqstant, il-VAT għandha titħallas fil-Ġermanja u mhux fil-Greċja.

29.

Il-Gvern Grieg jipproponi risposta għall-ewwel domanda preliminari, fis-sens li importazzjoni mhux biss isseħħ bl-introduzzjoni tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, iżda anki meta jkun jeżisti r-riskju li ssir din l-introduzzjoni. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

30.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-merkanzija li hija s-suġġett tal-kawża ġiet introdotta fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni probabbilment fil-Greċja, u dan jimplika t-tnissil ta’ dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni. L-uniku dubju huwa fejn u meta tnissel dan id-dejn.

31.

Il-Kummissjoni żżid li anki fil-Ġermanja tnissel dejn doganali, jew minħabba li hawnhekk il-merkanzija kisbet aċċess irregolarment, jew minħabba li f’dan l-Istat Membru tneħħiet minn taħt is-sorveljanza doganali kontra l-liġi. Kwalunkwe waħda minn dawn iż-żewġ ċirkustanzi twassal għall-VAT fuq l-importazzjoni, għalkemm dan huwa possibbli biss jekk ikun jista’ jiġi rrikonoxxut li l-merkanzija tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, b’tali mod li, għal dan il-għan, is-sempliċi riskju li jkun twettaq dan id-dħul ma huwiex suffiċjenti.

32.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Kummissjoni tindika li l-qorti tar-rinviju għandha tanalizza jekk hijiex iġġustifikata l-preżunzjoni li l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali ġġenera, barra mid-dejn doganali, dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni, minħabba l-wasla tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

33.

Skont il-Kummissjoni, minħabba li l-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-merkanzija telqet mill-Ġermanja f’direzzjoni lejn Stat Membru ieħor, fejn tqassmet lid-destinatarji tagħha, għandu jiġi rrikonoxxut li daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Jekk dan id-dħul sar fil-Ġermanja bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, id-dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni kien tnissel f’dan l-Istat Membru. Skont il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma tibdilx il-fatt li l-VAT għandha titħallas darba biss u li għandha tkun sostnuta mill-konsumatur finali, b’dan jiġi kkonfermat fit-teoriji differenti li din tifformula dwar dan is-suġġett.

34.

Għalhekk, bħala risposta għat-tieni domanda, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li d-dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni jista’ jkun sar fil-post u fil-mument fejn il-merkanzija ma kienet jew ma baqgħet koperta minn ebda skema doganali.

IV. Evalwazzjoni

A.   Fuq l-ammissibbiltà (parzjali)

35.

Il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112, li skontha jkun hemm “importazzjoni ta’ merkanzija” suġġetta għall-VAT meta merkanzija tkun ġiet introdotta fit-territorju tal-Unjoni mingħajr ma tkun koperta minn ebda arranġament jew sitwazzjoni li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 61(1) ta’ din id-direttiva, jew meta inizjalment tkun, iżda iktar tard ma tibqax, koperta.

36.

Madankollu, iżżid li wara li jiġu kkunsidrati l-iskop tal-VAT u, fuq kollox, ċerti kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenzi reċenti ( 9 ), jista’ jkun hemm dubju dwar jekk is-sempliċi introduzzjoni ta’ merkanzija f’dawn iċ-ċirkustanzi tistax titqies bħala “importazzjoni”. Għaldaqstant, jista’ jitqies meħtieġ li l-merkanzija tkun daħlet effettivament fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, mingħajr ma jkun suffiċjenti s-sempliċi riskju ta’ dan id-dħul.

37.

Skont l-informazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju, dak li huwa diskuss fil-proċedura tar-rinviju huwa jekk il-merkanzija li waslet fl-Unjoni, li daħlet bl-ajru fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex sussegwentement, mingħajr ma toħroġ mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main, tiġi ttrasportata, bl-istess mod, lejn il-Greċja, hijiex suġġetta għall-VAT fuq l-importazzjoni f’dawn iż-żewġ ċirkustanzi:

–

ġew miksura d-dispożizzjonijiet doganali fil-Ġermanja; jew

–

ġiet ittrasportata lejn il-Greċja mingħajr ma ġiet suġġetta għall-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern prevista mil-leġiżlazzjoni doganali ( 10 ).

38.

Fid-dawl ta’ dan l-approċċ, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf: a) jekk il-mument meta u l-post fejn il-VAT fuq l-importazzjoni saret dovuta fuq l-importazzjoni jiddependux fuq id-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, u b) jekk ir-riskju li jkun twettaq dan id-dħul huwiex suffiċjenti.

39.

Madankollu, fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse) tikkonkludi li l-merkanzija fl-ebda mument ma daħlet fit-territorju fiskali Ġermaniż, iżda kompliet sejra lejn Ateni, fejn ġiet inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni ( 11 ).

40.

Jekk il-fatti ġraw b’dan il-mod, l-ewwel domanda preliminari tista’ tiġi kklassifikata bħala ipotetika u, għaldaqstant, bħala inammissibbli ( 12 ). Fil-fatt, ladarba jiġi pprovat u rrikonoxxut mill-qorti tar-rinviju li l-merkanzija ma daħlitx fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fil-Ġermanja, iżda fil-Greċja, fejn kienet iddestinata għall-konsum, ma jibqax jagħmel sens li jiġi mistoqsi jekk “huw[iex] suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija [introdotta fit-territorju tal-Unjoni] tidħol [f]is-sistema [ta’ din tal-aħħar]”.

41.

Nirrepeti li, fiċ-ċirkustanza deskritta fid-digriet tar-rinviju, ma kienx hemm riskju li l-merkanzija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni mill-Ġermanja. Barra minn hekk, jiġi żgurat b’mod kategoriku li kien fil-Greċja fejn sar dan id-dħul u fejn il-merkanzija kienet iddestinata għall-konsum. Jekk dan huwa l-każ, ma naħsibx li huwa meħtieġ li nirrikorri għal preżunzjoni, ladarba l-fatt diġà ġie pprovat, u lanqas ma huwa meħtieġ li wieħed jeżamina r-riskju li jista’ jseħħ.

42.

Għalhekk, ma għandhiex tiġi aċċettata domanda, b’mod astratt, dwar “sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema [ekonomika tal-Unjoni]” meta, fil-kuntest tal-kawża prinċipali u fid-dawl tal-fatti li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra stabbiliti, nirrepeti li ma hemmx problema ta’ riskju, iżda biss il-konstatazzjoni tal-aċċess tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

43.

Għaldaqstant, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda interess għajr dak purament ipotetiku.

44.

Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-istess opinjoni, ser nittratta l-mertu ta’ din l-ewwel domanda billi nanalizza, bħala risposta għat-tieni waħda, sa fejn jew taħt liema kundizzjonijiet, is-sempliċi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jista’ jwassal għall-preżunzjoni li tkun daħlet merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

B.   Fuq il-mertu

45.

Kif indikajt fil-konklużjonijiet tal-kawża Wallenborn Transports ( 13 ), “[i]l-fattur determinanti għall-impożizjoni tal-VAT fuq l-importazzjoni huwa li l-merkanzija li tkun imposta fuqha tista’ tiġi integrata fl-ekonomija tal-Unjoni u, għalhekk, tkun suġġetta għal konsum ulterjuri”.

46.

Kont fakkart li dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eurogate Distribution, fejn jitqies li mad-dejn doganali ġġenerat bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali “jista’ jiżdied [i]d-dejn [tal-VAT] jekk l-aġir illegali uniku li ġġenera dan id-dejn jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata ddaħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u, għalhekk, setgħet ġiet suġġetta għal konsum, jiġifieri, att li jagħti lok għall-ġbir tal-VAT” ( 14 ).

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess prinċipju meta ddeċidiet il-kawża Wallenborn Transports ( 15 ).

48.

Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, ġustament “[fuq il-bażi ta]l-aġir illegali uniku li [kien i]ġġenera dan id-dejn [doganali]” — jiġifieri, fuq il-bażi tal-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali diskuss fil-proċeduri rispettivi u tal-kuntest tiegħu — ma jistax jiġi aċċettat li l-merkanzija inkwistjoni kienet daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni:

–

fil-kawża Eurogate Distribution, minħabba li, minkejja n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li wieħed jirreġistra kif xieraq, fir-reġistri tal-ħażna, il-ħruġ tal-merkanzija mill-iskema ta’ depożitu doganali, ġie pprovat li l-merkanzija kienet koperta mill-iskema ta’ depożitu doganali sal-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, “u ma huwiex ikkontestat li ma kien jeżisti ebda riskju li din tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni” ( 16 ).

–

fil-kawża Wallenborn Transports, minħabba li, minkejja li l-merkanzija tneħħiet kontra l-liġi minn taħt is-sorveljanza doganali f’żona libera u ma kinitx għadha f’din iż-żona, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat bħala pprovat li, qabel ma l-merkanzija ħarġet miż-żona ħielsa b’destinazzjoni finali fi Stat terz “ma [kinitx ġiet] imdaħħla fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istat Membru li ż-żona ħielsa taqa’ fit-territorju tiegħu, peress li, wara li tneħħiet mis-sorveljanza doganali, il-merkanzija inizjalment baqgħet fiż-żona ħielsa u minn hemm la ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera u lanqas ġiet ikkonsmata jew użata” ( 17 ).

49.

Ċertament, fil-kawża Eurogate Distribution, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għar-riskju li l-merkanzija inkwistjoni kienet daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni ( 18 ).

50.

Jidher li l-qorti tar-rinviju tinterpreta dan ir-riferiment bħallikieku l-fattur determinanti, sabiex jiġi stabbilit jekk saritx importazzjoni, kien li tiġi vverifikata l-preżenza ta’ dan ir-riskju. Peress li fil-kawża Wallenborn Transports ġie konkluż li l-fattur determinanti kien li jiġi vverifikat li l-merkanzija ma kinitx daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku ( 19 ), il-qorti tar-rinviju tinnota ċerta kontradizzjoni, li wasslitha sabiex tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti, jew le, is-sempliċi riskju ta’ dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni sabiex tkun dovuta l-VAT fuq l-importazzjoni.

51.

Qari fid-dettall tas-sentenzi msemmija jippermetti li jiġi eskluż kwalunkwe ħjiel ta’ kontradizzjoni bejniethom.

52.

Fil-prinċipju, l-idea dejjem kienet li l-VAT fuq l-importazzjoni ssir dovuta bid-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-risposta għall-ewwel waħda mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tħalli l-ebda dubju: “Importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva [tal-VAT] tippreżupponi li l-merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni” mingħajr ma “[jkun] suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema”.

53.

Minkejja dan, id-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni jista’: a) jiġi kkonstatat bħala fatt li verament seħħ (dħul fiżiku), jew b) purament jiġi preżunt. Skont id-Direttiva 2006/112, dan tal-aħħar huwa l-każ fejn ikunu preżenti numru ta’ ċirkustanzi (pereżempju, iseħħ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali).

54.

Fil-verità, f’dan ir-rigward, hemm serje ta’ preżunzjonijiet ġuridiċi:

–

l-ewwel waħda hija li kwalunkwe merkanzija introdotta fit-territorju ta’ Stat Membru minn Stat terz tkun iddestinata għall-konsum u, għaldaqstant, hija intiża li tiġi inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata jekk il-merkanzija tkun koperta minn ċerti arranġamenti previsti fil-leġiżlazzjoni doganali, bħalma huma dawk tat-tranżitu estern jew tad-depożitu doganali.

–

it-tieni preżunzjoni tidher meta l-ewwel waħda tiġi kkonfutata. F’din l-ipoteżi, jiġi implikat (jiġi preżunt) li, minkejja li kienet tinsab fiżikament fit-territorju tal-Istat Membru, il-merkanzija ma daħlitx fl-Unjoni u, għaldaqstant. ma tistax tiġi inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tagħha.

–

l-effettività tat-tielet preżunzjoni tibda tapplika meta t-tieni waħda ma tibqax tapplika, minħabba li tkun kisret il-leġiżlazzjoni doganali li kienet tagħmilha possibbli. F’din iċ-ċirkustanza, jista’ jingħad li terġa’ ssir valida l-preżunzjoni inizjali (jiġifieri li l-merkanzija li tidħol fit-territorju tal-Unjoni hija maħsuba li tiġi inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni) u jingħalaq iċ-ċirku.

55.

Fi kliem ieħor, dan huwa dak li jippreżentaw is-sentenzi Wallenborn Transports u Eurogate Distribution: “[D]ejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali uniku li ġġenera dan id-dejn jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata daħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u, għalhekk, setgħet ġiet suġġetta għal konsum, jiġifieri, att li jagħti lok għall-ġbir tal-VAT” ( 20 ).

56.

Kemm jekk l-ewwel preżunzjoni (l-inklużjoni fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni tal-merkanzija introdotta minn Stat terz), kif ukoll it-tieni waħda (in-nuqqas ta’ inklużjoni f’dan iċ-ċirkwit tal-merkanzija li hija suġġetta għal ċerta skema) jistgħu jiġu kkonfutati, dan jista’ jseħħ anki fir-rigward tat-tielet waħda (l-inklużjoni fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-merkanzija li kisret il-leġiżlazzjoni doganali li kienet tagħmel it-tieni preżunzjoni possibbli). L-ebda waħda mit-tliet preżunzjonijiet ma hija inkonfutabbli (iuris et de iure), iżda kollha jammettu provi kuntrarji (iuris tantum).

57.

Fil-kawżi Wallenborn Transports u Eurogate Distribution dan li ġej kien preċiżament dak li ġara: il-preżunzjoni li l-merkanzija kienet daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali (it-tielet preżunzjoni) ġiet ikkonfutata, minħabba li ma ġiex ipprovat li, minkejja dan il-ksur, il-merkanzija ma kinitx ġiet inkluża f’dan iċ-ċirkwit:

–

fil-kawża Eurogate Distribution minħabba li, minkejja n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu ta’ iskrizzjoni, seta’ jiġi pprovat li l-merkanzija kienet koperta mill-iskema ta’ depożitu doganali sal-esportazzjoni mill-ġdid tagħha ( 21 ).

–

fil-kawża Wallenborn Transports minħabba li, għalkemm il-merkanzija tneħħiet kontra l-liġi minn taħt is-sorveljanza doganali, ġie pprovat li baqgħet fiż-żona ħielsa u la ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni ħielsa, la kkonsmata u lanqas użata ( 22 ).

58.

Effettivament, fis-sentenza Eurogate Distribution, ġie konkluż li “[l]-merkanzija kienet koperta mill-proċedura tad-depożitu doganali sakemm ġiet esportata mill-ġdid u ma huwiex ikkontestat li ma kien jeżisti ebda riskju li din tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni” ( 23 ). Kif indikajt iktar ’il fuq, jidher li din l-aħħar sentenza toħloq dubju lill-qorti tar-rinviju, li tinterpretaha fis-sens li hija biżżejjed l-invokazzjoni tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju sabiex jiġi kkunsidrat ċert id-dħul tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni.

59.

Fl-opinjoni tiegħi, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tgħid b’din is-sentenza huwa li, ladarba f’din il-kawża l-merkanzija kienet koperta mill-iskema ta’ depożitu doganali, il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali ma kienx jippermetti li jiġi dedott, fiċ-ċirkustanzi deskritti, li daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, fi kliem ieħor, wieħed seta’ jopponi b’suċċess il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, billi l-merkanzija ġiet esportata mill-ġdid u, konsegwentement, ma ġietx inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni ( 24 ).

60.

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi konkluż li s-sempliċi riskju ta’ dħul ta’ merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, marbut mal-ksur ta’ ċerti regoli doganali, jinvolvi, b’mod inevitabbli, il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

61.

Jekk wieħed jittrasponi dawn l-argumenti għall-kawża inkwistjoni, dejjem fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-fatti tad-digriet tar-rinviju, il-ksur tad-dispożizzjonijiet doganali fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, fejn il-merkanzija ġiet sempliċement ittrażbordata minn ajruplan għal ieħor lejn il-Greċja, isir irrilevanti fir-rigward tal-impożizzjoni, fil-Ġermanja, tal-VAT fuq l-importazzjoni (anki jekk ġie ġġenerat id-dejn doganali, li ma jiġi diskuss minn ħadd).

62.

Dan l-istess nuqqas tat-twettiq tal-obbligi formali ma ppermettiex il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, skont is-sentenza Wallenborn Transports, jekk il-merkanzija kienet iddestinata għall-esportazzjoni mill-ġdid, ippreċeduta mid-depożitu tagħha fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, minħabba li l-esportazzjoni mill-ġdid kienet timplika n-nuqqas ta’ dħul tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Ma narax għalfejn kellu jiġri l-kuntrarju meta d-destinazzjoni tal-merkanzija kienet, wara li sar it-tranżitu tagħha fl-ajruport fi Frankfurt am Main ( 25 ), il-Greċja, il-pajjiż fejn sar id-dħul ekonomiku (jiġifieri l-aċċess reali għaċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni) u r-rilaxx għall-konsum ulterjuri tagħha.

63.

Fi kliem ieħor, ladarba ġie pprovat li, fil-verità, il-merkanzija ma daħlitx fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fil-Ġermanja, iżda fil-Greċja, l-irregolarità formali li seħħet fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main ma tipprovdix, minnha nnifisha, bażi legali suffiċjenti sabiex tkun dovuta l-VAT fuq l-importazzjoni fil-Ġermanja.

64.

Għalhekk, naqbel mal-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju stess tagħmel tas-sentenza Eurogate Distribution, sabiex tapplikaha għall-kawża li għandha tiddeċiedi dwarha: “Skont dan il-kriterju, fil-każ inkwistjoni, l-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ [VAT] ma tikkorrispondix għall-importazzjoni Ġermaniża, minħabba li la l-introduzzjoni irregolari u lanqas l-irtirar tal-kontroll doganali ma wasslu sabiex il-merkanzija tidħol, mit-territorju fiskali Ġermaniż, fis-sistema ekonomika tal-Unjoni. Dan minħabba li ġie pprovat li baqgħet sejra lejn Ateni u kien hemmhekk [il-Greċja] li kienet iddestinata għall-konsum” ( 26 ).

65.

Għaldaqstant, tapplika r-regola tal-Artikolu 60 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri li l-importazzjoni tal-merkanzija (u, konsegwentement, l-impożizzjoni tal-VAT) “għand[ha] [t]kun [f]l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol fil-Komunità”.

66.

Kwistjoni differenti hija li, kif indikat il-Kummissjoni matul is-seduta, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex provi li, fil-verità, il-VAT tħallset fil-Greċja ( 27 ). Madankollu, dan ma huwiex każ fejn għandu jiġi ddeterminat x’inhu dak li verament ġara, iżda x’inhu dak li kellu jiġri fid-dawl ta’ dak previst mid-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ.

67.

Dak li kellu jiġri, skont id-dritt tal-Unjoni, huwa li, ladarba l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-merkanzija ma kinitx daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni mill-Ġermanja, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma setgħux jeżiġu l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, iżda l-ħlas tad-dejn iġġenerat mill-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali biss.

V. Konklużjoni

68.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara bħala inammissibbli l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hesse, il-Ġermanja) u tirrispondi t-tieni domanda kif ġej:

“L-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri fid-dawl tal-Artikoli 30 u 60 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

l-importazzjoni ta’ merkanzija timplika d-dħul tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, b’tali mod li jiġi preżunt li dan id-dħul seħħ fl-Istat Membru fejn din il-merkanzija ma baqgħet koperta minn ebda wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2006/112;

–

f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra din il-preżunzjoni bħala kkonfutata, jekk jiġi stabbilit li, għalkemm seħħ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li tirregola l-arranġamenti tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2006/112 — li wassal għall-ġenerazzjoni ta’ dejn doganali fl-Istat Membru fejn twettaq il-ksur — il-merkanzija ġiet introdotta fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fejn kienet iddestinata għall-konsum, b’tali mod li wassal għall-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT f’dan l-aħħar Stat Membru.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016 (C‑226/14 u C‑228/14, EU:C:2016:405); iktar ’il quddiem is-“sentenza Eurogate Distribution”.

( 3 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017 (C‑571/15, EU:C:2017:417); iktar ’il quddiem is-“sentenza Wallenborn Transports”.

( 4 ) Kawżi C‑226/14 u C‑228/14, EU:C:2016:1.

( 5 ) Kawża C‑480/12, EU:C:2014:329.

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307); iktar ’il quddiem il-“KDK”.

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

( 8 ) Liġi tal‑21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, iktar ’il quddiem l-“UStG”.

( 9 ) B’mod partikolari, is-sentenzi Eurogate Distribution u Wallenborn Transports; dik tal‑15 ta’ Mejju 2014, X (C‑480/12, EU:C:2014:329); u tat‑18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392).

( 10 ) L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tad-digriet tar-rinviju.

( 11 ) It-tieni paragrafu tal-punt 2(b) tad-digriet tar-rinviju.

( 12 ) In-natura ipotetika tad-domanda tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet, flimkien mal-assenza ta’ effett tar-rinviju b’rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew l-insuffiċjenza tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tingħata risposta utli, li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi preliminari. Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400), punti 24 u 25; tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324), punti 15 u 16; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514), punt 19; tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), punt 54; tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), punti 50 u 155; u tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551), punt 31.

( 13 ) Kawża C‑571/15, EU:C:2016:944, punt 67.

( 14 ) Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.

( 15 ) Sentenza Wallenborn Transports, punt 54.

( 16 ) Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.

( 17 ) Din is-sitwazzjoni hija riflessa fil-punt 56 tas-sentenza Wallenborn Transports.

( 18 ) Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.

( 19 ) Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, […] l-oġġetti kkonċernati ma jkunux iddaħħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni […] l-ebda VAT fuq l-importazzjoni ma tkun dovuta” (sentenza Wallenborn Transports, punt 56).

( 20 ) Sentenza Wallenborn Transports, punt 54. Enfasi miżjuda minni.

( 21 ) Sentenza Eurogate Distribution, punt 65.

( 22 ) Sentenza Wallenborn Transports, punt 56.

( 23 ) Sentenza Eurogate Distribution, punt 65. Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fehmet li n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu doganali konkret (l-iskrizzjoni tal-merkanzija fir-reġistri tal-ħażna) ma kienx jippreżumi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-merkanzija ġiet inkluża fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, minħabba li, kif ġie pprovat, finalment ġiet esportata mill-ġdid.

( 25 ) Skont id-digriet tar-rinviju, it-trasport tal-merkanzija lejn Ateni ġie ppreċedut, f’ċertu każ, minn skema ta’ tranżitu esterna fl-ajruport ta’ Pariġi, minn fejn intbagħtet lejn Frankfurt am Main.

( 26 ) Ir-raba’ paragrafu tal-inċiż cc) tal-Punt II(3)(b) tad-digriet tar-rinviju.

( 27 ) FedEx ma setgħetx tippreżenta l-provi dokumentali tal-ħlas tal-VAT Griega quddiem il-qorti tar-rinviju, konsegwenza tal-perijodu li għadda mindu ġiet ikkunsinnata l-merkanzija fil-Greċja (2007 u 2008).