KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fil‑25 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑434/24
JD
vs
Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale – Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Centrul Judeţean Bistriţa-Năsăud
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Skemi ta’ ħlas uniku skont is-superfiċji – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 63(1) – Tneħħija tal-għajnuna – Inosservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà – Annullament b’effett retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri għaż-żona agrikola – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija) tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ( 2 ) dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”). |
|
2. |
L-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi t-tneħħija tal-għajnuna finanzjarja diġà mogħtija lil benefiċjarju fejn dan il-benefiċjarju ma josservax il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għoti tal-għajnuna. |
|
3. |
Il-kwistjoni prinċipali li tirriżulta f’din il-kawża hija dwar jekk l-annullament retroattiv ta’ kuntratt ta’ kiri għaż-żona agrikola kkonċernata jqigħedx lil bidwi f’sitwazzjoni ta’ inosservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, li tiġġustifika t-tneħħija tal-għajnuna skont din id-dispożizzjoni. |
II. Id-dritt rilevanti
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
L-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jiddikjara: “Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati. Fejn in-nonkonformità tikkonċerna regoli nazzjonali jew tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, il-parti tal-għajnuna li ma għandhiex titħallas jew li għandha tiġi rtirata għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-gravità tan-nonkonformità u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjoni għandha tkun affettwata biss sal-livell tal-parti tal-għajnuna li ma għandhiex titħallas jew li għandha tiġi rtirata.” |
B. Id-dritt Rumen
|
5. |
L-Artikolu 1254 tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili) jiddikjara: “1. Il-kuntratt iddikjarat b’nullità assoluta jew annullat jitqies li qatt ma ġie konkluż. 2. L-annullament tal-kuntratt iwassal, fil-kundizzjonijiet tal-liġi, għall-annullament tal-atti sussegwenti konklużi abbażi tiegħu. 3. Meta l-kuntratt huwa annullat, kull parti għandha trodd lura lill-parti l-oħra, in natura jew bħala ekwivalenti, is-servizzi rċevuti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1639 sa 1647, anki jekk dawn tal-aħħar ġew eżegwiti b’mod suċċessiv jew kienu ta’ natura kontinwa.” |
|
6. |
L-Artikolu 6(1) tal-OUG Nru 66/2011 ( 3 ) jiddikjara: “L-awtoritajiet responsabbli għall-fondi Ewropej għandhom jeskludu, totalment jew parzjalment, mir-rimbors/ħlas tal-ispejjeż li ntefqu u li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji, kull spiża li ma tosservax il-kundizzjonijiet ta’ legalità jew konformità stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-[Unjoni] fis-seħħ, f’sitwazzjoni fejn – fil-proċess ta’ verifika tat-talba għall-ħlas – huma jiddeterminaw li tali spiża fil-fatt teżisti.” |
|
7. |
L-Artikolu 8(1)(n) tal-OUG Nru 3/2015 ( 4 ) jiddikjara: “Sabiex jibbenefikaw mill-pagamenti diretti previsti fl-Artikolu 1(2), il-bdiewa għandhom: […] jipproduċu, meta jippreżentaw applikazzjoni għal ħlas uniku jew għal emendi fiha, id-dokumenti neċessarji li jipprovaw l-użu legali tal-art agrikola, inkluża l-art li fiha żoni ta’ interess ekoloġiku u tal-annimali. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu ffirmati qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal ħlas uniku u għandhom ikunu validi tal-inqas sal‑1 ta’ Diċembru tas-sena tal-applikazzjoni.” |
|
8. |
L-Artikolu 5(2) tad-Digriet Nru 619/2015 ( 5 ) jiddikjara: “Id-dokumenti li jipprovaw li l-art iddikjarata eliġibbli hija għad-dispożizzjoni tal-bidwi, skont l-Artikolu 8(1)(n) tal-[OUG Nru 3/2015], huma: […]
[…]” |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
9. |
Fl‑24 ta’ Mejju 2018, JD daħal fi ftehim mal-kunsill lokali tal-muniċipalità ta’ Chiochiș (ir-Rumanija) li jikkonċerna l-kiri ta’ żona ta’ 58.32 ettaru ta’ art tal-mergħa (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kiri”). |
|
10. |
Madwar sena wara, fl‑10 ta’ Mejju 2019, JD ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja għas-sena 2019, li tkopri żona ta’ 41.69 ettaru ta’ art tal-mergħa li kienet ġiet allokata lil JD skont dan il-kuntratt ta’ kiri. Din l-għajnuna, li rċieva JD, ġiet iffinanzjata mill-fondi agrikoli tal-Unjoni, b’mod partikolari skont l-iskema ta’ ħlas uniku skont is-superfiċji (iktar ’il quddiem is-“SĦUS”), kif ukoll minn fondi nazzjonali. |
|
11. |
Fl-istess ġurnata li JD applika għall-għajnuna finanzjarja, l‑10 ta’ Mejju 2019, it-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud, ir-Rumanija) annullat il-proċedura għall-għoti tal-art tal-mergħa lil JD ( 6 ). Din is-sentenza rriżultat mill-konstatazzjonijiet ta’ dik il-qorti li r-rekwiżiti imposti skont id-dritt Rumen għall-proċedura tal-għoti tal-art tal-mergħa ma kinux ġew osservati, minħabba li ma kien hemm l-ebda pubblikazzjoni mill-kunsill lokali ta’ sejħa għal offerti b’negozju dirett fil-perijodu ta’ żmien preskritt. Il-konsegwenza ta’ din is-sentenza kienet li l-atti sussegwenti kollha, inkluż il-kuntratt ta’ kiri, ġew annullati b’effett retroattiv. |
|
12. |
Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020 ( 7 ), il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) ċaħdet l-appell ippreżentat minn JD kontra s-sentenza tal-qorti inferjuri minħabba n-natura tardiva tiegħu. |
|
13. |
Fl‑24 ta’ Novembru 2022, wara l-għarfien, wara investigazzjoni, li l-kuntratt ta’ kiri kien ġie annullat, l-APIA ( 8 ), bħala l-awtorità kompetenti, ħarġet dikjarazzjoni li kienet teħtieġ lil JD jirrimborsa l-ammont sħiħ tal-għajnuna finanzjarja ( 9 ). |
|
14. |
JD ippreżenta lment kontra din id-dikjarazzjoni mal-APIA, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Jannar 2023. |
|
15. |
JD sussegwentement ippreżenta rikors li jikkontesta din id-deċiżjoni tal-APIA quddiem it-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud). |
|
16. |
Fil‑15 ta’ Ġunju 2023, dik il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ JD ( 10 ). Hija ddeċidiet li, skont id-dritt Rumen, il-kuntratt ta’ kiri li wassal għall-għoti tal-għajnuna finanzjarja tqies li qatt ma ġie konkluż. Fl-istess ħin, sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja, il-bdiewa għandhom jissodisfaw ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà, li jinkludu l-pussess ta’ dokument li jipprova li l-art agrikola inkwistjoni hija għad-dispożizzjoni tagħhom. Dik il-qorti għalhekk ikkonfermat li JD kellu jħallas lura l-ammonti mħallsa indebitament u kkunsidrat li tali ħlas lura ma kkostitwixxiex sanzjoni amministrattiva, u għalhekk l-assenza ta’ ħtija min-naħa ta’ JD ma kinitx rilevanti. |
|
17. |
JD ippreżenta appell minn dik is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. |
|
18. |
Dik il-qorti għandha d-dubji dwar jekk is-sitwazzjoni f’din il-kawża hijiex waħda li fiha l-benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja ma jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-finijiet tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Hija tiddikjara li, fil-każ tal-annullament ta’ kuntratt b’effett retroattiv, benefiċjarju osserva l-kriterju ta’ eliġibbiltà li jikkonċerna l-pussess legali ta’ art fiż-żmien tal-preżentata tal-applikazzjoni u sussegwentement saż-żmien tal-annullament tal-kuntratt. Madankollu, indipendentement mill-ħtija tal-benefiċjarju, l-annullament tal-kuntratt jipproduċi effetti retroattivi, inkluż fir-rigward taż-żmien tal-preżentata tal-applikazzjoni. |
|
19. |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà meta huma evalwati, u l-annullament tal-kuntratt b’effett retroattiv ma jkunx rilevanti. Minflok, l-annullament retroattiv tal-kuntratt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-mument ta’ annullament meta jiġi evalwat it-titolu tal-art ikkontestata. Altrimenti, benefiċjarju jkun meħtieġ li jirrimborsa s-somom li rċieva meta huwa ma jkun wettaq l-ebda żball, u, fil-fatt, saż-żmien tal-annullament, il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha kienu ġew osservati. |
|
20. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 fis-sens li jeħtieġ il-ħlas lura tal-għajnuna fis-sitwazzjoni ta’ annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk japplikax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tinnota, inter alia, li l-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi – li jipprevedi li tali sanzjonijiet ma għandhomx jiġu imposti jekk ma hemm l-ebda ħtija min-naħa tal-benefiċjarju, u, jekk jiġu imposti, li huma għandhom ikunu proporzjonati – ma jagħmilx riferiment għall-Artikolu 63(1) tiegħu u għalhekk ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
21. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota b’mod ulterjuri li l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jipprevedi l-ebda dettalji dwar iċ-ċirkustanzi li fihom it-tneħħija tal-għajnuna għandha tkun totali jew parzjali. Hija tqis li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika wkoll għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u tissuġġerixxi t-teħid inkunsiderazzjoni taż-żmien li fih seħħ l-annullament tal-kuntratt b’effett retroattiv u l-livell ta’ ħtija min-naħa tal-benefiċjarju fir-rigward tal-kawża ta’ dan l-annullament. |
|
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
23. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
24. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tagħti sentenza mingħajr seduta. Permezz ta’ ittra mibgħuta fl‑4 ta’ April 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet għal tweġibiet bil-miktub lill-Gvern Rumen u lill-Kummissjoni, u t-tweġibiet ġew irċevuti fit-terminu speċifikat. |
IV. Analiżi
|
25. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li din il-kawża tirriżulta minn sitwazzjoni li fiha bidwi ngħata għajnuna finanzjarja taħt fondi agrikoli tal-Unjoni għal art koperta minn kuntratt ta’ kiri. Dan il-kuntratt ġie annullat b’effett retroattiv skont id-dritt nazzjonali applikabbli, li jfisser li tqies daqslikieku qatt ma eżista. Bħala konsegwenza, filwaqt li l-bidwi ssodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna, inkluż prova ta’ użu legali tal-art, fiż-żmien tal-preżentata tal-applikazzjoni, dan ma għadux il-każ. |
|
26. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri jikkostitwixxix inosservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà li teħtieġ it-tneħħija tal-għajnuna skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jekk, fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għajnuna, kien jeżisti dan il-kuntratt. |
|
27. |
Jekk fl-affermattiv, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, sostanzjalment, tistaqsi jekk l-għajnuna kollha li ngħatat għandhiex titħallas lura, jew jekk id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-għajnuna tiddependix fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża. |
|
28. |
Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tidher li hija kkonċernata bil-konsegwenzi negattivi tat-tneħħija tal-għajnuna minħabba l-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri f’sitwazzjoni li fiha ma hemm l-ebda ħtija tal-bidwi, li ssodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna sa dan l-annullament. |
|
29. |
Qabel ma ndur għall-analiżi tal-ewwel (B) u tat-tieni (C) domanda magħmula, ikun utli li nipprovdi xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna inkwistjoni (A). |
A. Kriterji ta’ eliġibbiltà għall-ħlas uniku skont iż-żona
|
30. |
Għan importanti tal-PAK, waħda mill-ewwel politiki komuni maħluqa mit-Trattati, huwa “li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura” ( 11 ). |
|
31. |
Wieħed mill-modi kif jinkiseb dan l-għan huwa permezz tal-pagamenti diretti li jipprovdu appoġġ għad-dħul. |
|
32. |
Il-PAK hija ġestita u ffinanzjata fil-livell tal-Unjoni mill-baġit tal-Unjoni ( 12 ). Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ din il-politika u l-pagamenti skontha huma fil-ġestjoni diretta tal-Istati Membri. Dan ifisser li l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall-amministrazzjoni u għall-kontroll ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa f’pajjiżhom ( 13 ). |
|
33. |
Il-qafas tal-PAK għadda minn diversi riformi matul is-snin ( 14 ). Huwa maqbul li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għal din il-kawża tikkonċerna l-perijodu ta’ finanzjament tal-PAK bejn l‑2014 u l‑2020 ( 15 ). Huma ta’ rilevanza għal din il-kawża r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 dwar pagamenti diretti lill-bdiewa ( 16 ) u r-Regolament Nru 1306/2013, li jistabbilixxi regoli komuni għall-finanzjament, għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tal-PAK. |
|
34. |
L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża, is-SĦUS, ġiet introdotta fil-kuntest tal-PAK fl‑2003 bħala skema tranżitorja għal xi Stati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl‑2004 u fl‑2007. Hija skema ta’ appoġġ għad-dħul għall-bdiewa, indipendenti mill-produzzjoni, li hija implimentata permezz ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa mħallsin fuq il-bażi ta’ ettari eliġibbli ddikjarati minnhom ( 17 ). |
|
35. |
Ir-Regolament Nru 1307/2013 awtorizza, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1), lil Stati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl‑2004 u fl‑2007 u li kienu qegħdin japplikaw għas-SĦUS fl‑2014 sabiex ikomplu japplikaw din l-iskema sal‑31 ta’ Diċembru 2020 ( 18 ). Għaxar Stati Membri inkluż ir-Rumanija komplew japplikaw għas-SĦUS wara l‑2014. |
|
36. |
Skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-ħlas uniku skont iż-żona ta’ superfiċji jingħata fuq bażi annwali għal kull ettaru eliġibbli ddikjarat mill-bidwi ( 19 ). |
|
37. |
Il-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli” huwa ddefinit fl-Artikolu 32(2)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 bħala “kull żona agrikola tal-impriża […] li tintuża għal attività agrikola […]”. |
|
38. |
Il-ġurisprudenza ( 20 ) tispjega b’mod ulterjuri li, sabiex titqies “ettaru eliġibbli” skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-art għandha tissodisfa tliet kundizzjonijiet, jiġifieri (i) għandha tikkostitwixxi żona agrikola; (ii) attività agrikola għandha titwettaq f’din iż-żona; u (iii) din iż-żona għandha tiġi allokata lil azjenda ( 21 ). |
|
39. |
Fi kliem ieħor, bidwi li japplika għas-SĦUS għandu jkollu l-art agrikola għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jużaha għal attivitajiet agrikoli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]l-fatt li s-superfiċji tkun għad-dispożizzjoni tal-bidwi jimplika, bħala prinċipju, li dan ikun f’pożizzjoni li jużaha għall-konvenjenza tiegħu sabiex ikun jista’, fil-fatt, jeżerċita attività agrikola hemmhekk” ( 22 ). |
|
40. |
Għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk iż-żoni kkonċernati humiex għad-dispożizzjoni tal-bidwi, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tirrikjedix li l-bidwi għandu jipproduċi dokument legali formali; huwa suffiċjenti li jintwera l-użu effettiv taż-żoni u tal-awtonomija suffiċjenti min-naħa ta’ dan il-bidwi għat-twettiq tal-attività agrikola tiegħu ( 23 ). |
|
41. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jgawdu ammont ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-dokumenti ta’ sostenn u l-provi li huma meħtieġa minn applikant għall-għajnuna fir-rigward taż-żoni koperti mill-applikazzjoni ( 24 ). |
|
42. |
F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni Rumena teħtieġ li, fiż-żmien tal-applikazzjoni, il-bidwi jippreżenta d-dokumenti neċessarji sabiex jipprova li l-ettari eliġibbli huma legalment għad-dispożizzjoni tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan il-pagament ikun eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni. |
|
43. |
Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza eżistenti, ma jidhirx li tali rekwiżit imur, bħala prinċipju, kontra d-dritt tal-Unjoni. Li tkun meħtieġa l-prova tal-eżistenza tat-titolu legali li jippermetti l-użu tal-art koperta mill-applikazzjoni għall-ħlas uniku huwa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, aċċettabbli għaliex huwa jiżgura l-għanijiet tal-PAK billi jipprevjeni li applikant juża illegalment l-art li tappartjeni lil ħaddieħor ( 25 ). |
|
44. |
Għalhekk, jekk skont id-dritt nazzjonali, it-titolu għall-użu tal-art huwa annullat, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regola nazzjonali li skontha jitqies li ma huwiex issodisfatt kriterju ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna. |
|
45. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx ikkonfrontata b’sitwazzjoni li fiha t-titolu legali sabiex tintuża art, bħala wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà skont id-dritt nazzjonali, eżista fiż-żmien tal-applikazzjoni, iżda li ġie annullat sussegwentement b’effett retroattiv. Dan iwassalni għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. |
B. Fuq l-ewwel domanda
|
46. |
Fejn jiġi kkonstatat li wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna ma ġiex issodisfatt, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jeħtieġ li l-għajnuna ma titħallasx jew, jekk diġà tħallset, titneħħa, totalment jew parzjalment. |
|
47. |
Fl-istess ħin, skont l-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013, ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, l-ettari eliġibbli għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi fid-data rilevanti stabbilita mill-Istat Membru. Għar-Rumanija, din hija l‑15 ta’ Mejju 2019 fir-rigward tal-perijodu ta’ ħlas rilevanti f’din il-kawża. |
|
48. |
Għalhekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 għandux japplika anki jekk, fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għajnuna, il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha jkunu ssodisfatti u t-titolu legali għall-użu tal-art jiġi annullat b’effett retroattiv sussegwentement biss, mingħajr ma jkun hemm il-ħtija min-naħa tal-bidwi li rċieva tali għajnuna. |
|
49. |
Anki jekk din id-domanda tagħmel riferiment biss għall-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, hija teħtieġ ukoll, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 32(4) tiegħu. |
|
50. |
Iż-żewġ parteċipanti fil-proċedura quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni, jaqblu li l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 japplika fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. |
|
51. |
Fil-fatt, kif jindikaw iż-żewġ parteċipanti, l-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 1307/2013 jiddikjara li “[l]-erjas għandhom jitqiesu bħala ettari eliġibbli biss jekk ikunu konformi mad-definizzjoni ta’ ettaru eliġibbli tul is-sena kalendarja kollha, ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.” |
|
52. |
Għalhekk, jiena tal-fehma li r-rekwiżit skont l-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013 li l-ettari eliġibbli jkunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni ma jfissirx li huma ma għandhomx jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-bidwi matul is-sena li fiha ngħatat l-għajnuna. Din id-dispożizzjoni sempliċement tiddikjara li, f’dik id-data, li hija magħżula bħala d-data ta’ verifika, din l-art għandha loġikament tkun għad-dispożizzjoni tal-bidwi. |
|
53. |
Madankollu, l-għajnuna skont is-SĦUS tingħata fuq bażi annwali sabiex issostni d-dħul tal-bidwi minn din l-art matul dik is-sena. Dan jippreżumi li l-bidwi jeżerċita attività agrikola fuq din l-art matul is-sena koperta mill-għajnuna. Imur kontra tali skop jekk ikun suffiċjenti li l-art tkun legalment għad-dispożizzjoni tal-bidwi biss fid-data tal-applikazzjoni. |
|
54. |
F’dan is-sens, anki jekk il-kuntratt ta’ kiri jiġi annullat prospettivament, għalhekk jipprevjeni lill-bidwi milli juża l-art minn ċertu punt ta’ żmien matul is-sena li fiha tkun ingħatat l-għajnuna, il-kriterju ta’ eliġibbiltà ddeterminat mill-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma jkunx issodisfatt. Dan jirriżulta fir-rekwiżit li titneħħa l-għajnuna mogħtija. |
|
55. |
Id-dritt Rumen li jipprevedi l-annullament retroattiv, u mhux prospettiv, ta’ kuntratt ta’ kiri jwassal għall-istess riżultat – li l-bidwi ma setax jiddisponi legalment mill-art matul is-sena li fiha huwa applika għall-għajnuna. |
|
56. |
Meta dan ikun il-każ, il-kriterji ta’ eliġibbiltà ma jkunux issodisfatti, u l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jeħtieġ li l-għajnuna mogħtija titneħħa. |
|
57. |
L-għan ta’ tali rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament huwa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u sabiex jiġi prekluż l-arrikkiment indebitu ( 26 ). |
|
58. |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, protetti jekk l-għajnuna tingħata biss fejn il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha huma ssodisfatti. |
|
59. |
Skont l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, huma l-Istati Membri, li jimplimentaw il-PAK, li għandhom jieħdu ħsieb l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Istati Membri ma għandhom l-ebda diskrezzjoni f’dan ir-rigward ( 27 ). Huma għandhom jitolbu l-ħlas lura tal-għajnuna li ngħatat fejn il-kriterji ta’ eliġibbiltà ma kinux issodisfatti. |
|
60. |
L-obbligu għall-ħlas lura tal-għajnuna rċevuta ma huwiex sanzjoni. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement ( 28 ), u kif enfasizzat mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni, skont il-PAK, it-tneħħija tal-għajnuna minħabba l-inosservanza tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ għajnuna hija sempliċement il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ dawn il-kundizzjonijiet ( 29 ). |
|
61. |
Għalhekk, il-ħlas lura huwa meħtieġ sempliċement għaliex l-għajnuna ma kellhiex tingħata. F’dan is-sens, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, huwa irrilevanti jekk il-kuntratt ta’ kiri ġiex annullat b’effett retroattiv mingħajr ebda ħtija min-naħa tal-bidwi li rċieva l-għajnuna ( 30 ). L-għajnuna għandha titħallas mill-ġdid sempliċement għaliex il-bidwi ma kien qatt intitolat li jirċeviha. |
|
62. |
Għall-grazzja tal-kompletezza, għandu jiġi ddikjarat li l-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jidhirx li jikkostitwixxi każ ta’ force majeure jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali għall-finijiet tar-Regolament Nru 1306/2013 ( 31 ) jew tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(4) u tal-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013. |
|
63. |
Fil-kuntest tal-PAK, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-kunċett ta’ force majeure jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jindika avveniment li jirriżulta minn ċirkustanzi anormali u imprevedibbli indipendenti mir-rieda tal-benefiċjarju, li l-konsegwenzi tiegħu, minkejja li tiġi eżerċitata kull diliġenza possibbli, ma setgħux jiġu evitati ( 32 ). |
|
64. |
F’din il-kawża, għandu jitfakkar (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li d-data tas-sentenza li annullat b’effett retroattiv il-kuntratt ta’ kiri kienet l-istess data tal-applikazzjoni għall-ħlas. Fil-fatt, meta JD ippreżenta din l-applikazzjoni, kien hemm tilwima pendenti li tinvolvi lil JD u l-art suġġetta għall-kuntratt ta’ kiri. |
|
65. |
Għalhekk, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher dubjuż, fil-fehma tiegħi, li l-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jikkostitwixxi tali avveniment anormali u imprevedibbli, tant li ma setax jiġi antiċipat fil-ġurnata tal-preżentata tal-applikazzjoni. |
|
66. |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-ewwel domanda magħmula għandha tingħata risposta kif ġej: l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 32(4) u tal-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha, fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għajnuna, il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha kienu ssodisfatti, iżda t-titolu legali għall-użu tal-art ġie sussegwentement annullat b’effett retroattiv, anki jekk tali annullament ma jirriżultax mill-ħtija tal-bidwi li rċieva tali għajnuna. |
C. Fuq it-tieni domanda
|
67. |
It-tieni domanda, kif tidher fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, essenzjalment hija dwar jekk l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirrikjedix dejjem it-tneħħija tal-għajnuna meta wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà ma għadux issodisfatt bħala riżultat tal-annullament ta’ kuntratt ta’ kiri b’effett retroattiv, jew jekk iħallix ċertu marġini ta’ diskrezzjoni lill-awtorità jew lill-qorti li tiddeċiedi, skont l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
68. |
Fir-rigward ta’ din id-domanda preliminari, il-parteċipanti f’dawn il-proċeduri huma ta’ fehmiet differenti. Il-Gvern Rumen iqis li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma japplikax u li Stat Membru għandu għalhekk dejjem jordna l-ħlas lura tal-għajnuna f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li fil-fatt japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, hija tikkonkludi li dan ma jibdilx ir-riżultat f’din il-kawża u li l-għajnuna inkwistjoni għandha titħallas lura. |
|
69. |
L-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 isemmi l-prinċipju ta’ proporzjonalità biss fit-tieni subparagrafu, u mhux fl-ewwel subparagrafu. Il-Gvern Rumen jiddikjara li t-tieni subparagrafu ma huwiex applikabbli f’din il-kawża, filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li dan is-subparagrafu huwa applikabbli, iżda li kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw il-proporzjonalità ma jżommux l-għajnuna milli titneħħa totalment ( 33 ). |
|
70. |
Il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 fid-deċiżjoni tar-rinviju, u għaldaqstant jidher li, permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tixtieq tistaqsi jekk kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw il-proporzjonalità jistgħux jibdlu r-riżultat f’din il-kawża għaliex dan il-prinċipju huwa implikat fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
71. |
Jiena disposta li naqbel mal-Gvern Rumen li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma japplikax għas-sitwazzjoni f’din il-kawża. Skont il-Gvern Rumen, din id-dispożizzjoni ġiet introdotta sabiex tiżgura li, meta l-bdiewa japplikaw għall-fondi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi (b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali ffinanzjati mill-FAEŻR), kwalunkwe tneħħija ta’ għajnuna hija proporzjonata mas-serjetà tal-ksur li twettaq waqt dawn il-proċeduri. Madankollu, is-SĦUS, iffinanzjata mill-FAEG, ma tinvolvix proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi għall-bdiewa; l-għajnuna tingħata direttament fuq il-bażi ta’ żona eliġibbli ddikjarata. F’din il-kawża, l-eliġibbiltà tiddependi unikament fuq l-osservanza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi, bħall-eżistenza ta’ dritt legali li tintuża l-art. Din id-dispożizzjoni għalhekk ma hijiex direttament applikabbli għal din l-iskema. |
|
72. |
Din l-interpretazzjoni tidher aċċettabbli. It-tieni domanda dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha għalhekk tinftiehem fis-sens li tikkonċerna l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. |
|
73. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet; meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti ( 34 ). |
|
74. |
L-istess prinċipju japplika wkoll għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex jintroduċu rekwiżiti addizzjonali għall-eliġibbiltà tal-għajnuna, hija spjegat li l-eżerċizzju ta’ tali diskrezzjoni għandu jkun konsistenti mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata, kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 35 ). |
|
75. |
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kriterji ta’ eliġibbiltà ma humiex issodisfatti jekk kuntratt ta’ kiri huwa annullat b’effett retroattiv u li tirriżulta fl-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna rċevuta hija, bħala prinċipju, konsistenti mal-għanijiet tal-PAK. Dan huwa l-każ għaliex, minn naħa, jimxi skont l-għan tal-pagamenti diretti skont il-PAK, li huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-ħajja ġusti għall-bdiewa billi jiżdied id-dħul tagħhom, u, min-naħa l-oħra, huwa skont l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li l-baġit tagħha ma jintużax kontra dawn l-għanijiet. |
|
76. |
Iżda min jaf li kieku, minħabba tali leġiżlazzjoni nazzjonali u ċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 toħloq riżultat li jmur kontra dawn l-għanijiet? Dan huwa, fil-fehma tiegħi, it-tħassib tal-qorti tar-rinviju. |
|
77. |
L-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jawtorizza fil-fatt it-tneħħija parzjali tal-għajnuna, anki jekk ma jispeċifikax skont liema ċirkustanzi tkun suffiċjenti t-tneħħija parzjali biss. Huwa minnu li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 640/2014 ( 36 ), li jissupplimenta dan ir-regolament, jiddikjara: “L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat b’mod sħiħ f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ eliġibbiltà” ( 37 ). |
|
78. |
Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 809/2014 ( 38 ), li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1306/2013, jipprevedi fl-Artikolu 7(3) tiegħu li l-obbligu min-naħa tal-benefiċjarju li jirrimborsa l-ammont inkwistjoni ma japplikax “jekk il-pagament ikun sar bi żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità oħra u jekk il-benefiċjarju ma setax jinduna b’mod raġonevoli bl-iżball” ( 39 ). |
|
79. |
Anki jekk din id-dispożizzjoni ma tidhirx li tapplika f’din il-kawża ( 40 ), madankollu hija turi li r-rekwiżit li jintalab il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament ma huwiex inkundizzjonat. Huwa wkoll indikattiv li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jipproteġi lill-bdiewa f’sitwazzjoni li fiha l-għajnuna ngħatatilhom b’mod żbaljat mingħajr ebda ħtija min-naħa tagħhom. |
|
80. |
Kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-appoġġ għall-bdiewa skont is-SĦUS għandu “l-għan li tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-bdiewa li jeżerċitaw realment attività agrikola, u li, għaldaqstant, għandhom fil-fatt superfiċji agrikola li fuqha hija eżerċitata din l-attività” ( 41 ). |
|
81. |
F’din il-kawża, li hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, il-bidwi inkwistjoni jista’ jkun qies in bona fide li l-kriterji ta’ eliġibbiltà ġew issodisfatti waqt il-perijodu kollu li fih huwa uża realment l-art inkwistjoni għal attivitajiet agrikoli. Dan ir-rekwiżit li tiġi rrimborsata l-għajnuna f’tali ċirkustanzi fil-fatt ma jkunx qiegħed imur kontra l-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-ħajja ġusti għal xi ħadd li jwettaq dan ix-xogħol minn attivitajiet agrikoli? Li tali bidwi jkun meħtieġ li jirrimborsa l-għajnuna jkun fil-fatt qiegħed jinfluwenza b’mod ħażin il-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu. Fl-istess ħin, jekk l-art inkwistjoni kienet effettivament użata għal attivitajiet agrikoli, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jkunux effettivament ġew leżi jekk tali għajnuna ma titħallasx lura? |
|
82. |
Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’ tevalwa jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari tosservax l-għan tal-PAK sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-ħajja ġusti għall-bdiewa u tkunx xierqa u neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
|
83. |
Meta tagħmel tali evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari, inkluż jekk il-bidwi użax l-art inkwistjoni, billi emmen in bona fide li huwa intitolat legalment sabiex jagħmel dan, jew, għall-kuntrarju, kienx mgħarraf li t-titolu legali għall-użu tal-art jista’ jiġi annullat ( 42 ). |
|
84. |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li t-tieni domanda għandha tingħata risposta kif ġej: Il-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika fir-rigward tat-tneħħija tal-għajnuna skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Il-qorti nazzjonali għalhekk tista’ tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tmurx kontra l-għan tal-PAK li jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-ħajja ġusti għall-bdiewa u jekk l-applikazzjoni tagħha hijiex xierqa u neċessarja sabiex tissalvagwarda l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi. |
V. Konklużjoni
|
85. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), kif emendat. Huwa ġie ssostitwit permezz tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifika fil-ĠU 2022, L 29, p. 45).
( 3 ) Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea și sancționarea neregulilor apărute în obținerea și utilizarea fondurilor europene și/sau a fondurilor publice naționale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 li Jikkonċerna l-Prevenzjoni u l-Identifikazzjoni u s-Sanzjonijiet ta’ Irregolaritajiet, li Jiġu Misjuba fl-Allokazzjoni u l-Użu ta’ Fondi Ewropej u/jew Fondi Pubbliċi Nazzjonali li Jikkonċernawhom, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 66/2011”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
( 4 ) Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015‑2020 și pentru modificarea articolului 2 din Legea nr. 36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 3/2015 għall-Approvazzjoni tal-Iskemi ta’ Ħlas li Għandhom Jiġu Applikati fl-Agrikoltura fil-Perijodu 2015‑2020 u għall-Emenda tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 36/1991 dwar Kumpanniji Agrikoli u Tipi Oħrajn ta’ Għaqdiet Agrikoli, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 3/2015”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali kif iċċitata fid-deċiżjoni tar-rinviju.
( 5 ) Ordinul ministrului agriculturii si dezvoltării rurale nr. 619/2015 pentru aprobarea criteriilor de eligibilitate, condițiilor specifice și a modului de implementare a schemelor de plăți prevăzute la articolul 1 alineatele (2) și (3) din Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015‑2020 și pentru modificarea articolului 2 din Legea nr. 36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură, precum și a condițiilor specifice de implementare pentru măsurile compensatorii de dezvoltare rurală aplicabile pe terenurile agricole, prevăzute în Programul Național de Dezvoltare Rurală 2014‑2020 (id-Digriet Nru 619/2015 tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali għall-Approvazzjoni tal-Kriterji ta’ Eliġibbiltà, Kundizzjonijiet Speċifiċi u Regoli Ddettaljati għall-Implimentazzjoni tal-Iskemi ta’ Ħlas Previsti fl-Artikolu 1(2) u (3) tal-[OUG Nru 3/2015], kif ukoll il-Kundizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Speċifiċi għall-Miżuri Kumpensatorji ta’ Żvilupp Rurali Applikabbli fuq Art Agrikola, Previsti fil-Programm Nazzjonali ta’ Żvilupp Rurali 2014‑2020, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 619/2015”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
( 6 ) Sentenza Ċivili Nru 151/2019, RO:TBBNS:2019:006.000151 (moqrija permezz tal-għajnuna ta’ traduzzjoni awtomatika). Kif indikat f’din is-sentenza, dawk il-proċeduri kienu mibdija minn persuna li kienet tilfet fil-proċedura għall-kiri tal-art tal-mergħa inkwistjoni kontra l-muniċipalità ta’ Chiochiș, is-sindku ta’ din il-muniċipalità u l-kunsill lokali; JD kien ukoll parti f’dawn il-proċeduri.
( 7 ) Sentenza Ċivili Nru 286/2020, RO:CACLJ:2020:050.000286 (moqrija permezz tal-għajnuna ta’ traduzzjoni awtomatika).
( 8 ) Ministerul Agriculturii și Dezvoltării Rurale – Agenția de Plăți și Intervenție pentru Agricultură – Centrul Județean Bistrița-Năsăud (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali – Aġenzija tal-Pagament u l-Intervent għall-Agrikoltura – Ċentru Distrettwali ta’ Bistrița-Năsăud, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“APIA”).
( 9 ) L-għajnuna ammontat għal 83 334.01 leu Rumen (RON) (madwar EUR 16743). Skont id-dikjarazzjoni maħruġa mill-APIA, l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni kienet ġiet mogħtija lil JD permezz ta’ avviżi ta’ ħlas tal‑25 ta’ Mejju 2019, tal‑15 ta’ Jannar 2020, tal‑24 ta’ Marzu 2020, tas‑17 ta’ Awwissu 2020 u tat‑8 ta’ Ġunju 2021.
( 10 ) Sentenza Ċivili Nru 197/2023, RO:TBBNS:2023:006.000197 (moqrija permezz tal-għajnuna ta’ traduzzjoni awtomatika).
( 11 ) Artikolu 39(1)(b) TFUE.
( 12 ) L-allokazzjoni għall-PAK fil-baġit tal-Unjoni hija maqsuma bejn żewġ fondi: il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (iktar ’il quddiem il-“FAEG”), li l-maġġor parti tiegħu tikkonċerna skemi ta’ appoġġ għad-dħul, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (iktar ’il quddiem il-“FAEŻR”), li jikkonċerna l-iżvilupp rurali. Ara s-sit internet tal-Kummissjoni, disponibbli online: https://agriculture.ec.europa.eu/common-agricultural-policy/financing-cap/cap-funds_en#eagf. Skont rapporti, fil-qafas finanzjarju tal-Unjoni tal‑2021‑2027, l-allokazzjoni totali għall-PAK hija ta’ EUR 386.6 biljun: il-FAEG huwa allokat EUR 291.1 biljun b’massimu ta’ EUR 270 biljun ipprovdut għal skemi ta’ appoġġ għad-dħul, u l-bqija ddedikat għall-appoġġ ta’ swieq agrikoli filwaqt li l-FAEŻR huwa allokat EUR 95.5 biljun.
( 13 ) Ara, pereżempju, id-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, “CAP explained – Direct payments for farmers 2015‑2020”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2017, disponibbli online: https://data.europa.eu/doi/10.2762/572019.
( 14 ) Ara, pereżempju, il-Parlament Ewropew, “The Common Agricultural Policy – Instruments and reforms”, disponibbli online: https://www.europarl.europa.eu/factsheets/en/sheet/107/the-common-agricultural-policy-instruments-and-reforms. Għal diskussjoni ġenerali, ara, pereżempju, Barents, R., The Agricultural Law of the EU, it-tieni edizzjoni, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2022, Kapitolu 2, b’mod partikolari p. 27‑49; Phoa, P., “Unity and diversity in the Common Agricultural Policy”, f’van den Brink, T. u Passalacqua, V. (edituri), Balancing Unity and Diversity in EU Legislation, Edward Elgar, Cheltenham, 2024, p. 231‑254.
( 15 ) Wara dispożizzjonijiet tranżitorji għall‑2021 u għall‑2022, hemm sett ġdid ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-perijodu ta’ finanzjament tal-PAK 2023‑2027.
( 16 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7). Huwa ġie ssostitwit permezz tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 181, p. 35 u fil-ĠU 2022, L 227, p. 136).
( 17 ) Ara, pereżempju, il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, L-effettività tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja bħala sistema transizzjonali li tappoġġa lill-bdiewa fl-Istati Membri ġodda. Rapport Speċjali Nru 16/2012, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2012, disponibbli online: https://data.europa.eu/doi/10.2865/27543; McMahon, J. A., EU Agricultural Law and Policy, Edward Elgar, Cheltenham, 2019, b’mod partikolari p. 46‑48.
( 18 ) Ara wkoll il-premessa 32 tar-Regolament Nru 1307/2013.
( 19 ) Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment b’mod ulterjuri għall-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li skontu, kull sena, benefiċjarju tas-SĦUS, fost oħrajn, għandu jippreżenta applikazzjoni għal pagamenti diretti, li tindika, fejn huwa applikabbli, il-ħbula agrikoli kollha tal-azjenda, kif ukoll iż-żona mhux agrikola li għaliha jintalab l-appoġġ indikat fl-Artikolu 67(2).
( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Piscicola Tulcea u Ira Invest (C‑294/19 u C‑304/19, EU:C:2021:340, punt 64), u tal‑4 ta’ Lulju 2024, Asoprovac (C‑708/22, EU:C:2024:573, punt 18).
( 21 ) Żona agrikola hija parti mill-azjenda ta’ bidwi fejn huwa għandu s-setgħa li jmexxi din l-azjenda għall-finijiet tat-twettiq ta’ attività agrikola, jiġifieri, fejn il-bidwi jgawdi minn livell suffiċjenti ta’ awtonomija fir-rigward ta’ din iż-żona għat-twettiq tal-attività agrikola tiegħu. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Euro Delta Danube (C‑225/20, EU:C:2021:1021, punt 41). Ma huwiex neċessarju għall-bidwi li jkollu setgħa illimitata fuq iż-żona meta jużaha għal finijiet agrikoli; madankollu, l-bidwi għandu jgawdi minn ċertu livell ta’ setgħa deċiżjonali fit-tmexxija tal-attività agrikola tiegħu f’dawn iż-żoni. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Euro Delta Danube (C‑225/20, EU:C:2021:1021, punt 43), u tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 49 u 50).
( 22 ) Sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 46).
( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 54), u tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 53).
( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et (C‑375/08, EU:C:2010:365, punti 82 u 86); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Land Berlin (Drittijiet għall-pagament marbuta mal-PAK) (C‑216/19, EU:C:2020:1046, punt 35); u tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 61 u 63).
( 25 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 65).
( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Demmer (C‑684/13, EU:C:2015:131, punt 69).
( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 36), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “kull eżerċizzju, minn Stat Membru, ta’ setgħa diskrezzjonali dwar jekk huwiex opportun li jintalab jew le l-ħlas lura tal-fondi tal-Unjoni mogħtija indebitament jew irregolarment ikun inkompatibbli mal-obbligu li għandhom, fil-kuntest tal-PAK, l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw il-fondi mħallsa indebitament jew irregolarment”.
( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 47); tal‑24 ta’ Mejju 2012, Hehenberger (C‑188/11, EU:C:2012:312, punt 37); u tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet) (C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 56).
( 29 ) Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 1306/2013 dwar l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi ma humiex applikabbli f’din il-kawża.
( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas (Miżuri ta’ afforestazzjoni) (C‑213/22, EU:C:2023:904, punti 26 sa 51), li kkonstatat li l-benefiċjarju kien obbligat iħallas lura l-għajnuna rċevuta għaliex ma ġietx issodisfatta kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba li rriżultaw kundizzjonijiet tat-temp ħżiena u għalhekk għal raġunijiet li ma humiex attribwibbli lil dan il-benefiċjarju.
( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) u l-premessa 5 tar-Regolament Nru 1306/2013.
( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry (C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 39), u tat‑18 ta’ Jannar 2024, Askos Properties (C‑656/22, EU:C:2024:56, punti 47 u 49).
( 33 ) Il-Kummissjoni tiddikjara li l-inosservanza tar-regoli nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi tqieset serja, minħabba li hija ġiet issanzjonata permezz tal-annullament tal-kuntratt ta’ kiri b’mod sħiħ. Għalhekk, il-kundizzjoni li l-ettari eliġibbli għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi ma ġietx issodisfatta, mhux biss parzjalment, iżda totalment. Minn dan isegwi li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għajnuna għandha titneħħa totalment.
( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 45), u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry (C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 65).
( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et (C‑375/08, EU:C:2010:365, punti 82 u 86); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Land Berlin (Drittijiet għall-pagament marbuta mal-PAK) (C‑216/19, EU:C:2020:1046, punt 35); u tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 61 u 63).
( 36 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48). Huwa ġie ssostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1172 tal‑4 ta’ Mejju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità (ĠU 2022, L 183, p. 12).
( 37 ) Enfasi miżjuda.
( 38 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69). Huwa ġie ssostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 tal‑31 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2022, L 183, p. 23)
( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer (C‑684/13, EU:C:2015:439, b’mod partikolari l-punt 85), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minħabba li tali dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għall-obbligu tar-rimbors tal-ħlasijiet indebiti, għandha “[t]kun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, u dan japplika iktar meta tali obbligu jkun intiż biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea”.
( 40 ) Minħabba li d-data tal-applikazzjoni kienet l-istess bħal dik tas-sentenza li annullat il-kuntratt ta’ kiri u li l-ħlas ta’ għajnuna sar wara d-data ta’ din is-sentenza, jidher li JD seta’ jidentifika b’mod raġonevoli li l-kuntratt ta’ kiri kien null.
( 41 ) Sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 52) (enfasi miżjuda).
( 42 ) F’dan ir-rigward, jidher rilevanti fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża li l-kontenzjuż li spiċċa bl-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kiri involva lil JD, li din il-proċedura kompliet qabel il-preżentata tal-applikazzjoni, kif ukoll li ċerti porzjonijiet tal-għajnuna kienu tħallsu wara li saret finali s-sentenza li fiha rriżulta l-annullament tal-kuntratt ta’ kiri.