IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 602 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Bulgarija
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 602 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 602 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Bulgarija
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 602 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Bulgarija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fl-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fil-15 ta’ Ottubru 2021, il-Bulgarija ppreżentat il-pjan nazzjonali tiegħu/tagħha/tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Bulgarija 9 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Bulgarija laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fit-30 ta’ April 2024, il-Bulgarija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 tagħha u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 tagħha, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Bulgarija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Bulgarija 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Bulgarija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Bulgarija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Bulgarija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Bulgarija naqas minn 2,9 % tal-PDG fl-2022 għal 1,9 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 22,6 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 23,1 % fi tmiem l-2023.
(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 13 li l-Bulgarija tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika ġenerali newtrali 14 , filwaqt li titqies it-tkomplija tal-appoġġ temporanju u mmirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Bulgarija ġiet irrakkomandata taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Bulgarija ġiet irrakkomandata wkoll biex tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 kienet ġeneralment newtrali, fil-livell ta’ 0,0 % tal-PDG. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni ġeneralment newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,2 % tal-PDG. Dan jinkludi l-kostijiet imnaqqsa tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’1,3 % tal-PDG). Dan jinkludi wkoll kostijiet ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,3 % tal-PDG). L-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netti minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) reċentement kienu żidiet leġiżlati fil-pensjonijiet u fil-pagi. Fil-qosor, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 2,7 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda annwali ta’ 0,8 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Bulgarija ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Il-Bulgarija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal investimenti f’faċilitajiet u mudelli ta’ negozju għall-użu tal-iskart bħala riżorsa b’appoġġ għall-ekonomija ċirkolari, kif ukoll investimenti biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u biex tiġi appoġġata l-protezzjoni effettiva tal-ħabitats naturali u tal-ispeċijiet protetti, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(12)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber bi 3,2 % fl-2024 u 2,7 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 2,4 % fl-2024 u 2,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 25 % sa tmiem l-2024 u 27,3 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 2,8 % tal-PDG fl-2026 u jerġa’ jiżdied għal 3,0 % fl-2027. Għalhekk, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jaqbiżx il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied gradwalment għal 30 % fl-2026 u 30,7 % fl-2027.
(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,9 % fl-2024 u 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,1 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 24,8 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment in-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-pagi. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun restrittiva, b’0,3 % tal-PDG, fl-2024.
(15)In-nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Bulgarija.
(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 16 li l-Bulgarija tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 17 fl-2024 għal mhux aktar minn 4,6 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Bulgarija hija pproġettata li tiżdied b’6,2 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 0,6 % tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet aktar baxxa milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (bi 3,3 % tal-PDG). Għalhekk, peress li r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta’ tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità trid tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun taħt ir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata bi 2,7 % tal-PDG. B’mod ġenerali, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala f’riskju li ma tkunx kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni.
(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Bulgarija tieħu azzjoni biex tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza fis-seħħ, billi tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ ġodda jew kontinwi, jenħtieġ li l-Bulgarija tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 18 tal-miżuri ta’ emerġenza ta’ appoġġ għall-enerġija huwa stmat għal 0,0 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat għal 0,0 % fl-2024 u fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza ġew stralċjati malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Bulgarija tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jonqos għal 2,1 % tal-PDG fl-2024 (minn 2,7 % tal-PDG fl-2023). Dan it-tnaqqis huwa parzjalment xprunat mit-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023, iżda jaqbeż it-tnaqqis li jista’ jiġi spjegat mis-sehem tal-kofinanzjament nazzjonali. Għalhekk, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali jirriskja li ma jkunx konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tonqos għal 0,8 % tal-PDG fl-2024 minn 1,2 % tal-PDG fl-2023. Dan it-tnaqqis huwa xprunat minn tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023.
(19)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 24,6 % sa tmiem l-2025.
(20)Hemm lok biex tiżdied l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-investiment pubbliku billi tiżdied l-implimentazzjoni ta’ miżuri ewlenin. Il-Bulgarija għad għandha nuqqasijiet f’oqsma ewlenin bħall-allinjament bejn id-deċiżjonijiet ta’ investiment u l-għanijiet strateġiċi fit-tul, u l-eżekuzzjoni f’waqtha tan-nefqa kapitali. Proċeduri standardizzati għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-proġetti bbażati fuq kriterji oġġettivi ta’ valur għall-flus għadhom mhumiex fis-seħħ.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Bulgarija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Bulgarija taċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi ttejjeb il-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika u ttejjeb il-ġestjoni tal-investiment pubbliku. Huma meħtieġa aktar sforzi fid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi u biex tittejjeb il-kwalità tal-proċeduri tal-akkwist. Ir-reklutaġġ, it-taħriġ u ż-żamma tal-persunal b’talent huma kruċjali għall-bini ta’ amministrazzjoni kompetenti kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak lokali. Ir-regolamentazzjoni tan-negozju għadha problema ewlenija għall-kumpaniji, li nofshom jidentifikawha bħala ostaklu ewlieni biex isiru investimenti fit-tul. Madwar 53 % tal-investituri mhumiex kunfidenti li l-investimenti tagħhom qed jiġu protetti mil-liġi u mill-qrati. Dawn l-elementi kollha kapaċi jtejbu wkoll l-ambjent tan-negozju fil-Bulgarija. L-inklużjoni rapida ta’ kapitolu REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Bulgarija u tal-UE fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Bulgarija hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Il-Bulgarija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. Il-Bulgarija qed tesperjenza tnaqqis fil-popolazzjoni u disparitajiet reġjonali sinifikanti, speċjalment bit-tliet reġjuni tat-Tramuntana li għadhom lura. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha huma kruċjali. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi jibqgħu rilevanti. Il-kapaċità tal-atturi reġjonali u lokali li japplikaw approċċi integrati għall-investimenti fil-livell lokali tibqa’ kruċjali. Huwa partikolarment importanti li jiġu promossi networks ta’ appoġġ reġjonali u lokali għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta’ miżuri mmirati għat-trasferiment u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija. L-investimenti fit-trasport sostenibbli, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq kif ukoll l-intramodalità jibqgħu prijoritajiet. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta jistħoqqilha attenzjoni speċifika, anke f’termini ta’ governanza, koordinazzjoni u kapaċità effettivi tal-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali. Huwa meħtieġ ukoll li jitkomplew l-investimenti ekoloġiċi, b’mod partikolari biex jittejbu l-ġestjoni tal-ilma, il-provvista tal-ilma tax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi, u biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-iskart u tar-riżorsi. In-nuqqas ta’ ħaddiema għadu jippersisti, li jaffettwa b’mod partikolari l-professjonijiet relatati mas-servizzi soċjali bħall-infermiera. Għalkemm il-qgħad huwa ġeneralment baxx, għadu ħafna ogħla fost il-gruppi vulnerabbli (iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità u r-Rom) u f’xi reġjuni, u dan jissuġġerixxi li hemm potenzjal li tiżdied il-forza tax-xogħol. Il-miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol, speċjalment għal gruppi aktar ’il bogħod mis-suq tax-xogħol, u l-investiment fl-akkwist tal-ħiliet, b’mod partikolari għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jibqgħu prijoritajiet. Sistema edukattiva ta’ kwalità u inklużiva, inkluża l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal għadha pertinenti. Minkejja tnaqqis gradwali, il-Bulgarija għandha wieħed mill-ogħla ishma tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, inklużi aktar minn wieħed minn kull tlett itfal u aktar minn 1 minn kull 3 persuni akbar fl-età (65+). Is-sehem huwa wkoll ogħla b’mod sinifikanti għall-persuni b’diżabilità u r-Rom. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi fl-introjtu huma sinifikanti. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 19 . Il-Bulgarija tista’ tagħmel użu wkoll mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, inkluż fiż-żieda tal-investimenti fid-diġitalizzazzjoni, fit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi u fit-trasformazzjoni industrijali ekoloġika. Din l-inizjattiva tista’ tippermetti lill-Bulgarija timplimenta l-impenji tagħha favur teknoloġija nadifa, ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bl-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħha u tiżgura approċċ koeżiv biex tavvanza s-sostenibbiltà industrijali.
(23)Il-Bulgarija qed tiffaċċja diversi sfidi relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u l-produzzjoni tal-enerġija, it-trasport sostenibbli kif ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni u l-ħiliet. Dawn jistgħu jiġu indirizzati aktar lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni.
(24)L-aċċess għal enerġija nadifa u affordabbli għadu kwistjoni ta’ prijorità fil-Bulgarija. Filwaqt li l-pajjiż għamel progress limitat, għad fadal aktar sfidi strutturali. B’mod partikolari, il-liberalizzazzjoni posposta tas-suq tal-elettriku — waħda mir-riformi essenzjali tad-dekarbonizzazzjoni skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza – timpedixxi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u affordabbli. Barra minn hekk, is-sistemi tat-tisħin distrettwali fil-Bulgarija spiss ikunu f’kundizzjoni teknika ħażina, u l-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati l-aktar fuq il-gass naturali jew il-faħam. Fl-2023, l-użu tal-fotovoltajċi solari ra żieda sinifikanti b’aktar minn 1,2 GW f’kapaċità installata ġdida, li ġabet it-total għal kważi 3 GW. Madankollu, il-kapaċità tar-riħ installata staġnat matul l-aħħar deċennju, b’total ta’ 700 MW f’installazzjonijiet fuq l-art. Dan minkejja l-potenzjal tal-enerġija mir-riħ li tagħti spinta lill-kapaċità tal-ibbilanċjar tas-sistema tal-elettriku matul perjodi kwieti. Il-potenzjal tekniku mhux sfruttat tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta huwa stmat għal 26 GW 20 . Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ ħżin suffiċjenti tal-enerġija qed isir dejjem aktar evidenti, speċjalment matul is-sigħat xemxin, u dan joħloq riskju għall-użu kontinwu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala tal-grilja fil-Bulgarija. Minkejja interkonnessjoni qawwija tal-elettriku mal-ġirien tagħha, inkluża linja ġdida ta’ 400 kV mal-Greċja (PCI Maritsa East-Nea Santa), għad hemm konġestjonijiet għall-grilji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Azzjoni ulterjuri biex tittejjeb il-ġestjoni tal-grilji bl-introduzzjoni ta’ elementi ta’ grilji intelliġenti, inkluża l-introduzzjoni ta’ miters intelliġenti u miżuri ta’ rispons min-naħa tad-domanda tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni. Filwaqt li kien hemm titjib żgħir fl-indikaturi tal-faqar enerġetiku fil-Bulgarija, għad hemm sfidi sinifikanti. Is-sehem tal-popolazzjoni li ma setgħetx issaħħan djarha b’mod adegwat kien ta’ 22,5 % fl-2022, l-ogħla rata fl-UE, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 9,3 %. Għalkemm il-Bulgarija adottat definizzjoni uffiċjali għall-faqar enerġetiku, għad iridu jiġu żviluppati bis-sħiħ skemi ta’ appoġġ konkreti, bil-kwota tat-tisħin immirata attwali tibqa’ limitata kemm fid-durata kif ukoll fil-kopertura.
(25)L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport huma ta’ tħassib sinifikanti għall-Bulgarija, b’mod partikolari mit-trasport bit-triq, fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra żdiedu b’29 % fl-2022 (meta mqabbla mal-livelli tal-2005). L-użu tal-karozzi tal-passiġġieri għadu għoli, filwaqt li s-sehem tal-vetturi elettriċi bil-batterija għadu baxx ħafna. Barra minn hekk, l-infrastruttura tal-iċċarġjar għadha insuffiċjenti, b’punt wieħed biss tal-iċċarġjar għal kull tliet vetturi elettriċi, li jimpedixxi l-adozzjoni tal-mobbiltà elettrika. Barra minn hekk, l-infrastruttura ferrovjarja tal-Bulgarija għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-UE, b’disparitajiet speċifiċi bejn ir-reġjuni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar. It-tisħiħ tal-investimenti fin-network ferrovjarju tal-pajjiż u ż-żieda fl-għadd ta’ inizjattivi tat-trasport urban sostenibbli huma kruċjali, filwaqt li tiġi żgurata l-konnettività tat-trasport bejn ir-reġjuni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, iċ-ċentri urbani kbar u ż-żoni rurali u periferiċi, kif ukoll it-tlestija tal-konnessjonijiet man-network TEN-T.
(26)Minkejja xi emendi għall-qafas regolatorju bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-eżiti edukattivi fil-Bulgarija huma fqar u komplew jiddeterjoraw. Il-pajjiż irreġistra riżultati aktar baxxi fl-aħħar edizzjonijiet tal-valutazzjonijiet internazzjonali meta mqabbla mas-snin preċedenti. Is-sehem ta’ studenti b’kisbiet baxxi fil-matematika, il-qari u x-xjenzi – kif muri mill-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti – huma fost l-aktar allarmanti fl-UE. 53,5 % ta’ dawk li għandhom 15-il sena ma għandhomx livell minimu ta’ profiċjenza fil-matematika, 52,9 % fil-qari u 48 % fix-xjenzi, b’rati għolja ħafna fost l-istudenti minn sfondi żvantaġġati. Eżamijiet standardizzati nazzjonali juru inugwaljanzi kbar u li qed jikbru tal-eżiti u segregazzjoni soċjali qawwija fis-sistema edukattiva Bulgara. Madwar 50 % tal-għalliema tal-iskola għandhom mill-inqas 50 sena u qed jitfaċċa nuqqas ta’ għalliema. Minkejja xi titjib, għad fadal sfidi għat-titjib tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu biex jiġi ffaċilitat it-titjib fil-kwalità u l-ekwità tal-edukazzjoni. Ir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ tjiebet f’dawn l-aħħar snin iżda għadha partikolarment għolja fost ir-Rom u fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni baxxa tal-adulti fit-tagħlim (9,5 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 39,5 %) issarrfet f’ħiliet insuffiċjenti jew inadegwati, u b’hekk ħolqot ostakli għall-impjegabbiltà u l-kompetittività ġenerali. Il-qafas regolatorju tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali jintroduċi kompetenzi obbligatorji għall-protezzjoni ambjentali bħala parti mit-taħriġ professjonali ġenerali għall-professjonijiet kollha. Barra minn hekk, il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni ġusta għar-reġjuni tal-faħam jinkludu diversi miżuri li jkopru t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi f’tali reġjuni fil-Bulgarija. Il-livelli tal-ħiliet diġitali għadhom ferm aktar baxxi mill-medja tal-UE (35,5 % vs 55,5 % fl-2023) u jinfluwenzaw l-impjegabbiltà. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, hemm proġett ambizzjuż iffinanzjat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li għandu l-għan li jtejjeb it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, li jiffoka fuq il-ħiliet diġitali, iżda l-implimentazzjoni tiegħu ddewmet.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:
1.Tippreżenta l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 21 fl-2025 għal rata konsistenti maż-żamma tad-defiċit ġenerali tal-gvern taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u li d-dejn tal-gvern estiż jinżamm f’livell prudenti fuq terminu medju.
2.Taċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi ttejjeb il-funzjonament u tagħti spinta lill-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż fil-livell reġjonali, iżżid il-kwalità tal-proċeduri tal-akkwist u ssaħħaħ l-indipendenza u l-funzjonament tar-regolaturi. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.
3.Ittejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għal gruppi żvantaġġati, billi ttejjeb it-taħriġ tal-għalliema u timplimenta tagħlim ibbażat fuq il-kompetenza. Tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema biex tagħti spinta lill-kompetittività u tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika.
4.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u taċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, b’mod partikolari billi taqleb lejn enerġija rinnovabbli fit-tisħin distrettwali u tuża installazzjonijiet eoliċi. Tiżgura biżżejjed kapaċitajiet ta’ ħżin biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija. Issaħħaħ l-infrastruttura tal-grilja tal-elettriku billi jiġu introdotti elementi ta’ grilja intelliġenti u tiżdied l-interkonnessjoni mal-pajjiżi ġirien. Tindirizza l-faqar enerġetiku billi timplimenta miżuri mmirati biex inaqqsu s-sehem tal-popolazzjoni li ma tistax iżżomm id-dar sħuna b’mod adegwat. Tippromwovi l-varar u l-adozzjoni ta’ trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, inkluż billi taċċellera l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President