|
3.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 212/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/948
tas-26 ta’ Ġunju 2020
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-Ġeorġja (il-“Ftehim”) b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati. |
|
(2) |
Il-Ftehim ġie ffirmat fit-2 ta’ Diċembru 2010, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, b’konformità mad-Deċiżjoni 2012/708/UE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill (2). |
|
(3) |
Il-Ftehim ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha minbarra r-Repubblika tal-Kroazja. Ir-Repubblika tal-Kroazja taderixxi mal-Ftehim skont il-proċedura prevista fl-Att ta’ Adeżjoni anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2011. Il-Protokoll ta’ Adeżjoni rilevanti tar-Repubblika tal-Kroazja ġie ffirmat f’Novembru 2014. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni. |
|
(5) |
L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2012/708/UE jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet u dwar ir-rappreżentazzjoni fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tat-28 ta’ April 2015 fil-kawża C-28/12 (3), jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ wħud minn dawk id-dispożizzjonijiet titwaqqaf. B’konsiderazzjoni għat-Trattati, mhumiex meħtieġa dispożizzjonijiet ġodda dwar dawk il-kwistjonijiet u lanqas ma huma meħtieġa dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tal-informazzjoni tal-Istati Membri. Konsegwentement, jenħtieġ li l-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 3 u l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2012/708/UE jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (4).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 29 tal-Ftehim.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 22 tal-Ftehim, unikament fir-rigward tal-inklużjoni ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni fl-Anness III (Regoli applikabbli għall-avjazzjoni ċivili) għall-Ftehim, soġġett għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni, wara li tiġi sottomessa għall-konsultazzjoni lill-Kunsill jew il-korpi preparatorji tiegħu, kif deċiż mill-Kunsill.
Artikolu 4
Il-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 3 u l-Arikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2012/708/UE għandhom jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Kunsens tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni 2012/708/UE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal- 15 ta’ Ottubru 2010 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, minn naħa oħra (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 1).
(3) ECLI:EU:C:2015:282.
(4) It-test tal-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 321, 20.11.2012, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.