IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2018
COM(2018) 357 final
2018/0185(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-
Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward emenda għall-Protokoll 30 (dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika) tal-Ftehim taż-ŻEE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jiżgura kooperazzjoni kontinwa mal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda) fil-kuntest tal-programm statistiku Ewropew 2013-17, li kien estiż sal-2020 bir-Regolament (UE) 2017/1951.
L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għalhekk jissuġġerixxi li jiġi emendat il-Protokoll 30 (
dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika
) għall-Ftehim taż-ŻEE skont dan.
L-Istati tal-EFTA taż-ŻEE għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-baġit tal-UE għall-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-programm. Il-pożizzjoni dwar dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness jestendi l-politika diġà eżistenti tal-UE għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein).
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tagħhom fil-Ftehim ŻEE titwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġena, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
Il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-SEAE, tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.
L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.
Il-proċess tal-inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE fil-Ftehim ŻEE jitwettaq f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonferma l-approċċ li ttieħed.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.
•Għażla tal-istrument
F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI, U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Ma japplikax
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Sabiex ikunu f’pożizzjoni li jipparteċipaw fil-programm statistiku Ewropew, l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-baġit tal-Unjoni Ewropea. L-ammont eżatt għandu jiġi ddeterminati ladarba li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi adottata.
5.ELEMENTI OĦRA
•
Ma japplikax
2018/0185 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-
Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward emenda għall-Protokoll 30 (dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika) tal-Ftehim taż-ŻEE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.
(2)F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost affarijiet oħra, il-Protokoll 30 (
dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika
) tal-Ftehim taż-ŻEE skont dan.
(3)Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni kontinwa mal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE fil-qasam tal-istatistika, ir-Regolament (UE) 2017/1951 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jkun inkluż fil-Protokoll 30 (
dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika
) yal-ftehim dwar iż-ŻEE.
(4)Il-Protokoll 30 (
dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika
) tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.
(5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż,
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 30 (
dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika
) tal-Ftehim taż-ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President