SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258/KE – Dokumenti relatati mad-dikjarazzjoni ta’ awtorità Amerikana (FinCEN) fir-rigward ta’ ABLV Bank – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni protetta bħala tali skont id-dritt tal-Unjoni – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ dokumenti intiżi għall-użu intern – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-iskambji ta’ opinjonijiet bejn il-BĊE u l-awtoritajiet ikkonċernati – Natura suffiċjentement preċiża ta’ talba għal aċċess – Dmir ta’ assistenza tal-BĊE – Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2004/258”

Fil-Kawża T‑100/23,

ABLV Bank AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. von Lindeiner, D. Báez Seara u J. Ruiz Jiménez, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, E. Buttigieg u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑5 ta’ Ġunju 2024 u r-risposti rispettivi tar-rikorrenti u tal-BĊE ippreżentati fil‑21 ta’ Ġunju 2024,

wara l-miżura istruttorja tat‑18 ta’ Ġunju 2024 u r-risposta tal-BĊE ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Lulju 2024,

wara li rat li ma kienx hemm talba għaż-żamma ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ABLV Bank AS, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni LS/CL/2022/261 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tat‑8 ta’ Diċembru 2022, li tiċħad it-talba tagħha għal aċċess għal dokumenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

7

Fil‑25 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrenti indirizzat talba għal aċċess għal dokumenti lill-BĊE. Hija talbet l-aċċess għal:

–

kull dokument relatat, direttament jew indirettament, mal-Financial Crimes Enforcement Network (FinCEN, network ta’ ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja) u/jew ma’ servizzi jew ma’ uffiċjali ta’ servizzi oħra tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jew ma’ awtoritajiet Amerikani oħra jew ma’ awtoritajiet oħra fl-Istati Uniti u/jew mar-rikorrenti u/jew mas-sussidjarja Lussemburgiża tagħha;

–

kwalunkwe dokument li fih komunikazzjonijiet, direttament jew indirettament, mal-FinCEN u/jew mal-uffiċjali tiegħu u/jew ma’ servizzi jew ma’ uffiċjali ta’ servizzi oħra tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jew ma’ awtoritajiet oħra tal-Istati Uniti jew ma’ awtoritajiet oħra fl-Istati Uniti;

–

kwalunkwe dokument relatat, direttament jew indirettament, mad-deċiżjoni tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju tal-Prevenzjoni u tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KNAB”), mal-fatti msemmija fid-deċiżjoni tal-KNAB u/jew mal-konstatatazzjonijiet fattwali fid-deċiżjoni tal-KNAB, irrispettivament minn jekk dawn il-komunikazzjonijiet sarux qabel jew wara d-dikjarazzjoni tal-FinCEN;

–

kwalunkwe dokument relatat, direttament jew indirettament, ma’ atti jew ma’ ommissjonijiet tal-BĊE, tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KSFK”), tal-FinCEN jew ta’ kwalunkwe awtorità oħra wara d-dikjarazzjoni tal-FinCEN jew qabel id-dikjarazzjoni tal-FinCEN;

–

kull dokument relatat, direttament jew indirettament, ma’ Euroclear dwar ir-rwol tagħha fir-rigward tar-rikorrenti u/jew tas-sussidjarja Lussemburgiża tagħha, inkluż, mingħajr limitazzjoni, kull komunikazzjoni bejn il-BĊE u/jew is-SRB u Euroclear dwar, direttament jew indirettament, ir-rikorrenti u/jew is-sussidjarja Lussemburgiża tagħha;

–

kull dokument ieħor li jikkonċerna, direttament jew indirettament, lir-rikorrenti u/jew lis-sussidjarja Lussemburgiża tagħha.

[omissis]

11

Fit‑8 ta’ Awwissu 2022, il-BĊE bagħat messaġġ elettroniku lir-rikorrenti fejn informaha li t-talba għal aċċess kienet ser tiġi ttrattata f’żewġ lottijiet. Skont dan il-messaġġ elettroniku, l-ewwel lott ikopri d-dokumenti msemmija fl-ewwel tliet inċiżi tat-talba għal aċċess esposti fil-punt 7 iktar ’il fuq. Huwa sostna li t-tieni lott ikopri d-dokumenti msemmija fit-tliet inċiżi l-oħra msemmija f’dan il-punt. Fir-rigward tal-ewwel lott, il-BĊE estenda t-terminu għar-risposta skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2004/258. Fir-rigward tat-tieni lott, il-BĊE qies li t-talba għal aċċess ma kinitx preċiża biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258. Il-BĊE għalhekk stieden lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, tindika s-suġġetti speċifiċi jew it-temi li kienu jinteressawha kif ukoll perijodu definit. Il-BĊE informa lir-rikorrenti li l-ipproċessar tat-tieni lott kien ġie sospiż sakemm tiġi ppreċiżata l-portata tat-talba għal aċċess.

12

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑13 ta’ Settembru 2022, il-BĊE kkomunika lir-rikorrenti d-deċiżjoni inizjali tiegħu adottata bir-referenza LS/PS/2022/48. Bl-istess messaġġ elettroniku, huwa informa lir-rikorrenti li l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess ma kinux preċiżi biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 u talabha, skont l-Artikolu 6(2) tal-istess deċiżjoni, tindika s-suġġetti speċifiċi jew is-suġġetti li kienu jinteressawha kif ukoll perijodu definit. Fid-deċiżjoni inizjali tiegħu, il-BĊE indika b’mod partikolari li, wara li eżamina l-ewwel tliet inċiżi tat-talba għal aċċess imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, huwa kien identifika disa’ dokumenti rilevanti fid-dawl tal-ewwel żewġ inċiżi. B’kuntrast ma’ dan, ebda dokument tal-BĊE li jikkorrispondi għat-tielet inċiż ma seta’ jiġi identifikat. Skont il-BĊE, tnejn mid-dokumenti rilevanti kienu aċċessibbli għall-pubbliku (Dokumenti bin-numri 1 u 2 iktar ’il quddiem) u l-aċċess, sħiħ jew parzjali, għas-seba’ dokumenti l-oħra kellu jiġi rrifjutat (Dokumenti bin-numri 3 sa 9 iktar ’il quddiem).

[omissis]

14

Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2022, ir-rikorrenti indirizzat lill-BĊE talba konfermatorja, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2004/258. B’mod partikolari, hija talbet lill-BĊE jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu u jikkompleta l-lista ta’ dokumenti marbuta mat-talba għal aċċess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-aċċess għall-fajl tal-proċedura pendenti fil-kuntest tat-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti.

15

Fit‑8 ta’ Diċembru 2022, il-BĊE adotta d-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

It-talbiet tal-partijiet

22

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

23

Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

24

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-lista tad-dokumenti identifikati mill-BĊE hija inkompleta. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, fir-rigward tad-dokumenti Nri 1 u 2, il-BĊE għamel riferiment b’mod żbaljat għas-sit internet tal-FinCEN. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti Nri 3 sa 9 min-naħa tal-BĊE. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ir-rifjut li jingħata l-aċċess għall-fajl. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq is-sospensjoni illegali tal-proċedura ta’ aċċess għad-dokumenti fir-rigward tat-tieni lott.

[omissis]

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq is-sospensjoni illegali tal-proċedura fir-rigward tat-tieni lott ta’ dokumenti marbuta mat-talba għal aċċess

151

Ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE ma setax jinterrompi l-ipproċessar tat-tieni lott ta’ dokumenti li jikkorrispondu għall-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess. Qabelxejn, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. Sussegwentement, hija tenfasizza l-fatt li, minkejja li l-BĊE jqis li t-talba għal aċċess ma hijiex suffiċjentement preċiża fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi interrott l-ipproċessar tat-talba għal aċċess, jiġifieri s-sospensjoni tat-termini stabbiliti mid-Deċiżjoni 2004/258. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li hija ma weġbitx għall-messaġġ elettroniku tal-BĊE tat‑8 ta’ Awwissu 2022 li talabha tippreċiża t-talba tagħha għal aċċess, peress li hija ma kinitx marbuta tagħmel dan. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti qieset li din kienet tattika tardiva. Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm xejn, fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2004/258, li jindika li allegat nuqqas ta’ preċiżjoni jew numru allegatament għoli ta’ dokumenti jista’ jkollu effett fuq it-termini jew ir-regola tad-deċiżjoni negattiva impliċita prevista fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2004/258.

152

Il-BĊE jsostni, essenzjalment, li l-ħames aggravju huwa inammissibbli, ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. Huwa jsostni li huwa talab lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2004/258, tikkjarifika s-suġġett tal-aħħar tliet inċiżi tat-talba tagħha għal aċċess permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi mibgħuta rispettivament fit‑8 ta’ Awwissu u fit‑13 ta’ Settembru 2022. Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx f’dan ir-rigward fit-talba konfermatorja tagħha. Il-BĊE jsostni li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn ma huwiex dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda kontra l-messaġġ elettroniku tat‑8 ta’ Awwissu 2022. Fil-fehma tiegħu, dan il-motiv ma huwiex relatat mas-suġġett tal-kawża u għalhekk il-BĊE ma huwiex f’pożizzjoni li jippreprara d-difiża tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija prekluża milli tikkontesta dan il-messaġġ elettroniku f’termini ta’ dekadenza. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE isostni li aġixxa b’osservanza tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2004/258 billi kklassifika bħala mhux suffiċjentement preċiżi l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess u billi talab preċiżazzjonijiet addizzjonali.

Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE

153

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li dan il-motiv, li jikkonċerna l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess, ma għandux rabta mas-suġġett tal-kawża, ir-rikorrenti ssostni ġustament li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, li l-formulazzjoni tiegħu hija riprodotta fil-punt 171 iktar ’il quddiem, ma jippermettix li jiġi interrott l-ipproċessar ta’ talba għal aċċess jew, fi kliem ieħor, li “jiġu sospiżi” t-termini stabbiliti mill-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni 2004/258. Fil-fatt, tali termini, stabbiliti fl-interess ġenerali, ma humiex suġġetti għad-diskrezzjoni tal-partijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 24).

154

F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE indika dan li ġej:

“[…] Fid-[deċiżjoni inizjali], id-Direttur Ġenerali eżamina l-ewwel lott tat-talba tiegħek għal aċċess (l-ewwel tliet elementi tat-talba inizjali tiegħek). L-ipproċessar tal-elementi l-oħra tat-talba inizjali tiegħek ġie sospiż, suġġett għal iktar kjarifiki min-naħa tiegħek. Dan ifisser li t-talba konfermatorja tiegħek tista’ tiġi evalwata biss sa fejn tikkonċerna n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti identifikati fid-[deċiżjoni inizjali], […] Fl-aħħar nett, infakkruk li sabiex jiġi pproċessat it-tieni lott ta’ dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba inizjali tiegħek, il-kontribuzzjoni tiegħek għadha meħtieġa.”

155

F’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-messaġġi elettroniċi tal-BĊE mibgħuta lir-rikorrenti fit‑8 ta’ Awwissu u fit‑13 ta’ Settembru 2022, u tippreċiża: “[p]eress li t-talba konfermatorja tiegħek saret wara dan il-messaġġi elettroniċi, il-BĊE jikkonkludi li inti rċevejt il-korrispondenza u għażilt li ma tiħux din l-opportunità sabiex tipprovdi kjarifiki”.

156

Mill-proċess jirriżulta li, fil-messaġġ elettroniku tat‑8 ta’ Awwissu 2022, il-BĊE ppreċiża:

“Fir-rigward tat-tieni lott li jkopri t-tliet elementi l-oħra tat-talba tiegħek […]nosservaw li l-portata tagħhom hija estremament wiesgħa u ġenerali u li t-talba ma hijiex, bħala tali, suffiċjentement preċiża fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [2004/258]. Għalhekk, skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni, nitolbuk tindika s-suġġett(i) speċifiku(i) jew is-suġġett(i) ta’ interess għal ABLV Bank u perijodu definit.”

157

Din il-konstatazzjoni ġiet irrepetuta fl-istess termini mill-BĊE fil-messaġġ elettroniku tiegħu tat‑13 ta’ Settembru 2022.

158

Minn dan isegwi li anki jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE indika li l-ipproċessar tal-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess kien ġie “sospiż”, din l-indikazzjoni ma pprekluditux milli jeżamina l-portata ta’ din il-parti tat-talba sabiex jikkonkludi, essenzjalment, li din tal-aħħar ma kinitx preċiża biżżejjed sabiex tippermettilu jifhem liema dokumenti kienet tkopri. B’dan il-mod, il-BĊE qies, fir-realtà, li l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, li jista’ jiġi kkontestat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li jirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata.

159

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-BĊE, mir-rikors u mir-risposta jirriżulta, rispettivament, li l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-tieni lott ta’ dokumenti marbuta mal-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess jinftiehmu u li l-BĊE kien f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom. Lanqas il-Qorti Ġenerali ma kellha diffikultà tidentifika l-argumentazzjoni tar-rikorrenti mill-qari tar-rikors.

160

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, ibbażata fuq il-fatt li dan il-motiv ma huwiex relatat mas-suġġett tal-kawża, ma tistax tintlaqa’.

[omissis]

Fuq il-mertu

[omissis]

– Fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2004/258

170

Peress li l-BĊE qies li l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk din il-parti tat-talba għal aċċess kinitx suffiċjentement preċiża fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni u, fit-tieni lok, jekk il-BĊE osservax id-dmir tiegħu ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 6(2) tal-istess deċiżjoni.

171

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu (1) tad-Deċiżjoni 2004/258, it-talba għal aċċess kellha tiġi fformulata b’mod “preċiż biżżejjed biex [l-istituzzjoni tkun tista’ tidentifika] d-dokument [mitlub]”. Għandu jiġi ppreċiżat li l-volum ta’ xogħol meħtieġ mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess u l-interess tal-applikant ma humiex, bħala prinċipju, rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 108).

172

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tat-termini tat-talba għal aċċess, jekk il-BĊE kienx f’pożizzjoni li jidentifika d-dokumenti mitluba, irrispettivament min-numru tagħhom jew mill-interess imfittex mir-rikorrenti.

173

F’dan ir-rigward, l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess kienu jikkonċernaw:

–

kwalunkwe dokument relatat, direttament jew indirettament, ma’ atti jew ma’ ommissjonijiet mill-BĊE, mis-SRB, mill-KSFK, mill-FinCEN jew minn kwalunkwe awtorità oħra wara d-dikjarazzjoni tal-FinCEN jew qabel id-dikjarazzjoni tal-FinCEN;

–

kwalunkwe dokument relatat, direttament jew indirettament, ma’ Euroclear dwar ir-rwol tagħha fir-rigward tar-rikorrenti u/jew tas-sussidjarja Lussemburgiża tagħha, inkluż, mingħajr limitazzjoni, kull komunikazzjoni bejn il-BĊE u/jew is-SRB u Euroclear li tikkonċerna direttament jew indirettament lir-rikorrenti u lis-sussidjarja Lussemburgiża tagħha;

–

kwalunkwe dokument ieħor li jikkonċerna, direttament jew indirettament, lir-rikorrenti u/jew lis-sussidjarja Lussemburgiża tagħha.

174

Fid-dawl tat-termini ġenerali tal-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess, il-BĊE seta’ leġittimament jitlob kjarifika għal dawn il-kategoriji ta’ dokumenti. Fil-fatt, kif isostni ġustament il-BĊE, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess u b’mod partikolari fl-assenza ta’ perijodu definit, ma kienx possibbli li jsir magħruf jekk din il-parti tat-talba kinitx tirrigwarda dokumenti marbuta mad-dikjarazzjoni tal-FinCEN jew ma’ kwistjonijiet oħra ta’ superviżjoni.

175

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-BĊE issodisfax id-dmir tiegħu ta’ assistenza (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il-Kummissjoni, T‑42/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:325, punti 74 sa 78).

176

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, “[j]ekk xi applikazzjoni mhijiex preċiża biżżejjed, il-ECB għandu jsaqsi lill-applikant biex jikkjarifika l-applikazzjoni u għandu jassistih biex jagħmel dan”. Skont il-ġurisprudenza, l-użu tal-verbi “jsaqsi” u “jassistih”, jidhru li jindikaw li l-unika konstatazzjoni tal-insuffiċjenza ta’ preċiżjoni tat-talba għal-aċċess, indipendentement mir-raġunijiet, għandha twassal lill-istituzzjoni destinatarja tikkuntattja lill-applikant sabiex tiddefinixxi kemm jista’ jkun id-dokumenti mitluba. B’hekk din hija dispożizzjoni li, fil-qasam tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, tammonta għat-traskrizzjoni formali tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, li hija waħda mill-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi. Għaldaqstant, id-dmir ta’ assistenza huwa fundamentali sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dritt ta’ aċċess iddefinit mid-Deċiżjoni 2004/258 (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑8 ta’ Awwissu 2022, il-BĊE informa lir-rikorrenti li l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess tagħha ma kinux suffiċjentement preċiżi u talabha tindikalha suġġett speċifiku wieħed jew iktar li kienu jinteressawha kif ukoll perijodu definit. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑13 ta’ Settembru 2022, il-BĊE tenna din it-talba skont l-istess termini.

178

Fit-talba konfermatorja, ir-rikorrenti indikat dan li ġej: “[…] [i]l-portata tat-talba għal aċċess tal-klijent tiegħi tinkludi, b’mod partikolari, id-dokumenti kollha relatati direttament jew indirettament mal-klijent tiegħi jew mas-sussidjarja Lussemburgiża tiegħu [; n)itolbok speċifikament sabiex tikkompleta l-lista tad-dokumenti […]”. Hija ma indikat xejn ieħor fir-rigward tal-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess. Hija lanqas ma kkontestat espressament li t-talba għal aċċess ma kinitx suffiċjentement preċiża fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258.

179

Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 177 u 178 iktar ’il fuq, il-BĊE implimenta d-dmir tiegħu ta’ assistenza, peress li stieden lir-rikorrenti tikkjarifika t-talba għal aċċess billi tindikalu s-suġġetti u l-perijodi li kienu jinteressawha. Madankollu, ir-rikorrenti ma tatu ebda informazzjoni utli sabiex ikun jista’ jidentifika dokumenti speċifiċi li jikkorrispondu għal din it-talba. Fil-fatt, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tirrepeti, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, it-termini tas-sitt inċiż tat-talba għal aċċess u baqgħet siekta fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames inċiż tal-imsemmija talba. Barra minn hekk, fil-punti 182 sa 185 tar-rikors, ir-rikorrenti spjegat li hija ma riditx tirrispondi għat-talba għal kjarifiki tal-BĊE, peress li hija kienet rat tattika ta’ tardività li kienet timplika spejjeż legali eċċessivi. Madankollu, sa fejn it-termini tal-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess ma kinux effettivament preċiżi biżżejjed sa fejn la kienu jirrigwardaw ebda suġġett partikolari u lanqas ebda perijodu speċifiku, ma kienx hemm lok li jitqies li din kienet tattika ta’ tardività min-naħa tal-BĊE.

180

Għalkemm, kif issostni r-rikorrenti, il-volum ta’ xogħol meħtieġ mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u l-interess tal-applikant għal aċċess ma humiex bħala prinċipju rilevanti sabiex jiġi aġġustat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li t-talba għal aċċess tagħha ma kinitx suffiċjentement preċiża, ir-rikorrenti ma setgħetx tastjeni milli tippreċiża t-talba tagħha mingħajr ir-riskju li l-BĊE jirrifjuta din it-talba peress li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Settembru 2009, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑186/08, mhux ippubblikat, EU:T:2009:309, punt 62).

181

F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ kjarifiki min-naħa tar-rikorrenti ma huwiex l-inkapaċità tagħha li tidentifika d-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni li hija qiegħda tfittex, iżda huwa l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ rieda tagħha li tippreċiża t-talba għal aċċess.

182

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-BĊE qies ġustament li l-aħħar tliet inċiżi tat-talba għal aċċess ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, għaldaqstant, ma setgħux jitqiesu bħala “talba għal aċċess” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-BĊE debitament implimenta d-dmir ta’ assistenza tiegħu skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258.

183

Konsegwentement, il-ħames motiv, ibbażat fuq is-sospensjoni illegali tal-proċedura fir-rigward tat-tieni lott ta’ dokumenti marbuta mat-talba għal aċċess, għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

ABLV Bank AS għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

 

Kowalik-Bańczyk

Buttigieg

Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Ġunju 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.