Brussell, 15.12.2025

COM(2025) 860 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-ewwel rapport annwali dwar l-interoperabbiltà fl-Unjoni

{SWD(2025) 975 final}


Werrej

KUNTEST U SFOND    

STRUTTURA    

SITWAZZJONI ATTWALI TAL-IMPLIMENTAZZJONI    

Governanza    

Faċilitaturi    

Miżuri ta’ appoġġ    

Valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà    

KOOPERAZZJONI BEJN IL-KUMMISSJONI U PARTIJIET IKKONĊERNATI OĦRA    

KONKLUŻJONI U ĦARSA LEJN IL-FUTUR    



KUNTEST U SFOND

L-ATT DWAR EWROPA INTEROPERABBLI JISTABBILIXXI L-PEDAMENTI GĦAL EWROPA DIĠITALI KONNESSA MINGĦAJR XKIEL

Rapport Annwali dwar

l-Interoperabbiltà fl-Unjoni

Hekk kif l-UE tavvanza t-trasformazzjoni diġitali tagħha, l- Att dwar Ewropa Interoperabbli 1 , fis-seħħ mill-11 ta’ April 2024, jipprovdi qafas essenzjali biex tingħata spinta lill-interoperabbiltà u l-innovazzjoni transfruntiera fis-settur pubbliku. L-Att qed jixpruna l-għan tad-Deċennju Diġitali 2 li s-servizzi pubbliċi ewlenin jkunu online 100 % sal-2030. Dan iwieġeb għall-ħtieġa dejjem tikber għal servizzi transfruntiera bla xkiel: b’150 miljun ċittadin tal-UE li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera u b’2 miljun li jivvjaġġaw kuljum bejn l-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet pubbliċi interkonnessi huma essenzjali. Amministrazzjonijiet diġitali aktar b’saħħithom mhux biss se jipprovdu servizzi bla xkiel iżda se jiffrankaw ukoll ammonti mistennija sa EUR 5 biljun fis-sena permezz ta’ effiċjenza akbar 3 .

Dan l-ewwel Rapport Annwali, ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 20(4) tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli, jirrieżamina l-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-Att u jenfasizza l-kisbiet, l-isfidi u d-direzzjonijiet futuri. Dan isegwi approċċ strutturat, li jibda bil-kuntest usa’ tal-Att qabel ma jgħaddi għal ħarsa dettaljata lejn l-implimentazzjoni u l-impatt tiegħu. Filwaqt li dan ir-rapport jiffoka fuq il-progress inizjali u t-tnedija ta’ inizjattivi ġodda, ir-rapporti futuri se jibbenefikaw mir-riżultati ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ sħiħ li se jibbenefika minn sett ta’ data li qed jikber biex jiġu analizzati x-xejriet, l-ostakli u l-ixprunaturi. Dan se joffri ħarsa ġenerali komprensiva tal-istat tal-interoperabbiltà fl-UE.

STRUTTURA

Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli stabbilew qafas solidu għall-kooperazzjoni tas-settur pubbliku, biex b’hekk jiġi żgurat li s-servizzi jkunu jistgħu joperaw mingħajr xkiel bejn il-konfini territorjali, settorjali u organizzattivi. L-Artikoli ewlenin tal-Att inġabru f’erba’ kategoriji ewlenin: il-governanza, il-faċilitaturi tal-interoperabbiltà, il-miżuri ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni, u l-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà. Il-kategorija finali tinkludi t-tfassil tal-politika lest għall-era diġitali.

Illustrazzjoni 1 - Att dwar Ewropa Interoperabbli - Sottotaqsimiet

Dan l-ewwel rapport jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Att mid-dħul fis-seħħ tiegħu sa Lulju 2025 u jinkorpora xi elementi mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 20. Minħabba l-implimentazzjoni li għaddejja tal-Att, id-data komprensiva kienet għadha mhijiex disponibbli biex jinkiseb għarfien mill-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ għal Ewropa Interoperabbli. Aktar informazzjoni dwar dan hija dettaljata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport 4 .

SITWAZZJONI ATTWALI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Governanza

Bażi legali

Il-qafas ta’ governanza stipulat mill-Att ġie stabbilit bis-sħiħ fl-aħħar sena, kif spjegat hawn taħt.

Azzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Matul l-aħħar sena, inkiseb progress sostanzjali fl-istabbiliment ta’ struttura ta’ governanza b’saħħitha.

·Kif mitlub mill-Artikolu 15, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-grupp ta’ ħidma permanenti tiegħu bdew joperaw formalment fir-raba’ trimestru tal-2024 u pprovdew il-qafas istituzzjonali meħtieġ biex tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tal-Att madwar l-UE. Barra minn hekk, il-programm ta’ ħidma tal-Bord ġie adottat mill-Bord f’Mejju 2025 u se jiġi aġġornat regolarment biex jiggwida l-abbozzar tal-aġendi futuri tal-laqgħat tal-Bord.

·Kif mitlub mill-Artikolu 16, il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli tnediet uffiċjalment permezz tal-Portal Ewropa Interoperabbli f’Mejju 2025. Dan jipprovdi spazju kollaborattiv għall-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati biex jiskambjaw l-esperjenzi, jikkondividu l-aħjar prattiki u joħolqu soluzzjonijiet b’mod konġunt.

·Kif mitlub mill-Artikoli 17 u 18, 26 mis-27 Stati Membri kienu ħatru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom sal-iskadenza legalment vinkolanti tat-12 ta’ Jannar 2025, kif meħtieġ mill-Artikolu 17, u l-entitajiet tal-Unjoni kienu ħatru l-koordinaturi tal-interoperabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 18. Dan ippermetta approċċ koerenti għall-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni madwar l-UE.

·Sabiex tiġi żviluppata l-ewwel Aġenda għal Ewropa Interoperabbli kif mitlub mill-Artikolu 19, fl-ewwel trimestru tal-2025 ġiet stabbilita task force, li tinkludi membri permanenti tal-grupp ta’ ħidma. Tħejjiet konsultazzjoni pubblika mit-task force u tnediet fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli f’Ġunju 2025, bl-objettiv li jiġi żgurat li l-prijoritajiet futuri jirriflettu l-kontributi u l-aspettattivi ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati 5 .

Kunsiderazzjonijiet għall-futur

Fil-futur, l-enfasi se tinbidel għall-adozzjoni formali tal-Bord tal-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli. Din l-Aġenda se tipprovdi qafas komprensiv biex tiggwida l-isforzi tal-interoperabbiltà madwar l-UE, filwaqt li tallinja l-inizjattivi li għaddejjin ma’ objettivi fit-tul u l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-qafas ta’ monitoraġġ se jkompli jittejjeb. Fl-aħħar nett, l-ewwel assemblea annwali tal-Komunità, li se ssir f’Ottubru 2025, se sservi bħala okkażjoni ewlenija għall-promozzjoni ulterjuri tal-kollaborazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-involviment tal-partijiet interessati.

Faċilitaturi

Bażi legali

L-Att dwar Ewropa Interoperabbli jistabbilixxi qafas komprensiv biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti legali, organizzazzjonali, semantiċi u tekniċi biex jiġu żgurati soluzzjonijiet skalabbli u adattabbli tas-settur pubbliku. Sabiex jiġu żgurati l-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid effettivi tas-soluzzjonijiet, l-Artikolu 4 jobbliga lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-korpi tas-settur pubbliku jikkondividu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għas-servizzi diġitali trans-Ewropej. Il-Bord jirrakkomanda soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà eliġibbli għat-tikketta “soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli”. L-Att isaħħaħ il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF, European Interoperability Framework) bħala punt ta’ referenza komuni u jintroduċi l-Portal Ewropa Interoperabbli bħala punt ta’ dħul uniku għal soluzzjonijiet, speċifikazzjonijiet tekniċi u l-aħjar prattiki.

Azzjonijiet ta’ implimentazzjoni

·Ir-riżultati tal-2025 tal-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ għal Ewropa Interoperabbli wrew li kull Stat Membru adotta formalment il-verżjoni attwali tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 6 . Biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Att, f’Mejju 2025 ġie stabbilit grupp informali ta’ esperti dwar il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà tal-Ġenerazzjoni li Jmiss biex jipprovdi gwida teknika u strateġika għar-reviżjoni tal-qafas.

·Kif mitlub mill-Artikolu 7, id-definizzjoni tal-proċess u l-kriterji għat-tikkettar ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli ġiet approvata mill-Bord f’Mejju 2025. Din se tiżgura li s-soluzzjonijiet li jissodisfaw standards definiti ta’ kwalità u interoperabbiltà jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti u promossi fil-Portal u madwar il-Komunità usa’. Ġiet stabbilita task force ddedikata magħmula minn membri mill-grupp ta’ ħidma permanenti biex tagħżel l-ewwel soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli. Barra minn hekk, minn Ġunju sa Awwissu 2025 infetħet konsultazzjoni pubblika fuq il-Portal biex jinġabru sottomissjonijiet ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li għandhom jiġu kkunsidrati għat-tikkettar.

·F’allinjament mal-Artikolu 8, il-Portal Ewropa Interoperabbli tnieda fir-raba’ trimestru tal-2024. Dan iservi bħala hub ċentrali għall-informazzjoni, ir-riżorsi u l-għodod maħsuba biex jiffaċilitaw l-inizjattivi ta’ interoperabbiltà transfruntiera. Madwar 10 000 utent huma rreġistrati fuq il-Portal u kull xahar ikun hemm żjarat fuq kważi 100 000 paġna. Fost karatteristiċi oħra, il-Portal jospita soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u rapporti ta’ valutazzjoni, spazju għad-deċiżjonijiet u d-dokumenti tal-Bord; jipprovdi spazju ta’ kollaborazzjoni għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja; u jippubblika opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament diġitali kull xahar. Minn Lulju 2025, ġew irreġistrati 670 soluzzjoni attiva fuq il-Portal 7 . Il-maġġoranza ta’ dawn (58,5 %) oriġinaw fil-livell tal-UE. Is-sjieda hija primarjament ma’ entitajiet tal-UE (57,7 %), segwita minn korpi tas-settur pubbliku (34,5 %). Il-Kummissjoni Ewropea – b’mod partikolari d-DĠ DIGIT – hija s-sid istituzzjonali ewlieni.

Prattiki tajbin

IMPLIMENTAZZJONI TAL-ESTONJA tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà

Fl-2023, l-Estonja nediet qafas nazzjonali ġdid għall-interoperabbiltà 8 biex jissostitwixxi dak predeċessur li kien ilu 10 snin. Għalkemm mhux obbligatorju, joffri gwida prattika dwar il-prinċipji tal-interoperabbiltà għall-amministrazzjoni pubblika kollha. Dawn il-prinċipji jiżguraw komunikazzjoni u kondiviżjoni tad-data bla xkiel bejn is-sistemi tal-ICT. Il-qafas huwa allinjat mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u huwa “qafas ħaj”, aġġornat regolarment biex jibqa’ adattabbli u faċli għall-utent, b’reviżjonijiet mill-inqas kull sentejn.

Biex tikkomplementa dan, l-Estonja avvanzat diversi inizjattivi dwar l-interoperabbiltà u r-reżiljenza diġitali, b’mod partikolari l-ewwel “ambaxxata tad-data” fid-dinja li tinsab fil-Lussemburgu 9 . Dan il-backup sigur għad-data tal-gvern jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet u huwa eżempju tal-aħjar prattika fil-ġestjoni u l-interoperabbiltà transfruntiera tad-data. Din l-inizjattiva hija parti mill-istrateġija usa’ tal-Estonja biex tagħti spinta lir-reżiljenza diġitali tagħha u żżomm operazzjonijiet tal-gvern mingħajr interruzzjoni bbażati fuq interoperabbiltà b’saħħitha li tappoġġa l-iskambju sigur u bla xkiel tad-data bejn is-sistemi. Billi taħżen data kritika tal-gvern f’post sigur barra mill-Estonja, l-ambaxxata tad-data tirrappreżenta l-aqwa prattika għall-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat u tal-irkupru mid-diżastri. Dawn huma essenzjali biex is-sistemi jkunu interoperabbli.

IL-KATALOGU TAL-UE DWAR SOLUZZJONIJIET B’SORS MIFTUĦ

Il-Katalogu tal-UE dwar Soluzzjonijiet b’Sors Miftuħ 10 juri kif l-assi diġitali kondiviżi jistgħu jixprunaw l-effiċjenza, il-kooperazzjoni transfruntiera u s-sovranità diġitali tal-Ewropa. L-amministrazzjonijiet pubbliċi qed jadottaw dejjem aktar sors miftuħ, u l-Artikolu 4 tal-Att iħeġġeġ il-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà – inkluż kodiċi, dokumentazzjoni u referenzi għal standards miftuħa – biex jiġu appoġġati s-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.

Il-Katalogu, żviluppat fl-ambitu tal-proġetti pilota tas-Soluzzjonijiet ta’ Software b’Xejn u b’Sors Miftuħ għas-Servizzi Pubbliċi Ewropej (FOSSEPS, Free and Open Source Software Solutions for European Public Services) mill-Kummissjoni Ewropea, jiġbor soluzzjonijiet minn diversi Stati Membri, filwaqt li jippermetti l-użu mill-ġdid, il-kollaborazzjoni u interoperabbiltà aħjar. Dan iservi bħala suq għal soluzzjonijiet b’sors miftuħ, li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni, il-kreattività u l-effiċjenza filwaqt li jirrinforza l-interoperabbiltà. Inizjalment imniedi bħala prodott minimu vijabbli fl-2024 b’kontribuzzjonijiet mill-Italja, mill-Ġermanja u mill-code.europa.eu tal-Kummissjoni 11 , issa jinkludi lill-Finlandja, lil Franza, lin-Netherlands u lill-Iżvezja. Inizjattivi bħall-Katalogu tal-UE dwar Soluzzjonijiet b’Sors Miftuħ u publiccode.yml qed jgħinu biex jinbena settur pubbliku diġitali tal-UE aktar innovattiv, interoperabbli u effiċjenti.

Kunsiderazzjonijiet għall-futur

Fil-perjodu li ġej, l-enfasi operazzjonali se tkun fuq l-ewwel lott ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli li għandhom jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Bord. Is-soluzzjonijiet li jirċievu l-approvazzjoni tal-Bord se jingħataw it-tikketta soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli u jsiru disponibbli fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli. Barra minn hekk, filwaqt li jibni fuq il-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti Informali tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, il-pjan ta’ azzjoni għall-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà tal-Ġenerazzjoni li Jmiss se jiġi ppreżentat lill-Bord f’Diċembru 2025 biex jagħti bidu għar-reviżjoni formali tal-qafas. Barra minn hekk, se tiġi stabbilita task force ġdida, biex tinkludi membri tal-grupp ta’ ħidma permanenti, biex tabbozza l-Linji Gwida għall-Kondiviżjoni u l-Użu mill-Ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Il-Portal Ewropa Interoperabbli se jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE permezz tat-traduzzjoni awtomatika biex tiġi żgurata aċċessibbiltà wiesgħa.

Miżuri ta’ appoġġ

Bażi legali

L-Att dwar Ewropa Interoperabbli jistabbilixxi miżuri biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà madwar l-Istati Membri u l-entitajiet permezz ta’ appoġġ, innovazzjoni, ħiliet u kollaborazzjoni mfassla apposta. L-Artikolu 10 jintroduċi miżuri ta’ innovazzjoni biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ġodda jew imtejba, spiss f’kollaborazzjoni ma’ atturi tal-GovTech bħal SMEs, istituzzjonijiet ta’ riċerka u start-ups. L-Artikoli 11 u 12 jistabbilixxu ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-interoperabbiltà għall-ittestjar u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet f’ambjent ikkontrollat. Appoġġ addizzjonali jinkludi materjal ta’ taħriġ ulterjuri dwar il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, inkluż sors miftuħ, u mekkaniżmu volontarju ta’ rieżami bejn il-pari biex tittejjeb il-kooperazzjoni fost il-korpi tas-settur pubbliku.

Azzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Ġew stabbiliti diversi miżuri ta’ appoġġ biex jappoġġaw l-innovazzjoni fl-interoperabbiltà.

·Fir-rigward tal-Artikoli 11 u 12, il-Kumitat dwar l-Ambjent ta’ Esperimentazzjoni Regolatorja għall-Interoperabbiltà jissorvelja l-funzjonament tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni, jiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u jipprovdi gwida dwar l-aħjar prattiki. L-att ta’ implimentazzjoni għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-interoperabbiltà 12 ġie adottat f’Lulju 2025, u pprovda bażi legali strutturata għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni b’soluzzjonijiet diġitali innovattivi f’ambjent ikkontrollat. Dan il-qafas jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jippilotaw approċċi ġodda filwaqt li jiżguraw il-konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-Att.

·Permezz tal-Programm Ewropa Diġitali u f’konformità mal-Artikolu 10, il-Kummissjoni tiffinanzja inizjattivi ewlenin biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni diġitali transfruntiera, lill-miżuri ta’ innovazzjoni u lill-GovTech (pereż. l-Inkubatur GovTech u Azzjoni ta’ Koordinazzjoni u ta’ Appoġġ dwar amministrazzjonijiet pubbliċi innovattivi u konnessi). Din tal-aħħar qed twitti t-triq għal proġett multinazzjonali futur biex jikkoinvesti fl-iżvilupp tal-IA u soluzzjonijiet ewlenin ta’ interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi.

·Il-ħiliet tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku ġew imsaħħa permezz tal-iżvilupp tal-Akkademja Ewropa Interoperabbli, kif mitlub mill-Artikolu 13. Il-Kummissjoni ppromwoviet l-iżvilupp ta’ programm ta’ ċertifikazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà. Bejn Settembru 2024 u Ġunju 2025, ġew ippubblikati 9 korsijiet ġodda, kien hemm 12 426 reġistrazzjoni u ngħataw 2 716-il ċertifikat. Ir-rata ta’ ċertifikati mogħtija hija ta’ 34 % 13 . Avveniment virtwali, l-Iskola Staġjonali, organizzat mit-13 sal-15 ta’ Mejju, attira aktar minn 500 parteċipant, bl-għan li jippromwovi l-interoperabbiltà Ewropea u jkompli jssaħħaħ il-kondiviżjoni tal-għarfien fil-qasam. L-avveniment għandu jsir wieħed annwali.

Prattiki tajbin

SKAMBJU TA’ DATA DWAR L-ISTUDENTI

Emrex 14 hija infrastruttura transfruntiera li tippermetti l-iskambju elettroniku sigur tad-data tal-istudenti, bħal traskrizzjonijiet u diplomi, fost l-istudenti, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u partijiet terzi awtorizzati. Hija tappoġġa r-rikonoxximent tal-kisbiet akkademiċi f’formati li jinqraw mill-magni u PDF, filwaqt li tippromwovi l-interoperabbiltà u l-użu mill-ġdid f’konformità mal-Att u mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 15 , u b’hekk tiffaċilita l-mobbiltà tal-istudenti.

Oriġinarjament iffinanzjat permezz tal-Erasmus+ (2015–2017), EMREX issa hija inizjattiva awtosuffiċjenti u b’sors miftuħ irregolata mill-grupp ta’ utenti tal-EMREX (EUG, EMREX user group), network indipendenti, internazzjonali u b’diversi partijiet ikkonċernati li jinvolvi korpi tal-gvern, akkademiċi u atturi tal-GovTech. L-inizjattiva issa hija attiva f’diversi pajjiżi, inkluż il-Finlandja, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja u ċ-Ċilì, b’adozzjoni dejjem akbar fil-Ġermanja.

L-arkitettura teknika tagħha fiha komponenti b’sors miftuħ disponibbli fuq GitHub taħt liċenzja ta’ sors miftuħ EUPL-1.2 16 . Bħall-Plugin tal-Mobbiltà tal-Istudenti, li jiffaċilita t-trasferiment ta’ rekords edukattivi, pereżempju, bejn università u portal ta’ applikazzjoni, il-Punt ta’ Aċċess għad-Data tal-EMREX jipprovdi aċċess affidabbli u standardizzat għad-data tal-istudenti. Id-data tiġi skambjata bl-użu tal-oġġett tal-mudell ta’ apprendiment tal-EMREX, format komuni li jiżgura li r-rekords akkademiċi jkunu strutturati b’mod interoperabbli u li jinqara mill-magni. Gateway bid-DC4EU 17 hija rabta teknika ta’ darba biss li tintegra l-EMREX mal-proġett tal-Kredenzjali Diġitali għall-UE (DC4EU, Digital Credentials for EU), u b’hekk issaħħaħ ir-rwol tiegħu fl-ekosistema usa’ Ewropea tal-edukazzjoni diġitali. Din tappoġġa skambju ta’ data affidabbli u sigur allinjat mal-prinċipji tal-UE bħall-eIDAS u l-prinċipju ta’ darba biss. Emrex qed tkompli tespandi, b’allinjament potenzjali mal-Qafas tal-UE għall-Identità Diġitali u l-Gateway Diġitali Unika fuq l-orizzont. Dan se jippożizzjonaha bħala faċilitatur ewlieni tal-iskambju ta’ data affidabbli u ċċentrata fuq l-utent fl-edukazzjoni għolja u lil hinn.

L-EDUKAZZJONI DWAR L-INTEROPERABBILTÀ FL-AMMINISTRAZZJONI PUBBLIKA TAL-POLONJA

Il-Polonja avvanzat l-amministrazzjoni pubblika diġitali u l-interoperabbiltà permezz ta’ żewġ inizjattivi ewlenin: hija użat mill-ġdid l-kors tal-Akkademja Ewropa Interoperabbli “Interoperability: An Introductory Course” u nediet l-Istudju dwar l-Arkitettura tal-Intrapriżi tal-Gvern (GEA, Government Enterprise Architecture). Il-kors “Interoperability: An Introductory Course” 18 li huwa integrat fil-pjattaforma nazzjonali tal-e-Apprendiment tal-Polonja 19 skont il-liċenzja tal-EUPL 20 u tradott f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, jibni l-kapaċità tas-settur pubbliku fuq il-prinċipji tal-interoperabbiltà allinjati mal-UE. Il-materjal ta’ taħriġ ġie mfaħħar b’mod wiesa’ għaċ-ċarezza u l-faċilità tal-użu tiegħu, u dan wassal biex il-Polonja tinvolvi ruħha b’mod proattiv mal-Kummissjoni Ewropea biex tillokalizza korsijiet addizzjonali, bħal dawk dwar il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà u l-eGovERA© 21 .

L-istudju tal-Gvern dwar l-Arkitettura tal-Intrapriżi 22 , imniedi lejn l-aħħar tal-2023, jikkombina webinars introduttorji, workshops fuq il-post u appoġġ avvanzat għall-maturità biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku fl-interoperabbiltà u fl-arkitettura tal-intrapriża. Dan jibni fuq Repożitorju tal-Arkitettura tal-Intrapriżi tal-Gvern biex jagħti spinta lill-applikazzjoni prattika. Filwaqt li jinvolvu aktar minn 400 impjegat taċ-ċivil f’26 organizzazzjoni, dawn l-inizjattivi juru kif it-taħriġ strateġiku u l-bini tal-kapaċità jsaħħu l-governanza, jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali u jwasslu benefiċċji tanġibbli kemm għall-amministrazzjonijiet, għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini.

Kunsiderazzjonijiet għall-futur

Il-proċessi u l-kundizzjonijiet biex jiġu stabbiliti proġetti ta’ implimentazzjoni ta’ appoġġ għall-politika, kif introdotti mill-Artikolu 9, se jitfasslu u jiġu ppreżentati lill-grupp ta’ ħidma permanenti fl-2026. Dan jista’ jirriżulta fil-ħolqien tal-ewwel ambjent ta’ esperimentazzjoni tal-interoperabbiltà, li għandu jimmarka pass sinifikanti lejn it-trawwim tal-innovazzjoni fis-settur pubbliku. Dan għandu jappoġġa wkoll l-ittestjar ikkontrollat ta’ soluzzjonijiet transfruntiera. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni se jippermettu lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jesperimentaw b’approċċi diġitali ġodda filwaqt li jiżguraw il-konformità mal-prinċipji tal-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli. Maż-żmien, it-tagħlimiet meħuda mill-operazzjonijiet tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni se jgħinu wkoll biex jiġu rfinati l-politiki tal-interoperabbiltà u jiġu żviluppati soluzzjonijiet ġodda. L-akkademja se tippubblika 12-il kors ta’ taħriġ ġdid qabel tmiem l-2025 u tlieta minnhom se jkunu disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE. Fl-aħħar nett, il-metodoloġija għall-mekkaniżmu volontarju ta’ rieżami bejn il-pari se tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni tal-Bord. Ladarba jiġu vvalidati, il-karatteristiċi ta’ sostenn se jiġu żviluppati fuq il-Portal u promossi permezz tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.

Valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà

Bażi legali

L-Att jitlob għal valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà għall-entitajiet tal-UE u għall-korpi tas-settur pubbliku biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej jiġu kkunsidrati qabel l-implimentazzjoni (l-Artikolu 3). Il-valutazzjonijiet huma mfassla biex jevalwaw l-impatt tar-rekwiżiti vinkolanti fuq is-servizzi pubbliċi diġitali, biex jidentifikaw il-partijiet ikkonċernati u biex jaċċertaw l-applikabbiltà u l-kontribut tal-valur tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà eżistenti qabel ma jieħdu deċiżjonijiet dwar rekwiżiti vinkolanti ġodda jew sostanzjalment modifikati. Sabiex tiffaċilita l-proċess, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi għodod tekniċi, inkluża għodda online għat-tlestija tar-rapporti ta’ valutazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom fuq il-Portal. Għall-Istati Membri, dawn l-istrumenti jagħmluha aktar faċli li jiġu identifikati d-dimensjonijiet diġitali tal-proposti minn kmieni u li jiġu involuti l-esperti u l-partijiet ikkonċernati t-tajba mill-bidu nett. Huma jippermettulhom ukoll jivvalutaw jekk il-bidliet jew il-kompromessi matul in-negozjati interistituzzjonali għandhomx implikazzjonijiet diġitali sinifikanti. Barra minn hekk, dawn jipprovdu mezz strutturat għall-feedback u l-iskambju, li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tantiċipa l-isfidi ta’ implimentazzjoni u tirfina l-prattiki tat-tfassil tal-politika tagħha.

Azzjonijiet ta’ implimentazzjoni

·Għall-Istati Membri, l-adozzjoni ta’ linji gwida għall-valutazzjoni tal-interoperabbiltà 23 tgħin biex jiġi żgurat approċċ strutturat u konsistenti għall-evalwazzjoni tal-interoperabbiltà f’diversi oqsma. Dawn il-linji gwida jipprovdu qafas ċar biex jiġu vvalutati l-effetti tar-rekwiżiti vinkolanti fuq l-interoperabbiltà transfruntiera, fuq il-partijiet ikkonċernati u fuq is-soluzzjonijiet ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli. Fit-tieni trimestru tal-2025, il-linji gwida ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE u appoġġaw iż-żewġ rapporti ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà ppreżentati mill-Istati Membri (Ċipru u l-Ġermanja) mid-dħul fis-seħħ tal-valutazzjonijiet obbligatorji tal-interoperabbiltà fit-12 ta’ Jannar 2025.

·Fil-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli ġie implimentat permezz tal-qafas tat-tfassil tal-politika lest għall-era diġitali (DRPM, digital-ready policymaking) 24 , li daħal fis-seħħ f’Jannar 2025. Bl-użu ta’ dan l-approċċ strutturat, il-Kummissjoni diġà lestiet 32 valutazzjoni tal-interoperabbiltà 25 b’effiċjenza u b’enfasi ċara fuq il-kwalità 26 . L-approċċ huwa mibni madwar tliet elementi ewlenin.

oIl-Verifika Diġitali titwettaq matul il-fażi tal-ippjanar tal-politika u tikkonsisti f’erba’ mistoqsijiet qosra li jgħinu lit-timijiet tal-politika jiddeterminaw jekk inizjattiva għandhiex implikazzjonijiet diġitali.

oIl-gwida għat-tfassil tal-politika lest għall-era diġitali tappoġġa l-integrazzjoni sistematika tal-kunsiderazzjonijiet diġitali matul il-proċess tat-tfassil tal-politika.

oId-Dikjarazzjoni Finanzjarja u Diġitali Leġiżlattiva (LFDS, Legislative Financial and Digital Statement) jew, fejn xieraq, id-Dikjarazzjoni Diġitali (DS, Digital Statement). Iż-żewġ dikjarazzjonijiet iservu bħala l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà tal-Kummissjoni meta jkun meħtieġ. Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja u Diġitali Leġiżlattiva żżid kapitolu diġitali ddedikat mad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva preċedenti. Id-Dikjarazzjoni Diġitali hija verżjoni simplifikata għall-atti ta’ implimentazzjoni u delegati.

Prattiki tajbin

VALUTAZZJONIJIET TAL-INTEROPERABBILTÀ PERMEZZ TAL-QAFAS TAT-TFASSIL TAL-POLITIKA LEST GĦALL-ERA DIĠITALI

Il-valutazzjoni enfasizzat sistemi fil-livell tal-UE bħall-eIDAS 27 għall-identifikazzjoni elettronika u l-Qafas tal-UE għaċ-Ċibersigurtà 28 bħala faċilitaturi ewlenin tat-twassil sigur u interoperabbli tas-servizzi, mingħajr ma ġie identifikat l-ebda ostaklu transfruntier li fadal.

Bl-użu tal-Qafas għat-Tfassil tal-Politika lest għall-Era Diġitali, il-Kummissjoni lestiet 32 valutazzjoni tal-interoperabbiltà dwar proposti ta’ politika fl-2025, b’eżempji bħar-regolamenti BRIDGEforEU 29 u s-Sistema Digitali tal-Vjeġġi ta’ Skart 30 disponibbli fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli.

SERVIZZI PUBBLIĊI DIĠITALI TRANSFRUNTIERA: DIKJARAZZJONI DWAR IL-KOOPERAZZJONI BEJN L-IŻVEZJA U L-FINLANDJA

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Iżvezja u l-Finlandja 31 , iffirmata fis-16 ta’ Settembru 2024, hija stadju importanti ewlieni fil-kollaborazzjoni diġitali transfruntiera. Din tiffoka fuq servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli, inkluż l-iskambju tad-data dwar il-popolazzjoni u regolamenti kummerċjali armonizzati, biex jittejbu l-aċċess, l-effiċjenza u l-affidabbiltà għaċ-ċittadini u n-negozji minn naħa għal oħra tal-fruntiera.

L-interoperabbiltà tirfed id-dikjarazzjoni, tippermetti servizzi bla xkiel, ċibersigurtà aktar b’saħħitha u koordinazzjoni aħjar, filwaqt li trawwem l-integrazzjoni ekonomika u l-innovazzjoni. L-inizjattiva turi li l-għanijiet kondiviżi, l-investiment konġunt u l-istandards armonizzati huma essenzjali għal kooperazzjoni diġitali transfruntiera ta’ suċċess, filwaqt li toffri mudell tal-aħjar prattika b’rilevanza trans-Ewropea għal Stati Membri oħra tal-UE.

Kunsiderazzjonijiet għall-futur

Sa mill-bidu nett, il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà wrew li huma siewja fl-integrazzjoni tal-interoperabbiltà transfruntiera fil-leġiżlazzjoni l-ġdida u fis-servizzi pubbliċi diġitali. L-effettività kontinwa se tiddependi fuq is-simplifikazzjoni tal-proċessi u l-gwida, l-integrazzjoni ta’ prijoritajiet emerġenti bħall-IA, il-governanza tad-data u ċ-ċibersigurtà, u l-iżgurar ta’ applikazzjoni konsistenti madwar l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Fil-livell tal-Kummissjoni, qed tingħata gwida interna dwar il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà għall-akkwist. Qed tiġi esplorata għodda bbażata fuq l-IA, AI4DRPM, biex jiġu awtomatizzati parzjalment id-Dikjarazzjonijiet Diġitali u d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji u Diġitali Leġiżlattivi, filwaqt li jitnaqqas l-ammont ta’ xogħol u jiġi ppreservat ir-rwol tagħhom fil-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet diġitali. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà pedament ta’ regolamentazzjoni u implimentazzjoni tal-politika aħjar.

KOOPERAZZJONI BEJN IL-KUMMISSJONI U PARTIJIET IKKONĊERNATI OĦRA

Matul l-aħħar sena, il-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex tavvanza l-Att dwar Ewropa Interoperabbli. L-Istati Membri jipparteċipaw permezz tal-Bord għal Ewropa Interoperabbli u s-sottogruppi tiegħu, u jsawru l-prijoritajiet u l-aġenda, filwaqt li l-koordinaturi tal-interoperabbiltà, l-esperti u l-komunitajiet ta’ prattika jiżguraw li l-esperjenza prattika tinforma l-politiki u l-għodod. Il-kollaborazzjoni testendi għall-pajjiżi kandidati, is-sħab internazzjonali u l-korpi tal-istandardizzazzjoni, u tirrifletti n-natura interkonnessa tas-servizzi pubbliċi diġitali. Il-kollaborazzjoni skont l-Att dwar Ewropa Interoperabbli u l-Bord tiegħu toffri opportunità siewja għall-pajjiżi tal-adeżjoni biex jallinjaw ruħhom kmieni mal-istandards tal-governanza diġitali tal-UE — u b’hekk jaċċelleraw l-integrazzjoni gradwali fis-Suq Uniku Diġitali tal-UE. Is-sħubijiet mal-industrija, l-akkademja, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali ppromwovew soluzzjonijiet b’sors miftuħ, is-swieq tal-GovTech u ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, filwaqt li għenu biex jiġu allinjati l-isforzi, tiġi evitata d-duplikazzjoni u jinħolqu sinerġiji transfruntiera u transsettorjali.

KONKLUŻJONI U ĦARSA LEJN IL-FUTUR

Din l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli wittiet it-triq għal settur pubbliku diġitali aktar b’saħħtu u aktar koeżiv madwar l-UE. Dawn il-kisbiet juru li l-interoperabbiltà ma għadhiex kwistjoni purament teknika iżda faċilitatur strateġiku tas-sovranità diġitali u l-kompetittività tal-Ewropa. Stadji importanti bħall-istabbiliment tal-istrutturi ta’ governanza, it-tnedija ta’ valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà u l-adozzjoni ta’ kriterji għal soluzzjonijiet ittikkettati wrew il-kapaċità tal-UE li taġixxi b’mod kollettiv. Fis-sena li ġejja nistgħu nistennew:

·l-adozzjoni tal-ewwel Aġenda għal Ewropa Interoperabbli mill-Bord, li tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-2026 u lil hinn;

·l-ewwel lott ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli approvati mill-Bord u l-linji gwida għall-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet;

·aktar miżuri ta’ appoġġ għall-Istati Membri u l-entitajiet tal-UE, inkluż korsijiet ta’ taħriġ, ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, proġetti ta’ appoġġ u mekkaniżmi ta’ rieżami bejn il-pari;

·gwida u għodod aġġornati addizzjonali għall-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà biex titrawwem is-simplifikazzjoni.

Il-passi li jmiss se jeħtieġu impenn politiku u investiment: iż-żieda fl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ittikkettati, l-inkorporazzjoni tal-interoperabbiltà f’inizjattivi ta’ politika ewlenin tal-UE bħall-Att dwar id-Data 32 , ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika 33 u l-Att dwar l-IA 34 , u t-tisħiħ tat-tmexxija globali tal-Ewropa billi tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u s-sħab, se tkompli tmexxi din l-aġenda ’l quddiem, filwaqt li tiżgura li l-interoperabbiltà ssir pedament ta’ Unjoni Ewropea aktar diġitali, inklużiva u reżiljenti.

(1)

      Ir-Regolament - UE - 2024/903 - MT - EUR-Lex .

(2)

      Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa: miri diġitali għall-2030 | Il-Kummissjoni Ewropea.

(3)

      EUR-Lex - 52022SC0721 - EN - EUR-Lex .

(4)

     SWD(2025) 975.

(5)

     Konsultazzjoni tal-aġenda fuq il-Portal: Have your say | Interoperable Europe Portal .

(6)

      EUR-Lex - 52017DC0134 - MT - EUR-Lex .

(7)

     Data mir-riżultati tal-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ għal Ewropa Interoperabbli tal-2025. Aktar informazzjoni tinsab fl-SWD(2025) 975.

(8)

      Interoperability of the State Information System 2011 | Ministry of Economic Affairs and Communications .

(9)

      Ambaxxata tad-data fil-Lussemburgu .

(10)

      EU Open Source Solutions Catalogue | Interoperable Europe Portal .

(11)

      code.europa.eu | GitLab .

(12)

      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni- UE - 2025/1420 - MT - EUR-Lex .

(13)

     Data mir-riżultati tal-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ għal Ewropa Interoperabbli tal-2025. Aktar informazzjoni tinsab fl-SWD(2025) 975.

(14)

      EMREX | Supporting Student Mobility .

(15)

      Emrex, an open source solution supporting student mobility | Interoperable Europe Portal .

(16)

      EMREX | GitHub .

(17)

      Digital Credentials for Europe | DC4EU .

(18)

      Interoperability: An introductory course | EU Academy .

(19)

      Kurs wprowadzający do interoperacyjności | Portal Interoperacyjności i Architektury .

(20)

      Introduction to the EUPL licence | Interoperable Europe Portal .

(21)

      Introduction to eGovERA© | EU Academy .

(22)

      Studium AIP | Portal Interoperacyjności i Architektury .

(23)

      Assessment Guidelines | Interoperable Europe Portal .

(24)

      Digital-ready policymaking | Interoperable Europe Portal .

(25)

      Assessment report's repository | Interoperable Europe Portal .

(26)

     Data li tkun ġejja mir-riżultati tal-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ għal Ewropa Interoperabbli tal-2025. Aktar informazzjoni tinsab fl-SWD(2025) 975.

(27)

     Identifikazzjoni elettronika, Awtentikazzjoni u Servizzi fiduċjarji – skopri aktar fuq ir-Regolament eIDAS | Il-Kummissjoni Ewropea .

(28)

      EU Cybersecurity Framework .

(29)

      Assessment report for BridgeforEU | Interoperable Europe Portal .

(30)

      Assessment report for Digital Waste Shipment Regulation | Interoperable Europe Portal .

(31)

      Id-Dikjarazzjoni dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Iżvezja u l-Finlandja .

(32)

      Ir-Regolament - UE - 2023/2854 - MT - EUR-Lex .

(33)

      Ir-Regolament - 2018/1724 - MT - EUR-Lex .

(34)

      Ir-Regolament - UE - 2024/1689 - MT - EUR-Lex .