17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I — Il-Parlament Ewropew

(2012/544/UE, Euratom)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 – C7-0257/2011) (2),

—

wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja – Taqsima I – Il-Parlament Ewropew – Sena Finanzjarja 2010 (3),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għas-sena finanzjarja 2010,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (4),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (5) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew (7),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 147(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont liema artikolu kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza tal-Parlament Ewopew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010 — it-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX (8),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2009 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2010 (9),

—

wara li kkunsidra r-REgoli 77 u 80(3) u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0120/2012),

A.

billi l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-2010, l-istituzzjonijiet kollha implimentaw b’mod sodisfaċenti s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u 93 % tal-58 ħlas awditjat kienu ħielsa minn żbalji materjali,

B.

billi, fit-16 ta’ Ġunju 2011, is-Segretarju Ġenerali ċċertifika li għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-baġit tal-Parlament Ewropew ġie implimentat b’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta’ kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti,

1.   

Jagħti l-kwittanza lill-President tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2010;

2.   

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)   ĠU L 64, 12.3.2010.

(2)   ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

(3)   ĠU C 167, 7.6.2011, p. 1.

(4)   ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

(5)   ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

(6)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  PE 349.540/Bur/ann/def.

(8)   ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 327.

(9)   ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 244.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I — Il-Parlament Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 – C7-0257/2011) (2),

—

wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja — it-Taqsima I — Il-Parlament Ewropew — Sena Finanzjarja 2010 (3),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għas-sena finanzjarja 2010,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (4),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (5) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikolari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew (7),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 147(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont liema artikolu kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza tal-Parlament Ewopew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010 — it-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX (8),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2009 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2010 (9),

—

wara li kkunsidra r-Regoli 77 u 80(3) u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0120/2012),

A.

billi l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-2010, l-istituzzjonijiet kollha implimentaw b'mod sodisfaċenti s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u 93 % tal-58 ħlas awditjat kienu ħielsa minn żbalji materjali,

B.

billi, fit-16 ta’ Ġunju 2011, is-Segretarju Ġenerali ċċertifika li għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-baġit tal-Parlament Ewropew ġie implimentat b'konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta’ kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti;

C.

billi filwaqt li xi kwistjonijiet li tqajmu matul id-diskussjonijiet dwar il-kwittanza għall-2010 fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit marru lil hinn mill-kwistjonijiet speċifiċi għall-2010, u kienu inklużi f'mistoqsijiet ġenerali li saru mill-Kumitat, din ir-riżoluzzjoni tibqa' ffukata prinċipalment fuq l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza għas-sena finanzjarja 2010, filwaqt li jirrikonoxxi li l-approċċi għall-kwistjonijiet baġitarji huma suġġetti għal diskussjoni usa' b'mod partikolari fil-grupp ta’ ħidma li qed jiġi stabbilit biex iqis l-ispejjeż u t-tfaddil possibbli tal-Parlament Ewropew, u f'konformità mal-linji gwida tal-baġit tal-2013 adottati fit-8 ta’ Frar 2012, li jfittex li jagħmel tfaddil fuq tul ta’ żmien twil sinifikanti, permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti tal-baġit tal-Parlament Ewropew li jwassal għal proposti sa tmiem l-2012 segwit mill-implimentazzjoni mgħaġġla tagħhom;

L-isfidi għall-implimentazzjoni tal-baġit fl-2010

1.

Jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-baġit fl-2010 kienet problematika peress li dik kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ operazzjonijiet wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009, u seħħet fil-kuntest ta’ problemi finanzjarji kontinwi fl-Unjoni;

2.

Josserva li l-baġit tal-Parlament (approprjazzjonijiet finali li jammontaw għal EUR 1 616 760 399, meta mqabbla ma’ EUR 1 529 970 930 fl-2009) kien ftit inqas minn parti waħda minn ħamsa (19,99 %; 19,67 % fl-2009, għaldaqstant inqas mis-sehem ta’ 20 % tas-soltu) tal-Intestatura V (Nefqa amministrattiva) fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010;

3.

Jieħu nota tat-tweġiba tas-Segretarjat tal-Parlament, skont liema tweġiba l-ispejjeż annwali tas-sede tal-Parlament fi Strasburgu kienu jammontaw preċiżament għal EUR 51 500 000 fl-2010, li minnhom EUR 33 500 000 kienu spejjeż infrastrutturali u EUR 18 000 000 kienu spejjeż operattivi għat-12-il sessjoni parzjali ta’ kull xahar; josserva li dawn l-ammonti uffiċjali huma ħafna inqas mill-istimi mressqa qabel, li kienu jvarjaw minn EUR 169 000 000 għal EUR 203 000 000; jinnota, madankollu, li fl-istimi tal-2006, l-Amministrazzjoni kienet ikkalkulat li kieku kellu jkun hemm sede unika, l-iffrankar annwali jkun ta’ EUR 204 miljun, filwaqt li fl-2010 ċ-ċifra stmata kienet ta’ EUR 180 miljun, li hija ċifra aktar baxxa minħabba li sadanittant kienu nxtraw il-binjiet ta’ Strasburgu u kien sar titjib fit-teknoloġija tal-informazzjoni, u jfakkar li fl-istimi tiegħu għall-2013, il-Parlament Ewropew ivvota, b'429 vot favur u 184 vot kontra, li jkollu sede unika sabiex jiffranka l-ispejjeż;

4.

Jinnota li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona żied is-setgħat, l-attivitajiet u l-ammont ta’ xogħol leġislattiv tal-Parlament, b'mod li rrikjeda bidliet kbar fl-organizzazzjoni u fil-metodi ta’ ħidma tiegħu biex wieħed jibni fuq l-eċċellenza leġislattiva u jkompli t-tħejjijiet għat-tkabbir tal-Unjoni biex tinkludi l-Kroazja; jinnota wkoll li, biex wieħed jirreaġixxi għall-isfidi l-ġodda, ġew adottati miżuri biex tittejjeb il-kosteffikaċja permezz ta’ żieda fil-produttività, ridistribuzzjoni tal-persunal u metodi ta’ ħidma mtejba;

5.

Jinnota li kienet meħtieġa l-adozzjoni ta’ baġit emendatorju (Nru 1/2010 adottat fid-19 ta’ Mejju 2010) ta’ EUR 9 397 164 biex tiġi ffinanzjata n-nefqa addizzjonali li rriżultat direttament mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; jinnota wkoll li dan il-baġit emendatorju saħħaħ, b'mod partikolari, żewġ partiti baġitarji (Il-Partita 1200“Remunerazzjoni u allowances” u l-Partita 4220/01 “L-assistenza parlamentari: assistenti lokali”) biex tissaħħaħ l-assistenza lill-Membri fit-twettiq tal-kompiti leġislattivi miżjuda tagħhom; madankollu jiddispjaċih li din iż-żieda ma tnaqqsitx b'mod sostanzjali permezz ta’ tfaddil iktar konsistenti;

6.

Jinnota li s-sena rat konsolidament u aktar modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni, bi ffukar akbar fuq l-attivitajiet ewlenin, ir-ristrutturar tas-servizzi, użu aħjar ta’ teknoloġiji moderni u iktar kooperazzjoni interistituzzjonali;

7.

Jirrimarka li l-2010 kienet l-ewwel sena li fiha l-Istatut il-ġdid tal-Membri u l-Istatut tal-Assistenti (it-tnejn li huma fis-seħħ mill-14 ta’ Lulju 2009) ġew implimentati għalkollox bid-dħul fis-seħħ ta’ sett ta’ modifiki għall-Miżuri Implimentattivi taż-żewġ Statuti, proposti mill-Grupp Temporanju ta’ Valutazzjoni, u li dawn irrappreżentaw kompiti addizzjonali sinifikanti għall-amministrazzjoni tal-Parlament;

8.

Jinnota l-adozzjoni mill-Bureau, fl-24 ta’ Marzu 2010, ta’ Strateġija tal-ICT għal terminu medju ta’ żmien (u b'mod partikolari s-Sistema tal-Ġestjoni tal-Għarfien - KMS - li tagħmel parti minnha) u politika tal-bini għal terminu medju ta’ żmien, li t-tnejn li huma għandhom dimensjoni finanzjarja notevoli;

Rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

9.

Jinnota li, fl-2010, il-Parlament irċieva dħul li jammonta għal EUR 243 094 204 (EUR 141 250 059 fl-2009), li kien jinkludi EUR 110 298 523 fi dħul assenjat;

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-Parlament

10.

Jinnota ċ-ċifri li fuq il-bażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2010, jiġifieri:

(EUR)

(a)   Approprjazzjonijiet disponibbli

approprjazzjonijiet għall-2010:

1 616 760 399

riporti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2009:

10 100 000

riporti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2009:

180 265 823

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat għall-2010:

110 298 523

riporti li jikkorrispondu għad-dħul assenjat mill-2009:

20 637 870

Total:

1 938 062 615

(b)   L-użu ta’ approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2010

impenji:

1 772 219 308

ħlasijiet li saru:

1 506 555 191

approprjazzjonijiet riportati awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

341 046 482

approprjazzjonijiet riportati mhux awtomatikament:

9 240 000

approprjazzjonijiet kanċellati:

80 650 726

(c)   Dħul tal-baġit

li wasal fl-2010:

243 094 204

(d)

Total tal-karta tal-bilanċ fil-31 ta’ Diċembru 2010

1 612 914 353

11.

Jinnota li fl-2010, 96 % (93 % fl-2009) tal-approprjazzjonijiet finali ġew impenjati, b'rata ta’ kanċellazzjoni ta’ 4 % (6,7 % fl-2009), u li, bħal fis-snin preċedenti, intlaħaq livell għoli ħafna ta’ implimentazzjoni baġitarja;

12.

Jinnota madankollu r-riporti sinifikanti għall-2010 (EUR 190 365 823 (10)), konsegwenza, fil-biċċa l-kbira tagħhom, tan-natura partikolari tas-sena elettorali 2009, u jitlob li jkun hemm ippjanar aħjar tan-nefqa li jikkunsidra dan kollu fil-perjodu ta’ qabel elezzjonijiet Ewropej futuri;

13.

Jinnota li dan il-livell għoli globali ta’ implimentazzjoni huwa parzjalment dovut għal żewġ trasferimenti mmirati li saru qabel tmiem is-sena finanzjarja 2010 (EUR 9 240 000 għax-xiri ta’ Dar l-Ewropa f'Sofija u EUR 10 923 000 għal erba' proġetti kbar tal-IT); jilqa' l-fatt li, għat-tieni darba, ma saru l-ebda trasferimenti kollettivi bejn l-2010 u l-2011; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu, madankollu, biex fil-futur timmira għall-objettiv ta’ ppjanar u dixxiplina baġitarji aħjar u aktar ċari u jinnota li l-inklużjoni tal-bini, l-IT u kwalunkwe nefqa importanti oħra fil-baġit tipprovdi ċarezza finanzjarja totali; iqis li l-infiq il-kbir kollu għandu jkun previst totalment fil-baġit annwali u mhux jirriżulta mill-bżonn li jsir irkupru ta’ ammonti mhux użati;

Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni mis-Segretarju Ġenerali

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011 fil-kapaċità tiegħu ta’ Uffiċjal Awtorizzanti Prinċipali b'delega, fir-rigward tar-rapporti tal-attivitajiet annwali tal-uffiċjali awtorizzanti għall-2010, li fiha ċċertifika li hu għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-baġit tal-Parlament kien implimentat f'konformita' mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u li l-qafas ta’ kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti;

Ir-rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija

15.

Jinnota li s-servizzi ċentrali stabbilixxew, fuq il-bażi ta’ tagħrif provdut mid-dipartimenti awtorizzanti, ir-rapport annwali (11) lill-awtorità baġitarja dwar kuntratti mogħtija fl-2010 u jinnota wkoll it-tqassim li ġej tal-kuntratti kollha mogħtija fl-2009 u fl-2010:

Tip ta’ kuntratt

2010

2009

Għadd

Persentaġġ

Għadd

Persentaġġ

Servizzi

143

67  %

157

62  %

Provvisti

40

19  %

56

22  %

Xogħlijiet

27

12  %

34

14  %

Bini

4

2  %

5

2  %

Total

214

100  %

252

100  %


Tip ta’ kuntratt

2010

2009

Valur

(f'EUR)

Persentaġġ

Valur

(f'EUR)

Persentaġġ

Servizzi

149 463 916

63  %

415 344 963

75  %

Provvisti

45 467 211

19  %

34 980 727

6  %

Xogħlijiet

22 128 145

9  %

36 045 314

6  %

Bini

22 269 303

9  %

70 394 138

13  %

Total

239 328 575

100  %

556 765 142

100  %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2010, p. 5)

16.

Jinnota t-tqassim tal-kuntratti mogħtija fl-2010 u fl-2009 skont it-tip ta’ proċedura użata kif ġej:

Tip ta’ proċedura

2010

2009

Għadd

Persentaġġ

Għadd

Persentaġġ

Miftuħa

72

34  %

73

29  %

Ristretta

5

2  %

13

5  %

Negozjata

137

64  %

166

66  %

Total

214

100  %

252

100  %


Tip ta’ proċedura

2010

2009

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Miftuħa

143 603 024

60  %

415 996 418

75  %

Ristretta

2 129 576

1  %

9 458 434

2  %

Negozjata

93 595 975

39  %

131 310 290

23  %

Total

239 328 575

100  %

556 765 142

100  %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2010, paġni 6-7)

Proċeduri negozjati eċċezzjonali

17.

Jilqa' l-fatt li, mill-2010, id-Direttorati Ġenerali kollha jfornu, f'anness mar-rapporti annwali tal-attività tagħhom, informazzjoni dettaljata dwar il-kuntratti mogħtija fil-qafas tal-proċedura negozjata eċċezzjonali, u jindikaw ir-raġunijiet għala ntużat din il-proċedura, flimkien ma’ informazzjoni oħra meħtieġa fil-paragrafu 50 tar-riżoluzzjoni tal-5 ta’ Mejju 2010 (12) dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew;

18.

Jirrikonoxxi bħala ħaġa pożittiva l-inverżjoni tax-xejra fl-2010 (meta mqabbla mal-2009 u mas-snin preċedenti) fin-numru ta’ proċeduri negozjati eċċezzjonali fir-rigward tal-kuntratti kollha ta’ valur ogħla minn EUR 25 000 (13), kif muri fit-tqassim li ġej:

Direttorat Ġenerali

2010

2009

Għadd

% tat-total tal-kuntratti tad-DĠ

Għadd

% tat-total tal-kuntratti tad-DĠ

DĠ PRES

5

50,00  %

14

53,85  %

DĠ IPOL

2

5,56  %

0

0,00  %

DĠ EXPO

0

0,00  %

1

50,00  %

DĠ COMM

8

14,81  %

29

42,03  %

DĠ PERS

0

0,00  %

1

16,67  %

DĠ INLO

24

30,00  %

37

38,14  %

DĠ INTE

3

27,27  %

3

21,43  %

DĠ TRAD

0

0,00  %

0

0,00  %

DĠ ITEC

7

53,85  %

4

36,36  %

DĠ FINS

0

0,00  %

0

0,00  %

Servizz Legali

0

0,00  %

0

0,00  %

Parlament, total

49

22,90  %

89

35,32  %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2010, p. 11)

19.

Jistieden lid-Direttorati Ġenerali li għad għandhom ċifri kbar, partikolarment id-DĠ INLO, biex inaqqsu aktar l-għadd/proporzjon ta’ dawn il-proċeduri; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tkompli l-iskrutinju strett ta’ dawn il-proċeduri, partikolarment fir-rigward ta’ kunflitti ta’ interess possibbli, u jiġu applikati sanzjonijiet intensifikati u disważivi għal kwalunkwe irregolarità misjuba; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta kull sitt xhur dwar il-progress li jkun sar lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;

20.

Jilqa' favorevolment il-ħolqien min-naħa tad-DĠ PRES ta’ taqsima għall-akkwist fi ħdan l-Unità għall-Programmazzjoni, il-Ġestjoni Baġitarja u l-Kuntratti, billi din se żżid it-trasparenza tal-akkwisti pubbliċi;

Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2010

Konklużjonijiet ġenerali

21.

Jilqa' l-fatt li l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri sab li l-ħlasijiet b'mod globali kienu ħielsa minn żbalji materjali u li l-Qorti tal-Awdituri ma sabet ebda dgħufijiet materjali meta vvalutat il-konformità tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll mar-Regolament Finanzjarju;

Il-ġestjoni tal-iskema ta’ sussidju għal gruppi ta’ viżitaturi

22.

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-proċeduri applikati fl-2010, li ma kinux jirrikjedu provi tal-ispejjeż effettivi tal-ivvjaġġar u li inkludew ħlasijiet fi flus kontanti lill-mexxejja tal-gruppi, ippreżentaw riskju ta’ ħlas żejjed u llimitaw il-possibilità li jiġu applikati kontrolli interni għal dawn il-ħlasijiet, u jieħu nota tal-adozzjoni tal-bidliet riċenti għal din is-sistema; jindika iżda li l-Membri għad għandhom il-possibilità li jagħżlu li jirrikjedu l-ħlas fi flus kontanti għall-gruppi ta’ viżitaturi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jitlob l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-regoli emendati;

L-impjegar ta’ aġenti kuntrattwali

23.

Jinnota b'diżappunt li l-Qorti tal-Awdituri kkonludiet li, f'erba' mill-ħames każijiet awditjati, jiġifieri f'mhux inqas minn 80 %, id-dokumentazzjoni relatata mal-eżami tal-applikazzjonijiet, it-twettiq tal-intervisti u d-deċiżjonijiet li ttieħdu biex jingħażel il-persunal kuntrattwali ma kinux kompluti, mingħajr konsegwenzi negattivi fuq il-persunal involut u għalhekk mingħajr ma jkunu pprovduti inċentivi biex is-sitwazzjoni titjieb; jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li minn issa 'l quddiem għandha tiġi żgurata dokumentazzjoni sħiħa għal skopijiet ta’ kontroll intern;

L-akkwist

24.

Jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri sabet żbalji, inkonsistenzi u dgħufijiet oħra fil-proċeduri tal-akkwist tal-Parlament li awditjat; jindika l-miżuri riċenti li ttieħdu biex jittejbu dawn il-proċeduri u jinkoraġġixxi lill-amministrazzjoni tiegħu tagħmel aktar titjib f'dan il-qasam tal-ħidma; jilqa' l-iżvilupp tal-għodda tal-IT Webcontracts, stabbilita fl-2010, li tippermetti li jitwettaq ix-xogħol tal-kuntratti onlajn;

25.

Jistieden lill-Bureau jerġa' jeżamina l-mekkaniżmi ta’ kontroll kollha għall-akkwist pubbliku, bil-għan li jiggarantixxi l-aktar prezzijiet kompetittivi għas-servizzi u l-oġġetti li huma offruti;

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-gruppi politiċi

26.

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri rigward ir-riport ta’ approprjazzjonijiet mhux użati mill-gruppi politiċi u l-qsim ta’ sena ta’ elezzjoni Ewropea f'żewġ nofsijiet għall-iskopijiet tal-kalkolu tar-riport permess; huwa tal-fehma li, biex tiġi evitata ripetizzjoni futura tad-diffikultajiet li kien hemm fil-bidu tal-2010, kwalunkwe sena elettorali futura għandha tittieħed kollha kemm hi għall-kalkolu tar-riport għall-gruppi politiċi li ma jieqfux jiffunzjonaw wara elezzjoni;

27.

Josserva li filwaqt li ġie indikat li l-mistoqsijiet bil-miktub imressqa miċ-ċittadini ġeneralment jirċievu tweġiba fi żmien ġimagħtejn, attwalment ma teżistix sistema li bis-saħħa tagħha l-mistoqsijiet tal-Membri lill-President jew lis-Segretarju Ġenerali jirċievu tweġiba fl-istess ammont ta’ żmien;

Is-segwitu mis-Segretarju Ġenerali għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2009

28.

Jinnota b'sodisfazzjon il-prontezza u l-portata tat-tweġibiet bil-miktub fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kwittanza tal-2009 mogħtija lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-6 ta’ Ottubru 2011 u l-kwalità tal-iskambju ta’ opinjonijiet bejn is-Segretarju Ġenerali u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit matul is-segwitu tal-eżerċizzju ta’ kwittanza 2009 fil-11 ta’ Ottubru 2011;

29.

Jilqa' d-diversi reazzjonijiet għal numru ta’ talbiet li saru fir-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija u jistenna b'ħerqa t-tlestija tas-segwitu tat-talbiet li ġejjin u li kienu espressi f'dik ir-riżoluzzjoni:

(i)

li ssir valutazzjoni komprensiva li tkopri l-bidliet fil-persunal kif ukoll l-iżvilupp tal-infiq fis-servizzi kollha kkonċernati mill-implimentazzjoni tal-Istatuti l-ġodda (tal-Membri u tal-Assistenti) u li din tiġi mgħoddija lill-kumitati kompetenti, flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni u valutazzjoni tal-implikazzjonijiet finanzjarji diretti u indiretti għall-baġit tal-Parlament għall-ħames snin li ġejjin, inkluża d-dispożizzjoni għal spazju addizzjonali possibbli f'termini ta’ uffiċċji, ġarr u spejjeż marbuta mar-rinnovazzjonijiet/modifiki (paragrafu 7);

(ii)

li tasallu informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-esternalizzazzjoni taċ-ċentri tal-kompjuter meta mqabbla mal-ispejjeż preċedenti fir-rapport ta’ attività li jmiss tiegħu (paragrafu 37);

(iii)

li tittieħed deċiżjoni formali dwar l-abolizzjoni tal-Premju għall-Ġurnaliżmu (paragrafu 93);

(iv)

li jiġi rrappurtat l-ammont totali ta’ ffrankar li sar inkluż dak b'konsegwenza tar-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-missjonijiet bejn it-tliet postijiet ta’ ħidma (paragrafu 102);

(v)

li jiġu proposti regoli rigorużi applikabbli għall-Membri kollha biex jiġi żgurat li l-allowance għan-Nefqa Ġenerali tkun trasparenti fil-każijiet kollha u li tintuża esklużivament għall-iskopijiet li kienet maħsuba għalihom;

30.

Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2012, dwar l-azzjoni li ttieħdet jew li għandha tittieħed;

Ir-rapport annwali tal-Awditur Intern

31.

Jilqa' l-fatt li ditta ta’ awdituri esterni ċċertifikat li s-Servizz ta’ Awditjar Intern huwa fl-ogħla livell ta’ konformità mal-Istandards Internazzjonali għall-Prattika Professjonali tal-Awditjar Intern;

32.

Jinnota li, fil-laqgħa tal-kumitat kompetenti li saret fl-24 ta’ Jannar 2012, l-Awditur Intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu ffirmat fil-15 ta’ Lulju 2011 u spjega li, fl-2010, wettaq il-ħidma ta’ awditjar li ġejja fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament:

—

segwitu għall-awditjar tal-intitolamenti individwali tal-persunal;

—

awditjar tal-Gruppi ta’ Viżitaturi;

—

segwitu għall-awditjar tal-ispejjeż tal-missjonijiet tal-persunal;

—

segwitu għar-rieżami tal-kontrolli interni fuq kuntratti għal perjodi twal;

—

segwitu għar-rieżami tal-Governanza tal-IT - Ippjanar u Organizzazzjoni;

—

awditjar tal-istabbiliment tal-lista tas-salarji;

—

awditjar tal-Proċess tal-Akkwist Pubbliku u tal-Implimentazzjoni tal-Kuntratti f'DĠ ITEC;

—

segwitu għall-awditjar tal-Allowance għall-Assistenza Parlamentari;

33.

Jinnota u jappoġġa l-fehmiet espressi mill-Awditur Intern rigward il-ħtieġa:

—

li jitlestew l-azzjonijiet kollha li suppost diġà saru malajr kemm jista' jkun, u b'mod partikolari dawk kritiċi, biex jittejbu l-proċessi ta’ governanza, l-ambjent ta’ kontroll u l-attivitajiet ta’ kontroll tad-DĠ Persunal fil-qasam tal-intitolamenti individwali tal-persunal u li jitlestew l-erba' azzjonijiet li għadhom pendenti fil-qasam tal-ispejjeż tal-missjonijiet tal-persunal identifikati fir-Rapport tal-Awditjar Intern 10/04 tas-6 ta’ Mejju 2011 dwar is-segwitu għall-awditjar oriġinali tal-2008;- li jsiru bidliet għad-dispożizzjonijiet finanzjarji tar-regoli interni li jirregolaw l-akkoljenza tal-Gruppi ta’ Viżitaturi biex il-finanzjament jiġi allinjat aktar mal-ispejjeż li fil-fatt ikollhom il-viżitaturi;

—

li jitlestew l-20 azzjoni li suppost diġà saru fil-qasam tal-governanza tal-IT;

In-natura u l-iskop tar-rapport tal-awditjar intern

34.

Jirreferi għall-kummenti tiegħu, li jinsabu f'riżoluzzjonijiet preċedenti ta’ kwittanza, dwar ir-rapporti tal-awditjar intern; jirrikonoxxi li r-rapporti tal-awditjar intern iservu bħala għodod għal titjib fis-sistemi u fil-prestazzjoni, u jistgħu biss jiġu interpretati kif suppost meta l-bidliet u r-riżultati jkunu kompluti, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jirrimarka madankollu li r-rieżami li għadu għaddej tar-Regolament Finanzjarju jittratta l-kwistjoni tad-disponibilità ta’ dawn ir-rapporti fuq talba filwaqt li jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward din il-kwistjoni;

IL-ĠESTJONI TAL-AMMINISTRAZZJONI TAL-PARLAMENT

Ir-rapporti tal-attivitajiet mid-Diretturi Ġenerali

35.

Josserva b'sodisfazzjon li d-Diretturi Ġenerali kollha kienu f'pożizzjoni li jagħtu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni bla riserva dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mis-servizzi tagħhom fl-2010; hu konxju li r-rapporti tal-attivitajiet huma għodda ta’ tmexxija interna li l-għan ewlieni tagħhom hu li jagħtu lis-Segretarju Ġenerali idea ġenerali ċara tal-ħidma tal-amministrazzjoni, u b'mod partikolari ta’ kwalunkwe nuqqasijiet;

Il-Maniġer tar-Riskji

36.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Maniġer tar-Riskji daħal fil-kariga tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2010 u jirrapporta direttament lis-Segretarju Ġenerali; jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Manwal tal-Ġestjoni tar-Riskji fis-16 ta’ Diċembru 2011 u jtenni t-talba tiegħu li l-kumitat kompetenti tiegħu jirċievi r-rapport tal-attivitajiet annwali tal-Maniġer tar-Riskji tal-2010 u jinżamm infurmat dwar l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida tal-Parlament dwar il-ġestjoni tar-riskji;

37.

Jitlob li l-kumitat kompetenti tiegħu jiġi infurmat qabel l-aħħar ta’ Settembru 2012 dwar l-approċċ u l-azzjoni meħuda biex jiġu identifikati u mmaniġġjati karigi sensittivi;

DĠ Presidenza (DĠ PRES)

Is-sigurtà

38.

Jinnota tnaqqis żgħir fil-baġit iddedikat għas-sigurtà minn EUR 45 980 000 għal EUR 45 590 000 bejn l-2009 u l-2010; jilqa' x-xejra kontinwa ta’ tnaqqis fl-infiq baġitarju fl-2011 (approprjazzjonijiet finali: EUR 42 830 000) meta mqabbla mal-2010 u l-adozzjoni mill-Bureau f'lulju 2011 tal-Kunċett tas-Sigurtà Globali li jipprovdi sigurtà aktar moderna u effiċjenti għall-Parlament;

39.

Itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jintroduċi l-obbligu għall-Membri li juru l-baġġ tagħhom biex jidħlu u joħorġu mill-binjiet tal-Parlament; jipproponi li l-baġġijiet tal-Membri wkoll ikunu sottoposti għal kontroll elettroniku;

40.

Jinsisti li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-binjiet tal-Parlament u l-inħawi immedjati ta’ madwarhom iridu jingħataw l-ogħla prijorità; jitlob li bħala parti minn dan ix-xogħol is-sigurtà fil-parkeġġi tal-karozzi għandha tittejjeb, u li l-aċċess għall-partijiet tal-binjiet li fihom l-uffiċini tal-Membri fil-Parlament imissu jiġi kkontrollat;

41.

Jenfasizza li s-serq ġara f'uffiċċji tal-Membri waqt li kienu msakkrin, u dan juri li hemm livell baxx ta’ sigurtà tal-uffiċċji; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jieħu miżuri urġenti biex itejjeb is-sitwazzjoni attwali;

42.

Jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta’ sigurtà fil-parkeġġi tal-Parlament; josserva li bosta karozzi saritilhom il-ħsara apposta fil-parkeġġ ta’ Brussell; jistieden lill-Bureau jieħu azzjonijiet xierqa biex itejjeb is-sitwazzjoni;

43.

Itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex iressaq, sat-30 ta’ Ġunju 2012, proposti għal sistema ta’ ffirmar aktar effikaċi, sigura u reżistenti għall-frodi (inkluż eżami tal-ħinijiet tal-ftuħ għall-iffirmar) u b'mod partikolari għal sistema futura possibbli ta’ ffirmar elettroniku għall-Membri kemm għall-iffirmar tad-dokumenti (bħall-emendi) kif ukoll għar-reġistrazzjoni tal-preżenza tagħhom b'firma diġitali, minkejja li hu konxju li għandu jkun mistenni biss impatt minimu f'termini ta’ spejjeż jew iffrankar;

44.

Jinnota b'sodisfazzjon li wara d-deċiżjoni tal-Bureau tal-5 ta’ Lulju 2010 l-internalizzazzjoni tas-servizzi ta’ akkreditazzjoni issa qed tiġi finalizzata; jistenna li s-sistema l-ġdida ta’ akkreditazzjoni tipprovdi servizz aħjar u aktar effiċjenti; iqis li huwa neċessarju li jitkomplew it-titjib u l-modernizzazzjoni tas-sigurtà tal-Parlament u, għal dak il-għan, tiġi professjonalizzata b'mod adegwat, essenzjalment permezz ta’ proċeduri ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ speċifiċi, kif ukoll permezz ta’ korsijiet neċessarji ta’ taħriġ professjonali intern, ulterjuri u ta’ aġġornament; jistenna bil-ħerqa u b'interess l-iżvilupp tal-kunċett globali l-ġdid tas-sigurtà, speċjalment id-divrenzjar bejn żoni differenti, ħaġa li se ġġib titjib sostanzjali, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-problemi relatati mas-sigurtà tal-uffiċċji tal-Membri;

Ir-ristrutturar

45.

Jinnota li sar ristrutturar kbir tad-DĠ PRES fl-2010; jilqa' ċ-ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet finanzjarji, tal-ippjanar u tal-ġestjoni tal-akkwisti u tas-sigurtà f'Direttorat għar-Riżorsi li nħoloq f'Marzu 2010;

DĠ Politiki Interni (DĠ IPOL) u DĠ Politiki Esterni (DĠ EXPO)

46.

Ifakkar fl-importanza politika tad-delegazzjonijiet fil-ħidma tal-Parlament ġewwa u barra l-Unjoni; jinnota, madankollu, id-diskrepanza li tidher kbira fl-ispejjeż għal kull Membru u għal kull ġurnata (li jvarjaw minn EUR 1 400 għal EUR 5 300) f'delegazzjonijiet differenti, b'mod partikolari dawk barra l-Unjoni; jistieden lil-Bureau tiegħu, f'kollaborazzjoni mad-DĠ kollha kkonċernati, jiżviluppa prinċipji għal struttura ta’ spejjeż aktar ekonomika u uniformi għaż-żjarat tad-delegazzjonijiet, b'mod partikolari filwaqt li jitqiesu l-importanza politika u t-tul tagħhom, u l-proporzjon ottimali bejn Membri u persunal; jitlob li tiġi żviluppata sistema informatika għall-konsolidament tal-baġit li tforni infomazzjoni dettaljata dwar il-baġit għal kull delegazzjoni u tippermetti t-titjib tal-ġestjoni tal-infiq; jappella biex għall-missjonijiet futuri tad-delegazzjonijiet tiġi preżentata dikjarazzjoni dettaljata tal-kostijiet għall-parteċipanti kollha;

DĠ Komunikazzjoni (DĠ COMM)

47.

Huwa mħasseb li, ħlief fir-rigward tal-ispejjeż tal-Osservatorju Leġislattiv, il-linja baġitarja 3242 (Nefqiet għall-pubblikazzjoni, it-tagħrif u l-parteċipazzjoni f'manifestazzjonijiet pubbliċi) mhijiex trasparenti biżżejjed; iqis li l-infiq fis-subpartita 3242/01 b'mod partikolari għandu jintwera punt punt biex tittejjeb it-trasparenza fi snin futuri ta’ kontabilità;

Iċ-ċentru tal-viżitaturi (Parlamentarium)

48.

Jinnota li l-impenji mdaħħla fil-Partita 3243“Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi” żdiedu b'mod sinifikanti (+ 227 %) f'kuntrast mas-sottoeżekuzzjoni fl-2009 u ammontaw għal EUR 12 725 985; jindika l-problema kbira bis-sikurezza tas-soffitti li dewmet il-proġett fl-2010 u ġiegħlet lill-amministrazzjoni tikkanċella EUR 1 000 000 li mbagħad ġew riportati awtomatikament mill-2009 għall-2010; josserva li l-kostijiet totali stmati jammontaw għal EUR 20 530 000, ammont li jirrappreżenta żieda ta’ 15,3 % meta mqabbel mal-2007; jitlob li jiddaħħlu garanziji biex jiġi evitat li pjanijiet oħra li jimplikaw kostijiet ta’ bosta miljuni ta’ euro jirreġistraw żieda simili;

49.

Jilqa' l-ftuħ taċ-Ċentru għall-Viżitaturi fl-14 ta’ Ottubru 2011 (ippjanat oriġinarjament għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2009); jikkundanna madankollu d-dewmien konsiderevoli u l-qbiż tal-istima tal-ispejjeż ta’ dan il-proġett; jitlob li jsir rieżami tal-attività taċ-Ċentru tal-Viżitaturi wara tnax-il xahar minn meta jkun sar beda jiffunzjona, bil-għan li tiġi valutata r-reazzjoni tal-pubbliku, il-punti b'saħħithom tiegħu u d-dgħufijiet tiegħu, kif ukoll il-proporzjon bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tiegħu, biex jiġi garantit li jkun qiegħed jipprovdi valur għall-flus;

Id-Dar tal-Istorja Ewropea

50.

Jinnota li fil-5 ta’ Lulju 2010, il-Bureau adotta l-Istrateġija aġġornata ta’ Komunikazzjoni tal-Parlament li inkludiet il-proġett tad-Dar tal-Istorja Ewropea u li, f'Settembru 2010, ġurija internazzjonali eżaminat il-proġett; jinnota wkoll li għal dan il-proġett ma sarx użu mill-Kapitolu baġitarju 106“Riżerva għal proġetti prijoritarji li qed jiġu żviluppati” peress li l-approprjazzjonijiet kollha f'dak il-kapitolu (EUR 5 000 000) kienu ġew trasferiti fl-Artikolu 210“L-informatika u t-telekomunikazzjonijiet”; jinsisti sabiex jiġu kkomunikati l-implikazzjonijiet finanzjarji kumplessivi tal-proġett, partikolarment fid-dawl tal-kumplikazzjonijiet ikkawżati mix-xmara Maalbeek li tgħaddi taħt is-sisien tal-bini; itenni l-istennija tiegħu li l-pjan tal-ispejjeż li jinsab fil-Pjan Kummerċjali għandu jkun hemm konformità sħiħa miegħu;

51.

Jiddispjaċih li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bureau u entitajiet oħra dwar id-Dar tal-Istorja Ewropea ma kinux ibbażati fuq il-kostijiet finali sħaħ “stmati” involuti fl-istabbiliment ta’ proġett kompletament operattiv; jagħti parir lill-Bureau u lill-Kwesturi biex ma japprovaw l-ebda proġett jew inizjattiva fil-futur li għalihom ma tkunx ippreżentata stima finanzjarja totali għall-kostijiet diretti jew indiretti;

Il-gruppi ta’ viżitaturi

52.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-iskema tal-viżitaturi biex jiżdied l-għarfien dwar il-Parlament u l-ħidma leġislattiva tiegħu; jinnota t-tibdil reċenti li sar fis-sistema tal-ħlas tal-gruppi tal-viżitaturi applikata mill-2010 u jitlob li ssir valutazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ ħlasijiet u l-iskema ta’ rimborż li turi l-evoluzzjoni tal-ispejjeż u l-livell ta’ kemm il-ħlasijiet jirriflettu l-ispejjeż effettivi li kellhom il-gruppi; jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Awdituri li ssegwi dan u jistenna b'ħerqa l-kummenti tal-Awditur Intern dwar l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida;

53.

Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament tirrapporta lill-Parlament dwar l-esperjenza ġenerali tar-regoli emendati li jirregolaw il-kobor tal-gruppi uffiċjali tal-viżitaturi, u b'mod partikolari dwar l-effetti ta’ dawn ir-regoli fuq l-organizzazzjoni u l-użu tal-kapaċità;

54.

Jesprimi t-tħassib tiegħu — għal raġunijiet ovvji ta’ sigurtà u b'kunsiderazzjoni għall-immaġni tal-Parlament — dwar il-fatt li l-istituzzjoni tagħti somom kbar fi flus kontanti lill-mexxejja tal-gruppi ta’ viżitaturi;

Il-WebTV

55.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li EuroparlTV ma jistax jitqies storja ta’ suċċess meta jitqies in-numru baxx ħafna ta’ utenti diretti individwali tiegħu (14) (esklużi l-ispettaturi permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija ma’ stazzjonijiet tat-TV reġjonali) minkejja l-finanzjament konsiderevoli li rċieva fl-2010, li ammonta għal madwar EUR 9 000 000 (partita 3246); jilqa' l-isforzi li saru biex dan il-baġit jitnaqqas b'14 % (għal EUR 8 000 000) fl-2011 u fis-snin ta’ wara; jirrikonoxxi b'dispjaċir, madankollu, li ma jistax ikun iġġustifikat sussidju ulterjuri u jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta proposti lill-kumitat kompetenti tiegħu għall-għeluq tal-operazzjoni;

Premjijiet

56.

Jinnota li l-ispejjeż relatati mal-Premju LUX fl-2010 kienu EUR 380 666,18; huwa mħasseb li l-ispejjeż żdiedu għall-avveniment fl-2011 għal EUR 573 722,08 (b'iktar minn 50 %) u jistenna b'ħerqa li jara inverżjoni qawwija ta’ din ix-xejra mill-2012 'il quddiem; jitlob speċifikament li l-attivitajiet li ġejjin jitnaqqsu għat-trażżin tal-ispejjeż:

—

promozzjoni interna li tiswa ħafna flus fi ħdan il-bini tal-Parlament,

—

attivitajiet promozzjonali waqt festivals ċinematografiċi internazzjonali,

—

l-ispiża kbira assoċjata mal-ispejjeż sabiex jiġu organizzati avvenimenti “mini-LUX” fl-Istati Membri;

57.

Jinnota n-nefqa fuq il-premji fil-perjodu 2009-2011:

(EUR)

 

2009

2010

2011

Il-Premju għall-Ġurnaliżmu

105 000

118 059

154 205

Il-Premju Sakharov

300 000

654 542

652 348

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ

24 000

34 000

35 000

Il-Premju LUX

320 000

380 666

573 722

Totali:

749 000

1 187 267

1 415 275

58.

Jemmen li ż-żieda ta’ 89 % fin-nefqa fuq il-premji bejn l-2009 u l-2011 utilizzat fondi li setgħu jintużaw aħjar band'oħra; jitlob li n-nefqa futura fuq il-premjijiet tinġieb lura għal-livelli tal-2009;

59.

Jinnota li l-ispejjeż relatati mal-Premju għall-Ġurnaliżmu fl-2010 kienu EUR 118 059, żieda ta’ 18 % fuq iċ-ċifra tal-2009; huwa mħasseb li l-ispejjeż għall-avveniment fl-2011 żdiedu b'iktar minn kwart, u jitlob li titwettaq analiżi sħiħa tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji qabel ma jiġu żviluppati kwalunkwe inizjattivi f'dan il-qasam tar-relazzjonijiet mal-midja jew fi kwalunkwe qasam ieħor, issa li l-Premju twaqqaf;

60.

Ma jqisx li l-premjijiet huma attività prinċipali tal-Parlament u jitlob li ssir analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji qabel ma jiġu żviluppati inizjattivi għal xi premju ġdid, sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika fl-Istati Membri kollha, li qed tkompli sejra għall-agħar;

L-uffiċċji ta’ informazzjoni/Djar l-Ewropa

61.

Jinnota t-twaqqif ta’ Direttorat għar-Riżorsi fid-DĠ fl-2010 biex iwettaq, inter alia, il-koordinament ċentralizzat tal-akkwisti pubbliċi, biex b'hekk l-uffiċċji deċentralizzati ta’ informazzjoni jkunu jistgħu jiġu affettwati inqas bil-prattika taċ-ċaqliq ta’ persunal ewlieni minn karigi sensittivi;

62.

Jinnota li d-978 missjoni mit-32 uffiċċju ta’ informazzjoni tal-Parlament għal Brussell u Strasburgu swew b'kollox EUR 944 330,- li fisser medja ta’ EUR 701 — għal missjoni fi Brussell u EUR 1 064 — għal missjoni fi Strasburgu; jinnota li missjoni mil-Lussemburgu għal Brussell tiswa medja ta’ EUR 250, filwaqt li missjoni mil-Lussemburgu għal Strasburgu tiswa medja ta’ EUR 630; jitlob li fil-futur jiġi pprovdut ukoll bl-ispiża medja għal kull missjoni (paġna 68 tat-tweġbiet għall-kwestjonarju);

L-Uffiċċju ta’ Kollegament ta’ Washington

63.

Jinnota l-ftuħ f'April 2010 tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-PE (EPLO) f'Washington u s-sistema ta’ missjonijiet ta’ sena għal erba' uffiċjali li bdiet tiġi applikata f'Ottubru 2010; josserva li, għalkemm il-ħolqien tal-Uffiċċju ta’ Washington ma involviex il-ħolqien ta’ karigi ġodda, inevitabbilment kien hemm spejjeż oħra; jixtieq li jkun infurmat dwar il-livell ta’ dawn l-ispejjeż għall-2011 u l-2012; jitlob li jiġi ppreżentat rieżami tal-istruttura, l-attivitajiet u l-ispejjeż tiegħu lill-Bureau b'kopji għall-kumitati kompetenti rilevanti;

DĠ Persunal (DĠ PERS)

64.

Jilqa' l-fatt li d-DĠ seta' jtejjeb il-prestazzjoni grazzi għall-esternalizzazzjoni ta’ ċerti funzjonijiet (bħall-ġestjoni tal-crèche) u ż-żieda fl-użu tal-IT fil-ġestjoni tal-fajls tal-persunal; jilqa' l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni tal-IT Streamline;

65.

Jinnota l-impatt tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2009 li jagħti aġġustament annwali fis-salarji ta’ 1,85 % biss minflok it-3,7 % indikati u proposti mill-Kummissjoni, ħaġa li rriżultat f'impenji pendenti (ftit inqas minn EUR 6 000 000 jew 1,4 %) fil-Partita 1200“Remunerazzjoni u allowances”;

66.

Jinnota li l-pjan ta’ stabbiliment totali għall-Parlament kien stabbilit fil-livell ta’ 6 285 kariga: 5 348 (jew 85,1 %) għas-Segretarjat tal-Parlament u 937 (jew 14,9 %) għall-Gruppi Politiċi, li jirrappreżentaw żieda ta’ 3,35 % mill-2009 għall-2010 (+ 204 karigi) fl-1 ta’ Diċembru 2009,

67.

Jieħu nota tal-bidliet fl-istruttura tas-Segretarjat, li ġew adottati mill-Bureau fl-2009 u li daħlu fis-seħħ fil-bidu tal-2010, bi tħejjija għall-mandat parlamentari l-ġdid, b'mod partikolari bil-ħsieb li jissaħħu s-servizzi għall-Membri; josserva li dawn il-bidliet wasslu, b'mod partikolari, għar-ristrutturar tad-DĠ PRES, id-DĠ PERS u d-DĠ INLO, u involvew ukoll il-ħolqien ta’ direttorat għar-riżorsi f'DĠ PRES, DĠ IPOL, DĠ EXPO u DĠ COMM, jiġiferi l-erba' direttorati ġenerali b'mandat essenzjalment politiku;

68.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2010, maġġoranza tal-persunal fis-Segretarjat (58,4 %) u fil-grupp funzjonali tal-amministraturi (51,7 %) kienu nisa; jilqa' l-fatt li, fil-livell tal-maniġment superjuri u dak tan-nofs, fl-2010 il-proporzjon tad-diretturi ġenerali nisa żdied (għal 36,4 %, jiġifieri erba' minn 11) kif għamel dak tal-kapijiet tal-unitajiet (għal 26,2 %);

69.

Jindika d-diffikultajiet fir-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew aġenti minn ċerti Stati Membri bħall-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Awstrija jew il-Pajjiżi l-Baxxi, li l-proporzjon tal-persunal tagħhom fis-Segretarjat tal-Parlament huwa konsiderevolment inqas mill-“piż demografiku” tal-pajjiż partikolari fl-Unjoni (15), u josserva n-numru relattivament għoli ta’ persunal li għandhom ċittadinanza Belġjana (13,6 %) jew Lussemburgiża (2,3 %) konsegwenza tal-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament; jitlob lill-Bureau jeżamina l-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ biex jaċċerta x'parti jista' jkollhom biex joħolqu diffikultajiet fir-reklutaġġ tal-persunal;

Il-missjonijiet fit-tliet postijiet ta’ ħidma/Spejjeż tal-missjonijiet

70.

Jinnota li, fl-2010, kien hemm 33 200 missjoni (vjaġġi uffiċjali) li jirrappreżentaw total ta’ 98 629 jum ta’ missjoni, li l-parti l-kbira tagħhom kienu jinvolvu vjaġġar bejn it-tliet postijiet ta’ ħidma; itenni l-ħtieġa li jiġu evitati missjonijiet mhux meħtieġa bejn it-tliet postijiet ta’ ħidma u l-ispejjeż li jinvolvu b'ġustifikazzjonijiet aktar sistematiċi u dokumentati u monitoraġġ aħjar; jitlob li s-Segretarju Ġenerali jirrapporta, bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza, dwar l-iffrankar li jsir konsegwenza ta’ aktar razzjonalizzazzjoni u dwar inizjattivi ulterjuri li ttieħdu jew li qed jiġu mfassla, li jwasslu għal inqas missjonijiet; huwa tal-fehma barra minn hekk li ġeneralment m'għandha ssir l-ebda laqgħa tal-kumitati fi Strasburgu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-kumitati li l-aġenda tagħhom hija marbuta direttament mar-rapporti jew id-diskussjonijiet inklużi fl-aġenda tas-sessjoni parzjali ta’ dik il-ġimgħa; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tanalizza ulterjorment il-proċedura eżistenti għall-missjonijiet u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-effiċjenza tagħhom; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jeżamina speċifikament il-karigi bbażati barra Brussell, partikolarment għal dawk il-membri tal-persunal li jmorru fuq diversi missjonijiet fi Brussell, biex ikun aċċertat jekk dawn jeħtiġilhomx jiġu trasferiti; jissuġġerixxi li l-ftehim mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, li jistabbilixxi n-numru ta’ persunal tal-Parlament ibbażat fil-Lussemburgu mingħajr ma jikkunsidra l-ħtiġijiet li qed jiżviluppaw tal-Parlament, jista' jeħtieġlu reviżjoni;

L-Istatuti tal-Membri u tal-Assistenti

71.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-bidla għal din is-sistema l-ġdida ta’ impjieg kienet fil-parti l-kbira tagħha newtrali għall-baġit, b'madwar 15-il membru tal-persunal jamministraw l-impjieg ta’ madwar 1 400 assistent, u jistenna b'ħerqa li jirċievi kopja tar-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dik is-sistema l-ġdida ta’ impjieg, l-ispejjeż indiretti u diretti tagħha, inklużi l-benefiċċji għall-qgħad imħallsin mill-Kummissjoni;

72.

Jinnota li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward in-nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni u t-traċċabilità tal-ispejjeż għall-missjonijiet tal-assistenti b'karozzi privati għadu ma nstabx rimedju għalihom; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament issib soluzzjoni trasparenti u traċċabbli għal din il-kwistjoni, malajr kemm jista' jkun;

DĠ Infrastruttura u Loġistika (DĠ INLO)

Il-politika tal-bini/tal-proprjetà

73.

Jinnota l-politika tal-proprjetà għal terminu medju u twil (l-istrateġija tal-bini) adottata mill-Bureau fl-24 ta’ Marzu 2010 u l-parametri ewlenin tagħha:

(i)

ix-xiri aktar milli l-kiri bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri;

(ii)

il-ħlas bikri tal-ispejjeż marbuta mal-politika tal-proprjetà (jiġifieri s-self jitħallas l-aktar rapidament possibbli);

(iii)

il-konċentrazzjoni ġeografika tal-bini fit-tliet postijiet ta’ ħidma;

(iv)

enfasi speċjali fuq il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini;

(v)

l-integrazzjoni tal-Parlament kemm jista' jkun mal-ambjent urban;

(vi)

il-Parlament ikun l-aktar aċċessibbli possibbli għal persuni b'diżabilità u jiġu implimentati l-ogħla standards rigward is-sikurezza, is-saħħa u l-benessri tal-persuni;

(vii)

il-Parlament jagħmel l-inqas ħsara possibbli lill-ambjent;

74.

Jinnota li l-Kunsill Ewropew, filwaqt li bir-raġun qed jitlob li jkun hemm awsterità min-naħa tal-Parlament, qed ikompli jiċħad lill-istess Parlament l-opportunità li jwettaq iffrankar kunsiderevoli li jkun jirriżulta kieku ma jibqgħux isiru laqgħat fi Strasburgu;

75.

Jinnota li l-ispejjeż tal-manutenzjoni, l-operazzjoni u t-tindif żdiedu għat-tliet postijiet ta’ ħidma minn total ta’ EUR 33 700 000 fl-2009 għal EUR 38 700 000 fl-2010, u t-tbassir juri aktar żidiet għas-snin 2011-2013 ħlief għal tnaqqis żgħir fl-ispejjeż fil-Lussemburgu fis-sena 2013; jinnota, barra minn hekk, li l-konsum tal-enerġija u tal-elettriku kellu żidiet inqas drammatiċi iżda konsistenti fl-istess perjodu ta’ żmien;

76.

Jinnota l-ħlasijiet ta’ kera li naqsu b'mod sinifikanti fl-2010 (EUR 5 700 000 meta mqabbla ma’ EUR 58 600 000 fl-2008 — l-ogħla somma f'dawn l-aħħar snin), jinnota l-fluttwazzjonijet inqas estremi fl-ispejjeż tal-kiri (EUR 25 300 000 fl-2010, mqabbla ma’ livell massimu ta’ EUR 31 200 000 fl-2006 u livell minimu ta’ EUR 19 900 000 fl-2007) u jinnota wkoll l-ammonti varjati minfuqa fuq il-bini minn livell massimu ta’ EUR 165 900 000 fl-2006, għal żero fl-2009 u EUR 20 200 000 fl-2010;

77.

Jinnota b'sodisfazzjon li, skont it-tweġibiet li waslu għall-kwestjonarju tal-kwittanza, l-estimi jindikaw li, jekk l-istituzzjoni kienet tikri l-bini kollu tagħha, kien ikollha tipprevedi, fil-baġit 2010 tagħha, spejjeż addizzjonali ta’ EUR 163 000 000, ekwivalenti għal 10 % tal-baġit totali tagħha; jappoġġa, għalhekk, din il-politika ta’ xiri minflok kiri, li kienet rakkomandata b'mod qawwi mill-Qorti tal-Awdituri għal bosta snin, l-iktar riċentament fir-Rapport Speċjali Nru 2/2007 tagħha dwar in-nefqa fuq il-bini;

78.

Jinnota li x-xogħlijiet biex jitneħħa l-asbestos mit-tliet binjiet fi Strasburgu fl-2010, li swew EUR 2 464 701, kienu fil-parti l-kbira tagħhom irrimborżati mill-Belt ta’ Strasburgu li kkontribwiet EUR 2 015 000;

79.

Jinnota li, fis-27 ta’ Jannar 2010, l-Istat tal-Belġju rrimborża s-somma ta’ EUR 85 987 000 lill-Parlament, meta ħa fuqu l-ispejjeż tal-art li hija s-sit tal-bini Willy Brandt u József Antall u dawk tal-iżvilupp tas-saqaf tal-istazzjon ferrovjarju Bruxelles-Lussemburgu; jirrimarka li dan l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bħala “dħul assenjat” bi qbil mar-Regolament Finanzjarju u ntuża biex jiffinanzja l-proġetti tal-proprjetà;

80.

Jinnota x-xiri fl-2010 tal-Bini REMARD fi Brussell (EUR 11 000 000) u d-deċiżjoni li tinxtara Dar l-Ewropa f'Sofija (EUR 9 240 000); jiddispjaċih li, minħabba s-suq ristrett, l-ispejjeż tal-manutenzjoni, ir-rinnovazzjoni u x-xiri huma għolja bla bżonn, u huwa diffiċli li tinżamm il-kunfidenzjalità tan-negozjati; iqis li rekwiżit propost skont ir-Regolament Finanzjarju rivedut sabiex l-istituzzjonijiet jippubblikaw il-pjanijiet tal-bini tagħhom għal numru ta’ snin bil-quddiem jirriżulta fi spiża notevoli għall-istituzzjonijiet u għall-kontributuri tat-taxxa;

81.

Josserva li jekk ikun permess il-finanzjament dirett tal-bini fir-Regolament Finanzjarju rivedut, dan ikollu effett pożittiv peress li jippermetti lill-Parlament juża self mingħajr ma jitlob l-intervent ta’ partijiet terzi, u b'hekk inaqqas l-ispejjeż u jżid it-trasparenza fl-istess ħin; jirrimarka li dan diġà huwa l-każ fir-rigward tal-finanzjament tal-bini KAD fil-Lussemburgu, li għalih intlaħaq qbil dwar sħubija mal-Bank Ewropew tal-Investiment, li qed jipprovdi 50 % tal-fondi;

82.

Jitlob f'dan ir-rigward dikjarazzjoni finanzjarja dettaljata tal-ispejjeż li diġà kien hemm, u dawk ipproġettati għall-20 sena li jmiss, fir-rigward tal-bini KAD fil-Lussemburgu, u jinsisti li l-ispejjeż totali mistennija għall-kostruzzjoni, l-ispejjeż operattivi stmati u spejjeż oħra li jirriżultaw b'rabta mal-kostruzzjoni u l-operat ta’ dan il-bini, jiġu ppubblikati fid-dettall;

83.

Jilqa' l-assigurazzjoni min-naħa tas-Segretarju Ġenerali li m'għadx hemm uffiċċji assenjati għal-lobbyists jew fondazzjonijiet, iżda jinnota li sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-fondazzjoni Pegasus u l-Kangaroo Group kellhom uffiċċji għad-dispożizzjoni tagħhom fil-bini tal-Parlament;

84.

Jiddispjaċih li organizzazzjonijiet akkreditati ta’ lobbying okkupaw spazju għall-uffiċċji fl-2010, u b'hekk inħoloq trattament preferenzjali għal dawk l-organizzazzjonijiet fir-rigward tar-riżorsi tal-kontribwenti tal-UE;

Il-faċilitajiet tal-catering

85.

Itenni t-talba tiegħu biex ikun hemm aktar għażliet diversi rigward il-fornituri tal-ikel fi ħdan il-bini tal-Parlament, billi ma jibqax ikun hemm monopolju ta’ fornitur tal-ikel wieħed meta l-kuntratti attwali jaslu fi tmiemhom;

DĠ Traduzzjoni (DĠ TRAD) u DĠ Interpretazzjoni u Konferenzi (DĠ INTE)

86.

Jinnota li ġew tradotti total ta’ 1 721 191 paġna fl-2010 (1 033 176 minnhom — jew 60 % — internament) u jilqa' l-fatt li d-dokumenti kollha meħtieġa għall-votazzjonijiet kienu prodotti fil-ħin minn DĠ TRAD u 90 % tat-traduzzjonijiet b'mod globali rrispettaw l-iskadenzi stabbiliti, minkejja l-fatt li 65 % tat-talbiet għal traduzzjoni saru tard (jiġifieri ma rrispettawx l-għaxart ijiem ta’ xogħol previsti fil-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwiżmu);

87.

Jinnota b'sodisfazzjon li DĠ TRAD miexi lejn aktar produttività u użu aktar effikaċi tal-baġit tiegħu, filwaqt li jiżgura li jinżamm il-multilingwiżmu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-produttività interna żdiedet minn 1 500 paġna fis-sena għal 1 800 paġna; jilqa' l-fatt li kieku jiġu ppubblikati iċ-ċifri ta’ produttività għal kull unità lingwistika;

88.

Jinnota madankollu, li wara żieda ta’ aktar minn 10 % fir-rata ta’ konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwaliżmu bejn l-2008 u l-2009 (l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tiegħu), ir-rata ta’ konformità naqset bejn l-2009 u l-2010 (16); jistieden lill-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-gruppi politiċi jirrispettaw b'mod strett l-iskadenzi stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta;

89.

Jilqa' s-servizz il-ġdid ta’ Interpretazzjoni ad personam (IAP) offrut minn DĠ INTE lill-Membri u stabbilit wara l-proġett pilota li nbeda fl-2010;

DĠ Finanzi (DĠ FINS)

90.

Jinnota b'sodisfazzjon li kien hemm tnaqqis fil-ħin tal-ħlas tal-fatturi għal medja ta’ 21 ġurnata fl-2010;

L-ispejjeż tat-trasport

91.

Jinnota li, fl-2010, l-ispiża tal-ivvjaġġar tal-Membri u tal-persunal ammontat għal madwar EUR 107 000 000 (17) (jew 6,6 % tal-approprjazzjonijiet finali kollha) u li issa hemm fis-seħħ tnaqqis ta’ 5 %; iqis li għandu jitqies il-potenzjal għal aktar tnaqqis permezz ta’ mili tal-ajru miġbura flimkien; jitlob li tiġi ppreżentata analiżi tal-Artikolu 300 permezz ta’ nota mehmuża mal-kontijiet tal-ispiża medja ta’ vjaġġar għall kull uffiċjal għas-sitt rotot: Brussell-Lussemburgu; Lussemburgu-Brussell; Lussemburgu-Strasburgu; Strasburgu-Lussemburgu; Brussell-Strasburgu; Strasburgu-Brussell;

L-Aġenzija tal-Ivvjaġġar

92.

Jinnota li l-approprjazzjonijiet finali għall-Aġenzija tal-Ivvjaġġar ammontaw għal EUR 1 438 000 fl-2010, b'rata ta’ impenn għolja (94 %); jinnota wkoll li din tikseb prezzijiet innegozjati mil-linji tal-ajru, li jfisser li hemm prezz medju għall-aħjar servizz; jenfasizza madankollu li dan ma jfissirx li għal ġurnata jew vjaġġ speċifiku ma jkunx possibbli li jinstabu prezzijiet aħjar billi ssir prenotazzjoni diretta mal-operaturi tal-ivvjaġġar; jitlob li jsir stħarriġ indipendenti li jwassal għal evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Aġenzija tal-Ivvjaġġar, l-istruttura u l-operat tagħha; jistieden lill-kuntrattur tal-aġenzija tal-ivvjaġġar attwali jagħmel aktar sforzi biex jiżgura li l-aktar għażliet irħas jiġu dejjem proposti lill-membri u l-persunal; jistieden ulterjorment lid-direttorat responsabbli jissorvelja l-livelli ta’ servizz ipprovduti mill-Aġenzija tal-Ivvjaġġar;

93.

Jiddispjaċih li xi drabi l-Aġenzija tal-Ivvjaġġar ma toffrix l-aħjar prezz, meta mqabbla ma aġenziji tal-ivvjaġġar oħrajn, kemm fiżiċi kif ukoll onlajn; jitlob lid-DĠ Finanzi jiżviluppa mekkaniżmu adegwat ta’ kontroll li jiżgura l-aħjar proporzjon ta’ kwalità/prezz;

94.

Huwa tal-fehma li jeħtieġ li tinkiseb data komparabbli dwar il-prezz tat-titjiriet sabiex jiġi ddeterminat l-aħjar prezz għal kull titjira partikolari;

95.

Jemmen li l-Parlament għandu jieqaf jagħti kuntratti monopolistiċi kull fejn ikun possibbli u li l-fatt li jkun hemm aktar minn aġenzija tal-ivvjaġġar waħda għad-dispożizzjoni tal-Membri u l-persunal iwassal għal inqas spejjeż u servizz aħjar għalihom;

Trasferimenti kollettivi

96.

Jilqa' l-fatt li, fl-aħħar tas-sena finanzjarja 2010, ma ntużatx il-proċedura tat-trasferiment kollettiv kif kien intalab mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu tul dawn l-aħħar snin, u b'hekk ġie evitat li jkun hemm differenza sinifikanti bejn il-baġit kif ippjanat għas-sena u l-implimentazzjoni tiegħu, kif ġara fi snin preċedenti, u jemmen li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jħaffu l-iskrutinju u l-kwittanza baġitarja għal snin futuri jekk jippjanaw l-infiq tal-bini b'mod trasparenti permezz tal-proċedura baġitarja;

Il-Fondi tal-Pensjonijiet

97.

Jinnota li, għalkemm fl-2010 l-valur tal-assi tal-Fond Volontarju tal-Pensjonijiet żdied bi 13,3 % hekk kif is-swieq tal-investiment komplew jirkupraw mill-kriżi finanzjarja globali tal-2008, il-fond volontarju tal-pensjonijiet kellu defiċit ta’ EUR 178 960 000 fil-31 ta’ Diċembru 2010, ħaġa li tqajjem tħassib dwar l-inadempjenza possibbli tal-fond; ifakkar li l-Parlament qed jiżgura l-ħlas tad-drittijiet tal-pensjoni għall- ex Membri kollha u għal uħud minn dawk attwali ta’ dan il-fond volontarju tal-pensjoni, meta u jekk dan il-fond ma jkunx jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu; jixtieq li jkun infurmat kif u minn liema linja baġitarja l-Parlament se jirrispetta l-obbligi tiegħu f'dik l-eventwalità;

98.

Jirrikonoxxi li żewġ terzi mill-ħlasijiet lejn il-fond saru direttament mill-Parlament pjuttost milli minn membri individwali; ifakkar lill-membri tal-fond li l-kontribuzzjonijiet tagħhom kienu volontarji, u jinsisti li l-Parlament m'għandux jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjari ulterjuri biex jiġu onorati pagamenti jew jitnaqqas id-defiċit ta’ fond li seta' ma kienx strutturat b'mod sodisfaċenti mill-bidu;

99.

Jinnota, barra minn hekk, li l-obbligi li jirriżultaw mir-Regoli PEAM (Ħlas tal-Infiq u tal-Allowances lill-Membri) relatati mal-pensjonijiet tar-romol u l-pensjonijiet tal-invalidità (Anness II) jammontaw għal EUR 28 950 000); jindika li hemm somom, li ammontaw għal EUR 195 640 000, użati biex ikopru każijiet — li jinvolvu l-aktar lill-Membri Taljani u Franċiżi — fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u dawk tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-pensjonijiet kienu differenti (Anness III), u somom mill-iskema tal-Istatut stabbilita riċentament ta’ EUR 152 210 000 (din iċ-ċifra tal-aħħar se tiżdied minn sena għall-oħra); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li m'hemmx fondi biex ikopru din in-nefqa;

DĠ Innovazzjoni u Appoġġ Teknoloġiku (DĠ ITEC)

100.

Jinnota d-deċiżjonijiet tal-Bureau tas-17 ta’ Ġunju 2009 u tat-18 ta’ Ottubru 2010 li jiġu estiżi ż-żoni ta’ aċċess għan-netwerk mingħajr fili (Wi-Fi) fil-Parlament biex ikunu koperti l-Kamra, il-kmamar tal-kumitati, l-uffiċċji tal-Membri u l-ispazji pubbliċi kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu (l-ewwel fażi tal-proġett: EUR 7 878 000); jitlob lid-DĠ ITEC jagħmilha possibbli li Membri individwali jitolbu li ma jirċevux dokumenti stampati fil-futur għal-laqgħat tal-kumitat fejn jintuża l-eCommittee; jemmen li dan jista' jaċċelera s-suċċess tal-proġett;

101.

Jilqa' t-tfassil grafiku mill-ġdid kontinwu tal-websajt tal-PE wara d-deċiżjoni tal-Bureau fit-22 ta’ Novembru 2010 dwar “L-istrateġija għall-preżenza futura tal-Parlament Ewropew onlajn — It-tfassil mill-ġdid tal-websajt tal-PE”; jitlob li jkun hemm titjib fl-appoġġ tal-websajt, b'mod partikolari billi jitwettqu testijiet regolari;

102.

Jilqa' s-sistema AT4AM, li ġiet introdotta fl-2010, li tagħmilha aktar faċli għall-Membri jemendaw it-testi leġislattivi u mhux leġislattivi proposti;

103.

Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fis-settur tal-IT mill-2010 'l quddiem li wassal għal: kapaċità akbar li jiġu ġestiti aspetti ewlenin internament, il-proċess ta’ internalizzazzjoni tal-attivitajiet, it-twaqqif tal-korpi ewlenin tal-governanza korporattiva (il-Kumitat għall-Istrateġija ta’ Innovazzjoni tal-ICT u l-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Innovazzjoni tal-ICT), it-twaqqif tal-funzjoni tal-ippjanar tal-IT u tas-sistema ta’ rappurtar dwar l-istatus tal-proġetti ta’ żvilupp tal-IT u l-iżvilupp ta’ metodoloġija trasparenti ta’ ppjanar għal perjodu qasir; jilqa' l-użu estensiv tal-indikaturi tal-prestazzjoni minn dan id-DĠ; jesprimi l-ansjetà tiegħu dwar ir-riskju dejjem jikber tal-aċċess illegali għas-sistemi tal-ICT tal-Parlament u tal-manipolazzjoni tagħhom, u jikkunsidra, bħala kwistjoni tal-akbar urġenza, li trid titfassal strateġija effikaċi fuq perjodu twil għall-ħarsien tagħhom; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jżommu infurmat dwar il-miżuri li ttieħdu għal dak il-għan;

104.

Jistenna rapport sħiħ dwar kif jiġu żviluppati l-proġetti għal Softwer Liberu tal-Parlament fir-rigward tal-użu u l-utenti fil-Parlament, l-interazzjoni maċ-ċittadini u l-attivitajiet ta’ akkwist; jissuġġerixxi investigazzjoni tal-obbligi tal-Parlament skont ir-Regola 103 fir-rigward ta’ Softwer Liberu u Standards Miftuħa;

L-akkwisti pubbliċi fid-DĠ ITEC

105.

Jinkoraġġixxi lil DĠ ITEC jagħmel ħiltu biex jipprepara aħjar il-proċeduri ta’ akkwist, b'mod partikolari fil-każ ta’ kuntratti qafas, li ta’ spiss huma kumplessi, billi jistipula obbligi kuntrattwali fir-rigward tar-riżultati previsti fil-kuntratt u tal-eżiti, aktar milli sempliċi produzzjoni, u billi jiddefinixxi aħjar il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-Parlament; jissuġġerixxi li, aktar milli juża klawsoli ta’ penali, il-Parlament għandu jitlob kumpens minn fornitur jew mingħand min jagħti s-servizz meta dawn jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom, jew inkella juża t-theddida ta’ telf ta’ xogħol futur, fil-każ ta’ kuntratti qafas;

Tagħmir ġdid għall-votazzjonijiet u faċilitajiet ta’ interpretazzjoni

106.

Jinnota li t-tagħmir il-ġdid għall-votazzjoni fl-Emiċikli sewa EUR 2 135 623 u ġie ffinanzjat kollu kemm hu mill-approprjazzjoni tal-2010; jinnota wkoll li l-ispiża tal-manutenzjoni u tal-assistenza teknika għat-tagħmir għall-votazzjonijiet kienet ta’ EUR 147 149 fl-2010;

Il-Gruppi Politiċi (partita baġitarja 4000)

107.

Jinnota li fl-2010 l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-partita baġitarja 4000 intużaw kif ġej:

Grupp

2010

2009 (*2)

Approprjazzjonijiet annwali (*1)

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta’ użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu ta’ wara

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta’ użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu ta’ wara (2010)

PPE (li qabel kien PPE-DE)

19 990

2 392

20 662

103,36  %

1 720

19 715

7 782

25 314

128,40  %

2 182

S&D (li qabel kien PSE)

14 011

4 629

13 359

95,35  %

5 281

14 235

6 999

16 750

117,67  %

4 483

ALDE

6 262

2 240

6 160

98,37  %

2 342

6 441

3 065

7 328

113,77  %

2 178

Verts/ALE

3 896

1 188

3 893

99,92  %

1 191

3 360

1 055

3 235

96,28  %

1 179

GUE/NGL

2 531

1 065

2 525

99,76  %

1 071

2 673

1 487

3 102

116,05  %

1 057

UEN

—

 

 

 

 

1 417

1 452

2 552

180,10  %

0

IND/DEM

—

 

 

 

 

775

1 023

1 048

135,23  %

0

ECR

3 648

398

3 362

92,16  %

684

1 788

3

1 415

79,14  %

376

EDF

2 201

419

1 799

81,74  %

821

1 113

1

701

62,98  %

413

Membri mhux affiljati

1 234

248

828

67,10  %

409

1 169

348

925

79,13  %

248

Total

53 773

12 579

52 588

97,80  %

13 519

52 686

23 215

62 370

118,38  %

12 116

Wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2009 il-gruppi UEN u IND/DEM ma baqgħux jeżistu u nħolqu żewġ gruppi ġodda, ECR u EDF.

108.

Jilqa' l-impenn tal-amministrazzjoni tal-Parlament, iċċitat fir-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri, biex tibda tintuża s-sena finanzjarja sħiħa biex jiġu kkalkulati r-riporti mill-gruppi politiċi fl-aħħar tas-snin elettorali, aktar milli żewġ nofsijiet separati ta’ sena; jilqa' dak li jidher li hu titjib fit-tbassir finanzjarju indikat mill-fatt li l-ebda approprjazzjonijiet mhux użati ma ġew irritornati mill-gruppi politiċi għall-2010;

Il-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

109.

Jinnota li fl-2010 l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-partiti baġitarji 4020 u 4030 intużaw kif ġej (18):

Partit

Taqsira

Riżorsi Proprji (*3)

Għotja tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-infiq eleġibbli (massimu 85 %)

Bilanċ pożittiv (trasferiment għar-riżervi) jew telf tad-dħul

Partit Popolari Ewropew

PPE

1 413

4 959

6 372

85  %

429

Partit tas-Soċjalisti Ewropej

PSE

914

3 395

4 310

80  %

2

Partit Ewropew tal-Liberali, Demokratiċi u Riformisti

ELDR

379

1 554

1 933

85  %

77

Partit Ewropew tal-Ħodor

EGP

365

1 055

1 420

85  %

170

L-Alleanza tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej

AECR

58

327

386

85  %

0

Partit tax-Xellug Ewropew

EL

200

708

908

71  %

–90

Partit Demokratiku Ewropew

EDP/PDE

95

424

519

85  %

12

Alleanza Ewropea Ħielsa

EFA

77

339

416

85  %

17

Demokratiċi tal-UE

EUD

35

176

211

85  %

–17

Moviment Politiku Kristjan Ewropew

ECPM

55

208

264

85  %

3

Total

 

3 591

13 145

16 739

83  %

603


Fondazzjoni

Taqsira

Affiljata mal-partit

Riżorsi Proprji (*4)

Għotja tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-infiq eleġibbli (massimu 85 %)

Ċentru għall-Istudji Ewropej

CES

PPE

615

2 928

3 543

83  %

Fondazzjoni għal Studji Progressivi Ewropej

FEPS

PSE

366

2 136

2 502

85  %

Forum Liberali Ewropew

ELF

ELDR

117

658

775

85  %

Fondazzjoni Ewropea tal-Ħodor

GEF

EGP

119

674

794

85  %

Inbiddlu l-Ewropa

TE

EL

87

475

562

85  %

Istitut tad-Demokratiċi Ewropej

IED

PDE

36

197

233

85  %

Fondazzjoni għad-Demokrazija tal-UE

FEUD

EUD

20

122

142

85  %

Ċentru Maurits Coppieters

CMC

EFA

27

156

183

85  %

Direzzjoni Ġdida

ND

AECR

92

404

496

84  %

Total

 

 

1 479

7 750

9 230

84  %

110.

Jinnota l-bidliet mill-2010 inkluż fiż-żjarat ta’ ġestjoni fejn isir il-kontroll tal-kampjuni fir-rigward tal-baġit, ir-reklutaġġ, is-sejħiet għal offerti u sistemi oħra;

Parlament li jagħmilx ħsara lill-ambjent

111.

Jinnota l-pjan ta’ azzjoni dwar is-CO2 adottat mill-Bureau fl-2010; jilqa' t-tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija fis-sede ta’ Strasburgu tal-Parlament, li naqas b'74 % bejn l-2006 u l-2010; jiddispjaċih, madankollu, li l-marka tal-karbonju tas-sit fi Strasburgu, li tirrappreżenta l-konsum tal-enerġija għas-sena 2010, kienet ta’ 1 533 tunnellata ta’ CO2;

112.

Huwa tal-fehma li għandha titqies il-possibilità li fil-baġit tal-Parlament isir kemm titjib ambjentali u kemm iffrankar permezz ta’ metodi ta’ ħidma differenti li huma aktar favorevoli għall-ambjent u irħas iżda li ma jnaqqsux mill-valur tax-xogħol tal-Parlament, inkluż l-użu ta’ vidjokonferenzi;

113.

Jilqa' l-introduzzjoni f'Diċembru 2010 ta’ “sistema għall-ħlas ta’ partijiet terzi” għal biljetti staġjonali tal-NMBS/SNCB (19) fi Brussell, fejn il-Parlament jikkontribwixxi 50 % tal-ispiża ta’ biljetti staġjonali annwali individwali sottoskritti mill-membri tal-persunal tiegħu; jinkoraġġixxi lill-amministrazzjoni tiegħu tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tirrimborża wkoll persunal li jeħtiġilhom jikkumbinaw trasport ferrovjarju ma’ dak urban; huwa tal-fehma li dan jista' jkompli jippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku u jnaqqas il-marka tal-karbonju tal-Parlament;

114.

Jilqa' l-proġetti pilota fil-qasam tal-loġistika li saru fl-2010 (pereżempju x-xiri ta’ vetturi b'emissjonijiet baxxi - standard EURO5, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ dwar sewqan ambjentalment responsabbli għas-sewwieqa u għall-persunal tal-ġarr, il-qsim tal-sniedaq għat-trasport tad-dokumenti tax-xogħol, biex b'hekk tnaqqsu b'madwar 33 % l-emissjonijiet tas-CO2 f'dak il-qasam) bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni EMAS;

115.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Bureau fl-10 ta’ Novembru 2010 tal-proposta mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Bini, it-Trasport u Parlament Aħdar li tirrevedi r-regoli li jirregolaw l-użu tal-karozzi uffiċjali mill-Membri, reviżjoni li ppermettiet lill-Parlament jimmodernizza l-flotta tiegħu b'vetturi li jniġġsu inqas u jorganizza trasport fi gruppi b'“minibuses” VIP għall-ajruporti fi Brussell u Strasburgu;

Dibattitu separat fis-seduta plenarja dwar il-kwittanza tal-Parlament

116.

Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti jipprogrammaw dibattitu dwar il-kwittanza tal-Parlament f'ħin differenti minn dak tad-dibattitu dwar ir-rapporti ta’ kwittanza oħrajn sabiex il-Membri jkollhom l-opportunità jiddedikawlha l-attenzjoni esklużiva li kwittanza tal-istituzzjoni proprja tagħhom jistħoqqilha;

117.

Jissuġġerixxi lill-Bureau li għandu jpoġġi fuq l-aġenda tiegħu diskussjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza wara l-adozzjoni tagħha mis-seduta plenarja.

(1)   ĠU L 64, 12.3.2010.

(2)   ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

(3)   ĠU C 167, 7.6.2011, p. 1.

(4)   ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

(5)   ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

(6)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  PE 349.540/Bur/ann/def.

(8)   ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 327.

(9)   ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 244.

(10)  Riporti awtomatiċi: EUR 180 265 823, riporti mhux awtomatiċi: EUR 10 100 000.

(11)  Disponibbli hawnhekk: http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201109/20110913ATT26546/20110913ATT26546EN.pdf

(12)   ĠU L 252, 25.9.2010, p. 3.

(13)  Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2010, paragrafi 38 u 39.

(14)  Bejn 11 000 u 66 000 (b'medja ta’ inqas minn 30 000) żjara fix-xahar fl-2010.

(15)  Proporzjon f'persunal/proporzjon fil-piż demografiku: il-Ġermanja: 6,4 %/16,3 %, ir-Renju Unit: 4,4 %/12,4 %, l-Awstrija: 1 %/1,67 %, il-Pajjiżi l-Baxxi: 2,7 %/3,3 %,

Sorsi: Rapport Soċjali tal-PE 2010, Diċembru 2011 u Eurostat.

(16)  DĠ TRAD Rapport Annwali tal-Attività, paġna 8.

(17)  Is-somma tal-approprjazzjonijiet finali għall-partiti 1004 (Spejjeż għall-vjaġġi regolari) u 1005 (Spejjeż oħra għall-vjaġġi) u għall-artikolu 300 (Nefqiet għall-missjonijiet tal-istaff u vvjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet ta’ ħidma): EUR 106 718 500.

(*1)  l-ammonti kollha huma f'eluf ta’ EUR.

(*2)  is-sena 2009 kienet magħmula minn sentejn finanzjarji minħabba l-elezzjonijiet parlamentari f'Ġunju 2009. Iċ-ċifri għall-2009 fit-tabella jirrappreżentaw is-somma tal-ammonti 2009_1 u 2009_2.

(18)  Sors: Il-minuti tal-Bureau tat-12 ta’ Settembru 2011, punt 12 (nota tas-SG D(2011) 32179, PE469.487/BUR).

(*3)  l-ammonti kollha huma f'eluf ta’ EUR.

(*4)  l-ammonti kollha huma f'eluf ta’ EUR.

(19)  Il-Kumpanija Ferrovjarja Nazzjonali tal-Belġju.