17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 457/2013

tas-16 ta’ Mejju 2013

jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 412/2008 u (KE) Nru 431/2008 fejn jidħlu l-kwoti tal-laħam taċ-ċanga għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 144(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 412/2008 tat-8 ta’ Mejju 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar (2) fetaħ kwota tariffarja annwali ta’ 63 703 tunnellati ekwivalenti għal-laħam bl-għadam, ta’ ċanga ffriżata maħsuba għall-ipproċessar fl-Unjoni, għal perjodu kull sena li jibda fl-1 ta’ Lulju u jagħlaq fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara, u li jinqasam f’erba’ sottoperjodi. L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għal dan il-perjodu ta’ kwota tariffarja jistgħu jitressqu fl-ewwel sebat ijiem tax-xahar li jiġi qabel kull sottoperjodu. Iżda l-volum annwali totali huwa disponibbli mill-ewwel sottoperjodu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 431/2008 tad-19 ta’ Mejju 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja tal-importazzjoni ta’ laħam iffriżat tal-annimali bovini koperti mill-kodiċi NM 0202  u prodotti koperti mill-kodiċi NM 0206 29 91  (3) fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni ta’ 53 000 tunnellata ċanga ffriżata għal perjodu kull sena li jibda fl-1 ta’ Lulju u jagħlaq fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara. L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għal dan il-perjodu ta’ kwota tariffarja jistgħu jitressqu fl-1 ta’ Ġunju ta’ qabel jibda l-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni.

(3)

Billi se ssir l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Lulju 2013, jixraq li l-importaturi mill-Kroazja jitħallew jieħdu sehem f’dawn il-kwoti tal-importazzjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li jkunu previsti derogi mir-Regolamenti (KE) Nru 412/2008 u (KE) Nru 431/2008 rigward il-perjodi taż-żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet. Madankollu, dawn id-derogi ma għandux ikollhom impatt negattiv, la fuq l-operaturi tal-Istati Membri u lanqas fuq l-effiċjenza li biha jiġu amministrati l-kwoti.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 412/2008

B’deroga mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 412/2008, l-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni marbutin mas-sottoperjodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Settembru 2013, għandhom jitressqu bejn l-1 u l-5 ta’ Lulju 2013, u f’kull każ, mhux aktar tard mis-13.00, fil-ħin ta’ Brussell fil-5 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 431/2008

1.   B’deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 431/2008, l-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għall-perjodu tal-kwota tariffarja li jibda fl-1 ta’ Lulju 2013, għandhom jitressqu bejn l-24 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Lulju, u f’kull każ, mhux aktar tard mis-13.00, fil-ħin ta’ Brussell fil-5 ta’ Lulju 2013.

2.   B’deroga mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 431/2008, għall-kwota tariffarja tal-importazzjoni li tibda fl-1 ta’ Lulju 2013, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet totali li jkunu koperti mill-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni, mhux aktar tard mis-13.00, fil-ħin ta’ Brussell fit-12 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 125, 9.5.2008, p. 7.

(3)   ĠU L 130, 20.5.2008, p. 3.